Language of document : ECLI:EU:T:2021:660

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

6 ta’ Ottubru 2021 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Deċiżjoni 2004/258/KE – Dokumenti relatati mal-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fil-konfront ta’ Banco Popular Español – Rifjut parzjali ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE – Dokumenti li jirriflettu r-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE – Obbligu ta’ motivazzjoni – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni jew fi Stat Membru – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni protetta bħala tali skont id-dritt tal-Unjoni – Kunċett ta’ informazzjoni kunfidenzjali – Preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità – Derogi mill-obbligu tas-sigriet professjonali – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”

Fil-Kawża T‑827/17,

Aeris Invest Sàrl, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn R. Vallina Hoset u E. Galán Burgos, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn T. Filipova, D. Báez Seara u F. von Lindeiner, bħala aġenti, assistiti minn M. Kottmann, avocat,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier, J. Rius, C. Ehrbar u A. Steiblytė, bħala aġenti,

u minn

Banco Santander, SA, stabbilit f’Santander (Spanja), irrappreżentat minn J. Rodríguez Cárcamo u A. Rodríguez Conde, avocats,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjonijiet LS/MD/17/405, LS/MD/17/406 u LS/MD/17/419 tal-BĊE tas‑7 ta’ Novembru 2017 li jirrifjutaw l-aċċess sħiħ għal ċerti dokumenti relatati mal-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español, SA,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn A. M. Collins, President, V. Kreuschitz, Z. Csehi, G. De Baere (Relatur) u G. Steinfatt, Imħallfin,

Reġistratur: A. Juhász-Tóth, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑4 ta’ Marzu 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular Español, SA

1        Banco Popular Español, SA (iktar ’il quddiem “Banco Popular”), kien istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fi Spanja, suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).

2        Fis‑6 ta’ Ġunju 2017, il-BĊE fassal, wara konsultazzjoni mal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (BUR), evalwazzjoni dwar is-sitwazzjoni li Banco Popular qiegħed ifalli jew probabbilment ser ifalli (iktar ’il quddiem l-“evalwazzjoni FOLTF”), konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

3        Fl-istess jum, il-Bord Eżekuttiv ta’ Banco Popular informa lill-BĊE li kien wasal għall-konklużjoni li l-bank kien f’sitwazzjoni li probabbilment ser ifalli.

4        Dejjem fl-istess jum, il-BĊE kkomunika l-verżjoni finali tal-evalwazzjoni FOLTF lill-BUR u lill-Kummissjoni Ewropea, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

5        Fl-evalwazzjoni FOLTF, il-BĊE indika li, matul l-aħħar xhur, il-Banco Popular kien ġarrab deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, dovut prinċipalment għal eżawriment sinjifikattiv tal-bażi tad-depożiti tiegħu.

6        Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ħruġ eċċessiv ta’ depożiti, tar-rapidità li biha t-teżor kien intilef mill-Banco Popular u tal-inkapaċità tiegħu li jiġġenera likwiditajiet oħrajn, il-BĊE qies li kien hemm elementi oġġettivi li jindikaw li l-Banco Popular probabbilment ma kienx ser ikun f’pożizzjoni fil-futur qarib li jħallas id-djun tiegħu jew l-impenji l-oħra tiegħu fl-iskadenza. Il-BĊE kkonkluda minn dan li l-falliment ta’ Banco Popular kien meqjus li seħħ jew, fi kwalunkwe każ, probabbilment ser iseħħ fil-futur qarib, konformement mal-Artikolu 18(1)(a) u (4)(ċ) tar-Regolament Nru 806/2014.

7        Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, is-sessjoni eżekuttiva tal-BUR adottat id-deċiżjoni SRB/EES/2017/08 dwar skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular abbażi tar-Regolament Nru 806/2014 (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ riżoluzzjoni”). L-iskema ta’ riżoluzzjoni tinnomina l-Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria (FROB, il-Fond għar-Ristrutturazzjoni ordnat tal-Istabbilimenti Bankarji, Spanja) bħala destinatarju.

8        Qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, saret valutazzjoni ta’ Banco Popular konformement mal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014. Din il-valutazzjoni tinkludi l-ewwel rapport ta’ valutazzjoni ddatat il‑5 ta’ Ġunju 2017 u redatt mill-BUR skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, u t-tieni rapport ta’ valutazzjoni ddatat is‑6 ta’ Ġunju 2017 u redatt minn espert indipendenti skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014. Dawn iż-żewġ rapporti ta’ valutazzjoni huma annessi mal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

9        Peress li qies li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 kienu ssodisfatti, il-BUR iddeċieda li jissuġġetta lil Banco Popular għal proċedura ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, il-BUR qies, l-ewwel nett, li Banco Popular kien qiegħed f’sitwazzjoni li qiegħed ifalli jew probabbilment ser ifalli, it-tieni, li ma kinux jeżistu miżuri oħra li setgħu jipprekludu l-falliment ta’ Banco Popular f’terminu raġonevoli u, it-tielet, li miżura ta’ riżoluzzjoni fil-forma ta’ strument ta’ ċessjoni tal-attivitajiet ta’ Banco Popular kienet neċessarja fl-interess pubbliku.

10      L-applikazzjoni tal-istrument ta’ ċessjoni tal-attivitajiet kienet tikkonsisti fit-trasferiment tal-ishma ta’ Banco Popular, liberi u mingħajr ebda dritt jew privileġġ ta’ terz, lil Banco Santander, SA, bħala korrispettiv għall-ħlas ta’ prezz tax-xiri ta’ EUR 1.

11      Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/1246 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español S.A. (ĠU 2017, L 178, p. 15, rettifika fil-ĠU 2017, L 320, p. 31).

12      Fl-istess jum, il-FROB adotta l-miżuri neċessarji sabiex jimplimenta l-iskema ta’ riżoluzzjoni, konformement mal-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 806/2014.

13      Il-BUR ippubblika fuq is-sit internet tiegħu komunikazzjoni li tiġbor fil-qosor l-effetti tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, fil‑11 ta’ Lulju 2017, l-iskema ta’ riżoluzzjoni kienet is-suġġett ta’ avviż qasir ippubblikat f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, C 222, p. 3). Din il-komunikazzjoni ssemmi li iktar informazzjoni dwar l-iskema ta’ riżoluzzjoni hija disponibbli fuq is-sit internet tal-BUR u tindika l-link li tippermetti l-aċċess għal din l-informazzjoni, inkluż il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Fl-istess jum, id-Deċiżjoni 2017/1246 ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 178, p. 15).

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti, Aeris Invest Sàrl, ippreżentat rikors għal annullament kontra l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Dan ir-rikors ġie rreġistrat bin-numru T‑628/17. Fl‑10 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat ukoll rikors għad-danni mhux kuntrattwali kontra l-BUR intiż għall-kumpens għad-dannu allegatament subit wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Din il-kawża ġiet irreġistrata bin-numru T‑714/17.

 Applikazzjonijiet ta’ aċċess għal dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti

15      Ir-rikorrenti kellha ishma ta’ Banco Popular qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

16      Bejn id‑19 ta’ Ġunju u t‑2 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti ppreżentat tliet talbiet għal aċċess għal dokumenti mal-BĊE, konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni tal-BĊE 2004/258/KE tal‑4 ta’ Marzu 2004 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 51), kif emendata, minn naħa, bid-Deċiżjoni tal-BĊE 2011/342/UE tad‑9 ta’ Mejju 2011 (ĠU 2011, L 158, p. 37), u, min-naħa l-oħra, permezz tad-Deċiżjoni tal-BĊE (UE) 2015/529 tal‑21 ta’ Jannar 2015 (ĠU 2015, L 84, p. 64), u żewġ talbiet lill-Banco de España (il-Bank ta’ Spanja, Spanja). It-talbiet indirizzati lill-Bank ta’ Spanja, li kienu jikkonċernaw dokumenti mfassla jew miżmuma mill-BĊE, ġew trażmessi lil dan tal-aħħar, konformement mal-paragrafu 2 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2004/258.

17      B’risposta għat-talbiet għal aċċess għad-dokumenti tar-rikorrenti, il-BĊE adotta erba’ deċiżjonijiet, jiġifieri d-Deċiżjoni LS/PT/2017/66 tal‑11 ta’ Awwissu 2017, id-Deċiżjoni LS/PT/2017/77 tat‑30 ta’ Awwissu 2017, id-Deċiżjoni LS/PT/2017/71 tal‑31 ta’ Awwissu 2017, u d-Deċiżjoni LS/PT/2017/74 tal‑1 ta’ Settembru 2017.

18      Wara dawn id-deċiżjonijiet, konformement mal-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2004/258, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni konfermatorja waħda quddiem il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni konfermatorja”) li fiha hija ġabret id-dokumenti kollha li hija xtaqet tikseb aċċess sħiħ għalihom, imsemmija fid-deċiżjonijiet tal-BĊE msemmija fil-punt 17 iktar ’il fuq.

19      Għalhekk, ir-rikorrenti talbet, b’mod partikolari, l-aċċess għad-dokumenti segwenti:

–        l-informazzjoni moħbija dwar il-limitu tal-kontribuzzjoni urġenti ta’ likwidità (iktar ’il quddiem il-“KUL”), għall-ammont tal-KUL effettivament mogħti, għall-garanziji mogħtija mill-Banco Popular għall-għoti tagħha (iktar ’il quddiem il-“garanziji offruti”), għas-sitwazzjoni ta’ likwidità u għall-proporzjon tal-fondi proprji;

–        l-evalwazzjoni FOLTF;

–        kull dokument tal-Bank ta’ Spanja li jindika l-bilanċ ta’ kuljum (pożittiv jew negattiv) tad-depożiti ta’ Banco Popular, jiġifieri kemm l-irtirar kif ukoll l-ammonti ddepożitati, bejn l‑1 ta’ Jannar u s‑6 ta’ Ġunju 2017, kif ukoll kull dokument li jinkludi din l-informazzjoni kollha jew parti minnha;

–        kull dokument tal-Bank ta’ Spanja li jinkludi, l-ewwel nett, il-bilanċ medju (pożittiv jew negattiv) tad-depożiti ta’ Banco Popular, jiġifieri kemm l-irtirar kif ukoll l-ammonti ddepożitati, bejn l‑1 ta’ Jannar u t‑23 ta’ Mejju 2017, u, it-tieni, il-bilanċ ta’ kuljum (pożittiv jew negattiv) tal-irtirar ta’ Banco Popular bejn l‑1 ta’ Jannar u t‑23 ta’ Mejju 2017;

–        id-dokumenti trażmessi mill-Banco Popular lill-BĊE u lill-Bank ta’ Spanja fil-kuntest tal-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU) bejn l‑1 u s‑6 ta’ Ġunju 2017 dwar l-adozzjoni mill-BUR tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, b’mod partikolari l-korrispondenza mibgħuta mill-Banco Popular lill-BĊE fis‑6 ta’ Ġunju 2017 u, sussidjarjament, l-ittra li Banco Popular bagħat lill-BĊE fis‑6 ta’ Ġunju 2017.

20      Il-BĊE wieġeb għall-applikazzjoni konfirmatorja permezz ta’ tliet deċiżjonijiet adottati fis‑7 ta’ Novembru 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

21      Permezz tad-Deċiżjoni LS/MD/17/405 tas‑7 ta’ Novembru 2017 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”), il-BĊE rrifjuta li jagħti l-aċċess għall-informazzjoni identifikata fit-tielet u r-raba’ inċiżi tal-punt 19 iktar ’il fuq. Skont il-BĊE, id-dokument li fih din l-informazzjoni kien kopert minn preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità skont l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258, li hija intiża sabiex tipproteġi l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni protetta bħala tali skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea.

22      F’dan ir-rigward, il-BĊE indika li, fil-kuntest tal-attivitajiet kontinwi tiegħu ta’ superviżjoni prudenzjali, huwa ġabar, fid-dati ta’ dikjarazzjoni ta’ tmiem il-perijodu, informazzjoni dwar id-depożiti dwar l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huwa jissorvelja direttament. Dan is-sorveljar normalment ma kienx ikopri informazzjoni dwar il-bilanċ ta’ kuljum (pożittiv jew negattiv) tad-depożiti, jiġifieri kemm irtirar kif ukoll depożiti, u lanqas informazzjoni dwar il-kapaċità ta’ kopertura ta’ likwidità tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata. Fil-każ ta’ Banco Popular, il-BĊE, b’mod eċċezzjonali, beda jiġbor din l-informazzjoni mit‑3 ta’ April 2017.

23      Skont il-BĊE, id-dokument li kien fih din l-informazzjoni ġie ppreparat minnu fil-kuntest tal-missjoni tiegħu ta’ superviżjoni prudenzjali u l-kontenut tiegħu ttieħed inkunsiderazzjoni waqt il-preparazzjoni tal-evalwazzjoni FOLTF. Id-dokument mitlub għalhekk jagħmel parti mill-fajl amministrattiv dwar is-superviżjoni prudenzjali kontinwa ta’ Banco Popular u l-proċedura FOLTF.

24      Għaldaqstant, id-dokument mitlub huwa kopert mill-obbligi tas-sigriet professjonali previsti mill-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1024/2013, mill-Artikoli 53 et seq tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1, u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95), u mill-Artikolu 84 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190). Skont il-BĊE, l-iżvelar tiegħu seta’ jippreġudika mhux biss il-Banco Popular, iżda wkoll is-sistema bankarja b’mod ġenerali, peress li l-banek ma setax ikollhom iktar fiduċja li l-informazzjoni li huma kienu pprovdew tibqa’ kunfidenzjali.

25      Permezz tad-Deċiżjoni LS/MD/17/406 tas‑7 ta’ Novembru 2017 (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”), il-BĊE rrifjuta li jagħti aċċess għall-informazzjoni identifikata fl-ewwel inċiż tal-punt 19 iktar ’il fuq. Din l-informazzjoni kienet ġiet moħbija fil-kuntest tal-aċċess parzjali li l-BĊE kien ta lir-rikorrenti wara l-ewwel talba għal aċċess tagħha. Dan l-aċċess parzjali kien jikkonċerna l-erba’ dokumenti li ġejjin:

–        ittra mill-Gvernatur tal-Bank ta’ Spanja indirizzata, fil‑5 ta’ Ġunju 2017, lill-President tal-BĊE, intitolata “Emergency liquidity assistance”;

–        ittra ta’ segwitu mill-Gvernatur tal-Bank ta’ Spanja indirizzata, fil‑5 ta’ Ġunju 2017, lill-President tal-BĊE, intitolata “Emergency liquidity assistance”;

–        proposta mill-Bord Eżekuttiv lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE, intitolata “Emergency liquidity assistance request from Banco de España”, tal‑5 ta’ Ġunju 2017;

–        il-minuti tal‑447 laqgħa tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE miżmuma permezz ta’ telekonferenza fil‑5 ta’ Ġunju 2017.

26      Il-BĊE ddeċieda li l-aċċess sħiħ għal dawn id-dokumenti ma setax jingħata għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, l-informazzjoni inkluża fihom dwar il-limitu tal-KUL u l-ammont effettivament mogħti kienu koperti mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE, fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-deċiżjoni, dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tal-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, u fis-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-istess deċiżjoni, dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda l-istabbilità tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni jew fi Stat Membru. It-tieni, skont il-BĊE, l-informazzjoni inkluża fid-dokumenti mitluba dwar il-garanziji offruti kienet ukoll protetta mill-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2004/258, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika. It-tielet, il-BĊE qies li l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular u l-proporzjonijiet tiegħu ta’ fondi proprji kienu protetti skont l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(c) tad-Deċiżjoni 2004/258, dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li hija protetta bħala tali bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, u fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess deċiżjoni, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika.

27      Fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL u l-ammont tal-KUL effettivament mogħti, il-BĊE indika li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni seta’ jippreġudika b’mod speċifiku u effettiv il-politika monetarja u l-istabbiltà finanzjarja sa fejn is-setgħa diskrezzjonali tal-banek ċentrali nazzjonali li jsolvu problemi temporanji ta’ likwidità tikkostitwixxi element essenzjali għall-istabbiltà finanzjarja u prerekwiżit fundamentali għall-effikaċja tal-politika monetarja.

28      Skont il-BĊE, ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular dgħajfet iktar is-suq finanzjarju Spanjol fir-rigward ta’ każijiet simili eventwali. Il-fiduċja tas-suq iddeterjorat, b’mod partikolari fir-rigward tal-istabbilimenti finanzjarji ta’ daqs żgħir. L-iżvelar tal-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL u l-ammont tal-KUL effettivament mogħti jista’ jrażżan it-tensjonijiet fir-rigward tal-istituzzjonijiet finanzjarji jew jiftaħ il-bieb għal spekulazzjonijiet infondati fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ Banco Santander. Barra minn hekk, minħabba l-fatt li s-swieq finanzjarji huma interkonnessi ħafna, żviluppi negattivi fi Spanja jista’ jkollhom effetti ta’ kaskata fi Stati Membri oħra, li jista’ finalment ikollu effetti dannużi għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni.

29      Barra minn hekk, il-BĊE rrileva li l-iżvelar tal-limitu tal-KUL u tal-ammont tal-KUL effettivament mogħti lil Banco Popular seta’ jnaqqas il-flessibbiltà tal-banek ċentrali nazzjonali sabiex jaġġusta l-għoti ta’ KUL għaċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ każijiet futuri. Barra minn hekk, l-iżvelar ta’ din id-data jista’ joħloq aspettattivi li l-banek ċentrali nazzjonali u l-BĊE jaġixxu dejjem bl-istess mod, anki f’sitwazzjonijiet li ma jiġġustifikawx tali approċċ.

30      Fir-rigward tal-garanziji offruti, il-BĊE, essenzjalment, enfasizza li l-iżvelar ta’ din id-data jkun jippreġudika l-effikaċja tal-KUL bħala strument intiż għaż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja. Skont il-BĊE, il-banek ikunu dissważi milli jitolbu KUL fil-mument opportun jekk l-informazzjoni li tikkonċerna l-garanziji offruti tiġi ppubblikata. L-iżvelar ta’ din l-informazzjoni, anki ex post, jista’ barra minn hekk ikollu l-effett li jnaqqas il-flessibbiltà tal-banek ċentrali nazzjonali li jieħdu inkunsiderazzjoni varjetà kbira ta’ assi possibbli peress li l-għarfien tal-approċċ li huma ssuġġerew fil-passat joħloq aspettattivi fir-rigward tat-tip ta’ garanziji li jistgħu jiġu aċċettati fil-futur. Dan ikun inaqqas il-possibbiltà ta’ reazzjoni b’mod effikaċi għal problemi futuri ta’ likwidità u jkun jostakola l-effettività tal-KUL bħala strument taż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja.

31      F’dak li jirrigwarda l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ likwidata u l-proporzjon ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular, il-BĊE indika li dawn jaqgħu taħt is-superviżjoni prudenzjali u għalhekk huma protetti mir-regoli ta’ sigriet professjonali u ta’ kunfidenzjalità applikabbli għal dan il-qasam, previsti fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1024/2013, moqri flimkien mal-Artikoli 53 et seq tad-Direttiva 2013/36. Skont il-BĊE, l-iżvelar ta’ din id-data jkun jikkawża spekulazzjoni min-naħa tal-atturi tas-suq fuq il-pożizzjoni ta’ likwidata ta’ Banco Santander u l-bżonnijiet ta’ finanzjament tiegħu, li jkun joħloq pressjonijiet finanzjarji mhux fondati. L-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jkun jista’ għalhekk jippreġudika, minn naħa, l-interess pubbliku fir-rigward tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ta’ Spanja u tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, l-interessi kummerċjali ta’ Banco Santander.

32      Fl-aħħar nett, il-BĊE indika li, fil-fehma tiegħu, ma kienx hemm interess pubbliku superjuri li jippermetti li tiġi kkonfutata l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2004/258. Huwa qies li l-interess invokat f’dan il-każ mir-rikorrenti, jiġifieri l-istatus tagħha ta’ ex azzjonist, kien jikkostitwixxi interess privat li ma setax jipprevali fuq l-interess pubbliku protett minn din id-dispożizzjoni.

33      Permezz tad-Deċiżjoni LS/MD/17/419 tas‑7 ta’ Novembru 2017 (iktar ’il quddiem it-“tielet deċiżjoni kkontestata”), il-BĊE rrifjuta li jagħti aċċess għad-dokumenti identifikati fit-tieni u fil-ħames inċiżi tal-punt 19 iktar ’il fuq. Il-BĊE qies li dawn id-dokumenti kienu koperti minn preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità bbażata fuq l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258, dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li hija protetta bħala tali bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, u fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess deċiżjoni, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika.

34      Il-BĊE spjega li, fir-rigward tal-verżjoni integrali tal-evalwazzjoni FOLTF u tad-dokumentazzjoni pprovduta minn Banco Popular, jiġifieri s-sitwazzjoni tiegħu f’termini ta’ kapital u ta’ likwidità, data dwar il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-approvazzjoni tiegħu kif ukoll komunikazzjonijiet trażmessi minn Banco Popular lill-BĊE bejn l‑1 u s‑6 ta’ Ġunju 2017, dawn id-dokumenti kienu jaqgħu taħt fajls amministrattivi relatati mas-superviżjoni prudenzjali kontinwa u mal-proċedura tal-evalwazzjoni FOLTF.

35      Peress li dawn il-fajls amministrattivi kienu marbuta mal-eżerċizzju mill-BĊE tal-missjoni tiegħu bħala awtorità ta’ superviżjoni prudenzjali, dawn kienu koperti mill-obbligi ta’ sigriet professjonali u ta’ kunfidenzjalità applikabbli f’dan il-qasam, previsti fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1024/2013, fl-Artikoli 53 et seq tad-Direttiva 2013/36 u fl-Artikolu 84 tad-Direttiva 2014/59.

36      Skont il-BĊE, l-iżvelar tad-dokumenti mitluba seta’ jippreġudika mhux biss lill-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, iżda wkoll is-sistema bankarja b’mod ġenerali, peress li l-banek ma jkunx jista’ jkollhom iktar fiduċja li l-informazzjoni li huma jissottomettu lill-BĊE għall-finijiet tas-superviżjoni prudenzjali ser tibqa’ kunfidenzjali.

37      Is-sistema ta’ sigriet professjonali u ta’ kunfidenzjalità tawtorizza l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali biss f’forma sommarja jew aggregata b’mod li l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata ma tkunx tista’ tiġi identifikata. Din is-sistema tkompli tapplika anki jekk istituzzjoni ta’ kreditu kienet is-suġġett ta’ riżoluzzjoni.

38      Il-BĊE sussegwentement irrileva li d-dokumenti mitluba kienu jinkludu wkoll informazzjoni dwar il-pożizzjoni ta’ Banco Popular fis-suq kif ukoll dwar l-assi u l-obbligi tiegħu, li l-iżvelar tagħhom seta’ jippreġudika l-interessi kummerċjali ta’ Banco Popular u tal-impriża omm tiegħu, Banco Santander. Il-BĊE qies b’mod partikolari li informazzjoni bħall-evalwazzjoni tal-effett tal-likwidità ta’ Banco Popular fuq il-finanzjament u l-istruttura operattiva tas-sussidjarja tiegħu Banco Popular Portugal kienu sensittivi minn aspett kummerċjali u setgħu jagħtu lok għal spekulazzjoni mhux ibbażata fuq is-sitwazzjoni finanzjarja u l-likwidità tal-grupp.

39      Fl-aħħar nett, il-BĊE indika li, fil-fehma tiegħu, ma kienx hemm interess pubbliku superjuri li jippermetti li tiġi kkonfutata l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2004/258. Huwa qies li l-interess invokat f’dan il-każ mir-rikorrenti, jiġifieri l-istatus tagħha ta’ ex azzjonist, kien jikkostitwixxi interess privat li ma setax jipprevali fuq l-interess pubbliku protett minn din id-dispożizzjoni.

 Fatti li seħħew wara l-preżentata tar-rikors

40      Wara diversi rikorsi ppreżentati minn diversi ex azzjonisti, inkluża r-rikorrenti, u kredituri ta’ Banco Popular quddiem il-kumitat tal-appell tal-BUR, il-BUR ippubblika fuq is-sit internet tiegħu ċerti dokumenti relatati mar-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular.

41      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Frar 2018, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-kumitat tal-appell tal-BUR tat‑28 ta’ Novembru 2017, irreġistrat bin-numru T‑62/18.

42      Barra minn hekk, fit‑18 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-BĊE LS/MD/18/141 tat‑8 ta’ Mejju 2018, li permezz tagħha dan tal-aħħar irrifjuta li jagħti aċċess għal ċerti dokumenti, minbarra dawk li huma s-suġġett ta’ dan ir-rikors, relatati mar-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular. Dan ir-rikors ġie rreġistrat bin-numru T‑442/18.

43      Fl‑14 ta’ Ġunju 2018, l-uffiċċju Deloitte bagħat lill-BUR ir-rapport dwar il-valutazzjoni magħmula sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar jekk l-istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, prevista fl-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament Nru 806/2014 (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 3”).

44      Fis‑6 ta’ Awwissu 2018, il-BUR ippubblika fuq is-sit internet tiegħu l-opinjoni tiegħu tat‑2 ta’ Awwissu 2018 dwar id-deċiżjoni preliminari tiegħu SRB/EES/2018/132 dwar in-neċessità li jingħata jew le kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni li jikkonċernaw lil Banco Popular u t-tnedija tal-proċedura dwar id-dritt għal smigħ, kif ukoll verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni 3. Fis‑7 ta’ Awwissu 2018, komunikazzjoni dwar l-opinjoni tal-BUR tat‑2 ta’ Awwissu 2018 ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2018, C 277 I, p. 1).

45      Fis‑17 ta’ Marzu 2020, il-BUR adotta d-Deċiżjoni SRB/EES/2020/52 li tiddetermina jekk kellux jingħata kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri kkonċernati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni mwettqa fir-rigward ta’ Banco Popular. F’din id-deċiżjoni, ippubblikata fuq is-sit internet tiegħu, il-BUR qies li l-azzjonisti u l-kredituri li kienu ġew affettwati mir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular ma kellhomx id-dritt għal kumpens għad-dannu mill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (FUR) skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014. Avviż dwar din id-deċiżjoni ġie ppubblikat fl‑20 ta’ Marzu 2020 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2020, C 91, p. 2).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

46      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

47      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti talbet li dan ir-rikors jiġi deċiż bi proċedura mħaffa, konformement mal-Artikolu 152 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Il-BĊE ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din it-talba fit-terminu stabbilit. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Jannar 2018, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) ċaħdet it-talba għal proċedura mħaffa.

48      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Marzu 2018, Banco Popular u Banco Santander rispettivament talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-BĊE.

49      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ April 2018, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-BĊE.

50      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-intervent tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha fit-terminu mogħti.

51      Permezz ta’ digrieti tas‑27 ta’ Lulju 2018, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-interventi ta’ Banco Santander u ta’ Banco Popular. Huma ppreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn in-noti fit-terminu mogħti.

52      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Ottubru 2018, Banco Santander informa lill-Qorti Ġenerali li, b’effett mit‑28 ta’ Settembru 2018, hija kienet issuċċediet b’mod universali lil Banco Popular u li l-intervent ta’ dan tal-aħħar kien irtirat.

53      Ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar l-irtirar tal-intervent ta’ Banco Popular fit-terminu mogħti. La l-BĊE u lanqas il-Kummissjoni ma ppreżentaw osservazzjonijiet f’dan ir-rigward.

54      Permezz ta’ digriet tal‑5 ta’ Frar 2019, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali ħassar mir-reġistru l-intervent ta’ Banco Popular u ddeċieda li Banco Santander kien ser ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll l-ispejjeż tar-rikorrenti relatati mal-intervent ta’ Banco Popular. Huwa ddeċieda wkoll li l-BĊE u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

55      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tmien Awla tal‑1 ta’ Awwissu 2019, wara li nstemgħu l-partijiet, il-proċedura ġiet sospiża konformement mal-Artikolu 69(b) tar-Regoli tal-Proċedura sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva fil-kawża li tat lok, sadanittant, għas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, BĊE vs Espírito Santo Financial (Portugal) (C‑442/18 P, EU:C:2019:1117).

56      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie assenjat fit-Tielet Awla, u din il-kawża, konsegwentement, ġiet assenjata lilha.

57      Fid‑19 ta’ Diċembru 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza BĊE vs Espirito Santo Financial (Portugal) (C‑442/18 P, EU:C:2019:1117). Konsegwentement, il-proċedura f’din il-kawża tkompliet.

58      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti mill-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, minn naħa, ir-rikorrenti ġiet mistiedna tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi li, fil-fehma tagħha, kellhom jinsiltu mis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, BĊE vs Espirito Santo Financial (Portugal) (C‑442/18 P, EU:C:2019:1117), għal din il-kawża u, min-naħa l-oħra, il-BĊE, il-Kummissjoni u Banco Santander ġew mistiedna jippreżentaw osservazzjonijiet dwar it-tweġiba tar-rikorrenti.

59      Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti, il-BĊE u l-Kummissjoni ġew mistiedna jwieġbu bil-miktub għal mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali. Huma wieġbu għalihom fit-terminu mogħti.

60      Permezz ta’ digriet ta’ miżuri istruttorji tas‑27 ta’ Novembru 2020, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-BĊE, abbażi, minn naħa, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 91(ċ) kif ukoll tal-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura, jipproduċi d-dokumenti li l-aċċess għalihom kien ġie rrifjutat mid-deċiżjonijiet ikkontestati.

61      Fuq proposta tat-Tielet Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat il-kawża lura quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

62      Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Frar 2021, Banco Santander indika li, minħabba l-kriżi sanitarja marbuta mal-COVID‑19, kien impossibbli għalih li jmur il-Lussemburgu (il-Lussemburgu) għas-seduta għas-sottomissjonijiet orali u talab li tkun tista’ ssir udjenza permezz ta’ vidjokonferenza. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Frar 2021, il-President tat-Tielet Awla Estiża ddeċieda li jilqa’ t-talba ta’ Banco Santander.

63      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tal‑4 ta’ Marzu 2021.

64      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

65      Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni u Banco Santander, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

66      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-BĊE, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, kiser l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258. Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li, fit-tieni deċiżjoni kkontestata, il-BĊE kiser it-tieni u s-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258. It-tielet motiv huwa intiż għall-annullament tat-tieni u tat-tielet deċiżjoni kkontestata minħabba ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2004/258. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Fil-kuntest tal-ħames motiv, imqajjem għall-ewwel darba fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent tal-Kummissjoni u ta’ Banco Santander, ir-rikorrenti ssostni li t-tieni deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258.

67      Qabel ma jiġu eżaminati l-ħames motivi mqajma mir-rikorrenti, għandu jiġi vverifikat jekk is-suġġett tal-kawża u l-interess ġuridiku tar-rikorrenti għadhomx preżenti.

68      Sussegwentement, ikun hemm lok li jiġi eżaminat il-kliem tat-tieni deċiżjoni kkontestata. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, l-ewwel nett għandhom jiġu ttrattati l-ħames u t-tieni motivi. Fit-tieni lok ser jiġu eżaminati l-ewwel u, jekk ikun il-każ, it-tielet motiv u, fl-aħħar nett, ir-raba’ motiv.

A.      Fuq l-iskop tat-tilwima u l-interess ġuridiku tar-rikorrenti

69      Fin-nota ta’ intervent tiegħu, Banco Santander jiġbed l-attenzjoni tal-Qorti Ġenerali għall-fatt li, sa mill-preżentata ta’ dan ir-rikors, ċerti dokumenti ġew ippubblikati fil-parti l-kbira tagħhom jew ser jiġu ppubblikati f’qasir żmien fuq is-sit internet tal-BUR wara d-deċiżjonijiet tal-kumitat tal-appell tiegħu (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 40 et seq iktar ’il fuq). Banco Santander iqis li din iċ-ċirkustanza tista’ ċċaħħad ir-rikors mill-iskop tiegħu.

70      L-BĊE u r-rikorrenti jikkontestaw l-allegazzjonijiet ta’ Banco Santander.

71      Bħalma jirrimarka ġustament Banco Santander, ġie deċiż li intervenjent ma għandux kwalità sabiex iqajjem b’mod awtonomu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u li għalhekk il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata li teżamina l-motivi invokati esklużivament minnu u li ma jkunux ta’ ordni pubbliku (sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90, EU:C:1993:111, punt 22, u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Post Bank Iran vs Il‑Kunsill, T‑559/15, EU:T:2018:948, punt 63).

72      Madankollu, konformement mal-Artikolu 131(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikors ma għadx għandu skop u li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni, hija tista’, f’kull ħin, ex officio, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstemgħu l-partijiet, tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat.

73      Bħalma ġie rrikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tal-iskop tar-rikors, jeżisti fl-istadju tal-preżentata tiegħu, taħt piena ta’ inammissibbiltà. Dan l-iskop tat-tilwima għandu jkompli, bħall-interess ġuridiku, sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, taħt piena ta’ nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni, li jippreżupponi li r-rikors ikun jista’, permezz tar-riżultat tiegħu, jagħti benefiċċju lill-parti li ppreżentatu (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Leino-Sandberg vs Il‑Parlament, C‑761/18 P, EU:C:2021:52, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Fir-rigward, minn naħa, tal-iskop tat-tilwima, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punt 33 tas-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Jannar 2021, Leino-Sandberg vs Il‑Parlament (C‑761/18 P, EU:C:2021:52), li, fil-qasam tal-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, it-tilwima żżomm l-iskop tagħha sakemm id-deċiżjoni li permezz tagħha l-istituzzjoni kkonċernata tkun irrifjutat l-aċċess għad-dokument mitlub ma tkunx ġiet formalment irtirata minn din l-istituzzjoni, anki jekk id-dokument mitlub ikun ġie żvelat minn terz.

75      Peress li l-BĊE ma rtirax formalment id-deċiżjonijiet ikkontestati, dan ir-rikors żamm l-iskop tiegħu.

76      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li d-dokumenti dwar il-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular li kienu s-suġġett ta’ pubblikazzjoni parzjali jew sħiħa fuq is-sit internet tal-BUR huma li ġejjin: l-ewwel, l-iskema ta’ riżoluzzjoni; it-tieni, l-ewwel rapport ta’ valutazzjoni tal‑5 ta’ Ġunju 2017 redatt mill-BUR skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014; it-tielet, it-tieni rapport ta’ valutazzjoni tas‑6 ta’ Ġunju 2017 redatt minn espert indipendenti skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014; ir-raba’, il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal‑2016; il-ħames, l-ittra ta’ bejgħ tas‑6 ta’ Ġunju 2017; is-sitt, id-deċiżjoni tal-BUR tat‑3 ta’ Ġunju 2017 li tinfetaħ il-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular; is-seba’, l-ittra ta’ kopertura tad-deċiżjoni tal-BUR tat‑3 ta’ Ġunju 2017 li tinfetaħ il-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular; it-tmien, il-valutazzjoni 3; id-disa’, l-opinjoni tal-BUR tat‑2 ta’ Awwissu 2018 dwar id-deċiżjoni preliminari tiegħu dwar in-neċessità li jingħata jew le kumpens għad-dannu lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni li jikkonċernaw lil Banco Popular u t-tnedija tal-proċedura tad-dritt għal smigħ; l-għaxar, ir-rapport fuq id-data dwar l-obbligi tal‑2017; il-ħdax, ir-rapport dwar il-funzjonijiet kritiċi tal-2017 u, it-tnax, ċerti dokumenti rċevuti min-naħa ta’ Banco Popular fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat.

77      Għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti msemmija fil-punt 76 iktar ’il fuq ma jinkludux id-dokumenti li huma s-suġġett ta’ din it-tilwima, kif imsemmija fil-punti 21 sa 25 u 33 iktar ’il fuq, li ġie kkonfermat mir-rikorrenti kemm bil-miktub kif ukoll matul is-seduta.

78      Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, f’sitwazzjoni fejn ir-rikorrenti kisbet biss l-aċċess għad-dokument mitlub żvelat minn terz u fejn l-istituzzjoni kkonċernata tkompli tirrifjutalha l-aċċess għad-dokument mitlub, ma jistax jitqies li r-rikorrenti kisbet l-aċċess għal dan l-aħħar dokument jew li, għaldaqstant, hija tilfet l-interess li titlob l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni sempliċement minħabba dan l-iżvelar. Għall-kuntrarju, f’tali sitwazzjoni, ir-rikorrenti żżomm interess reali li tikseb l-aċċess għal verżjoni awtentikata tad-dokument mitlub, li jiggarantixxi li din l-istituzzjoni hija l-awtur tiegħu u li dan id-dokument jesprimi l-pożizzjoni uffiċjali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Leino-Sandberg vs Il‑Parlament, C‑761/18 P, EU:C:2021:52, punt 48).

79      Sa fejn il-BĊE kkonferma fis-seduta li huwa ma kienx żvela d-dokumenti mitluba sa mill-preżentata ta’ dan ir-rikors u peress li huwa baqa’ jirrifjuta li jagħti aċċess għalihom, hemm lok jiġi konkluż li r-rikorrenti żammet l-interess ġuridiku tagħha fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

B.      Fuq l-interpretazzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata

80      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li jeżisti nuqqas ta’ qbil bejn il-mod kif il-BĊE qassar it-tieni deċiżjoni kkontestata fil-kitbiet tiegħu ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali u l-kliem stess ta’ din id-deċiżjoni. B’mod iktar partikolari, dan in-nuqqas ta’ qbil jikkonċerna l-kwistjoni dwar liema dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2004/258 ġew invokati mill-BĊE fil-kuntest tat-tieni deċiżjoni kkontestata sabiex jirrifjuta l-aċċess għad-diversi tipi ta’ informazzjoni kkonċernati.

81      Hemm lok, qabel kollox, li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ser tibbaża ruħha fuq il-verżjoni Ingliża tat-tieni deċiżjoni kkontestata sabiex tinterpreta l-kontenut tagħha. Fil-fatt, il-verżjoni Spanjola tat-tieni deċiżjoni kkontestata tinkludi l-kliem “Traducción de cortesía (en caso de discrepancia prevalece la versión en inglés)” (Traduzzjoni ta’ korteżija (fil-każ ta’ diverġenza, il-verżjoni Ingliża tipprevali)). Ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet li l-verżjoni Ingliża tal-imsemmija deċiżjoni għandha titqies li hija l-verżjoni awtentika.

82      Sussegwentement, għandu jitfakkar, kif ġie espost fil-punt 25 iktar ’il fuq, li t-tieni deċiżjoni kkontestata tinkludi rifjut ta’ aċċess parzjali għal erba’ dokumenti li fihom ħames kategoriji ta’ informazzjoni, jiġifieri l-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL, l-ammont tal-KUL effettivament mogħti, il-garanziji offruti, is-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular u l-proporzjonijiet tal-kapital ta’ dan tal-aħħar. Fir-rigward ta’ dawn il-ħames kategoriji ta’ informazzjoni, it-tieni deċiżjoni kkontestata tapplika ħames eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess, li jikkoinċidu skont it-tip ta’ informazzjoni inkwistjoni.

83      Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, il-BĊE spjega li, fil-fehma tiegħu, it-tieni deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel, fit-tieni u s-seba’ inċiżi tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 f’dak li jirrigwarda kull waħda mill-ħames kategoriji ta’ informazzjoni li l-aċċess għalihom ġie rrifjutat (ara l-punt 82 iktar ’il fuq). Skont il-BĊE, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Anness B.1 tar-risposta li tinkludi tabella dwar id-dokumenti mitluba u l-motivi ta’ nuqqas ta’ żvelar (parzjali) invokati mill-BĊE, li tifforma parti integrali mit-tieni deċiżjoni kkontestata.

84      Bi tweġiba għall-allegazzjonijiet tal-BĊE, ir-rikorrenti indikat, waqt is-seduta, li hija kienet tqis li d-drittijiet tad-difiża tagħha kienu miksura peress li, minn naħa, l-Anness B.1 tar-risposta ma kienx ġie kkomunikat lilha mat-tieni deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, li t-test tat-tieni deċiżjoni kkontestata ma kienx jikkonferma l-pożizzjoni tal-BĊE li tgħid li l-ħames kategoriji ta’ informazzjoni li l-aċċess għalihom kien ġie rrifjutat kienu koperti mill-eċċezzjonijiet kollha msemmija fl-ewwel, fit-tieni u fis-seba’ inċiżi tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258.

85      Għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel, li t-tieni deċiżjoni kkontestata allegatament tikkonferma d-Deċiżjoni tal-BĊE LS/PT/2017/66 tal‑11 ta’ Awwissu 2017. Issa, mit-test ta’ din id-deċiżjoni tal‑11 ta’ Awwissu 2017 jirriżulta li hija biss l-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL, l-ammont tal-KUL effettivament mogħti u l-garanziji offruti kienu koperti mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel, it-tieni u s-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, iżda li dan ma kienx il-każ tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular u l-proporzjonijiet tal-kapital tiegħu.

86      It-tieni, fit-tieni deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Information on the liquidity situation and the capital ratios of BPE” (Informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ likwidata u l-proporzjonijiet tal-kapital ta’ BPE), il-BĊE jindika “[i]n your confirmatory application you do not contest the ECB’s reasoning and arguments put forward as justification for the non-disclosure of the liquidity situation and the capital ratios of BPE” (fit-talba għal konferma tiegħek, inti ma tikkontestax ir-raġunament u l-argumenti mressqa mill-BĊE sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ żvelar tas-sitwazzjoni ta’ likwidità u tal-proporzjonijiet tal-kapital ta’ BPE) u “[t]he Executive Board takes the view that such data are protected under Article 4(1)(c) (‘protected as such under Union law’) and the first indent of Article 4(2) (‘the commercial interests of a natural or legal person’) of Decision ECB/2004/3” (il-Bord Eżekuttiv huwa tal-opinjoni li din l-informazzjoni hija protetta mill-Artikolu 4(1)(ċ) (‘protetta bħala tali taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea’ [traduzzjoni mhux uffiċjali]), u mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) (‘interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika’ [traduzzjoni mhux uffiċjali]) tad-Deċiżjoni BĊE/2004/3). Dawn is-sentenzi ma jħallu ebda dubju dwar il-fatt li l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular u l-proporzjonijiet tal-kapital tiegħu ma humiex koperti mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel, fit-tieni u fis-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258.

87      It-tielet, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-BĊE, ebda element tal-proċess tal-kawża ma jippermetti li jitqies li l-Anness B.1 tar-risposta tal-BĊE jagħmel parti integrali mit-tieni deċiżjoni kkontestata.

88      Fil-fatt, minn naħa, it-tieni deċiżjoni kkontestata ma tagħmilx riferiment għal xi anness li jista’ jkun mehmuż magħha. Min-naħa l-oħra, it-tabella li tinsab fl-Anness B.1 tikkonċerna t-tliet deċiżjonijiet ikkontestati u mhux biss it-tieni deċiżjoni kkontestata, tant li huwa probabbli li l-imsemmi anness ġie ppreparat għall-finijiet ta’ dan ir-rikors.

89      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi konkluż li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-BĊE fl-atti tiegħu ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll matul is-seduta, it-tieni deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel, fit-tieni u s-seba’ inċiżi tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 f’dak li jirrigwarda kull waħda mill-ħames kategoriji ta’ informazzjoni li l-aċċess għalihom ġie rrifjutat. B’mod iktar partikolari, fit-tieni deċiżjoni kkontestata, il-BĊE rrifjuta biss l-aċċess għal-limitu tal-KUL, għall-ammont tal-KUL effettivament mogħti u għall-garanziji offruti abbażi tal-ewwel, tat-tieni, u tas-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258. L-aċċess għall-informazzjoni dwar il-garanziji offruti ġie rrifjutat ukoll abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2004/258. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular u l-proporzjonijiet tal-kapital tiegħu, it-tieni deċiżjoni kkontestata hija bbażata biss fuq l-Artikolu 4(1)(ċ) u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2004/258.

C.      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 fit-tieni deċiżjoni kkontestata

90      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent tal-Kummissjoni u ta’ Banco Santander, ir-rikorrenti qajmet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li t-tieni deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn fiha l-BĊE ma jesponix ir-raġunijiet li għalihom huwa jqis, minn naħa, li l-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL, l-ammont tal-KUL effettivament mogħti u l-garanziji offruti huma koperti mill-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE u, min-naħa l-oħra, li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni tista’ konkretament u effettivament tippreġudika l-interess protett minn din l-eċċezzjoni.

91      Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għas-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, Espírito Santo Financial (Portugal) vs BĊE (T‑251/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:234). F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-BĊE kien kiser id-dmir ta’ motivazzjoni tiegħu billi naqas, minn naħa, milli jispjega r-raġunijiet li għalihom id-dokumenti mitluba fil-kuntest ta’ din il-kawża kienu jaqgħu taħt il-qasam kopert mill-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 u, min-naħa l-oħra, milli jipprovdi motivazzjoni li tippermetti li jinftiehem u jiġi vverifikat kif l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni kien jippreġudika l-interess protett.

1.      Osservazzjonijiet preliminari

92      Għandu jiġi kkonstatat li kien biss fi stadju avvanzat tal-proċedura, jiġifieri fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent tal-Kummissjoni u ta’ Banco Santander, li r-rikorrenti qajmet il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

93      Issa, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-motiv ibbażat fuq nuqqas jew fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ att jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jew saħansitra għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni u li, konsegwentement, jista’ jiġi invokat mill-partijiet f’kull stadju tal-proċedura (sentenzi tal‑20 ta’ Frar 1997, Il‑Kummissjoni vs Daffix, C‑166/95 P, EU:C:1997:73, punt 25; tat‑13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, EU:T:2001:288, punt 125, u tal‑10 ta’ Frar 2021, Şanli vs Il‑Kunsill, T‑157/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:75, punt 34).

94      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu li jiġi mmotivat att li jikkawża preġudizzju, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u stabbilit fl-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta, jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex possibbilment ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ dan l-att (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑10 ta’ Frar 2021, Şanli vs Il‑Kunsill, T‑157/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:75, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita sew, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 40; tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 85, u tas‑27 ta’ Jannar 2021, KPN vs Il‑Kummissjoni, T‑691/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:43, punt 161).

96      F’dan il-każ, kif ser jiġi espost iktar ’il quddiem, ir-rifjut tal-BĊE li jagħti l-aċċess għal ċerta informazzjoni abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

2.      Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

a)      Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tar-rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL, l-ammont tal-KUL effettivament mogħti u l-garanziji offruti

97      Għandu, qabelxejn, jitfakkar, fir-rigward tal-kuntest ġuridiku applikabbli għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-BĊE, li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE huwa ddedikat għall-prinċipju ta’ ftuħ tal-proċess deċiżjonali tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 15(1) TFUE jippreċiża li, sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod kemm jista’ jkun miftuħ. Skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (3) ta’ dan l-artikolu, kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru għandha dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, kemm jekk fuq karta jew le, bla ħsara għall-prinċipji u għall-kundizzjonijiet li ser jiġu stabbiliti konformement ma’ dan il-paragrafu. Barra minn hekk, skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-prinċipji ġenerali u l-limiti li, għal raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti huma stabbiliti permezz ta’ regolamenti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jaġixxu konformement mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Konformement mat-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, kull istituzzjoni, korp jew organu għandu jiżgura t-trasparenza tax-xogħol tiegħu u jelabora fir-regoli interni tiegħu dispożizzjonijiet partikolari dwar l-aċċess għad-dokumenti tiegħu, f’konformità mar-regoli msemmija fit-tieni subparagrafu tal-imsemmi paragrafu. Skont ir-raba’ subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-BĊE u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandhom ikunu suġġetti għall-imsemmi paragrafu biss meta jeżerċitaw funzjonijiet amministrattivi.

98      Id-Deċiżjoni 2004/258 hija intiża, kif jindikaw il-premessi 2 u 3 tagħha, sabiex tawtorizza aċċess usa’ għad-dokumenti tal-BĊE minn dak li kien jeżisti taħt is-sistema tad-Deċiżjoni tal-BĊE 1999/284/KE tat‑3 ta’ Novembru 1998 dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti u għall-arkivji tal-BĊE (ĠU 1999, L 110, p. 30), filwaqt li tiġi protetta l-indipendenza tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali kif ukoll il-kunfidenzjalità ta’ ċerti kwistjonijiet relatati mat-twettiq ta’ missjonijiet tal-BĊE.

99      L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2004/258 jagħti b’dan il-mod lil kull ċittadin tal-Unjoni u lil kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-BĊE, bla ħsara għall-kundizzjonijiet u għal-limiti ddefiniti permezz ta’ din id-deċiżjoni.

100    Dan id-dritt huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod iktar speċifiku, u b’mod konformi mal-premessa 4 tagħha, id-Deċiżjoni 2004/258 tipprevedi, fl-Artikolu 4 tagħha, sistema ta’ eċċezzjonijiet li jawtorizzaw lill-BĊE jirrifjuta l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar ikun jippreġudika wieħed mill-interessi protetti mill-paragrafi (1) u (2) ta’ dan l-artikolu jew fil-każ fejn l-imsemmi dokument ikun jinkludi opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan il-BĊE jew mal-banek ċentrali nazzjonali.

101    Peress li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2004/258 jidderogaw mid-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, huma għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2012, Thesing u Bloomberg Finance vs BĊE, T‑590/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:635, punt 41, u tat‑12 ta’ Marzu 2019, De Masi u Varoufakis vs BĊE, T‑798/17, EU:T:2019:154, punt 17).

102    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li s-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, Espírito Santo Financial (Portugal) vs BĊE (T‑251/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:234), li r-rikorrenti invokat insostenn tal-ħames motiv (ara l-punt 91 iktar ’il fuq), ġiet annullata permezz tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, BĊE vs Espírito Santo Financial (Portugal) (C‑442/18 P, EU:C:2019:1117).

103    Fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, BĊE vs Espírito Santo Financial (Portugal) (C‑442/18 P, EU:C:2019:1117), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-kompetenza esklużiva mogħtija lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-BĊE, anness mat-Trattati UE u FUE (iktar ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE”), għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipproteġi l-kunfidenzjalità tar-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv, mingħajr ma jkun neċessarju li r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti li jinkludi dan ir-riżultat ikun suġġett għall-kundizzjoni li l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, BĊE vs Espírito Santo Financial (Portugal), C‑442/18 P, EU:C:2019:1117, punt 43, u tal‑21 ta’ Ottubru 2020, BĊE vs Estate of Espírito Santo Financial Group, C‑396/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:845, punt 50).

104    Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 2004/258, id-Direttur Ġenerali tas-Segretarjat tal-BĊE huwa obbligat jirrifjuta l-aċċess għar-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv, ħlief jekk dan tal-aħħar ikun iddeċieda li jirrendih, kompletament jew parzjalment, pubbliku (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, BĊE vs Espírito Santo Financial (Portugal), C‑442/18 P, EU:C:2019:1117, punt 44, u tal‑21 ta’ Ottubru 2020, BĊE vs Estate of Espírito Financial, C‑396/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:845, punt 51).

105    Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li deċiżjoni ta’ rifjut li jingħata l-aċċess għar-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv hija mmotivata suffiċjentement skont il-liġi bis-sempliċi riferiment għar-rekwiżit tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 f’dak li jirrigwarda dokumenti li jirriflettu r-riżultat ta’ dawn id-deliberazzjonijiet (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, BĊE vs Espírito Santo Financial (Portugal), C‑442/18 P, EU:C:2019:1117, punt 46, u tal‑21 ta’ Ottubru 2020, BĊE vs Estate of Espírito Santo Financial Group, C‑396/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:845, punt 53).

106    Bi tweġiba għall-istedina tal-Qorti Ġenerali sabiex tesprimi ruħha dwar il-konsegwenzi li għandhom jiġu misluta mis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, BĊE vs Espírito Santo Financial (Portugal) (C‑442/18 P, EU:C:2019:1117), ir-rikorrenti tirrikonoxxi li din is-sentenza tidher li tippermetti lill-BĊE jidderoga mill-obbligu li jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet tal-korpi deċiżjonali li jirriżultaw mill-istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. Issa, ir-rikorrenti tenfasizza li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat biss għad-“dokumenti li jirriflettu r-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE”.

107    Skont il-BĊE, sostnut f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni u minn Banco Santander, il-ħames motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud abbażi tal-konsegwenzi li għandhom jiġi misluta mis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, BĊE vs Espírito Santo Financial (Portugal) (C‑442/18 P, EU:C:2019:1117). Għalhekk, il-BĊE jqis li osserva l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu bis-sempliċi fatt li invoka l-applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 sabiex jirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni mitluba.

108    Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li għandu jiġi eżaminat jekk il-BĊE mmotivax b’mod suffiċjenti fid-dritt it-tieni deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jirrifjuta l-aċċess għal ċerta informazzjoni abbażi tal-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE.

109    Kif jindika korrettament il-BĊE, il-motivazzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata hija limitata għas-sempliċi riferiment għar-rekwiżit tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL, l-ammont tal-KUL effettivament mogħti u l-garanziji offruti.

110    Issa, ir-rikorrenti ssostni, ġustament, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 103 sa 105 iktar ’il fuq jirriżulta li huwa biss f’dak li jirrigwarda d-dokumenti “li jirriflettu r-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv” li r-rifjut ta’ aċċess huwa suġġett għal dmir ta’ motivazzjoni li jista’ jkun limitat għal sempliċi riferiment għar-rekwiżit tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258.

111    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-BĊE ma jippreċiżax, għal kull tip ta’ informazzjoni li huwa jirrifjuta l-aċċess għaliha abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, f’liema dokument tinsab din l-informazzjoni. Huwa jsemmi biss, b’mod globali, li t-tliet tipi ta’ informazzjoni li huwa jirrifjuta l-aċċess għalihom abbażi tal-eċċezzjonijiet li huwa jinvoka jinsabu fl-erba’ dokumenti li huwa ta aċċess parzjali għalihom, jiġifieri ittra tal-Gvernatur tal-Bank ta’ Spanja indirizzata, fil‑5 ta’ Ġunju 2017, lill-President tal-BĊE, intitolata “Emergency liquidity assistance”, ittra ta’ segwitu tal-Gvernatur tal-Bank ta’ Spanja indirizzata, fil‑5 ta’ Ġunju 2017, lill-President tal-BĊE, intitolata “Emergency liquidity assistance”, proposta mill-Bord Eżekuttiv tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, intitolata “Emergency liquidity assistance request from Banco de España” tal‑5 ta’ Ġunju 2017 u l-minuti tal‑447 laqgħa tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE miżmuma permezz ta’ telekonferenza fil‑5 ta’ Ġunju 2017.

112    Issa, fost dawn l-erba’ dokumenti, l-uniku dokument intiż, evidentement, sabiex jiġi kkonstatat ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE huwa l-minuti tal‑447 laqgħa tiegħu miżmuma permezz ta’ telekonferenza fil‑5 ta’ Ġunju 2017. F’dan ir-rigward, il-BĊE spjega, fid-Deċiżjoni LS/PT/2017/66 tal‑11 ta’ Awwissu 2017, li hija kkonfermata mit-tieni deċiżjoni kkontestata, li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv li ma jipprekludux il-limitu tal-KUL huma rreġistrati fil-minuti tal-laqgħat ta’ dan il-korp, li, skont l-Artikolu 10(4) tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, huma kunfidenzjali sabiex tiġi ppreżervata l-indipendenza tal-membri tal-Kunsill Governattiv u l-effikaċja tal-proċess deċiżjonali tiegħu.

113    Wara konsultazzjoni tal-verżjonijiet kunfidenzjali tal-erba’ dokumenti kkonċernati, kif ippreżentati mill-BĊE wara l-miżura istruttorja msemmija fil-punt 60 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata li l-imsemmija minuti jinkludu biss waħda mit-tliet biċċiet ta’ informazzjoni li l-aċċess għaliha ġie rrifjutat abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, jiġifieri l-limitu tal-KUL. L-informazzjoni dwar l-ammont tal-KUL effettivament mogħti u l-garanziji offruti tinsab fit-tliet dokumenti l-oħra li l-BĊE rrifjuta l-aċċess sħiħ għalihom, jiġifieri fiż-żewġ ittri tal-Gvernatur tal-Bank ta’ Spanja tal‑5 ta’ Ġunju 2017 u fil-proposta tal-Bord Eżekuttiv tal‑5 ta’ Ġunju 2017.

114    Għalhekk, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 103 sa 105 iktar ’il fuq, il-BĊE mmotiva suffiċjentement skont il-liġi r-rifjut tiegħu ta’ aċċess għal-limitu tal-KUL sa fejn din l-informazzjoni tinsab fil-minuti tal‑447 laqgħa tal-Kunsill Governattiv, peress li dan id-dokument jirrifletti r-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv.

115    Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk il-BĊE mmotivax ukoll b’mod suffiċjenti fil-liġi ir-rifjut tiegħu ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL, l-ammont tal-KUL effettivament mogħti u l-garanziji offruti, sa fejn din l-informazzjoni tinsab fit-tliet dokumenti l-oħra.

116    Mistoqsi f’dan ir-rigward waqt is-seduta, il-BĊE indika li huwa kien tal-opinjoni li ż-żewġ ittri tal-Gvernatur tal-Bank ta’ Spanja u l-proposta tal-Bord Eżekuttiv huma dokumenti li jippermettu lill-Kunsill Governattiv jieħu deċiżjoni informata u li, għalhekk, neċessarjament għandhom rabta mad-deliberazzjonijiet ta’ dan il-korp. Minn dan ikun isegwi li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tar-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 10(4) tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, testendi għad-dokumenti preparatorji kollha ppreżentati għall-finijiet tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv. Skont il-BĊE, billi rrifjuta l-aċċess għall-verżjoni sħiħa ta’ dawn id-dokumenti billi invoka sempliċement ir-rekwiżit tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, huwa osserva d-dmir ta’ motivazzjoni tiegħu konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja esposta fil-punti 103 sa 105 iktar ’il fuq.

117    Ir-rikorrenti wieġbet li, peress li ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf ir-raġuni wara l-applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 għall-informazzjoni moħbija fl-ittri tal-Gvernatur tal-Bank ta’ Spanja u l-proposta tal-Bord Eżekuttiv, kien impossibbli għaliha li tifformula motiv intiż li jikkontesta l-fondatezza tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. B’mod iktar partikolari, hija argumentat li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv u li l-interpretazzjoni estensiva tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, moqri flimkien mal-Artikolu 10(4) tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, kif proposta mill-BĊE, tmur kontra din ir-regola.

118    Għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ ittri tal-Gvernatur tal-Bank ta’ Spanja u l-proposta tal-Bord Eżekuttiv jippreċedu l-laqgħa tal-Kunsill Governattiv u għalhekk ma jirriflettux ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet ta’ dan il-korp. Minn dan isegwi li t-tieni sentenza tal-Artikolu 10(4) tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE ma tapplikax għal dawn id-dokumenti, b’tali mod li r-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif espost fil-punti 103 sa 105 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi applikat fil-konfront tagħhom.

119    Barra minn hekk, huwa l-BĊE li għandu jipprovdi motivazzjoni li tippermetti li jiġi mifhum u vverifikat, minn naħa, jekk id-dokument mitlub huwiex effettivament ikkonċernat mill-qasam kopert mill-eċċezzjoni invokata u, min-naħa l-oħra, jekk il-ħtieġa ta’ protezzjoni relatata ma’ din l-eċċezzjoni hijiex reali (sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2013, Besselink vs Il‑Kunsill, T‑331/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:419, punt 99, u tas‑26 ta’ Marzu 2020, Bonnafous vs Il‑Kummissjoni, T‑646/18, EU:T:2020:120, punt 24; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Sison vs Il‑Kunsill, T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, EU:T:2005:143, punt 61).

120    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-Deċiżjoni 2004/258 tinkludi eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess, jiġifieri l-Artikolu 4(3) li jirrigwarda b’mod espliċitu r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti redatti jew irċevuti mill-BĊE intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan il-BĊE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, De Masi u Varoufakis vs BĊE, C‑342/19 P, EU:C:2020:1035, punti 66 sa 79).

121    L-assenza ta’ kull raġunament, kemm fid-Deċiżjoni LS/PT/2017/66 tal‑11 ta’ Awwissu 2017, kif ukoll fit-tieni deċiżjoni kkontestata, li jispjega għal liema raġuni r-rifjut ta’ aċċess sħiħ għall-ittri tal-Gvernatur tal-Bank ta’ Spanja u għall-proposta tal-Bord Eżekuttiv, sa fejn dawn id-dokumenti jinkludu l-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL, l-ammont tal-KUL effettivament mogħti u l-garanziji offruti, kien kopert mill-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, ipprekluda lir-rikorrenti milli tifhem ir-raġunijiet għar-rifjut ta’ aċċess għal din l-informazzjoni u, bħalma hija targumenta, li tqajjem motiv intiż li jikkontesta l-fondatezza tal-applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 għall-imsemmija dokumenti.

122    Kif espost fil-punt 116 iktar ’il fuq, huwa biss waqt is-seduta li l-BĊE ppreċiża li, fil-fehma tiegħu, peress li l-ittri tal-Gvernatur tal-Bank ta’ Spanja u l-proposta tal-Bord Eżekuttiv jikkostitwixxu sostenn neċessarju għad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv, ir-rifjut ta’ aċċess għal ċerta informazzjoni inkluża f’dawn id-dokumenti seta’ jiġi mmotivat billi sempliċement jiġi invokat ir-rekwiżit tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja esposta fil-punti 103 sa 105 iktar ’il fuq.

123    Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess żmien tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju. Fil-fatt, l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata permezz tal-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf bil-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni (sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 149; tad‑19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni, C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 74; u tal‑10 ta’ Settembru 2019, Trasys International u Axianseu – Digital Solutions vs AESA, T‑741/17, EU:T:2019:572, punt 53).

124    Għaldaqstant, għandu jintlaqa’ l-motiv ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL, l-ammont tal-KUL effettivament mogħti u l-garanziji offruti abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, sa fejn din l-informazzjoni tinsab fl-ittra tal-Gvernatur tal-Bank ta’ Spanja indirizzata, fil‑5 ta’ Ġunju 2017, lill-President tal-BĊE, intitolata “Emergency liquidity assistance”, fl-ittra ta’ segwitu tal-Gvernatur tal-Bank ta’ Spanja indirizzata, fil‑5 ta’ Ġunju 2017, lill-President tal-BĊE, intitolata “Emergency liquidity assistance” u fil-proposta tal-Bord Eżekuttiv tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, intitolata “Emergency liquidity assistance request from Banco de España”, tal‑5 ta’ Ġunju 2017.

125    Issa, qabel ma jiġu ddeterminati l-konsegwenzi ta’ din l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi eżaminat jekk l-eċċezzjonijiet l-oħrajn invokati mill-BĊE u li l-fondatezza tagħhom hija kkontestata mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni motiv jistgħux jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL, l-ammont tal-KUL effettivament mogħti u l-garanziji offruti.

b)      Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tar-rifjut ta’ aċċess għar-riżultat tal-vot fi ħdan il-Kunsill Governattiv

126    Minn qari tal-verżjoni kunfidenzjali tal-minuti tal‑447 laqgħa tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE miżmuma permezz ta’ telekonferenza fil‑5 ta’ Ġunju 2017, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-BĊE kien irrifjuta l-aċċess għal informazzjoni, li tinsab fl-imsemmi dokument, li ma kinitx inkluża f’waħda mill-ħames kategoriji ta’ informazzjoni li t-tieni deċiżjoni kkontestata tirrifjuta espliċitament l-aċċess għalihom (ara l-punt 82 iktar ’il fuq). Dan huwa r-riżultat tal-vot fi ħdan il-Kunsill Governattiv. Din l-informazzjoni la tikkonċerna l-limitu tal-KUL, la l-ammont tal-KUL effettivament mogħti, la l-garanziji offruti, la s-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular, u lanqas il-proporzjonijiet tal-kapital ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, għandu jitqies li l-vot espress jikkostitwixxi informazzjoni speċifika li għandha tiġi distinta mill-informazzjoni dwar il-kontenut tad-deliberazzjonijiet li jippreċedu din il-votazzjoni.

127    Mistoqsi, matul is-seduta, dwar l-assenza totali ta’ xi riferiment dwar ir-riżultat tal-vot, il-BĊE, sostnut f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni, wieġeb li, minkejja l-fatt li huwa ma semmiex espliċitament li huwa rrifjuta wkoll l-aċċess għal din it-tip ta’ informazzjoni, huwa kkunsidra li kien immotiva suffiċjentement fil-liġi r-rifjut tiegħu ta’ aċċess għal din l-informazzjoni billi invoka l-applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 sabiex jirrifjuta l-aċċess sħiħ għall-minuti tal‑447 laqgħa tal-Kunsill Governattiv.

128    Issa, l-approċċ issuġġerit mill-BĊE jkun jimplika li tingħata interpretazzjoni wiesgħa lil dak li jikkostitwixxi r-“riżultat tad-deliberazzjonijiet” tal-Kunsill Governattiv sa fejn ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv ikun jinkludi ex officio r-riżultat tal-vot ta’ dan il-korp. Tali interpretazzjoni wiesgħa tkun tiġġustifika, konsegwentement, li l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-BĊE meta jirrifjuta l-aċċess għal dokument li jinkludi r-riżultat tal-vot fi ħdan il-Kunsill Governattiv ikun limitat konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja esposta fil-punti 103 sa 105 iktar ’il fuq.

129    Madankollu, kif ġustament sostniet ir-rikorrenti matul is-seduta, tali approċċ ikun imur manifestament kontra l-prinċipju li d-derogi għad-dritt ta’ aċċess għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara l-punti 101 u 117 iktar ’il fuq).

130    Għaldaqstant, huwa l-BĊE li kellu jimmotiva l-applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 għar-rifjut ta’ aċċess għar-riżultat tal-vot fi ħdan il-Kunsill Governattiv b’mod li jippermetti lir-rikorrenti tevalwa l-fondatezza tiegħu.

131    Billi lanqas ma ssemmi dan il-każ tal-informazzjoni dwar ir-riżultat tal-vot fi ħdan il-Kunsill Governattiv, it-tieni deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni u hemm lok li din tiġi annullata fuq dan il-punt.

D.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur, fit-tieni deċiżjoni kkontestata, tat-tieni u tas-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258

132    Insostenn tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, fit-tieni deċiżjoni kkontestata, il-BĊE kiser it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna l-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, u s-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-istess deċiżjoni, dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jikkonċerna l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni jew fi Stat Membru, sa fejn fiha huwa jsostni b’mod żbaljat li l-iżvelar tal-użu tal-KUL minn Banco Popular fil-ġranet qabel ir-riżoluzzjoni tiegħu kif ukoll tal-informazzjoni dwar l-istat tal-likwiditajiet u l-proporzjon ta’ kapital jista’ jimmina l-effikaċja tal-politika monetarja u jipperikola l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

133    Għalkemm ir-rikorrenti tammetti li l-BĊE għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiddeċiedi jekk ġiex ippreġudikat l-interess pubbliku relatat mal-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, hija ssostni li l-BĊE wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan il-każ sa fejn id-dokumenti mitluba ma jirrigwardawx il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

134    Għalhekk, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ma talbitx informazzjoni dwar politika ġenerali, iżda biss informazzjoni dwar kawża partikolari, limitata għal istituzzjoni finanzjarja partikolari, jiġifieri Banco Popular, matul perijodu determinat, jiġifieri dak tar-riżoluzzjoni ta’ din tal-aħħar mill-BUR. Skont il-prinċipju li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għandhom jiġu interpretati b’mod strett, it-talba għal aċċess tar-rikorrenti ma għandhiex tiġi interpretata b’mod eċċessivament wiesa’ bħala talba għal aċċess għal data relatata mal-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

135    It-tieni, l-informazzjoni mitluba mir-rikorrenti ma tikkonċernax l-Unjoni jew Stat Membru, iżda l-istat tal-likwiditajiet ta’ Banco Popular.

136    It-tielet, l-informazzjoni mitluba ma hijiex ta’ natura ġenerali, iżda hija, għall-kuntrarju, speċifika ħafna. Din tikkonċerna perijodu preċiż u limitat ħafna, jiġifieri l-jiem li ppreċedew ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, u jirrigwardaw is-sitwazzjoni partikolari ta’ Banco Popular. L-informazzjoni analizzata fil-kuntest tat-tieni deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-limitu tal-KUL, l-ammont tal-KUL effettivament mogħti, il-garanziji offruti, kif ukoll l-istat ta’ likwidità u l-proporzjonijiet ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular, ma jiżvelawx politika ġenerali tal-Unjoni. Konsegwentement, l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni diffiċli jaffettwa l-effettività tal-politika monetarja u l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni.

137    Ir-raba’, ir-rikorrenti ssostni li t-talba għal aċċess tagħha tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li hija tirrigwarda biss l-informazzjoni li tippermettilha tifhem l-allegati problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular li wasslu għar-riżoluzzjoni tiegħu.

138    L-BĊE jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

1.      Fuq in-natura ineffettiva tat-tieni motiv

139    Il-BĊE jsostni li t-tieni motiv huwa ineffettiv sa fejn ir-rikors jirrigwarda formalment l-eċċezzjonijiet tat-tieni u tas-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, iżda li l-argumenti mressqa jirrigwardaw biss it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258.

140    F’dan ir-rigward, għandu, preliminarjament, jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tat-tieni motiv setgħet, ċertament, tkun iktar ċara sabiex tiffaċilita l-komprensjoni tagħha. Għalhekk, fil-punt 48 tar-rikors, ir-rikorrenti ssostni li t-tieni deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq it-tieni u s-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess, b’mod partikolari, għall-informazzjoni “dwar l-istat tal-likwidità u l-proporzjonijiet tal-kapital”. Issa, kif ġie kkonstatat fil-punt 85 iktar ’il fuq, l-aċċess għal din l-informazzjoni ġie rrifjutat biss abbażi tal-Artikolu 4(1)(ċ) u tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2004/258. Għaldaqstant, it-tieni motiv huwa ineffettiv sa fejn jirrigwarda din il-kategorija ta’ informazzjoni li għaliha t-tieni deċiżjoni kkontestata tirrifjuta l-aċċess.

141    Sussegwentement, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti huwiex intiż li jikkontesta l-applikazzjoni kemm tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, kif ukoll tas-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-istess deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti, kif espost b’mod partikolari fil-punt 55 tar-rikors, huwa intiż b’mod ċar sabiex jikkontesta l-fatt li l-BĊE bbaża ruħu fuq żewġ eċċezzjonijiet li għandhom portata politika u ġeografika wiesgħa ħafna filwaqt li l-informazzjoni mitluba tirrigwarda l-każ speċifiku ħafna ta’ bank wieħed. Għaldaqstant, l-argument tal-BĊE, skont liema t-tieni motiv huwa ineffettiv f’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud.

142    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li ġie kkonstatat, fil-punt 124 iktar ’il fuq li, fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL, l-ammont tal-KUL effettivament mogħti u l-garanziji offruti, it-tieni deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata suffiċjentement skont il-liġi sa fejn din l-informazzjoni tinsab fl-ittra tal-Gvernatur tal-Bank ta’ Spanja, mibgħuta, fil‑5 ta’ Ġunju 2017, lill-President tal-BĊE, intitolata “Emergency liquidity assistance”, fl-ittra ta’ segwitu tal-Gvernatur tal-Bank ta’ Spanja, mibgħuta, fil‑5 ta’ Ġunju 2017, lill-President tal-BĊE, intitolata “Emergency liquidity assistance”, u fil-proposta tal-Bord Eżekuttiv lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE, intitolata “Emergency liquidity assistance request from Banco de España” tal‑5 ta’ Ġunju 2017. Għaldaqstant, it-tieni motiv ma huwiex effettiv sa fejn dan jirrigwarda din l-informazzjoni.

143    Min-naħa l-oħra, it-tieni motiv huwa ineffettiv sa fejn jikkonċerna r-rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL li tinsab fil-minuti tal‑447 laqgħa tal-Kunsill Governattiv. Fil-fatt, sa fejn, minn naħa, ġie kkonstatat, fil-punt 114 iktar ’il fuq, li t-tieni deċiżjoni kkontestata hija mmotivata suffiċjentement skont il-liġi f’dak li jirrigwarda r-rifjut ta’ aċċess għall-imsemmija informazzjoni sa fejn din tinsab fil-minuti tal‑447 laqgħa tal-Kunsill Governattiv u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma qajmitx motiv intiż sabiex jikkontesta, fil-mertu, l-applikazzjoni mill-BĊE tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, għandu jiġi kkonstatat li r-rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL inkluża fil-minuti tal‑447 laqgħa tal-Kunsill Governattiv huwa ġġustifikat minn din l-eċċezzjoni. Dan ingħad, għal finijiet ta’ kompletezza, il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-fondatezza tat-tieni motiv ukoll f’dak li jirrigwarda din l-informazzjoni.

2.      Fuq il-fondatezza tat-tieni motiv

144    It-tieni motiv jinqasam, essenzjalment, f’żewġ ilmenti. Fil-kuntest tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti tikkritika lill-BĊE li qies li l-informazzjoni mitluba taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fit-tieni u s-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258. Permezz tat-tieni lment tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta li l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba, sa fejn din tikkonċerna biss is-sitwazzjoni partikolari ta’ Banco Popular, jippreġudika l-effikaċja tal-politika monetarja u l-istabbiltà finanzjarja.

a)      Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-informazzjoni mitluba ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni u tas-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258

145    Fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett, b’tali mod li ma hemmx lok li jitqies li talba għal aċċess għal informazzjoni dwar il-Banco Popular għandha tiġi interpretata bħala talba dwar il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru jew dwar l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni jew fi Stat Membru. Għalhekk, l-imsemmija informazzjoni ma tikkonċernax l-Unjoni jew Stat Membru, iżda biss is-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ istituzzjoni finanzjarja partikolari, jiġifieri Banco Popular. Barra minn hekk, din tikkonċerna biss perijodu preċiż ħafna u tirrigwarda każ speċifiku ħafna. Għalhekk din l-informazzjoni ma taqax taħt politika ġenerali tal-Unjoni, iżda biss taħt is-sitwazzjoni partikolari ta’ Banco Popular.

146    Kif issostni ġustament ir-rikorrenti, diġà ġie deċiż li peress li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2004/258 jidderogaw mid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, huma għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2012, Thesing u Bloomberg Finance vs BĊE, T‑590/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:635, punt 41; tas‑27 ta’ Settembru 2018, Spiegel-Verlag Rudolf Augstein u Sauga vs BĊE, T‑116/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:614, punt 22, u tat‑12 ta’ Marzu 2019, De Masi u Varoufakis vs BĊE, T‑798/17, EU:T:2019:154, punt 17).

147    Issa, għalkemm huwa minnu li t-talba konfermattiva ma kinitx intiża sabiex tikseb aċċess għal informazzjoni li tikkonċerna espliċitament il-politika monetarja jew l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-informazzjoni li l-BĊE identifika bħala rilevanti fir-rigward ta’ din it-talba tibqa’ effettivament limitata għas-sitwazzjoni partikolari ta’ Banco Popular.

148    Fil-fatt, kemm mid-Deċiżjoni LS/PT/2017/66 tal‑11 ta’ Awwissu 2017, kif ukoll mit-tieni deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL, l-ammont tal-KUL effettivament mogħti u l-garanziji offruti jinsabu f’kuntest leġiżlattiv speċifiku ħafna li huwa bbażat fuq kunsiderazzjonijiet ta’ stabbiltà tal-prezzijiet, ta’ politika monetarja u ta’ stabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, b’tali mod li din l-informazzjoni għandha neċessarjament natura li tmur lil hinn mill-każ speċifiku ta’ istituzzjoni ta’ kreditu waħda.

149    Għalhekk, fir-rigward, minn naħa, tal-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL u l-ammont tal-KUL effettivament mogħti, id-Deċiżjoni LS/PT/2017/66 tal‑11 ta’ Awwissu 2017 tesponi qabelxejn b’mod iddettaljat biżżejjed il-kuntest leġiżlattiv applikabbli għall-għoti tagħha billi ssir distinzjoni bejn in-natura ta’ tali kreditu u t-tranżazzjonijiet monetarji standard. Il-BĊE jispjega, b’mod partikolari, li huma bħala prinċipju l-banek ċentrali nazzjonali li huma l-uniċi responsabbli, skont id-dritt nazzjonali, għall-għoti ta’ KUL. Hija ssemmi, sussegwentement, li l-BĊE ma japprovax u ma jadottax deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-għoti ta’ KUL, iżda li, skont l-Artikolu 14.4 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, is-setgħa tiegħu hija limitata għall-evalwazzjoni ta’ jekk l-għoti ta’ KUL jistax, f’każ speċifiku, jinterferixxi mal-għanijiet u l-missjonijiet tal-Eurosistema. F’dan ir-rigward, huwa kkonstatat li, għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, l-Eurosistema għandha sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn il-banek ċentrali nazzjonali u l-BĊE. Il-BĊE jsemmi, fl-aħħar nett, li l-pubblikazzjoni ex post tal-limitu tal-KUL u tal-ammont tal-KUL effettivament mogħti jirriskja li jnaqqas il-flessibbiltà li biha l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jadattaw operazzjoni ta’ KUL għaċ-ċirkustanzi speċifiċi f’każijiet futuri. Fil-fatt, tali pubblikazzjoni tkun toħloq l-istennija li l-BĊE ser jaġixxi bl-istess mod matul interventi futuri, anki jekk dan ma jkunx iġġustifikat. Dan ikun jista’ joħloq spekulazzjonijiet mhux fondati tas-suq, li jillimita s-setgħa tal-Kunsill Governattiv li jevalwa jekk operazzjoni ta’ KUL prevista tinterferixxix mal-għanijiet u l-missjonijiet tal-Eurosistema, sa fejn dan ikollu wkoll jieħu inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ pubblikazzjoni fuq l-istabbiltà finanzjarja u, fl-aħħar mill-aħħar, fuq il-politika monetarja.

150    It-tieni deċiżjoni kkontestata tagħmel riferiment espliċitu għall-ġabra ddettaljata tal-kuntest leġiżlattiv applikabbli għall-għoti ta’ KUL kif espost fil-punt 149 iktar ’il fuq. Il-BĊE jispjega sussegwentement li l-kapaċità tal-banek ċentrali nazzjonali li jaffrontaw problemi temporanji ta’ likwidità ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu tikkostitwixxi fattur essenzjali għall-istabbiltà finanzjarja u kundizzjoni fundamentali għall-effettività tal-politika monetarja. F’dan ir-rigward, huwa jagħmel riferiment għall-effetti sistematiċi li segwew ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular u li dgħajfu s-suq finanzjarju Spanjol u jispjega li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni mitluba tista’ terġa’ tqajjem it-tensjonijiet fir-rigward tal-istituzzjonijiet finanzjarji jew toħloq spekulazzjoni mhux iġġustifikata fir-rigward ta’ Banco Santander. Barra minn hekk, dawn l-effetti negattivi fi Spanja jistgħu, minħabba n-natura interkonnessa ħafna tas-swieq, ikollhom effetti dannużi fi Stati Membri oħra u, fl-aħħar nett, jipperikolaw l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni kollha. It-tieni deċiżjoni kkontestata tagħmel riferiment barra minn hekk għall-Artikolu 127(5) TFUE, li jipprevedi li l-Eurosistema għandha tikkontribwixxi għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Fl-aħħar nett, hija tirriproduċi l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fid-Deċiżjoni LS/PT/2017/66 tal‑11 ta’ Awwissu 2017 dwar il-pubblikazzjoni ex post tal-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL u l-ammont tal-KUL effettivament mogħti u l-effett ta’ tali pubblikazzjoni fuq il-flessibbiltà li għandu jkollhom il-banek ċentrali nazzjonali u l-BĊE fil-ġestjoni tal-operazzjonijiet ta’ KUL.

151    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-garanziji offruti, kemm id-Deċiżjoni LS/PT/2017/66 tal‑11 ta’ Awwissu 2017 kif ukoll it-tieni deċiżjoni kkontestata jsemmu li l-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni tista’ tnaqqas l-effett utli tal-operazzjonijiet ta’ KUL bħala strument taż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja. Skont il-BĊE, tali pubblikazzjoni jista’ jkollha l-effett li l-istabbilimenti ta’ kreditu jkunu skoraġġuti milli jipparteċipaw fl-operazzjonijiet standard ta’ politika monetarja, li min-naħa tiegħu jista’ għalhekk idgħajjef il-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni li jittrasponi l-politika monetarja tal-BĊE. Il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-garanziji offruti tista’ barra minn hekk tnaqqas il-flessibbiltà li għandu jkollhom il-banek ċentrali nazzjonali sabiex jirreaġixxu b’mod effikaċi għal kriżijiet ta’ likwidità, sa fejn tali pubblikazzjoni tkun toħloq aspettattivi dwar it-tip ta’ garanziji aċċettati fil-futur. Issa, huwa essenzjali li l-banek ċentrali nazzjonali jżommu flessibbiltà sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni firxa wiesgħa ta’ garanziji possibbli.

152    Fid-dawl tal-kontenut tad-Deċiżjoni LS/PT/2017/66 tal‑11 ta’ Awwissu 2017 u tat-tieni deċiżjoni kkontestata, il-BĊE, filwaqt li ġibed l-attenzjoni tar-rikorrenti fuq is-sistema applikabbli għall-għoti ta’ KUL u billi spjega r-rwol tal-BĊE f’dan ir-rigward, ipprovda biżżejjed elementi li jippermettu li jinftiehem li l-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL, l-ammont tal-KUL effettivament mogħti u l-garanziji offruti ġiet iġġenerata u użata f’kuntest iggwidat minn riflessjonijiet li ma humiex limitati għas-sitwazzjoni partikolari ta’ Banco Popular, iżda li essenzjalment ittrattat kunsiderazzjonijiet ta’ politika monetarja u ta’ stabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u ta’ Spanja.

153    Fil-fatt, huwa preċiżament għall-finijiet tal-evalwazzjoni, mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE, tal-interferenza tal-operazzjoni ta’ KUL prevista mill-Bank ta’ Spanja mal-għanijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), li minnha jifformaw parti l-politika monetarja u l-istabbiltà finanzjarja, konformement mal-Artikolu 127(1), (2) u (5) TFUE u mal-Artikoli 2 u 3 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, li l-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL, l-ammont tal-KUL effettivament mogħti u l-garanziji offruti jinsabu fl-erba’ dokumenti kkonċernati. Fi kliem ieħor, ir-raġuni għal dawn id-dokumenti tinsab preċiżament fil-fatt li din l-informazzjoni tirrigwarda kunsiderazzjonijiet li jmorru lil hinn mis-sitwazzjoni speċifika ta’ Banco Popular. Kif jirrileva ġustament il-BĊE, l-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL u l-ammont tal-KUL effettivament mogħti turi l-pożizzjoni tal-BĊE fir-rigward tal-ammont marġinali tal-KUL li jista’ jingħata mingħajr ir-riskju li jiġu ostakolati l-għanijiet tal-politika monetarja tal-Unjoni.

154    Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-BĊE ma kisirx il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti mid-Deċiżjoni 2004/258 meta qies li l-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL, l-ammont tal-KUL effettivament mogħti u l-garanziji offruti kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fit-tieni u s-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258.

155    Minn dan isegwi li l-ewwel ilment tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-rifjut ta’ aċċess ma huwiex intiż sabiex effettivament u konkretament jipproteġi l-interessi pubbliċi inkwistjoni

156    Permezz tat-tieni lment tagħha, ir-rikorrenti tikkritika lill-BĊE li wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba jistax konkretament u effettivament jippreġudika l-effikaċja tal-politika monetarja u l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

157    Kif tirrileva ġustament ir-rikorrenti, diġà ġie deċiż li l-BĊE għandu jingħata marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiddetermina jekk l-iżvelar ta’ dokumenti li jaqgħu fl-oqsma koperti minn ċerti eċċezzjonijiet imsemmija mid-Deċiżjoni 2004/258 jistax jippreġudika l-interess pubbliku inkwistjoni.

158    Fil-fatt, fir-rigward tat-tieni u s-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, l-eżistenza ta’ tali marġni ġiet espliċitament irrikonoxxuta f’diversi sentenzi, b’mod partikolari s-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2012, Thesing u Bloomberg Finance vs BĊE (T‑590/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:635, punti 43 u 44), tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Versorgungswerk der Zahnärztekammer Schleswig-Holstein vs BĊE (T‑376/13, EU:T:2015:361, punt 53), u tas‑27 ta’ Settembru 2018, Spiegel-Verollag vs BĊE (T‑116/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:614, punt 42).

159    Minn naħa, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ kien ibbażat, b’analoġija mal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), fuq il-kunsiderazzjoni li n-natura partikolarment sensittiva u essenzjali tal-interessi protetti mill-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, flimkien man-natura obbligatorja tar-rifjut ta’ aċċess li għandu, skont l-imsemmija dispożizzjoni, jiġi kkontestat mill-istituzzjoni meta l-iżvelar lill-pubbliku ta’ dokument jippreġudika dawn l-interessi, tagħti lid-deċiżjoni li għandha għalhekk tittieħed mill-istituzzjoni natura kumplessa u delikata u teħtieġ livell ta’ prudenza partikolari sew (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2012, Thesing u Bloomberg Finance vs BĊE, T‑590/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:635, punt 44; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal‑1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 35; tas‑27 ta’ Novembru 2019, Izuzquiza u Semsrott vs Frontex, T‑31/18, EU:T:2019:815, punt 64, u tal‑25 ta’ Novembru 2020, Bronckers vs Il‑Kummissjoni, T‑166/19, EU:T:2020:557, punt 34).

160    Min-naħa l-oħra, ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-BĊE kien ukoll immotivat mill-fatt li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 huma ġenerali ħafna (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2012, Thesing u Bloomberg Finance vs BĊE, T‑590/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:635, punt 43; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 36).

161    Skont il-ġurisprudenza, ir-rikonoxximent ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni tal-BĊE għandu bħala konsegwenza li l-istħarriġ ta’ legalità eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni f’dan ir-rigward għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, s-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Versorgungswerk der Zahnärztekammer Schleswig-Holstein vs BĊE, T‑376/13, EU:T:2015:361, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2019, De Masi u Varoufakis vs BĊE, T‑798/17, EU:T:2019:154, punt 54).

162    Għaldaqstant, minħabba l-istħarriġ limitat tal-qorti tal-Unjoni, l-osservanza tal-obbligu tal-BĊE li jimmotiva suffiċjentement id-deċiżjonijiet tiegħu hija ta’ importanza iktar u iktar fundamentali. Fil-fatt, huwa biss b’dan il-mod li l-qorti tal-Unjoni tista’ tivverifika jekk il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx issodisfatti (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Versorgungswerk der Zahnärztekammer Schleswig-Holstein vs BĊE, T‑376/13, EU:T:2015:361, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2019, De Masi u Varoufakis vs BĊE, T‑798/17, EU:T:2019:154, punt 54).

163    F’dan il-każ, il-BĊE ma jistax jiġi kkritikat li wettaq żball manifest meta qies li l-iżvelar tal-limitu tal-KUL, tal-ammont tal-KUL effettivament mogħti u l-garanziji offruti seta’ realment u konkretament jippreġudika l-politika monetarja u l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

164    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, kemm fid-Deċiżjoni LS/PT/2017/66 tiegħu, tal‑11 ta’ Awwissu 2017, kif ukoll fit-tieni deċiżjoni kkontestata, il-BĊE stabbilixxa rabta kawżali preċiża bejn l-iżvelar potenzjali tal-informazzjoni inkwistjoni u l-preġudizzju konkret għall-interessi pubbliċi protetti.

165    Għalhekk, fir-rigward tal-limitu tal-KUL u tal-ammont tal-KUL effettivament mogħti, il-BĊE spjega li l-iżvelar tal-imsemmija informazzjoni jista’ jippreġudika l-istabbiltà finanzjarja u l-politika monetarja tal-Unjoni sa fejn, peress li s-suq Spanjol iddgħajjef wara r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, tali żvelar jista’ jerġa’ jqajjem it-tensjonijiet fir-rigward tal-istituzzjonijiet finanzjarji u jiftaħ it-triq għal spekulazzjonijiet mhux iġġustifikati fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ Banco Santander. Dawn l-effetti negattivi fis-suq Spanjol jistgħu sussegwentement ikollhom effett ta’ kaskata fis-swieq ta’ Stati Membri oħra, li jista’ jkollu riperkussjonijiet negattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni. Barra minn hekk, pubblikazzjoni ex post tal-informazzjoni kkonċernata jkollha l-konsegwenza li tnaqqas kunsiderevolment il-possibbiltà għall-banek ċentrali nazzjonali kif ukoll għall-BĊE li jiġġestixxu b’mod flessibbli operazzjonijiet ta’ KUL fil-futur. Fil-fatt, l-għarfien ta’ din id-data konkreta mill-atturi tas-suq ikun joħloq l-istennija li l-istess approċċ jiġi segwit f’każijiet fejn dan ma jkunx iġġustifikat. Dawn l-aspettattivi jkunu jistgħu wkoll iwasslu lill-atturi tas-suq sabiex jagħmlu konġetturi inġustifikati, li jkun jista’ jostakola s-setgħa tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE li jevalwa jekk operazzjoni ta’ KUL prevista tinterferixxix mal-għanijiet u l-missjonijiet tal-Eurosistema, peress li għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-effetti eventwali ta’ pubblikazzjoni tal-parametri tal-operazzjoni kkonċernata fuq l-istabbiltà finanzjarja u l-politika monetarja f’każijiet futuri.

166    F’dak li jirrigwarda, barra minn hekk, il-garanziji offruti, il-BĊE spjega li din l-informazzjoni tikkostitwixxi indikatur tal-istress ipprovat minn istituzzjoni ta’ kreditu sa fejn tali garanziji jikkostitwixxu potenzjalment garanziji li ma humiex ikkunsidrati eliġibbli fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet konvenzjonali ta’ politika monetarja. Pubblikazzjoni eventwali ta’ din id-data tkun tista’ tiskoraġġixxi lil stabbilimenti ta’ kreditu milli jużaw KUL jew milli jitolbuha fi żmien xieraq minħabba biża’ li jkunu esposti fis-suq. Barra minn hekk, l-atturi tas-suq ikunu jistgħu jkunu mħajra jitolbu iktar garanziji jew garanziji oħra inkambju għall-operazzjonijiet tagħhom mal-istituzzjoni kkonċernata jew jistgħu jieqfu milli jsellfu flus lil dan l-istabbiliment, li jkun jikkostitwixxi theddida reali għall-istabbiltà finanzjarja fl-Istat Membru kkonċernat. L-iżvelar ta’ din l-informazzjoni, anki ex post, ikun jista’ barra minn hekk ikollu l-effett li jnaqqas il-possibbiltà għall-banek ċentrali nazzjonali li jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod flessibbli varjetà kbira ta’ garanziji possibbli, peress li l-għarfien tal-approċċ li huma ssuġġerew fil-passat joħloq aspettattivi fir-rigward tat-tip ta’ garanziji li jistgħu jiġu aċċettati fil-futur. Dan inaqqas il-possibbiltà li wieħed jirreaġixxi b’mod effikaċi għal problemi futuri ta’ likwidità u jostakola l-effettività tal-KUL bħala strument taż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja.

167    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaqx argumenti preċiżi, wisq inqas provi, li jistgħu jikkontestaw il-fondatezza tar-raġunament tal-BĊE espost fil-punti 165 u 166 iktar ’il fuq. Billi tillimita ruħha li tinvoka l-fatt li l-informazzjoni mitluba tkun marbuta biss mas-sitwazzjoni ta’ Banco Popular u tkun tikkonċerna biss perijodu qasir u determinat, hija ma tikkontestax ir-raġunament tal-BĊE li l-iżvelar tal-informazzjoni kkonċernata jista’ jkollu konsegwenzi dannużi għall-istabbiltà finanzjarja u l-politika monetarja tal-Unjoni fil-futur.

168    Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-BĊE ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-iżvelar tal-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL, l-ammont tal-KUL effettivament mogħti u l-garanziji offruti jkun jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda l-politika monetarja u l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ Spanja.

169    Minn dan isegwi li t-tieni lment għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

170    Peress li r-rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL, l-ammont tal-KUL effettivament mogħti u l-garanziji offruti huwa legalment ibbażat fuq it-tieni u s-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 124 iktar ’il fuq, li tgħid li t-tieni deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata suffiċjentement skont il-liġi sa fejn din tirrifjuta l-aċċess għall-imsemmija informazzjoni abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, sa fejn din l-informazzjoni tinsab fl-ittra tal-Gvernatur tal-Bank ta’ Spanja indirizzata, fil‑5 ta’ Ġunju 2017, lill-President tal-BĊE, intitolata “Emergency liquidity assistance”, fl-ittra ta’ segwitu tal-Gvernatur tal-Bank ta’ Spanja indirizzata, fil‑5 ta’ Ġunju 2017, lill-President tal-BĊE, intitolata “Emergency liquidity assistance” u fil-proposta tal-Bord Eżekuttiv tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, intitolata “Emergency liquidity assistance request from Banco de España”, tal‑5 ta’ Ġunju 2017, ma tiġġustifikax li tiġi annullata t-tieni deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt.

E.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258 fid-deċiżjonijiet ikkontestati

171    L-ewwel motiv huwa maqsum fi tliet ilmenti, ibbażati, l-ewwel nett, fuq l-allegazzjoni li l-BĊE applika b’mod żbaljat preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità abbażi tal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258, it-tieni, fuq l-allegazzjoni li l-kundizzjonijiet iddefiniti fis-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister (C‑15/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Baumeister”, EU:C:2018:464), ma humiex issodisfatti u, it-tielet, fuq l-allegazzjoni li d-derogi mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità, previsti mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 u mill-Artikolu 84(6) tad-Direttiva 2014/59, japplikaw.

172    Qabel ma jiġu eżaminati l-argumenti mqajma fil-kuntest tal-ewwel motiv, għandu, qabel kollox, jitfakkar li l-BĊE invoka l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258 fit-tliet deċiżjonijiet ikkontestati. Fl-ewwel deċiżjoni kkontestata, il-BĊE invoka l-imsemmija dispożizzjoni sabiex jirrifjuta l-aċċess għad-dokument li jinkludi ħarsa ġenerali tal-bilanċ ta’ kuljum (pożittiv jew negattiv) tad-depożiti, jiġifieri kemm irtirar kif ukoll depożiti, u informazzjoni dwar il-kapaċità ta’ kopertura ta’ likwidità ta’ Banco Popular mit‑3 ta’ April 2017. Fit-tieni deċiżjoni kkontestata, il-BĊE ħeba l-informazzjoni dwar l-istat ta’ likwidità ta’ Banco Popular u l-proporzjonijiet tal-kapital tiegħu fl-ittri tal-Gvernatur tal-Bank ta’ Spanja u l-proposta tal-Bord Eżekuttiv, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258. It-tielet deċiżjoni kkontestata tinvoka l-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-imsemmija dispożizzjoni sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għall-evalwazzjoni FOLTF u għad-dokumenti li Banco Popular bagħat lill-BĊE u lill-Bank ta’ Spanja fil-kuntest tal-MSU bejn l‑1 u s‑6 ta’ Ġunju 2017.

173    Għandu jiġi ppreċiżat li t-tieni deċiżjoni kkontestata tinkludi, barra minn hekk, rifjut ta’ aċċess għal informazzjoni oħra, jiġifieri l-limitu tal-KUL, l-ammont tal-KUL mogħti u l-garanziji offruti, li ma kienx ibbażat fuq l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258. Kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv, ir-rifjut ta’ aċċess għal din l-informazzjoni huwa legalment ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tat-tieni u s-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258.

1.      Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-BĊE applika b’mod żbaljat preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità abbażi tal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258

174    Fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, fit-tliet deċiżjonijiet ikkontestati, il-BĊE b’mod żbaljat ibbaża ruħu fuq l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità sabiex jirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba. Fil-fehma tagħha, tali preżunzjoni, li hija bbażata fuq iċ-ċirkustanza li d-dokumenti mitluba jkunu protetti minn obbligu ta’ sigriet professjonali impost fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ma teżistix f’dan il-każ.

175    Għalkemm ir-rikorrenti tirrikonoxxi li l-ġurisprudenza aċċettat l-applikazzjoni ta’ preżunzjonijiet ġenerali ta’ kunfidenzjalità f’ċerti każijiet speċifiċi, hija ssostni li din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta għal dan il-każ, peress li l-obbligu ta’ sigriet professjonali japplika għall-istituzzjonijiet kollha skont l-Artikolu 339 TFUE, b’tali mod li, jekk tiġi segwita l-loġika tal-BĊE, kull dokument ta’ istituzzjoni tal-Unjoni jkun dejjem kopert minn preżunzjoni ġenerali li hija bbażata preċiżament fuq dan id-dmir. Dan ikun iwassal sabiex jintilef is-sens tal-prinċipju ta’ trasparenza u d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti kif previst fl-Artikolu 41 tal-Karta.

176    Il-BĊE jwieġeb li tapplika preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità f’dan il-każ. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali li diġà rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ tali preżunzjonijiet fl-oqsma tal-għajnuna mill-Istat, tal-konċentrazzjonijiet u tal-akkordji. Skont il-BĊE, il-loġika wara din il-ġurisprudenza, jiġifieri n-neċessità li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-proċeduri f’dawn l-oqsma u li jiġi żgurat li l-għanijiet tagħhom ma jkunux kompromessi billi jiġi evitat li d-dritt ta’ aċċess jintuża sabiex jiġu evitati r-regoli speċifiċi li jipprevedu aċċess limitat għall-fajl, tapplika wkoll għall-qasam tas-superviżjoni prudenzjali.

177    Il-BĊE jsostni li, b’differenza mill-proċeduri fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, li għandhom bidu u li jintemmu permezz ta’ deċiżjoni, is-superviżjoni prudenzjali bankarja li huwa jwettaq hija kontinwa. Għalhekk, id-diversi riskji li jippreżentaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għas-superviżjoni prudenzjali jiġu evalwati b’mod kostanti, abbażi tal-informazzjoni pprovduta b’mod regolari minnhom. Barra minn hekk, filwaqt li l-preżunzjonijiet ġenerali ta’ kunfidenzjalità ammessi f’oqsma oħra jipproteġu essenzjalment l-integrità tal-proċeduri amministrattivi partikolari, l-obbligi ta’ kunfidenzjalità li għandu l-BĊE huma intiżi li jipproteġu barra minn hekk il-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ superviżjoni prudenzjali bankarju kollu kemm hu u, għaldaqstant, l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.

178    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-BĊE jqis li l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni toffri lill-fajls ta’ superviżjoni prudenzjali tiegħu protezzjoni tal-inqas ekwivalenti għal dik li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

179    F’dan il-kuntest, il-BĊE jikkontesta l-argument tar-rikorrenti li kull dokument ta’ istituzzjoni tal-Unjoni huwa dejjem kopert minn obbligu ta’ sigriet professjonali minħabba l-fatt li l-Artikolu 339 TFUE huwa applikabbli għall-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħu, id-dmir ta’ sigriet professjonali impost fuqu fl-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu ta’ superviżjoni prudenzjali jirrifletti n-natura partikolari tal-attivitajiet ta’ superviżjoni tiegħu. Barra minn hekk, dan id-dmir huwa kjarament limitat u speċifiku f’termini tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae. Għaldaqstant, dan huwa differenti mill-obbligu ġenerali tas-sigriet professjonali stabbilit fl-Artikolu 339 TFUE. Barra minn hekk, l-obbligi tas-sigriet professjonali imposti mill-Artikolu 339 TFUE u mill-Artikolu 37 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE ma jeskludux kull żvelar, iżda biss l-iżvelar indebitu ta’ informazzjoni kunfidenzjali.

180    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel ilment huwa bbażat parzjalment fuq qari żbaljat tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, għalkemm ir-rikorrenti tafferma li “d-” deċiżjonijiet ikkontestati jiksru l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258, għar-raġuni li, f’dawn id-deċiżjonijiet, il-BĊE bbaża r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba billi applika preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità, fir-realtà huma biss l-ewwel u t-tielet deċiżjoni kkontestata li huma bbażati fuq tali preżunzjoni, u dan ġie kkonfermat mill-BĊE matul is-seduta.

181    Fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kkontestata, kif tfakkar fil-punt 172 iktar ’il fuq, din hija bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258 sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular u l-proporzjonijiet tal-kapital tiegħu. Issa, kif spjega l-BĊE matul is-seduta, minflok applika preżunzjoni ġenerali sabiex jirrifjuta l-aċċess għall-imsemmija informazzjoni, huwa wettaq eżami konkret u individwali tal-erba’ dokumenti li għalihom huwa ta aċċess parzjali sabiex jiddetermina jekk l-imsemmija informazzjoni kinitx protetta mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258. Dan l-approċċ huwa konformi mal-ġurisprudenza li tipprovdi li l-użu ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità jikkostitwixxi biss sempliċi fakultà għall-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni kkonċernat, li jibqa’ jżomm il-possibbiltà li jsir eżami konkret u individwali tad-dokumenti inkwistjoni (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, PTC Therapeutics International vs EMA, C‑175/18 P, EU:C:2020:23, punt 61).

182    Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza li stabbilixxiet l-eżistenza ta’ preżunzjonijiet ġenerali ta’ kunfidenzjalità hija bbażata fuq il-fatt li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jistgħux, meta d-dokumenti kkonċernati minn applikazzjoni għal aċċess jaqgħu taħt qasam partikolari tad-dritt tal-Unjoni, jiġu interpretati mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni regoli speċifiċi li jirregolaw l-aċċess għal dawn id-dokumenti. Dawn il-preżunzjonijiet ġenerali jippermettu għalhekk li tiġi żgurata applikazzjoni koerenti ta’ sistemi legali li jfittxu għanijiet differenti u li ma jipprevedux espressament is-supremazija ta’ waħda fuq l-oħra (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Chambre de commerce et d’industrie métropolitaine Bretagne-Ouest (port de Brest) vs Il‑Kummissjoni, T‑39/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:560, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

183    L-applikazzjoni tal-preżunzjonijiet ġenerali hija essenzjalment irregolata mill-bżonn superjuri li jiġi żgurat il-funzjonament korrett tal-proċeduri inkwistjoni u li jiġi żgurat li l-għanijiet tagħhom ma jkunux kompromessi. Għalhekk, ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali jista’ jkun ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tal-aċċess għad-dokumenti ta’ ċerti proċeduri mal-iżvolġiment tajjeb tagħhom u fuq ir-riskju li dawn il-proċeduri jiġu ppreġudikati, fid-dawl tal-fatt li l-preżunzjonijiet ġenerali jippermettu li tiġi ppreżervata l-integrità tal-iżvolġiment tal-proċedura billi tiġi limitata l-interferenza ta’ terzi (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il‑Kummissjoni, T‑701/18, EU:T:2020:224, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

184    Peress li għalhekk il-preżunzjonijiet ġenerali jikkostitwixxu eċċezzjoni għall-obbligu ta’ eżami konkret u individwali, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata, ta’ kull dokument imsemmi fit-talba tal-aċċess u, b’mod iżjed ġenerali, għall-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, dawn għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni u applikazzjoni stretta (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il‑Kummissjoni, T‑701/18, EU:T:2020:224, punt 39).

185    Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li għandu jiġi eżaminat jekk il-BĊE applikax, ġustament, preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258.

186    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258 jipprevedi li l-BĊE għandu jirrifjuta l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jkun jippreġudika l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li hija protetta bħala tali “skont il-liġi tal-Unjoni”.

187    Għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258, li preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità bbażata fuq din id-dispożizzjoni ma jkollhiex kamp ta’ applikazzjoni limitat b’mod ċar u preċiż.

188    Fil-fatt, fir-rigward tan-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni li jistħoqqilha li tiġi protetta bħala tali, l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258, billi jagħmel riferiment għad-dritt tal-Unjoni, ma għandux kontenut preċiż u jiddependi, għall-applikazzjoni tiegħu, mir-riferiment għal regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-kuntest li fih id-dokumenti li għalihom intalab l-aċċess ġew stabbiliti.

189    Għalhekk, l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258 jistabbilixxi rabta bejn is-sistema ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-BĊE u s-sistemi ta’ sigriet professjonali li l-BĊE u l-persunal tiegħu huma suġġetti għalihom skont id-dritt tal-Unjoni, bl-għan għalhekk li jiġi żgurat li l-BĊE josserva l-obbligi tiegħu ta’ sigriet professjonali anki fil-kuntest tat-talbiet tal-aċċess għad-dokumenti tiegħu.

190    Issa, ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità bbażata fuq dispożizzjoni li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma huwiex limitat b’mod ċar ma jissodisfax ir-rekwiżiti taċ-ċertezza legali, li tagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li teżiġi li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jorjentaw ruħhom f’sitwazzjonijiet u f’relazzjonijiet legali li jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenzi tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332; tal‑25 ta’ Novembru 2020, ACRE vs Il‑Parlament, T‑107/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:560, punt 66, u tad‑9 ta’ Diċembru 2020, Adraces vs Il‑Kummissjoni, T‑714/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:591, punt 37). L-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan il-prinċipju hija dejjem iktar importanti meta r-regoli tad-dritt inkwistjoni jista’ jkollhom fuq l-individwi u l-impriżi konsegwenzi sfavorevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 111, u tas‑26 ta’ Marzu 2020, Hungeod et, C‑496/18 u C‑497/18, EU:C:2020:240, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, l-imsemmi prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tal-Unjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jkollhom għarfien tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jaġixxu konsegwentement (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2009, Heinrich, C‑345/06, EU:C:2009:140, punt 44).

191    Barra minn hekk, l-ammissjoni tal-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità bbażata fuq dispożizzjoni li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma huwiex limitat b’mod ċar tkun tmur kontra l-ġurisprudenza esposta fil-punt 184 iktar ’il fuq li tgħid li, peress li l-preżunzjonijiet jikkostitwixxu eċċezzjoni għall-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’, dawn għandhom jiġu interpretati b’mod strett.

192    It-tieni, ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258 ma jistax jiġi kkonċiljat mal-approċċ irrakkomandat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Baumeister.

193    F’dik is-sentenza, mogħtija wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li huma s-suġġett ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ informazzjoni kunfidenzjali inkluż fl-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 joħloq prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti u jistipula b’mod eżawrjenti l-każijiet speċifiċi li fihom din il-projbizzjoni ġenerali ma hijiex, eċċezzjonalment, ta’ ostakolu għall-komunikazzjoni tagħha jew għall-użu tagħha (sentenza Baumeister, punt 38).

194    Fil-punt 46 tas-sentenza Baumeister, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-informazzjoni kollha dwar impriża mmonitorjata u kkomunikata minnha lill-awtorità kompetenti, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet kollha ta’ din l-awtorità ta’ superviżjoni li jinsabu fil-fajl ta’ superviżjoni tagħha, inkluża l-korrispondenza tagħha ma’ servizzi oħrajn, ma kinitx tikkostitwixxi, b’mod inkundizzjonat, informazzjoni kunfidenzjali, koperta mis-sigriet professjonali previst fl-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39. Min-naħa l-oħra, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, taqa’ taħt din il-klassifikazzjoni l-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti, minn naħa, li ma hijiex ta’ natura pubblika u, min-naħa l-oħra, li l-iżvelar tagħha jista’ jimmina l-interessi tal-persuna fiżika jew ġuridika li pprovdietha jew ta’ terzi, jew anki l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kontroll tal-attività tal-impriżi ta’ investiment.

195    Il-partijiet ma jikkontestawx li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Baumeister għandha tiġi trasposta għal dan il-każ, peress li l-imsemmija dispożizzjoni hija fformulata b’mod simili ħafna għad-dispożizzjonijiet li l-BĊE invoka f’dan il-każ bħala li jikkostitwixxu d-“dritt tal-Unjoni” skont l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258, jiġifieri t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 u l-Artikolu 84(3) tad-Direttiva 2014/59. Fil-fatt, kemm l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 u l-Artikolu 84(3) tad-Direttiva 2014/59 jimponu fuq l-awtoritajiet kompetenti projbizzjoni li jiżvelaw “informazzjoni kunfidenzjali” li huma jkollhom, ħlief f’forma mqassra jew aggregata li tipprekludi kull identifikazzjoni tal-entitajiet ikkonċernati.

196    Għalhekk, l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 u tal-Artikolu 84(3) tad-Direttiva 2014/59 tippreżupponi li l-BĊE jivverifika li ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Baumeister huma ssodisfatti fir-rigward ta’ kull informazzjoni li għaliha jintalab aċċess. Jekk dawn il-kundizzjonijiet huma effettivament issodisfatti, il-BĊE għandu jirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni. Id-dispożizzjonijiet ikkonċernati ma jħallu ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward, kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 43 tas-sentenza Baumeister. Dan l-eżerċizzju jeħtieġ neċessarjament evalwazzjoni konkreta u individwali ta’ kull informazzjoni kkonċernata li ma tistax tiġi evitata bl-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità.

197    It-tielet, għandu jitfakkar li l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258 tikkostitwixxi eċċezzjoni msejħa “assoluta”. B’differenza mill-eċċezzjonijiet li l-applikazzjoni tagħhom tippreżumi bbilanċjar tal-interessi inkwistjoni, l-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni assoluta hija obbligatorja peress li l-iżvelar lill-pubbliku tad-dokument ikkonċernat huwa ta’ natura li jippreġudika l-interessi protetti mill-imsemmija dispożizzjoni.

198    Skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument partikolari, li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub, ma huwiex kopert mill-imsemmija preżunzjoni jew li, skont l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 62; ara, ukoll, is-sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2017, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑562/14 P, EU:C:2017:356, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il‑Kummissjoni, T‑701/18, EU:T:2020:224, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

199    Issa, il-fatt li preżunzjoni ġenerali tista’, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 198 iktar ’il fuq, tiġi kkonfutata bid-demostrazzjoni ta’ interess pubbliku superjuri huwa f’kontradizzjoni mal-fatt li l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258 hija eċċezzjoni msejħa “assoluta” u għalhekk ma tipprevedix ibbilanċjar ma’ tali interess superjuri.

200    Bl-istess mod, għandu jitfakkar, kif ġie espost fil-punt 181 iktar ’il fuq, li l-użu ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità jikkostitwixxi biss sempliċi fakultà għall-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni kkonċernat, li jibqa’ jżomm il-possibbiltà li jsir eżami konkret u individwali tad-dokumenti inkwistjoni (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, PTC Therapeutics International vs EMA, C‑175/18 P, EU:C:2020:23, punt 61).

201    F’dan il-każ, kif isostni l-BĊE fil-punt 94 tar-risposta u fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 228, 271 u 302 iktar ’il quddiem, kemm jekk preżunzjoni ġenerali tiġi applikata jew le għall-informazzjoni li għaliha l-aċċess ġie rrifjutat fl-ewwel u fit-tielet deċiżjoni kkontestata, din l-informazzjoni tikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, “informazzjoni kunfidenzjali” li hija koperta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258.

202    Minn dan isegwi li, irrispettivament mill-eżitu tal-eżami tal-ewwel ilment tal-ewwel motiv, dan ma jistax jikkontesta l-legalità tal-ewwel u tat-tielet deċiżjoni kkontestata peress li, fir-rigward taċ-ċaħda tat-tieni u tat-tielet ilment tal-ewwel motiv, l-informazzjoni inkwistjoni hija madankollu koperta mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258.

203    Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-BĊE kellu l-intenzjoni japplika, fl-ewwel u fit-tielet deċiżjoni kkontestata, bi żball, preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità, l-ewwel ilment tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

2.      Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-informazzjoni mitluba ma hijiex informazzjoni kunfidenzjali

204    Fil-kuntest tat-tieni lment, minn naħa, ir-rikorrenti tikkritika lill-BĊE li rrifjuta l-aċċess għal informazzjoni li kienet taqa’ taħt id-dominju pubbliku. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-BĊE ma ppreċiżax b’mod suffiċjenti fid-dritt id-dannu li l-aċċess għad-dokumenti mitluba jista’ jikkawża kemm għall-interessi kummerċjali ta’ Banco Popular u ta’ Banco Santander kif ukoll għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ superviżjoni prudenzjali.

205    Dawn l-argumenti jqajmu, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk id-dokumenti mitluba jinkludux informazzjoni kunfidenzjali fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 u tal-Artikolu 84(3) tad-Direttiva 2014/59.

206    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-dokumenti mitluba jinkludux informazzjoni kunfidenzjali, jiġifieri informazzjoni, minn naħa, li ma hijiex ta’ natura pubblika u, min-naħa l-oħra, li l-iżvelar tagħha jista’ jippreġudika l-interessi tal-persuna fiżika jew ġuridika li pprovdietha jew ta’ terzi, jew inkella l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ superviżjoni prudenzjali (ara, b’analoġija, is-sentenza Baumeister, punt 46). Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ser jiġu eżaminati suċċessivament.

a)      Fuq in-natura pubblika tal-informazzjoni mitluba

207    Fir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li s-suq diġà kien jaf bil-parti l-kbira tal-informazzjoni dwar ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular f’forma mqassra jew indiretta sa fejn, minn naħa, l-informazzjoni dehret fl-istampa u, min-naħa l-oħra, il-banek ikkwotati huma suġġetti għal diversi obbligi ta’ trasparenza. Għalhekk, ir-rikorrenti tqis li s-suq kellu diġà għarfien tal-fatt li Banco Popular kellu problemi ta’ likwidità li wasslu għar-riżoluzzjoni tiegħu. Fil-fehma tagħha, li wieħed jispjega d-dettalji tar-riżoluzzjoni ma jbiddilx il-perċezzjoni li għandu s-suq ta’ dak li ġara.

208    Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-interventi tal-Kummissjoni u ta’ Banco Santander, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għal diversi artikli tal-istampa u tipproduċi diversi minnhom, dwar it-talba ta’ KUL ta’ Banco Popular u l-istat tal-likwidità tagħha, li skont hi jipprovaw li din id-data hija pubblika.

209    F’dawn l-istess osservazzjonijiet, ir-rikorrenti tirrileva, essenzjalment, li Banco Santander stess ma tikkunsidrax l-informazzjoni mitluba bħala kunfidenzjali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li Banco Popular ippubblika ċerta data dwar il-proporzjonijiet għal żmien qasir fir-rapporti annwali u trimestrali tiegħu u li huwa ppubblika wkoll il-proporzjon tas-self/depożiti, li jikkostitwixxi wieħed mill-indikaturi tal-likwidità tiegħu. Barra minn hekk, l-Asociación Española de Banca (assoċjazzjoni Spanjola tal-banek, iktar ’il quddiem l-“AEB”) ippubblikat kull xahar il-bilanċ finanzjarju ta’ kull bank li fih kien hemm il-livell tad-depożiti u l-livell tas-self. Din id-data tippermetti li jiġi kkalkolat il-proporzjon tas-self/depożiti. Skont ir-rikorrenti, Banco Santander ma jispjegax għaliex din id-data tista’ tkun pubblika filwaqt li indikaturi ta’ likwidità oħra li għalihom hija talbet aċċess għandhom jibqgħu kunfidenzjali.

210    Skont il-BĊE, dawn l-allegazzjonijiet huma inammissibbli jew, tal-inqas, infondati. Hija tikkontesta li l-informazzjoni li hija rrifjutat l-aċċess għaliha abbażi tal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258 kienet taqa’ taħt id-dominju pubbliku fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, hija ssostni li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tidentifika l-informazzjoni li għaliha jirreferu l-allegazzjonijiet tagħha.

211    Bi tweġiba għall-allegazzjonijiet tal-BĊE, ir-rikorrenti ppreċiżat l-argumenti tagħha u pprovdiet iktar dokumenti insostenn tagħhom. Għalhekk, l-ewwel nett, fir-rigward tad-dokumenti kkonċernati mit-tielet deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għal anness li jinkludi artikli tal-istampa li fihom tissemma l-eżistenza u l-kontenut tal-ittra li Banco Popular bat lill-BĊE fis‑6 ta’ Ġunju 2017. It-tieni, f’dak li jirrigwarda d-dokumenti “relatati mal-likwidità ta’ Banco Popular”, li huma s-suġġett tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tirrileva li din l-informazzjoni ġiet ippubblikata kemm fir-rapporti annwali u trimestrali ta’ Banco Popular, kif ukoll fi ħdan l-AEB, li għaliha kien jappartjeni Banco Popular, fid-dawl tal-pubblikazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għad-dokumenti li hija annettiet mal-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni. It-tielet, fir-rigward tad-data dwar l-għoti tal-KUL, li hija s-suġġett tat-tieni deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għall-annessi li hija kienet ipproduċiet flimkien mal-osservazzjonijiet tagħha fuq in-noti ta’ intervent tal-Kummissjoni u ta’ Banco Santander u annettiet artikli oħra tal-istampa li, fil-fehma tagħha, jikkorroboraw in-natura pubblika ta’ din id-data.

212    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-BĊE ma invokax l-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258 sabiex fuqha jibbaża r-rifjut tiegħu ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar il-limitu tal-KUL, l-ammont tal-KUL effettivament mogħti u l-garanziji offruti (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 89 iktar ’il fuq). Sa fejn l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan l-ilment jirrigwardaw din l-informazzjoni, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

213    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, konformement mal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors promotur għandu jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Din l-espożizzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr ebda informazzjoni oħra ta’ sostenn. Minħabba dan, ir-rikors għandu jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li r-rikors huwa bbażat fuqu, b’tali mod li s-sempliċi enunzja astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura. Rekwiżiti analogi huma meħtieġa meta jiġi invokat argument insostenn ta’ motiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Winkler vs Il‑Kummissjoni, T‑369/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:334, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ Mejju 2020, Peek & Cloppenburg vs EUIPO – Peek & Cloppenburg (Peek & Cloppenburg), T‑446/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:187, punt 29).

214    Għalkemm huwa minnu li t-test tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi f’dokumenti li jkunu annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għall-assenza tal-argumenti essenzjali ta’ liġi, li, skont id-dispożizzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

215    Barra minn hekk, ma huwiex id-dmir tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li fuqhom hija tista’ tikkunsidra li huwa bbażat ir-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, Universität Koblenz-Landau vs EACEA, T‑606/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:105, punt 61).

216    Għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex tiġi kkontestata b’mod validu l-affermazzjoni tal-BĊE li l-informazzjoni mitluba ma kinitx taqa’ taħt id-dominju pubbliku fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma ressqet ebda element konkret ta’ natura li jsostni l-allegazzjonijiet tagħha, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tivverifika l-eżattezza tagħhom. Għalhekk, ir-rikorrenti tonqos milli tippreċiża, fit-test tad-dokumenti tagħha, l-informazzjoni eżatta li hija tqis li hija pubblika u sempliċement tagħmel riferiment globali għal madwar għaxar annessi li jirrappreżentaw total ta’ iktar minn 1 000 paġna. Ir-rikorrenti ma tindikax is-siltiet preċiżi fl-annessi li jkunu jippermettu li jiġi stabbilit li waħda mill-informazzjoni mitluba kienet pubblika fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

217    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat, kif isostni ġustament il-BĊE, li huwa ma jistax jiġi obbligat li jissorvelja l-inizjattivi ta’ pubblikazzjoni meħuda mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew mill-istampa.

218    Għalhekk, fil-punt 56 tas-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Diċembru 2019, BĊE vs Espírito Santo Financial (Portugal) (C‑442/18 P, EU:C:2019:1117), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, essenzjalment, li l-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni tista’ tiġi invokata sakemm din l-informazzjoni ma tkunx ġiet magħmula pubblika mill-BĊE u li ċ-ċirkustanza li informazzjoni approssimattiva ġiet ippubblikata minn terzi ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jobbliga lill-BĊE jikkomunika din l-informazzjoni. Għaldaqstant, anki jekk l-artikli tal-istampa msemmija mir-rikorrenti kienu jinkludu informazzjoni li kienet toqrob b’mod sinjifikattiv għall-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti mitluba, din iċ-ċirkustanza ma twassalx għal obbligu għall-BĊE li jagħti aċċess għaliha.

219    Barra minn hekk, l-iżvelar mhux awtorizzat ta’ dokument ma jistax ikollu bħala konsegwenza li jagħmel aċċessibbli lill-pubbliku dokument kopert minn waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2004/258 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2013, Beninca vs Il‑Kummissjoni, T‑561/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:558, punt 55).

220    Fir-raba’ lok, qari tad-dokumenti mitluba jippermetti li jiġi konkluż li l-informazzjoni li hija inkluża fih hija magħrufa biss minn numru limitat ta’ persuni u għalhekk ma għandhiex natura pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2006, Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, T‑198/03, EU:T:2006:136, punt 71).

221    Għalhekk, f’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-evalwazzjoni FOLTF, il-qari tal-verżjoni integrali tagħha jippermetti li jiġi kkonstatat li l-estratti li għalihom ġie rrifjutat l-aċċess jinkludu essenzjalment informazzjoni finanzjarja dwar is-sitwazzjoni ta’ kapital u ta’ likwidità ta’ Banco Popular fil-ġimgħat ta’ qabel ir-redazzjoni tal-evalwazzjoni FOLTF. Kif ikkonferma l-BĊE matul is-seduta, din hija data li ma hijiex regolarment jew normalment ippubblikata mill-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, u lanqas mill-Bank Ċentrali nazzjonali jew mill-BĊE, iżda pjuttost informazzjoni li ġiet speċifikament imfittxija sabiex jiġi evalwat jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu taħt superviżjoni għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni previsti mid-Direttiva 2013/36.

222    F’dak li jirrigwarda, it-tieni, l-ittra li Banco Popular bagħat, fis‑6 ta’ Ġunju 2017, lill-BĊE, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ssostni li, anki jekk l-eżistenza ta’ din l-ittra kif ukoll il-kontenut tagħha jissemmew fl-artikli tal-istampa li hija pproduċiet, dawn l-indikazzjonijiet huma ġeneriċi ħafna u ma jiżvelawx informazzjoni inkluża fl-imsemmija ittra.

223    F’dak li jikkonċerna, it-tielet, id-dokument li huwa s-suġġett tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-ħarsa ġenerali tal-bilanċ ta’ kuljum tad-depożiti ta’ Banco Popular mit‑3 ta’ April 2017, għandu jiġi kkonstatat li l-BĊE jispjega fl-imsemmija deċiżjoni li dan id-dokument jinkludi informazzjoni li normalment ma hijiex ikkomunikata lilu, iżda li, b’mod eċċezzjonali, huwa beda jiġbor din l-informazzjoni fit‑3 ta’ April 2017. Il-BĊE jżid li dan id-dokument ġie ppreparat fil-kuntest tas-superviżjoni prudenzjali ta’ Banco Popular fid-dawl tal-preparazzjoni tal-evalwazzjoni FOLTF.

224    Xejn fl-argumenti tar-rikorrenti ma jippermetti li jiġi konkluż li din l-informazzjoni miġbura eċċezzjonalment mill-BĊE kienet ippubblikata fil-mument tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti sempliċement tiddikjara li Banco Popular u l-AEB ippubblikaw ċerta data li tippermetti li jiġu kkalkolati “indikaturi tal-likwidità ta’ Banco Popular”. Issa, hija tindika li qiegħda tistaqsi għalfejn “indikaturi oħra li għalihom [hija] titlob aċċess huma kunfidenzjali”. Ir-rikorrenti mhux talli ma pproduċietx prova prima facie li l-informazzjoni li hija tixtieq li jkollha aċċess għaliha hija pubblika, talli pjuttost tikkonferma li din l-informazzjoni ma tinsabx fid-dominju pubbliku.

225    F’dak li jikkonċerna, ir-raba’ l-informazzjoni li l-BĊE, fit-tieni deċiżjoni kkontestata, irrifjuta l-aċċess għaliha abbażi tal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258, jiġifieri l-informazzjoni dwar l-istat tal-likwidità u l-proporzjon ta’ kapital ta’ Banco Popular, għandu jiġi kkonstatat li t-tliet dokumenti li fihom tinsab din l-informazzjoni huma intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet fi ħdan il-Kunsill Governattiv tal-BĊE. Dawn it-tliet dokumenti huma għalhekk, min-natura tagħhom, intiżi sabiex ikunu magħrufa biss minn numru limitat ta’ persuni.

226    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tislet argument mill-allegazzjoni li Banco Santander stess irrikonoxxa li l-informazzjoni mitluba ma kinitx kunfidenzjali peress li, fil-kuntatti tagħha mal-istituzzjonijiet, Banco Santander oppona biss l-iżvelar ta’ ċerta informazzjoni speċifika li tista’ tippreġudika l-interessi kummerċjali tiegħu, jiġifieri data dwar il-klijenti tiegħu, il-konsegwenzi tal-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-kuntratti ta’ impriża konġunta kif ukoll id-dettalji u l-evalwazzjoni tal-politika ta’ kontabbiltà tar-riskji legali relatati ma’ Banco Popular fis‑6 ta’ Ġunju 2017.

227    Fil-fatt, kif ikkonferma Banco Santander matul is-seduta, il-kuntatti li huwa għamel riferiment għalihom seħħew fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ aċċess għad-dokumenti quddiem il-BUR u ma kinux jikkonċernaw l-informazzjoni miżmuma u użata mill-BĊE. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, Banco Santander isostni b’mod espliċitu, fin-nota ta’ intervent tiegħu, li huwa jqis li l-informazzjoni mitluba f’dan il-każ kienet kunfidenzjali fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

228    Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, għandu jiġi konkluż li ebda element tal-proċess ma jippermetti li jiġi konkluż li l-informazzjoni li għaliha ġie rrifjutat l-aċċess abbażi tal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258 kienet taqa’ taħt id-dominju pubbliku fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

b)      Fuq ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interessi tal-persuna fiżika jew ġuridika li tkun ipprovdiet l-informazzjoni mitluba jew ta’ terzi jew il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ superviżjoni prudenzjali u ta’ riżoluzzjoni

229    It-tieni kundizzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Baumeister sabiex tiġi rrikonoxxuta n-natura kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni teżiġi li jiġi eżaminat jekk l-iżvelar tagħha jirriskjax li jippreġudika l-interessi tal-persuna fiżika jew ġuridika li pprovdietha jew ta’ terzi, jew ukoll il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ superviżjoni prudenzjali u ta’ riżoluzzjoni (sentenza Baumeister, punt 46). L-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti u dwar din il-kundizzjoni jinqasmu f’żewġ partijiet.

1)      Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma jippreġudikax l-interessi tal-persuna li pprovdiet l-informazzjoni li tinsab fihom jew ta’ terzi

230    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li, minħabba n-natura tal-informazzjoni mitluba, l-iżvelar tagħha ma jistax jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi kummerċjali ta’ Banco Popular u lanqas dawk ta’ Banco Santander.

231    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkonstata, qabelxejn, li l-informazzjoni inkwistjoni taqa’ fil-passat. Issa, skont rapport ekonomiku mehmuż mar-rikors, hija biss l-informazzjoni attwali u futura li hija importanti għas-suq u għall-istabbilimenti tas-swieq finanzjarji. Fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tas-settur finanzjarju, fejn l-informazzjoni tiġi ttrasferita malajr u fejn l-operaturi jiksbu malajr konklużjonijiet minn dak li huma jqisu li hija informazzjoni rilevanti, l-informazzjoni ssir obsoleta malajr u konsegwentement inutli għas-suq. Ir-rikorrenti tqis li dan huwa preċiżament il-każ għall-informazzjoni dwar il-garanziji offruti, l-istat tal-likwidità u l-proporzjonijiet tal-kapital ta’ Banco Popular u l-falliment li x’aktarx kien ser iseħħ jew li qiegħed iseħħ. Minkejja li din l-informazzjoni hija normalment sensittiva fuq il-livell kummerċjali, ir-rikorrenti tallega li din ma għadhiex rilevanti għas-suq finanzjarju jew għall-kompetituri, peress li hija ddatata qabel ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular u għalhekk ma tirriflettix iktar is-sitwazzjoni attwali tagħha. Għaldaqstant, l-informazzjoni kollha preċedenti għar-riżoluzzjoni saret storika u ma tistax titqies li hija kunfidenzjali.

232    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-ġurisprudenza ssegwi approċċ każwali sabiex tiġi evalwata n-natura storika tal-informazzjoni. Għalkemm is-sentenza Baumeister stabbilixxiet preżunzjoni riversibbli tan-natura storika ta’ ċerta informazzjoni li għandha iktar minn ħames snin, minn din is-sentenza ma jistax jiġi dedott li l-informazzjoni ta’ inqas minn ħames snin ta’ anzjanità bl-ebda mod ma tista’ tiġi kklassifikata bħala informazzjoni storika.

233    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu jeżistu fid-data li fiha ġie adottat l-att (ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Versorgungswerk der Zahnärztekammer Schleswig-Holstein vs BĊE, T‑376/13, EU:T:2015:361, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Baumeister, punt 50). Kif ġustament jirrileva Banco Santander, id-data li l-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa l-legalità tar-rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni mitluba mill-BĊE hija għalhekk id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, jiġifieri s‑7 ta’ Novembru 2017.

234    Għaldaqstant, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-informazzjoni mitluba ma hijiex iktar rilevanti għas-suq finanzjarju jew il-kompetituri peress li hija qabel ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular u għalhekk ma tirriflettix iktar is-sitwazzjoni attwali tagħha ma tistax tirnexxi.

235    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-punt 54 tas-sentenza Baumeister, li, meta l-informazzjoni li setgħet tikkostitwixxi sigrieti tan-negozju f’ċertu perijodu tkun ilha ħames snin jew iktar, bħala prinċipju din titqies, minħabba li għadda ż-żmien, bħala storika u li tkun tilfet, minħabba dan il-fatt, in-natura sigrieta tagħha sakemm, b’mod eċċezzjonali, il-parti li tinvoka din in-natura ma turix li, minkejja li hija antika, din l-informazzjoni għadha tikkostitwixxi element essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha jew ta’ dik ta’ terzi kkonċernati.

236    F’dan ir-rigward, Banco Santander isostni, mingħajr ma huwa kontradett mill-partijiet l-oħra, li l-informazzjoni mitluba tmur prinċipalment għall-perijodu immedjatament qabel ir-riżoluzzjoni u, f’ċerti każijiet, għall-bidu tas-sena 2017.

237    Għaldaqstant, l-informazzjoni mitluba kellha, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, l-iktar ftit xhur u għalhekk ma setgħetx, fid-dawl tal-kriterji msemmija fil-punti 233 u 235 iktar ’il fuq, titqies bħala informazzjoni storika.

238    Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li xejn ma jagħti x’jifhem, fis-sentenza Baumeister, li informazzjoni ta’ inqas minn ħames snin ta’ anzjanità bl-ebda mod ma tista’ tiġi kklassifikata bħala informazzjoni storika u approċċ każ b’każ huwa meħtieġ. B’mod partikolari, f’każ bħal dak f’din il-kawża fejn l-informazzjoni mitluba tikkonċerna l-pożizzjoni kummerċjali ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li ġiet suġġetta għal sistema ta’ riżoluzzjoni, ir-rikorrenti tissuġġerixxi li din l-informazzjoni saret awtomatikament storika wara l-adozzjoni tal-istrument ta’ riżoluzzjoni.

239    Issa, ma jistax jiġi aċċettat li l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni joħloq preżunzjoni ġdida li l-informazzjoni dwar il-pożizzjoni kummerċjali tal-istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għall-iskema ta’ riżoluzzjoni ssir awtomatikament storika. Tali approċċ ikun jeskludi, bħala prinċipju, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 u mal-Artikolu 84(3) tad-Direttiva 2014/59.

240    Bħalma jirrilevaw ġustament il-BĊE, il-Kummissjoni u Banco Santander, Banco Popular baqa’ jopera bħala parti mill-grupp Banco Santander wara s‑7 ta’ Ġunju 2017, u dan sat‑28 ta’ April 2018, data li fiha huwa kien is-suġġett ta’ amalgamazzjoni b’akkwist ma’ Banco Santander.

241    Fil-fatt, waħda mir-raġunijiet li għalihom il-BUR iddeċieda li jadotta skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular kienet li jiżgura l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tiegħu, konformement mal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 806/2014. Għalhekk, il-bejgħ lil Banco Santander ippermetta lil Banco Popular ikompli jopera taħt kundizzjonijiet normali tas-suq bħala membru tal-grupp Santander.

242    Minn dan isegwi li l-BĊE seta’ validament iqis li l-iżvelar tal-bilanċ ta’ kuljum tad-depożiti ta’ Banco Santander mit‑3 ta’ April 2017, tas-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular u tal-proporzjonijiet tal-kapital tiegħu, tal-informazzjoni dwar il-pożizzjoni ta’ Banco Popular fis-suq, kif ukoll tal-attivi tiegħu u tal-passiv tiegħu, u tal-evalwazzjoni tal-impatt tas-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular fuq il-finanzjament u l-istruttura operattiva tas-sussidjarja tiegħu Banco Popular Portugal seta’, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, jippreġudika l-interessi ta’ Banco Popular jew dawk tal-kumpannija omm tiegħu, minkejja l-applikazzjoni ta’ strument ta’ riżoluzzjoni.

243    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-BĊE ma rnexxilux jipprova li l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba jkun jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interessi kummerċjali ta’ Banco Santander u ta’ Banco Popular. Ir-rikorrenti tqis, f’dan ir-rigward, li l-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati hija ġenerika ħafna u tkun tista’ tapplika għal kwalunkwe bank. Hija tindika wkoll li l-BĊE ma ħax verament inkunsiderazzjoni r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, u lanqas in-natura eċċezzjonali tas-sitwazzjoni.

244    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li r-rikorrenti ma qajmitx formalment motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Minn qari tal-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti, jidher pjuttost li hija ma taqbilx mal-motivazzjoni mressqa mill-BĊE.

245    Issa, minn ġurisprudenza kostanti jsegwi li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li tikkonċerna l-legalità fil-mertu tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità fuq il-mertu tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li tesprimi motivi żbaljati. Minn dan isegwi li l-ilmenti u l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ att ma humiex rilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti (ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑29 ta’ April 2020, Tilly-Sabco vs Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, T‑707/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:160, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

246    Issa, fl-ewwel deċiżjoni kkontestata, il-BĊE jindika li l-iżvelar tad-dokument mitlub kien ikollu konsegwenzi dannużi għall-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, peress li dan ma jkunx jibqa’ jibbaża ruħu fuq il-fatt li l-informazzjoni li huwa pprovda lill-BĊE għall-finijiet tas-superviżjoni prudenzjali tiegħu ser tibqa’ kunfidenzjali. Huwa ppreċiżat ukoll, f’din id-deċiżjoni, li din is-sistema ta’ kunfidenzjalità tapplika minkejja l-fatt li bank kien is-suġġett ta’ skema ta’ riżoluzzjoni.

247    Fit-tieni deċiżjoni kkontestata, il-BĊE spjega, fir-rigward tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular u dwar il-proporzjonijiet tal-kapital tiegħu, li l-iżvelar tagħha kien ser iħeġġeġ lill-atturi fis-suq jispekulaw dwar is-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Santander u l-bżonnijiet ta’ finanzjament tiegħu, li jkun jista’ għalhekk jagħti lok għal pressjoni mhux iġġustifikata ta’ finanzjament.

248    Fit-tielet deċiżjoni kkontestata, il-BĊE kkonstata li l-informazzjoni mitluba kienet tikkonċerna, minn naħa, il-pożizzjoni kummerċjali ta’ Banco Santander fis-suq u, min-naħa l-oħra, l-assi u l-obbligi tiegħu u li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jkun jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-interessi kummerċjali ta’ Banco Popular u ta’ Banco Santander. B’mod partikolari, skont il-BĊE, l-evalwazzjoni tal-impatt tas-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular fuq il-finanzjament u l-istruttura operattiva tas-sussidjarja tiegħu Banco Popular Portugal hija sensittiva minn perspettiva kummerċjali u tkun tista’ tagħti lok għal spekulazzjoni inġustifikata dwar is-sitwazzjoni finanzjarja u ta’ likwidità tal-grupp. L-imsemmija deċiżjoni ssemmi barra minn hekk li l-iskema ta’ sigriet professjonali tapplika minkejja l-fatt li bank ikun ġie xolt.

249    Għaldaqstant, il-BĊE seta’ jqis b’mod validu li l-informazzjoni li huwa rrifjuta l-aċċess għaliha abbażi tal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258 setgħet, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, konkretament u effettivament tippreġudika l-interessi ta’ Banco Popular jew ta’ Banco Santander. Il-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati fihom biss motivazzjoni qasira ħafna fir-rigward tal-kwistjoni dwar għaliex tali preġudizzju seta’ jiġi preżunt minkejja l-applikazzjoni ta’ strument ta’ riżoluzzjoni għal Banco Popular ma jneħħi xejn minn din il-konstatazzjoni.

250    Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, l-ewwel parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba ma jkunx jikkawża preġudizzju għall-interessi ta’ Banco Popular jew ta’ Banco Santander, għandha tiġi miċħuda.

2)      Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma jippreġudikax il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ superviżjoni prudenzjali

251    Qabel ma jinbeda l-eżami tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti, hemm lok li jitfakkru l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 157 sa 162 iktar ’il fuq.

252    Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, għandha tiġi trasposta l-ġurisprudenza li permezz tagħha l-BĊE għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiddetermina jekk l-iżvelar ta’ ċerta informazzjoni jkunx jista’ jippreġudika interess pubbliku kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 fl-evalwazzjoni li l-BĊE għandu jwettaq fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-tieni kundizzjoni tas-sentenza Baumeister. L-evalwazzjoni tar-riskju ta’ preġudizzju għall-funzjonament tajjeb tas-sistema superviżorja prudenzjali u ta’ riżoluzzjoni tikkorrispondi, fil-fatt, għall-evalwazzjoni tar-riskju ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku.

253    Barra minn hekk, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 159 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni mill-BĊE tal-kwistjoni dwar jekk l-iżvelar ta’ ċerti dokumenti jkunx jippreġudika l-protezzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ superviżjoni prudenzjali u ta’ riżoluzzjoni hija ta’ natura kumplessa u delikata li teħtieġ grad ta’ prudenza partikolari.

254    Barra minn hekk, il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Baumeister sabiex jiġi evalwat preġudizzju għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kontroll tal-attività tal-impriżi ta’ investiment, li huma applikabbli b’analoġiji fil-kuntest tas-superviżjoni prudenzjali u tar-riżoluzzjoni, huma ġenerali ħafna, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza esposta fil-punt 160 iktar ’il fuq.

255    Minn dan isegwi, minn naħa, li l-istħarriġ tal-legalità li l-Qorti Ġenerali għandha twettaq f’dan il-kuntest huwa limitat għall-istħarriġ previst mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 161 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, li l-osservanza tal-obbligu tal-BĊE li jimmotiva suffiċjentement skont il-liġi d-deċiżjonijiet tiegħu għandha, bħala prinċipju, importanza iktar fundamentali (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 162 iktar ’il fuq).

256    F’dan il-każ, il-BĊE indika, fl-ewwel deċiżjoni kkontestata, li d-dokument li jinkludi l-informazzjoni dwar il-bilanċ ta’ kuljum tad-depożiti ta’ Banco Popular kien jaqa’ taħt il-fajl amministrattiv dwar is-superviżjoni kontinwa ta’ Banco Popular kif ukoll taħt l-analiżi finali tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular.

257    Fit-tieni deċiżjoni kkontestata, il-BĊE sostna li r-rikorrenti ma kinitx ikkontestat l-analiżi mwettqa fid-Deċiżjoni LS/PT/2017/66 tal‑11 ta’ Awwissu 2017, li d-dokument intitolat “Emergency liquidity assistance request from Banco de España” tal‑5 ta’ Ġunju 2017 fih informazzjoni dwar l-istat tal-likwidità u l-proporzjonijiet tal-kapital ta’ Banco Popular. Sussegwentement, hija spjegat li din l-informazzjoni kienet ġiet ipprovduta lilha minn Banco Popular fil-kuntest tas-superviżjoni prudenzjali kontinwa.

258    Fir-rigward tal-verżjoni integrali tal-evalwazzjoni FOLTF kif ukoll tad-dokumentazzjoni pprovduta minn Banco Popular dwar, b’mod partikolari, il-pożizzjoni ta’ kapital tiegħu, l-istat tal-likwidità tiegħu u l-kundizzjonijiet l-oħra għall-awtorizzazzjoni kontinwa tiegħu, il-BĊE spjega, fit-tielet deċiżjoni kkontestata, li dawn id-dokumenti kienu jaqgħu taħt fajls amministrattivi relatati mas-superviżjoni prudenzjali kontinwa u mal-proċedura ta’ evalwazzjoni FOLTF. Skont il-BĊE, dawn il-fajls amministrattivi kienu jaqgħu taħt l-eżerċizzju mill-BĊE tal-kompiti tiegħu bħala awtorità ta’ superviżjoni kompetenti, li huma previsti fir-Regolament Nru 1024/2013.

259    Issa, fit-tliet deċiżjonijiet ikkontestati, il-BĊE barra minn hekk spjega li, fl-eżerċizzju tal-kompiti fdati lilu mir-Regolament Nru 1024/2013, huwa huwa marbut minn obbligi tas-sigriet professjonali. F’dan il-kuntest, huwa ppreċiża d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli, kif ukoll il-kontenut ta’ dan l-obbligu tas-sigriet professjonali, u ddikjara li d-derogi għal dan l-obbligu tas-sigriet professjonali ma kinux applikabbli f’dan il-każ.

260    Il-BĊE kkonkluda minn dan li l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali li tirriżulta minn superviżjoni prudenzjali seta’ jippreġudika kemm l-istituzzjoni ta’ kreditu direttament ikkonċernata kif ukoll is-sistema bankarja b’mod ġenerali, peress li l-banek ma jkunux jistgħu jibqgħu jibbażaw ruħhom fuq il-fatt li l-informazzjoni li huma kienu pprovdew lill-BĊE fil-kuntest tas-superviżjoni prudenzjali ser iżżomm in-natura kunfidenzjali tagħha.

261    Fl-ewwel u fit-tielet deċiżjoni kkontestata, il-BĊE għamel riferiment, f’dan il-kuntest, għas-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 1985, Hillenius, (110/84, EU:C:1985:495, punt 27), u tat‑12 ta’ Novembru 2014, Altmann et (C‑140/13, EU:C:2014:2362, punti 31 sa 33). Fihom il-BĊE indika wkoll li r-riżoluzzjoni ma kinitx emendat l-istatus ta’ entità ssorveljata ta’ Banco Popular u li għalhekk is-sistema ta’ kunfidenzjalità kienet għadha tapplika fir-rigward tiegħu.

262    Il-BĊE għalhekk ipprovda spjegazzjoni dwar il-bżonn ta’ protezzjoni invokat billi sostna li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jkun jippreġudika, b’mod partikolari, is-sistema bankarja b’mod ġenerali.

263    Dawn il-konklużjonijiet ma humiex imminati mill-argumenti tar-rikorrenti.

264    Fil-fatt, minn naħa, l-argument tar-rikorrenti li l-motivazzjoni hija ġenerika u sterjotipata hija ġenerika u sterjotipata għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li jista’ jkun impossibbli li jiġu indikati r-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ aċċess għal kull dokument, f’dan il-każ għal kull element ta’ informazzjoni tad-dokumenti, mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut ta’ dan id-dokument jew ta’ element essenzjali tiegħu u, għaldaqstant, mingħajr ma l-eċċezzjoni tiġi mċaħħda mill-finalità essenzjali tagħha. F’dan il-każ, dimostrazzjoni iktar kompleta u individwalizzata tal-kontenut tad-dokument mitlub minħabba l-fatt li dan tal-aħħar kien kopert mill-eċċezzjonijiet dwar l-interess pubbliku fir-rigward tal-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ superviżjoni prudenzjali u ta’ riżoluzzjoni setgħet tikkomprometti l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni intiża li tibqa’ kunfidenzjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Sison vs Il‑Kunsill, T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, EU:T:2005:143, punt 84).

265    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-iżvelar ta’ informazzjoni bħall-proporzjonijiet ta’ likwidità fl-ebda każ ma jkun joħloq preċedent li jgħid li din it-tip ta’ informazzjoni tkun, fil-futur, żvelata fis-suq, peress li r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular kellha natura eċċezzjonali.

266    Fil-fatt, ir-rikorrenti ma jirnexxilhiex tikkontesta l-evalwazzjoni tal-BĊE li l-iżvelar ta’ ċerta informazzjoni jkun jista’ jippreġudika l-fiduċja reċiproka bejn il-BĊE u l-istabbilimenti ssorveljati, neċessarja għall-mekkaniżmu ta’ superviżjoni prudenzjali. F’dan ir-rigward, il-fatt li r-riżoluzzjoni bankarja tibqa’ eċċezzjonali u li ċerta informazzjoni nġabret biss eċċezzjonalment mill-BĊE ma għandu l-ebda effett fuq ir-riskju li istituzzjonijiet oħra ma jkunux jistgħu jibqgħu jibbażaw ruħhom fuq il-fatt li l-informazzjoni li huma jistgħu jipprovdu lill-BĊE fil-futur fil-kuntest tas-superviżjoni prudenzjali ser iżżomm in-natura kunfidenzjali tagħha.

267    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, istituzzjoni tal-Unjoni tista’ tibbaża ruħha fuq aġir ipotetiku tal-operaturi tas-suq u fuq l-effetti ta’ dan l-aġir għal intervenzjonijiet futuri (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Versorgungswerk der Zahnärztekammer Schleswig-Holstein vs BĊE, T‑376/13, EU:T:2015:361, punt 78).

268    Għaldaqstant, il-BĊE seta’ validament jibbaża ruħu fuq riskju ta’ spekulazzjoni tal-operaturi tas-suq ibbażat fuq id-data dwar l-istat ta’ likwidità ta’ Banco Popular qabel ir-riżoluzzjoni tiegħu, sakemm din id-data setgħet titqies, b’mod raġonevolment prevedibbli, bħala informazzjoni ta’ natura li toħloq spekulazzjonijiet u, għalhekk, tipperikola l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ superviżjoni prudenzjali u ta’ riżoluzzjoni.

269    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tipprova li l-BĊE kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba seta’ jippreġudika l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ superviżjoni prudenzjali u ta’ riżoluzzjoni.

270    Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda t-tieni parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba ma jippreġudikax il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ superviżjoni prudenzjali u ta’ riżoluzzjoni.

271    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li d-dokumenti mitluba li l-BĊE rrifjuta l-aċċess għalihom abbażi tal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258 jinkludu informazzjoni kunfidenzjali fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 u tal-Artikolu 84(3) tad-Direttiva 2014/59.

3.      Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-derogi previsti mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 u l-Artikolu 84(6) tad-Direttiva 2014/59 japplikaw għad-dokumenti mitluba

272    Permezz tat-tielet ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-dispożizzjonijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 u tal-Artikolu 84(6) tad-Direttiva 2014/59 jawtorizzaw lill-BĊE jagħti aċċess għad-dokumenti mitluba fil-kuntest jew għall-finijiet ta’ proċedura ġudizzjarja. Minn interpretazzjoni teleoloġika tal-imsemmija dispożizzjonijiet ikun jirriżulta b’mod partikolari li teżisti eċċezzjoni għall-kunfidenzjalità meta l-aċċess għad-dokumenti mitluba jkun neċessarju għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja li jkollha rabta mal-aġir ta’ istituzzjoni jew ta’ korp tal-Unjoni.

273    Ir-rikorrenti żżid li, skont il-ġurisprudenza, l-evalwazzjoni tan-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni teħtieġ l-ibbilanċjar tal-interessi leġittimi li jipprekludu l-iżvelar tagħha u tal-interess ġenerali. Issa, il-karatteristiċi partikolari ta’ din il-kawża, jiġifieri l-fatt li l-ex azzjonisti ta’ Banco Popular jixtiequ jkunu jafu ċ-ċirkustanzi li fihom saret ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, ikunu jiġġustifikaw l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba. F’dan ir-rigward, huwa fundamentali, skont ir-rikorrenti, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li hija ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali rikors għal annullament (irreġistrat bin-numru T‑628/17) kontra l-iskema ta’ riżoluzzjoni u rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali (irreġistrat bin-numru T‑714/17). L-uniku għan għall-informazzjoni mitluba fil-kuntest ta’ din il-kawża huwa li tintuża bħala provi fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ rikorsi.

274    Ir-rikorrenti tenfasizza li hija għandha bżonn, b’mod partikolari, li jkollha għarfien tal-problemi ta’ likwidità li wasslu għar-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, iżda li kemm l-evalwazzjoni FOLTF kif ukoll l-iskema ta’ riżoluzzjoni ġew iċċensurati f’dan ir-rigward. L-aċċess għal din id-data jkun jippermettilha tippreżenta provi insostenn tal-argument tagħha li l-istat ta’ likwidità ta’ Banco Popular ma kienx gravi biżżejjed sabiex tingħata r-riżoluzzjoni tiegħu u skont liema kull problema ta’ likwidità kienet marbuta ma’ dikjarazzjonijiet tal-President tal-BUR.

275    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni u Banco Santander, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

276    F’dan ir-rigward, għandu, qabelxejn, jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-punt 30 tas-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Buccioni (C‑594/16, iktar ’il quddiem is- “sentenza Buccioni”, EU:C:2018:717), li l-każijiet speċifiċi li fihom il-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti, stabbilit fl-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36, ma jipprekludix, eċċezzjonalment, it-trażmissjoni jew l-użu tagħha huma stabbiliti b’mod eżawrjenti f’din id-direttiva. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 37 tal-istess sentenza, li d-derogi previsti mid-Direttiva 2013/36 għall-projbizzjoni ġenerali ta’ żvelar tal-informazzjoni kunfidenzjali kellhom jiġu interpretati b’mod strett.

277    Dawn l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw, b’analoġija, għad-deroga mill-projbizzjoni ta’ żvelar stabbilita fl-Artikolu 84(6) tad-Direttiva 2014/59.

278    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu evalwati.

279    Minn naħa, fir-rigward tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36, din id-dispożizzjoni tipprevedi li, meta istituzzjoni ta’ kreditu tkun ġiet iddikjarata falluta jew ikun ġie ordnat l-istralċ obbligatorju tagħha, l-informazzjoni kunfidenzjali li ma tikkonċernax lit-terzi involuti fit-tentattivi biex isalvaw lil din l-istituzzjoni ta’ kreditu tista’ tiġi żvelata fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili jew kummerċjali.

280    Issa, f’dan il-każ, kif isostni ġustament il-BĊE, Banco Popular ma ġiex iddikjarat fallut, u lanqas ma ġie ordnat l-istralċ obbligatorju tiegħu. Għall-kuntrarju mill-iskema ta’ riżoluzzjoni jirriżulta li dan kien intiż b’mod partikolari għal trasferiment tal-attivitajiet ta’ Banco Popular lil Banco Santander. Dan it-trasferiment ippermetta lil Banco Popular ikompli jopera taħt kundizzjonijiet normali tas-suq bħala membru tal-grupp Santander.

281    Barra minn hekk, mir-Regolament Nru 806/2014 isegwi li huwa preċiżament bl-għan li jiġi evitat stralċ skont proċedura normali ta’ insolvenza li r-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi l-applikazzjoni ta’ strument ta’ riżoluzzjoni għal entità li tkun qiegħda tfalli.

282    Għalhekk, qabel l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni intiża sabiex ir-riżoluzzjoni tkun fl-interess pubbliku, prevista mill-Artikolu 18(1)(ċ) tar-Regolament Nru 806/2014, il-BUR għandu b’mod partikolari jevalwa jekk ir-riżoluzzjoni ta’ entità insolventi ma hijiex preferibbli għall-istralċ tagħha. F’dan ir-rigward, fil-premessa 58 tar-Regolament Nru 806/2014, huwa indikat li, fil-każ fejn il-likwidazzjoni ta’ entità li qiegħda tfalli skont proċedura normali ta’ insolvenza tkun tista’ tikkomprometti l-istabbiltà finanzjarja, tinterrompi l-provvista ta’ servizzi essenzjali u thedded il-protezzjoni tad-depożitanti, huwa fl-interess pubbliku li jiġu applikati strumenti ta’ riżoluzzjoni.

283    Barra minn hekk, wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, konformement mal-Artikolu 15(1)(g), l-Artikolu 20(16) u l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014, evalwazzjoni minn espert indipendenti għandha tqabbel it-trattament reali li għalih kienu suġġetti l-azzjonisti u l-kredituri fil-kuntest tar-riżoluzzjoni u t-trattament li huma kienu jibbenefikaw minnu li kieku l-entità kienet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar il-miżura ta’ riżoluzzjoni. Jekk ikun ikkonstatat li l-azzjonisti u l-kredituri rċevew, fil-ħlas għall-krediti tagħhom fil-kuntest tar-riżoluzzjoni, inqas mill-ammont li kienu jirċievu fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, huma għandu jkollhom dritt għal kumpens.

284    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi konkluż li falliment għandu natura u għanijiet essenzjalment differenti minn dawk ta’ riżoluzzjoni u li applikazzjoni b’analoġija tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 għal entità suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni hija għalhekk eskluża.

285    Tali applikazzjoni b’analoġija tal-imsemmija dispożizzjoni tkun tmur ukoll kontra l-prinċipji mfakkra fil-punt 276 iktar ’il fuq, li jipprovdu li d-derogi previsti mid-Direttiva 2013/36 għall-projbizzjoni ġenerali ta’ żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali huma previsti b’mod eżawrjenti u għandhom jiġu interpretati b’mod strett.

286    Minn dan isegwi li d-deroga prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 ma hijiex applikabbli f’dan il-każ.

287    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-deroga mill-prinċipju tas-sigriet professjonali prevista fl-Artikolu 84(6) tad-Direttiva 2014/59, din id-dispożizzjoni tipprevedi li din tapplika mingħajr preġudizzju għad-dritt nazzjonali dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni għall-finijiet ta’ proċeduri ġudizzjarji fil-kuntest ta’ kawżi kriminali jew ċivili.

288    Issa, kif ġustament isostni l-BĊE, ir-rikorrenti ma invokat ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun teħtieġ l-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

289    Barra minn hekk, l-Artikolu 84(6) tad-Direttiva 2014/59 jirrigwarda l-iżvelar eċċezzjonali ta’ informazzjoni kunfidenzjali fil-kuntest ta’ proċeduri nazzjonali. Issa, ir-rikorrenti ma tiċħadx li t-talbiet tagħha għal aċċess kienu mmotivati mill-intenzjoni tagħha li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

290    Għaldaqstant, id-deroga prevista fl-Artikolu 84(6) tad-Direttiva 2014/59 ma hijiex applikabbli f’dan il-każ.

291    Dawn il-konklużjonijiet ma jistgħux jiġu mminati bl-argumenti tar-rikorrenti.

292    L-ewwel nett, l-argument tar-rikorrenti li r-regola ta’ kunfidenzjalità ma hijiex applikabbli meta l-applikant iressaq indizji preċiżi u konkordanti li jagħtu x’jifhem b’mod plawżibbli li huma rilevanti għall-bżonnijiet ta’ proċedura ċivili jew kummerċjali pendenti jew li għandhom jinbdew, għandu jiġi miċħuda. Ir-rikorrenti tagħmel riferiment għas-sentenza Buccioni sabiex issostni dan l-argument. Issa, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal din il-kawża, il-kawża li tat lok għas-sentenza Buccioni kienet tikkonċerna istituzzjoni ta’ kreditu li kienet tqiegħdet fi stralċ obbligatorju (sentenza Buccioni, punt 17). Issa, kif ġie espost fil-punti 281 sa 285 iktar ’il fuq, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 ma jistax jiġi applikat b’mod wiesa’ mingħajr ma jinkiser il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tad-derogi mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità, li l-Qorti tal-Ġustizzja stess fakkret fil-punt 37 tas-sentenza Buccioni.

293    Fi kwalunkwe każ, l-approċċ irrakkomandat fis-sentenza Buccioni ma huwiex trasponibbli għal din il-kawża. Fil-fatt, fil-punti 38 u 40 ta’ dik is-sentenza, huwa indikat li l-applikant għal aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali għandu jressaq indizji preċiżi u konkordanti li jagħtu x’jifhem b’mod plawżibbli li l-informazzjoni mitluba hija rilevanti għall-bżonnijiet ta’ proċedura ċivili jew kummerċjali pendenti jew li għandha tinbeda, li s-suġġett tagħha għandu jiġi konkretament identifikat mill-applikant. Issa, tali approċċ ikun iwassal għal applikazzjoni contra legem tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2004/258, li jipprevedi li applikant għal aċċess ma huwiex obbligat li jiġġustifika l-applikazzjoni tiegħu. L-assenza ta’ obbligu li wieħed juri kwalunkwe interess sabiex jitlob l-aċċess għal dokument tikkostitwixxi waħda mill-prinċipji fundamentali tal-iskemi ta’ aċċess għad-dokumenti li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma jippermettux preċiżament trattament differenti tal-applikanti għal aċċess skont l-interessi jew il-ħtiġijiet partikolari tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ April 2005, Sison vs Il‑Kunsill, T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, EU:T:2005:143, punti 50 sa 56, u tas‑6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punt 82).

294    Barra minn hekk, kif isostni ġustament il-BĊE, meta dokument jiġi żvelat wara talba ppreżentata fil-kuntest tal-iskema ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti, dan isir pubbliku erga omnes. Issa, fis-sentenza Buccioni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, taħt il-kundizzjonijiet esposti fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet kompetenti setgħu jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali għall-ħtiġijiet ta’ proċedura ċivili jew kummerċjali pendenti jew li għandha tinbeda, “u barra minnha l-informazzjoni inkwistjoni ma tistax tintuża”. Id-Deċiżjoni 2004/258, b’mod iktar partikolari l-Artikolu 9 tagħha, li jittratta l-aċċess wara talba, madankollu ma tipprevedix il-possibbiltà li membru tal-pubbliku jingħata l-aċċess għal dokument filwaqt li jobbligah li ma jiżvelax dan id-dokument lil persuni oħra. Tali possibbiltà tkun kuntrarja għall-ispirtu u l-loġika tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn, meta l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fl-Artikolu 4 ta’ din l-istess deċiżjoni jkunu applikabbli, l-aċċess għall-imsemmi dokument huwa sempliċement irrifjutat (ara, b’analoġija, id-digriet tas‑7 ta’ Marzu 2013, Henkel u Henkel France vs Il‑Kummissjoni, T‑64/12, mhux ippubblikat, EU:T:2013:116, punt 47).

295    It-tieni, l-argument tar-rikorrenti, ifformulat sussidjarjament, intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tagħtiha aċċess għad-dokumenti kkonċernati fil-forma ta’ impenn ta’ kunfidenzjalità, lil hinn mill-fatt li dan l-argument imur kontra l-kunsiderazzjonijiet marbuta man-natura tal-iskemi ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti mfakkra fil-punt 293 iktar ’il fuq, jinjora wkoll il-fatt li l-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li dokument li l-aċċess għalih ġie rrifjutat minn istituzzjoni u li kien is-suġġett ta’ miżura istruttorja ma jistax jiġi kkomunikat lill-partijiet l-oħra. Din ir-regola għandha l-għan li jiġi evitat li r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jsir mingħajr skop minħabba l-fatt tal-komunikazzjoni tad-dokument ikkonċernat lill-applikant għal aċċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 39). Barra minn hekk, l-aċċess fil-forma ta’ impenn ta’ kunfidenzjalità, kif propost mir-rikorrenti, jikkostitwixxi wieħed mill-motivi li r-Regoli tal-Proċedura jipprevedu għall-produzzjoni u għall-użu ta’ informazzjoni fil-pussess ta’ waħda mill-partijiet fi proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ din l-istess proċedura.

296    It-tielet, ir-rikorrenti ma tistax tallega li l-fatt li ċerti derogi mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità japplikaw minħabba l-eżistenza ta’ proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dawn id-derogi fil-kuntest ta’ din it-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali, li, fil-fehma tagħha, ikun iwassal għas-sitwazzjoni assurda li fiha l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jaċċedu għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni filwaqt li l-Qorti Ġenerali ma tkunx tista’ tagħmel dan. Fil-fatt, minn naħa, għar-raġunijiet esposti fil-punt 295 iktar ’il fuq, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ aċċess għal dokumenti, li tordna l-iżvelar lir-rikorrenti ta’ dokument li l-aċċess għalih ġie rrifjutat. Min-naħa l-oħra, għalkemm is-sistema tal-amministrazzjoni tal-provi quddiem il-qrati tal-Unjoni hija differenti minn dik quddiem il-qrati nazzjonali, din is-sistema xorta waħda hija kompleta. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikoli 89 et seq tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedu li l-Qorti Ġenerali tista’ titlob jew tordna, fil-kuntest ta’ tilwima, il-produzzjoni ta’ dokument minn waħda mill-partijiet fil-kawża. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tista’, abbażi tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, titlob lill-istituzzjonijiet, lill-korpi jew lill-organi li ma humiex partijiet fit-tilwima kull informazzjoni li hija tqis neċessarja għall-finijiet tal-eżami tat-tilwima. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali, bħall-qrati nazzjonali, għandha l-mezzi kollha neċessarji sabiex tibbenefika minn aċċess għad-dokumenti li jirriżultaw mis-superviżjoni prudenzjali u sabiex twettaq sew l-istruttorja ta’ kawża li ġiet adita biha f’dan il-qasam.

297    Ir-raba’, il-ġurisprudenza li r-rikorrenti tiċċita fil-punti 38 u 39 tar-rikors insostenn tal-argument tagħha li l-karatteristiċi partikolari ta’ din il-kawża jiġġustifikaw, fid-dawl tad-diversi interessi involuti, l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba, lanqas ma tinvalida l-konstatazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet ilment. Fil-fatt, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2010, Éditions Jacob vs Il-Kummissjoni (T‑237/05, EU:T:2010:224, punt 90), u tal‑24 ta’ Mejju 2011, NLG vs Il‑Kummissjoni (T‑109/05 u T‑444/05, EU:T:2011:235, punt 140), jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sigriet professjonali mill-Kummissjoni fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni. F’dawn iż-żewġ sentenzi, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-obbligu tas-sigriet professjonali ma għandux portata tali li jista’ jiġġustifika rifjut ta’ aċċess ġenerali u astratt għad-dokumenti li jinkludu informazzjoni kummerċjali dwar l-impriżi involuti. L-evalwazzjoni tan-natura kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni teħtieġ ibbalanċjar tal-interessi li jipprekludu l-iżvelar tagħha u tal-interess ġenerali li jitlob li l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jsiru bil-miftuħ kemm jista’ jkun.

298    Għalhekk din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta għal dan il-każ.

299    Fil-fatt, minn naħa, il-BĊE huwa suġġett, fil-kuntest tas-superviżjoni prudenzjali u tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, għal regoli tad-dritt primarju u tad-dritt sekondarju li kienu s-suġġett ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Baumeister u Buccioni. Skont dawn is-sentenzi, l-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 jimponi, bħala regola ġenerali, obbligu tas-sigriet professjonali (sentenzi Baumeister, punt 33, u Buccioni, punt 29). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-kundizzjonijiet li taħthom ċerta informazzjoni titqies li hija kunfidenzjali u għalhekk koperta mill-obbligu tas-sigriet professjonali. Jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, l-informazzjoni kkonċernata tista’, bħal f’dan il-każ, tkun koperta mill-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258, u ma jkollu jsir l-ebda bbilanċjar sabiex il-BĊE jkun jista’ jirrifjuta l-aċċess għaliha.

300    Min-naħa l-oħra, kif ġustament jenfasizza l-BĊE, il-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti kienet tikkonċerna kawżi li għalihom kien japplika l-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001 li, bid-differenza tal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258, jipprevedi bbilanċjar tal-interessi inkwistjoni.

301    Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

302    Għandu għaldaqstant jitqies li, peress li d-dokumenti mitluba jinkludu informazzjoni kunfidenzjali (ara l-punt 271 iktar ’il fuq) u d-derogi mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità ma humiex applikabbli, il-BĊE seta’ legalment jibbaża d-deċiżjonijiet ikkontestati fuq l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258. Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

303    Minn dan kollu preċedenti jsegwi li, l-ewwel nett, fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-istat tal-likwidità ta’ Banco Popular u dwar il-proporzjonijiet tal-kapital tiegħu, it-tieni deċiżjoni kkontestata hija legalment fondata minħabba r-raġunijiet li hija tinkludi u li jirrigwardaw l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258.

304    It-tieni, fir-rigward tad-dokumenti li l-aċċess għalihom ġie rrifjutat fil-kuntest tat-tielet deċiżjoni kkontestata, din hija legalment fondata minħabba r-raġunijiet li hija tinkludi u li jirrigwardaw l-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2004/258.

305    It-tielet, f’dak li jirrigwarda l-garanziji offruti, it-tieni deċiżjoni kkontestata hija legalment fondata minħabba r-raġunijiet li hija tinkludi u li jirrigwardaw l-eċċezzjonijiet previsti fit-tieni u s-seba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 (ara l-punt 170 iktar ’il fuq).

306    Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li, anki jekk l-aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fil-punti 303 sa 305 iktar ’il fuq ġie rrifjutat ukoll abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2004/258, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq il-fondatezza tat-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala fi kwalunkwe każ ineffettiv, peress li, sabiex id-deċiżjonijiet ikkontestati jkunu fondati fid-dritt, huwa biżżejjed li waħda mill-eċċezzjonijiet li l-BĊE oppona sabiex jirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba kienet iġġustifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Bronckers vs Il‑Kummissjoni, T‑166/19, EU:T:2020:557, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

F.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta

307    Insostenn tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-BĊE kiser l-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn ir-rifjut ta’ aċċess li d-deċiżjonijiet ikkontestati jinkludu pprekludewha milli jkollha aċċess għad-dokumenti li l-BĊE bbaża ruħu fuqhom sabiex jiddeċiedi r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular. Ir-rikorrenti tqis li teżisti ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilita fl-Artikolu 47 tal-Karta, teżiġi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tieħu konjizzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li, fid-dawl tal-prinċipju tal-kontradittorju, li jagħmel parti integrali mid-drittijiet tad-difiża, il-partijiet f’kawża għandhom id-dritt li jsiru jafu bid-dokumenti u l-osservazzjonijiet kollha ppreżentati lill-qorti sabiex jinfluwenzaw id-deċiżjoni tagħha u li jiddiskutuhom. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-rikorrenti tqis li l-adozzjoni ta’ att amministrattiv li jċaħħad lill-individwi mill-proprjetà tagħhom ibbażat fuq dokumenti li huma ma setgħux jieħdu konjizzjoni tagħhom tikkostitwixxi ksur tad-dritt fundamentali tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

308    Ir-rikorrenti tammetti li teżisti eċċezzjoni għar-regola ġenerali tal-aċċessibbiltà għad-dokumenti f’ċerti proċeduri, peress li r-rifjut ta’ aċċess huwa rrakkomandat għal raġunijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà tal-Istat. Madankollu, hija tinsisti fuq il-fatt li dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ. Hija żżid li d-dokumenti mitluba jirrigwardaw fatt konkret, jiġifieri l-istat tal-likwidità ta’ Banco Popular.

309    Ir-rikorrenti tqis, barra minn hekk, li l-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 kif ukoll l-Artikolu 84 tad-Direttiva 2014/59 jawtorizzaw it-tixrid ta’ informazzjoni kunfidenzjali fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili, kummerċjali jew kriminali ta’ falliment tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-livell nazzjonali. F’dan ir-rigward, hija tispeċifika li għandu jitqies li dawn id-derogi għall-prinċipju ta’ kunfidenzjalità huma applikabbli wkoll għall-proċeduri quddiem il-qorti tal-Unjoni skont l-Artikolu 47 tal-Karta.

310    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-klassifikazzjoni tad-dokumenti mitluba bħala dokumenti kunfidenzjali tikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, miżura sproporzjonata li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52 tal-Karta.

311    Il-BĊE, sostnut f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni u Banco Santander, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

312    L-Artikolu 47 tal-Karta jistabbilixxi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti u, fil-paragrafu 2 tiegħu, id-dritt għal smigħ xieraq.

313    Hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeżiġi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf il-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha, kemm mill-qari tad-deċiżjoni nnifisha, kif ukoll permezz ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-motivi magħmula fuq talba tagħha, bla ħsara għas-setgħa tal-qorti kompetenti li teżiġi li l-awtorità inkwistjoni tikkomunikahom, sabiex hija tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li tiddeċiedi, b’konoxxenza sħiħa tal-fatti inkwistjoni, jekk huwiex utli li tressaq kawża quddiem il-qorti kompetenti, kif ukoll sabiex tippermetti bis-sħiħ lil din tal-aħħar tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Ramazani Shadary vs Il‑Kunsill, T‑122/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:61, punt 50).

314    F’dan il-każ, l-uniċi deċiżjonijiet li l-BĊE adotta fil-konfront tar-rikorrenti huma t-tliet deċiżjonijiet ikkontestati. Issa, ir-rikorrenti setgħet tieħu konjizzjoni tal-motivi ta’ dawn id-deċiżjonijiet u hija setgħet tikkontestahom quddiem il-Qorti Ġenerali permezz ta’ dan ir-rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, li juri l-eżistenza tad-dritt tagħha għal rimedju effettiv.

315    Kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti fil-punt 73 tar-rikors, il-BĊE ma “ddeċidiex ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular”, iżda ddikjara, fil-kuntest tal-evalwazzjoni FOLTF tiegħu, li din l-istituzzjoni ta’ kreditu kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fis-sens tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 806/2014. Din l-evalwazzjoni FOLTF għandha n-natura ta’ att preparatorju intiż li jippermetti lill-BUR jieħu deċiżjoni fir-rigward tar-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑6 ta’ Mejju 2019, ABLV Bank vs BĊE, T‑281/18, EU:T:2019:296, punt 36). Għalhekk u fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni FOLTF ma pproduċietx, bħala tali, effett legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwa l-interessi tar-rikorrenti, billi bidlet b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha, peress li huma biss l-adozzjoni u sussegwentement id-dħul fis-seħħ ta’ skema ta’ riżoluzzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ strumenti ta’ riżoluzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 806/2014, li jistgħu jbiddlu din is-sitwazzjoni.

316    Fil-każ li dan il-motiv ikollu jinftiehem fis-sens li r-rikorrenti tallega fir-realtà li d-dritt tagħha għal rimedju effettiv ġie miksur minħabba l-fatt li hija ma kinitx taf bid-dokumenti li servew bħala bażi għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li abbażi tagħha l-attivitajiet ta’ Banco Popular ġew ittrasferiti lil Banco Santander, jiġifieri d-Deċiżjoni SRB/EES/2017/08 tas-sessjoni eżekuttiva tal-BUR tas‑7 ta’ Ġunju 2017 dwar skema ta’ riżoluzzjoni fil-konfront ta’ Banco Popular, għandu jitfakkar li din id-deċiżjoni hija s-suġġett ta’ rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑628/17.

317    Issa, il-ġurisprudenza dwar id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma teżiġix li l-BĊE jagħti, fil-kuntest ta’ talba mressqa skont id-Deċiżjoni 2004/258, aċċess għal ċerti dokumenti li l-persuni li jitolbu aċċess jallegaw li għandhom bżonn sabiex jippreparaw rikors għal annullament ta’ deċiżjoni adottata minn istituzzjoni oħra. Din il-konstatazzjoni tirriżulta mill-karatteristiċi tas-sistema ta’ aċċess għad-dokumenti stabbilita bid-Deċiżjoni 2004/258.

318    Fil-fatt, l-ewwel nett, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2004/258 jipprevedi li l-għan ta’ din id-deċiżjoni huwa li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li għalihom huma suġġetti t-talbiet għal aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-BĊE. Għaldaqstant id-Deċiżjoni 2004/258 ma għandhiex l-għan li tirregola l-kwistjonijiet dwar il-provi li għandhom jiġu ppreżentati mill-partijiet fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2019, Commune de Fessenheim et vs Il‑Kummissjoni, T‑751/17, EU:T:2019:330, punt 123, u tat‑30 ta’ Jannar 2020, CBA Spielapparate- und Restaurantbetrieb vs Il‑Kummissjoni, T‑168/17, mhux ippubblikata, EU:T:2020:20, punt 74).

319    It-tieni, skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2004/258, il-benefiċjarji tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-BĊE huma “[k]ull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew bl-uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant id-Deċiżjoni 2004/258 ma hijiex intiża li tistabbilixxi regoli intiżi li jipproteġu l-interess speċifiku li tali jew tali persuna jista’ jkollha sabiex taċċedi għal dokument (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 43; tat‑30 ta’ Jannar 2020, CBA Spielapparate- und Restaurantbetrieb vs Il‑Kummissjoni, T‑168/17, mhux ippubblikata, EU:T:2020:20, punt 74, u tas‑6 ta’ Frar 2020, Compañía de Tranvías de la Coruña vs Il‑Kummissjoni, T‑485/18, EU:T:2020:35, punt 80).

320    It-tielet, għandu jitfakkar li jekk dokument jiġi żvelat wara talba għal aċċess imressqa abbażi tad-Deċiżjoni 2004/258, dan isir pubbliku erga omnes, fis-sens li dan id-dokument jista’ jiġi kkomunikat lil applikanti oħrajn u li kull persuna jkollha d-dritt li taċċedi għalih. Issa, tali effett erga omnes ikun jaqbeż manifestament l-isfera tal-interessi leġittimi ta’ parti li tixtieq tipprevalixxi ruħha mid-dritt tagħha għal rimedju effettiv għall-finijiet tal-istruzzjoni ta’ kawża oħra quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑1 ta’ Settembru 2015, Pari Pharma vs EMA, T‑235/15 R, EU:T:2015:587, punt 71).

321    Il-kwistjoni dwar jekk persuna għandhiex bżonn ta’ dokument sabiex tipprepara rikors għal annullament taqa’ taħt l-eżami ta’ dan ir-rikors (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑26 ta’ April 2005, Sison vs Il‑Kunsill, T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, EU:T:2005:143, punt 55, u tas‑26 ta’ Mejju 2016, International Management Group vs Il‑Kummissjoni, T‑110/15, EU:T:2016:322, punt 57). Huwa għalhekk biss fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li tadotta skema ta’ riżoluzzjoni fil-konfront ta’ Banco Popular, jiġifieri fil-kuntest tal-Kawża T‑628/17, li r-rikorrenti tkun tista’ eventwalment u b’mod utli tqajjem motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta. Kif ġustament ifakkru l-BĊE u l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali tkun tista’, fil-kuntest ta’ din il-kawża, tirrikorri b’mod utli għas-sistema speċifika u kompleta ta’ produzzjoni u ta’ użu ta’ dokumenti prevista mir-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 296 iktar ’il fuq).

322    Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-BĊE ma wettaqx ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta. Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

323    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tieni deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn din tirrifjuta l-aċċess għar-riżultat tal-votazzjoni fi ħdan il-Kunsill Governattiv tal-BĊE li jinsab fil-minuti tal‑447 laqgħa tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE u l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 V.      Fuq l-ispejjeż

324    Skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. F’dan il-każ, peress li l-BĊE u r-rikorrenti tilfu parzjalment, hemm lok li jiġi deċiż li l-BĊE għandu jbati terz tal-ispejjeż tiegħu u li r-rikorrenti għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, żewġ terzi tal-ispejjeż tal-BĊE.

325    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

326    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu tbati l-ispejjeż tagħha. F’dan il-każ, għandu jiġi deċiż li Banco Santander, intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-BĊE, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni LS/MD/17/406 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tas7 ta’ Novembru 2017, hija annullata sa fejn din tirrifjuta l-aċċess għar-riżultat tal-votazzjoni fi ħdan il-Kunsill Governattiv tal-BĊE li jinsab fil-minuti tal447 laqgħa tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Aeris Invest Sàrl għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll żewġ terzi minn dawk sostnuti mill-BĊE.

4)      Il-BĊE għandu jbati terz mill-ispejjeż rispettivi tiegħu.

5)      Il-Kummissjoni Ewropea u Banco Santander, SA għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Collins

Kreuschitz

Csehi

De Baere

 

      Steinfatt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Ottubru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.