Language of document : ECLI:EU:C:2020:564

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Lulju 2020 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva (UE) 2015/849 – Assenza ta’ traspożizzjoni u/jew ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għal kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa”

Fil-Kawża C‑550/18,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 u l-Artikolu 260(3) TFUE, ippreżentat fis‑27 ta’ Awwissu 2018

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Scharf, L. Flynn u G. von Rintelen, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

L-Irlanda, irrappreżentata minn G. Hodge, M. Browne u minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn G. Gilmore, BL, u minn P. McGarry, SC,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika tal-Estonja, irrappreżentata minn N. Grünberg, bħala aġent,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn A.‑L. Desjonquères, B. Fodda u J.‑L. Carré, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Vilaras, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J. Malenovský, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, F. Biltgen (Relatur), A. Kumin, N. Jääskinen u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Diċembru 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tikkonstata li, billi ma adottatx, sa mhux iktar tard mis‑26 ta’ Ġunju 2017, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73), jew, fi kwalunkwe każ billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2015/849;

–        timponi lil dan l-Istat Membru, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-pagament ta’ penalità ta’ EUR 17 190.60, b’effett mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva;

–        timponi lill-imsemmi Stat Membru, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-ħlas ta’ somma f’daqqa, fuq il-bażi ta’ ammont ta’ EUR 4 701.20 per diem immoltiplikat bin-numru ta’ jiem li fihom jippersisti l-ksur, suġġett għall-kundizzjoni li s-somma f’daqqa minima ta’ EUR 1 658 000 ma tinqabiżx,

–        tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Skont l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 2015/849:

“1.      Din id-Direttiva timmira għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jkunu projbiti.”

3        L-Artikolu 67 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas-26 ta’ Ġunju 2017. Huma għandhom immedjatament jikkomunikaw it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif għandha issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.      L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.”

4        Id-Direttiva 2015/849 ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-[Direttiva 2015/849], u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (ĠU 2018, L 156, p. 43). Id-Direttiva 2018/843 daħlet fis-seħħ fid‑9 ta’ Lulju 2018.

5        Skont il-punt 42 tal-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva:

“Id-Direttiva (UE) 2015/849 hija emendata kif ġej:

[…]

42)      fl-Artikolu 67, il-paragrafu (1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘1.      L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas‑26 ta’ Ġunju 2017.

L-Istati Membri għandhom japplikaw l-Artikolu 12(3) mill‑10 ta’ Lulju 2020.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-reġistri msemmija fl-Artikolu 30 sal‑10 ta’ Jannar 2020 u r-reġistri msemmija fl-Artikolu 31 sal‑10 ta’ Marzu 2020 u l-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati msemmija fl-Artikolu 32a sal‑10 ta’ Settembru 2020.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-interkonnessjoni tar-reġistri msemmija fl-Artikoli 30 u 31, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, sal‑10 ta’ Marzu 2021.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih it-test tal-miżuri msemmija f’dan il-paragrafu lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fil-mument tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.’”

 Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

6        Fit‑23 ta’ Frar 2017, l-Irlanda nnotifikat il-European Union (Anti-Money Laundering: Beneficial Ownership of Corporate Entities) Regulations 2016 (Regolamenti tal‑Unjoni Ewropea tal‑2016 (Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus: Proprjetà Effettiva tal-Kumpanniji)) bħala miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849. Skont il-Kummissjoni din il-miżura kienet tikkostitwixxi biss traspożizzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2015/849 u peress li l-Irlanda ma informatx lil din l-istituzzjoni dwar l-eżistenza ta’ miżuri oħra adottati sabiex tikkonforma ruħha ma’ din id-direttiva, il-Kummissjoni, fid‑19 ta’ Lulju 2017, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru.

7        Ir-risposta tal-Irlanda tat-13 ta’ Settembru 2017 kienet turi li, sa dik id-data, kienu għadhom qegħdin jiġu adottati miżuri ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva. Madankollu ma ġie pprovdut ebda abbozz ta’ test leġiżlattiv relatat mar-regolamenti abbozzati dwar it-trusts u l-istrutturi ta’ ġestjoni kollettiva tal-assi.

8        Billi qieset li t-traspożizzjoni kompleta tad-Direttiva 2015/849 baqgħet ma seħħitx, fit‑8 ta’ Marzu 2018 il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Irlanda fejn stiednet lil dan l-Istat Membru jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva f’terminu ta’ xahrejn mid-data ta’ riċeviment ta’ din l-opinjoni.

9        L-Irlanda wieġbet din l-opinjoni motivata permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Mejju 2018 fejn informat lill-Kummissjoni li kien ġie ppreparat abbozz ta’ att li kien jintegra d-Direttiva 2015/849 fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-awtoritajiet Irlandiżi kienu qed jagħtu prijorità għolja ħafna lill-adozzjoni tiegħu. Għalhekk, id-dibattitu parlamentari dwar l-abbozz ta’ test diġà ppubblikat, u trażmess lill-Kummissjoni, kellu jibda fix-xahar ta’ Mejju 2018.

10      Peress li l-Irlanda ma kinitx adottat il-miżuri nazzjonali neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 u peress li lanqs ma kkomunikat dawn il-miżuri, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors fejn talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat u li timponi fuq dan l-Istat Membru mhux biss il-ħlas ta’ somma f’daqqa iżda wkoll pagament ta’ penalità ta’ kuljum.

11      Waqt is-seduta li nżammet fl‑10 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li kienet qed tiddeżisti parzjalment mir-rikors tagħha inkwantu ma kinitx qed titlob iżjed il-pagament ta’ penalità ta’ kuljum, ġaladarba din it-talba saret mingħajr skop b’riżultat tat-traspożizzjoni kompleta tad-Direttiva 2015/849 fid-dritt Irlandiż. Fl-istess waqt, hija ppreċiżat li l-ammont tas-somma f’daqqa, li għall-ħlas tiegħu hija talbet il-kundanna f’dan il-każ, kien jammonta għal EUR 2 766 992 u kien ikopri l-perijodu mis‑27 ta’ Ġunju 2017 sat‑2 ta’ Diċembru 2019.

12      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 u l‑11 ta’ Frar 2019, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika Franċiża, rispettivament, tħallew jintervjenu insostenn tal-Irlanda.

 Fuq ir-rikors

 Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

13      Skont il-Kummissjoni, billi ma adottatx, sa mhux iktar tard mis‑26 ta’ Ġunju 2017, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2015/849 jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikatilhiex dawn id-dispożizzjonijiet, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 67 ta’ din id-direttiva.

14      Fil-fatt, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, minbarra informazzjoni dwar il-miżuri adottati sabiex tiżgura t-traspożizzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2015/849, il-Kummissjoni ma rċeviet ebda indikazzjoni oħra min-naħa tal-Irlanda li tippermetti li jiġi kkunsidrat li din id-direttiva kienet ġiet trasposta fid-dritt Irlandiż.

15      Fir-rigward, tal-allegati miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 innotifikati wara l-preżentata tar-rikors u li għalihom tirreferi l-Irlanda fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, permezz tal-komunikazzjoni, fid‑29 ta’ Novembru 2018, ta’ numru ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, l-Irlanda fil-fatt ittrasponiet ħafna minnha. Madankollu, fid-data tal-preżentata tar-replika, kien għad fadal xi lakuni fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(1) u tal-Artikolu 30(2) u (7), tal-Artikolu 31(1) sa (3) u (7), tal-Artikolu 47(2) u (3), tal-Artikolu 48(5) sa (9), tal-Artikolu 61(3) u tal-Artikolu 62(2) tal-imsemmija direttiva.

16      Barra minn hekk il-Kummissjoni kkonfutat l-allegazzjoni li d-Direttiva 2015/849 hija biss sempliċi aġġornament, mogħnija b’modifiki, tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU 2005, L 309, p. 15, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 102), diġà trasposti fid-dritt Irlandiż. Jidher li d-Direttiva 2015/849 tikkostitwixxi żvilupp sinjifikattiv tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus meta mqabbel mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/60 peress li, b’mod partikolari, id-Direttiva 2015/849 twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus billi testendi minn diversi naħat il-kunċett ta’ “entitajiet marbutin b’obbligu” li huma suġġetti għal dawn ir-regoli. Hija tipprevedi espliċitament l-inklużjoni tal-ksur fiskali kriminali fil-lista ta’ ksur prinċipali fil-qasam tal-ħasil tal-flus u testendi d-definizzjoni tal-persuni politikament esposti biex fiha tinkludi ċ-ċittadini nazzjonali. Din id-direttiva tidher li ssib is-sors tagħha f’aġġornament tal-ambjent leġiżlattiv fil-qasam tal-ħasil tal-flus u tirrifletti dan il-kuntest. Barra minn hekk, matul il-proċedura prekontenzjuża, l-Irlanda qatt ma nnotifikat l-iċken miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/60 fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 u lanqas ma pprovdiet tabella ta’ korrispondenza li turi r-rilevanza ta’ tali miżuri nazzjonali u li tispjega r-rabta bejn dawn il-miżuri u d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

17      F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tfakkar li skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw att pożittiv ta’ traspożizzjoni meta, kif tagħmel id-Direttiva 2015/849 fl-Artikolu 67 tagħha, direttiva timponi espressament lill-Istati Membri jiżguraw li d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha jinkludu riferiment għaliha jew ikunu jinkludu tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implimentati b’saħħa vinkolanti inkontestabbli u bl-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza meħtieġa, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali li jeħtieġ li, fil-każ fejn id-direttiva inkwistjoni jkollha l-għan li toħloq drittijiet għall-individwi, il-benefiċjarji jitqiegħdu f’pożizzjoni li jkunu jafu dawn id-drittijiet kollha. Issa, f’dan il-każ, fl-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata tat‑8 ta’ Marzu 2018, dawn ir-rekwiżiti ma ġewx osservati.

18      L-Irlanda tqis li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud peress li sa mid‑29 ta’ Novembru 2018 hija ssodisfat l-obbligi previsti fl-Artikolu 67 tad-Direttiva 2015/849. Għalhekk hija tispjega li bid-dħul fis-seħħ, fis‑26 ta’ Novembru 2018, tal-Criminal Justice (Money Laundering and Terrorist Financing) (Amendment) Act 2018 (Liġi tal‑2018 dwar il-Ġustizzja Kriminali (Ħasil tal-Flus u Finanzjament tat-Terroriżmu (Emenda), iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2018”) u l-adozzjoni tal-Criminal Justice (Money Laundering and Terrorist Financing) Act 2010 (Section 25) (Prescribed Class of Designated Person) Regulations 2018 (Regolamenti tal‑2018 dwar il-Liġi tal‑2010 dwar il-Ġustizzja Kriminali (Ħasil tal-Flus u Finanzjament tat-Terroriżmu) (Artikolu 25) (Kategorija Leġiżlattiva ta’ Persuni Kkonċernati)), hija żgurat it-traspożizzjoni kompleta tad-Direttiva 2015/849.

19      Madankollu l-Irlanda ssostni li d-Direttiva 2015/849 sempliċement taġġorna b’mod estensiv, permezz ta’ emendamenti, id-dispożizzjonijiet tat-Tielet Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus, jiġifieri d-Direttiva 2005/60. Issa, l-ewwel tliet direttivi dwar il-ħasil tal-flus kienu ġew trasposti mil-leġiżlazzjoni Irlandiża li kienet għadha fis-seħħ, b’mod partikolari permezz tal-Criminal Justice (Money Laundering and Terrorist Financing) Act 2010 (Liġi tal‑2010 dwar il-Ġustizzja Kriminali (Ħasil tal-Flus u Finanzjament tat-Terroriżmu), iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2010”). Din tal-aħħar tkopri parti kbira mir-rekwiżiti fundamentali tad-Direttiva 2015/849, b’tali mod li, anki mingħajr l-emendi leġiżlattivi introdotti mil-Liġi tal‑2018, il-Liġi tal‑2010 diġà tinkludi 122 artikoli, li minnhom 85 jirrigwardaw l-entitajiet suġġetti u l-obbligi li bihom huma marbuta. Issa, in-numru sinjifikanti ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni diġà fis-seħħ marbuta mas-sensiela ta’ direttivi dwar il-ħasil tal-flus ma huwiex rifless fir-rikors.

20      L-Irlanda kkomunikat ukoll lill-Kummissjoni, fit‑23 ta’ Frar 2017, ir-Regolamenti tal‑2016 imsemmija fil-punt 6 ta’ din is-sentenza. Dawn ir-regolamenti jagħtu effett lill-obbligu magħmul mid-Direttiva 2015/849 li l-impriżi u l-entitajiet ġuridiċi oħra stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat jiġu obbligati jiksbu u jżommu informazzjoni xierqa, attwali u eżatta dwar il-benefiċjarji effettivi. Issa, id-dispożizzjonijiet introdotti mill-imsemmija regolamenti jikkostitwixxu miżura ta’ traspożizzjoni importanti ta’ din id-direttiva.

21      Ma dawn il-miżuri għandhom jingħaddu l-Liġi tal‑2018, li tintroduċi emendi għal-Liġi tal‑2010. L-Irlanda ssostni li l-adozzjoni tal-Liġi tal‑2018 teħtieġ proċedura ta’ traspożizzjoni itwal sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849, li hija tat prijorità għall-adozzjoni tal-Proposta ta’ liġi ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u li din il-proposta kienet diġà tinsab fi stadju avvanzat tal-proċedura leġiżlattiva meta l-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti.

22      L-Irlanda żżid li ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849 ma jirrikjedu ebda miżura ta’ traspożizzjoni.

23      Għalhekk, filwaqt li tirrikonoxxi li t-traspożizzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849 kienet nieqsa sa meta daħlet fis-seħħ il-Liġi tal‑2018 fis‑26 ta’ Novembru 2018, l-Irlanda, minn naħa, tqis li ma jistax jiġi sostnut, kif tagħmel il-Kummissjoni, li, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, il-parti l-kbira ta’ din id-direttiva ma kinitx trasposta fid-dritt Irlandiż u, min-naħa l-oħra, issostni li nnotifikat lill-Kummissjoni t-traspożizzjoni parzjali tal-imsemmija direttiva qabel l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 67(1) tagħha.

24      Fir-rigward tal-lakuni fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 li allegatament issussistew wara d-dħul fis-seħħ, fis‑26 ta’ Novembru 2018, tal-Liġi tal‑2018, l-Irlanda ssostni, għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(1) u tal-Artikolu 30(2) u (7), kif ukoll tal-Artikolu 31(1) sa (3) u (7) ta’ din id-direttiva, li hija kienet qieset li t-terminu għat-traspożizzjoni tagħhom kien ġie estiż bl-emenda tal-Artikolu 67(1) tal-imsemmija direttiva permezz tad-Direttiva 2018/843. Fi kwalunkwe każ, uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet diġà kienu ġew kompletament jew parzjalment trasposti fid-dritt nazzjonali permezz tal-Liġi tal‑2010.

25      Fil-każ tal-Artikolu 47(2) tad-Direttiva 2015/849, dan l-Istat Membru jsostni li l-Liġi tal‑2018 introduċiet dispożizzjonijiet relatati mar-reġistrazzjoni tal-uffiċċji għat-tisrif taċ-ċekkijiet, iżda, peress li ebda uffiċċju bħal dawn ma kien irreġistrat fit-territorju tagħha, hija ma qisitx li kien utli li tadotta dispożizzjoni dwar il-kompetenza u l-onorabbiltà marbuta mal-uffiċċji għat-tisrif taċ-ċekkijiet.

26      Fir-rigward tal-Artikolu 47(3) tad-Direttiva 2015/849, l-Irlanda tfakkar li, fit-tabella ta’ korrispondenza kkomunikata bil-Liġi tal-2018, hija indikat iċ-ċirkustanza li l-korpi professjonali kkonċernati jissottomettu lill-membri tagħhom għal verifika marbuta mal-kundanni kriminali. Fil-fatt, fir-rigward tal-entitajiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, ġie stabbilit li l-awdituri, in-nutara u l-membri tal-professjonijiet legali indipendenti għandhom kollha jkunu membri tal-korpi professjonali kkonċernati u, f’din il-kapaċità, huma suġġetti għal verifika marbuta mal-kundanni kriminali. Għalhekk, l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 47(3) ta’ din id-direttiva hija żgurata.

27      Għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 48(5) sa (9) tad-Direttiva 2015/849, l-Irlanda ssostni li dawn id-dispożizzjonijiet ma jirrikjedux l-impożizjoni ta’ obbligi partikolaru fi ħdan dispożizzjonijiet legali speċifiċi. Jekk jitqies li tali obbligi jirriżultaw mill-paragrafi (5) sa (8) ta’ dan l-artikolu, l-Irlanda qisithom bħala sekondarji u aċċessorji meta mqabbla mal-funzjonijiet ġenerali tal-awtoritajiet kompetenti li huma stabbiliti fl-Artikolu 63 tal-Liġi tal‑2010. Peress li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(9) ta’ din id-direttiva huma, min-natura tagħhom, fakultattivi, huma ma jkunux jirrikjedu miżura distinta ta’ traspożizzjoni.

28      Fir-rigward tal-Artikolu 61(3) tad-Direttiva 2015/849, l-Irlanda ssostni li l-Artikolu 54 tal-Liġi tal‑2010, kif emendat permezz tal-Artikolu 26 tal-Liġi tal‑2018, jinkludi obbligi li għalihom huma suġġetti l-persuni msemmija minn din id-dispożizzjoni. Il-protezzjoni tal-whistleblowers, li għalihom tirreferi l-Kummissjoni fir-replika tagħha, hija, min-naħa tagħha, irregolata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti, jiġifieri l-Protected Disclosures Act 2014 (il-Liġi tal‑2014 dwar l-Iżvelar Protett).

29      Fir-rigward tal-Artikolu 62(2) tad-Direttiva 2015/849, dan l-Istat Membru jsostni li t-traspożizzjoni tiegħu hija pprovduta permezz tal-leġiżlazzjoni eżistenti ġaladarba huwa l-Bank Ċentrali tal-Irlanda li, fuq il-bażi tal-Fitness and Probity Standards (code issued under Section 50 of the Central Bank Reform Act 2010) (Regoli ta’ Onorabbiltà u ta’ Kompetenza (kodiċi adottat bis-saħħa tal-Artikolu 50 tal-Liġi tal‑2010 dwar ir-Riforma tal-Bank Ċentrali)) adottati minn dan il-bank matul is-sena 2014, jimponi sanzjonijiet amministrattivi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, b’tali mod li l-bidliet li seħħew sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑103/00, EU:C:2002:60, punt 23; tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Rumanija, C‑301/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:846, punt 42, u tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 23).

31      Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet numru ta’ drabi li għalkemm direttiva tipprevedi espressament l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha jinkludu riferiment għal din id-direttiva jew li jinkludu tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, fi kwalunkwe każ huwa neċessarju li l-Istati Membri jadottaw att pożittiv ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 1997, Il‑Kummissjon vs Il‑Ġermanja, C‑137/96, EU:C:1997:566, punt 8; tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑360/95, EU:C:1997:624, punt 13, u tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑29/14, EU:C:2015:379, punt 49).

32      F’dan il-każ, il-Kummissjoni bagħtet l-opinjoni motivata tagħha lill-Irlanda fit‑8 ta’ Marzu 2018, b’tali mod li t-terminu ta’ xahrejn li kien stabbilit fiha kien jiskadi fit‑8 ta’ Mejju 2018. Għaldaqstant huwa fid-dawl tal-qagħda tal-leġiżlazzjoni interna fis-seħħ f’dik id-data li jeħtieġ li jiġi mistħarreġ jekk in-nuqqas allegat jeżistix jew le (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan ir-rigward, minn naħa, mit-tweġiba tal-Irlanda tal‑4 ta’ Mejju 2018 jirriżulta li, f’din id-data, u minkejja l-adozzjoni ta’ miżura nazzjonali li tittrasponi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2015/849, ma kinitx saret traspożizzjoni kompleta ta’ din id-direttiva fid-dritt nazzjonali. Issa, huwa paċifiku li din is-sitwazzjoni ma kinitx inbidlet fit‑8 ta’ Mejju 2018, fejn il-miżuri li, anki skont l-Irlanda, kienu neċessarji sabiex jiżguraw it-traspożizzjoni sħiħa tal-imsemmija direttiva ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni biss fid‑29 ta’ Novembru 2018.

34      Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li, minbarra l-miżura li tiżgura t-traspożizzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2015/849, il-miżuri nazzjonali l-oħra li l-Irlanda tqis li jiżguraw, hawnhekk, traspożizzjoni parzjali ta’ din id-direttiva fl-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata tat‑8 ta’ Marzu 2018 mhux biss ma ġewx ikkomunikati lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, iżda barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jipprovdi l-Artikolu 67 tal-istess direttiva, ma jinkludu ebda riferiment għaliha.

35      Għalhekk il-miżuri inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu att pożittiv ta’ traspożizzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza.

36      Barra minn hekk, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li l-miżuri nnotifikati fid‑29 ta’ Novembru 2018 kif ukoll fit‑30 ta’ Jannar, is‑27 ta’ Marzu, is‑27 ta’ Novembru u t‑3 ta’ Diċembru 2019 ġew adottati u daħlu fis-seħħ sew wara l-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata tat‑8 ta’ Marzu 2018, fejn għalhekk, fi kwalunkwe każ, dawn ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi mistħarrġa l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fi tmiem dan it-terminu.

37      Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi konkluż li, fl-iskadenza tat-terminu ffissat fl-imsemmija opinjoni motivata, l-Irlanda la kienet adottat il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 u lanqas, għalhekk, ma kienet ikkomunikat dawn il-miżuri ta’ traspożizzjoni lill-Kummissjoni.

38      Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx, fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata tat‑8 ta’ Marzu 2018, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2015/849 u, għalhekk, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 67 ta’ din id-direttiva.

 Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 260(3) TFUE

 Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE

–       L-argumenti tal-partijiet

39      Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 260(3) TFUE ġie introdott bit-Trattat ta’ Lisbona bil-għan li jsaħħaħ id-dispożittiv ta’ sanzjoni preċedentement stabbilit bit-Trattat ta’ Maastricht. Fid-dawl tan-natura ġdida ta’ din id-dispożizzjoni u tal-ħtieġa li tiġi ppreżervata t-trasparenza u ċ-ċertezza legali, din l-istituzzjoni adottat il-Komunikazzjoni intitolata “Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-TFUE” (ĠU 2011, C 12, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal‑2011”).

40      Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tħajjar b’mod iktar qawwi lill-Istati Membri sabiex jittrasponu d-direttivi fit-termini ffissati mil-leġiżlatur tal-Unjoni u sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

41      Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 260(3) TFUE japplika kemm fil-każ ta’ assenza totali ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva kif ukoll fil-każ ta’ komunikazzjoni parzjali ta’ dawn il-miżuri.

42      Barra minn hekk, din l-istituzzjoni tqis li, peress li l-Artikolu 260(3) TFUE jsemmi n-nuqqas ta’ Stat Membru mill-obbligu tiegħu li jikkomunika “miżuri li jittrasponu direttiva”, din id-dispożizzjoni ma tapplikax biss f’każ ta’ assenza ta’ notifika tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, iżda wkoll fil-każ li Stat Membru ma jkunx adotta tali miżuri. Interpretazzjoni purament formalista ta’ din id-dispożizzjoni, li skontha din tal-aħħar kienet intiża biss biex tiżgura n-notifika effettiva tal-miżuri nazzjonali, ma tkunx tiggarantixxi traspożizzjoni rilevanti tad-dispożizzjonijiet kollha tad-direttiva inkwistjoni u tipprekludi kull effett utli mill-obbligu ta’ traspożizzjoni tad-direttivi fid-dritt nazzjonali.

43      F’dan il-każ, qiegħed jiġi ssanzjonat speċifikament in-nuqqas ta’ adozzjoni u ta’ pubblikazzjoni kif ukoll, għaldaqstant, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni, mill-Irlanda, tad-dispożizzjonijiet legali kollha neċessarji sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 fid-dritt nazzjonali.

44      Fir-rigward tal-argumenti mressqa mill-Irlanda sabiex tikkontesta l-applikabbiltà tal-Artikolu 260(3) TFUE għall-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni tosserva, qabel kollox, li din id-dispożizzjoni għandha kamp ta’ applikazzjoni speċifika u ma hijiex ikkonċepita bħala deroga għal regola ġenerali, b’tali mod li ma għandhiex tiġi interpretata b’mod strett. It-traspożizzjoni, fil-ħin, tad-direttivi fid-dritt nazzjonali hija ta’ importanza fundamentali u l-imsemmija dispożizzjoni għandha preċiżament bħala għan li tiżgura li jiġi osservat it-terminu ta’ traspożizzjoni tagħhom.

45      Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni li tista’ ssir distinzjoni ċara bejn il-kunċetti ta’ “traspożizzjoni kompleta”, minn naħa, u ta’ “traspożizzjoni korretta”, min-naħa l-oħra. Il-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-eżistenza ta’ lakuni fit-traspożizzjoni ta’ direttiva fid-dritt nazzjonali b’ebda mod ma tfisser li l-Kummissjoni wettqet stħarriġ dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti ma’ din id-direttiva. Dan ikun wisq iktar minnu meta, bħal f’dan il-każ, l-Istat Membru li jkun naqas jammetti huwa stess li t-traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni fid-dritt nazzjonali għadha parzjalment nieqsa. Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 260(3) TFUE, hekk kif speċifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573), l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex limita biss għall-każijiet ta’ assenza totali ta’ traspożizzjoni.

46      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiċħad l-argument li f’dan il-każ hija aġixxiet b’mod sproporzjonat billi pproponiet sanzjonijiet finanzjarji u naqset mill-obbligi li jirriżultaw mid-dmir ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li qatt ma kkontestat il-fatt li l-Irlanda aġixxiet in bona fide u kienet ikkooperat legalment. Barra minn hekk, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-applikabbiltà tal-Artikolu 260(3) TFUE fid-dawl tal-bona fide tal-Istat Membru kkonċernat ġaladarba huwa paċifiku li l-Irlanda kienet damet biex tadotta l-istrument prinċipali ta’ dritt nazzjonali li hija kienet għażlet sabiex iġġib fis-seħħ il-parti l-kbira tad-dispożizzjonijet tad-Direttiva 2015/849, jiġifieri l-Liġi tal-2018. Dan l-approċċ huwa bil-wisq iktar meħtieġ inkwantu l-għan innifsu tal-Artikolu 260(3) TFUE huwa li l-Istati Membri jiġu mħajjra jittrasponu fil-ħin id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva. Ma hemmx lok li wieħed jibża’ li l-Istati Membri jipprivileġġjaw l-osservanza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-direttivi għad-detriment tal-kwalità ta’ din it-traspożizzjoni ġaladarba l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda t-termini neċessarji sabiex tiġi ggarantita traspożizzjoni ta’ kwalità u ħa dawn il-parametri inkunsiderazzjoni meta ġie biex jagħżel id-data ta’ traspożizzjoni ffissata mid-direttivi. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk jirriżulta li t-terminu għall-implimentazzjoni ta’ direttiva huwa qasir wisq, l-uniku rimedju kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jikkonsisti, għall-Istat Membru, li jieħu l-inizjattivi xierqa bil-għan li jikseb proroga eventwali ta’ dan it-terminu deċiża mill-istituzzjoni kompetenti.

47      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni żżid li d-deċiżjoni tagħha li titlob sistematikament l-impożizzjoni ta’ sanzjoni finanzjarja b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE ma tistax tinftiehem bħala ammissjoni min-naħa tagħha li teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha. Fil-fatt, fil-punt 16 tal-Komunikazzjoni tal‑2011, hija tidher li ħadet espliċement inkunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni tagħtiha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, analoga għas-setgħa diskrezzjonali fir-rigward ta’ jekk għandhiex tagħti bidu jew le għal proċedura ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE. B’hekk, id-deċiżjoni politika li tirrikorri, bħala prinċipju, għall-istrument previst fl-Artikolu 260(3) TFUE fil-kawżi kollha dwar in-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu koperti minn din id-dispożizzjoni kienet ġiet adottata fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Filwaqt li l-Kummissjoni ma teskludix li jistgħu jirriżultaw każijiet partikolari fejn jidhrilha li talba għal sanzjoni taħt l-imsemmija dispożizzjoni ma tkunx xierqa, hija tippreċiża li dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

48      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tal-Irlanda u tal-Istati Membri intervenjenti li hija tidher li qed tibbaża t-talba tagħha għal impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja fil-konfront ta’ Stat Membru fuq l-aġir ta’ Stati Membri oħra. Għall-kuntrarju, skont il-metodu ta’ kalkolu applikat, hija tieħu ħsieb li tipproponi sanzjonijiet adattati għal ksur speċifiku u l-fatt li stabbilixxiet qafas ġenerali li jippermettilha tapplika, b’mod mhux diskriminatorju, il-metodu tagħha f’kull każ individwali ma għandux jinvalida din il-konklużjoni.

49      Filwaqt li tammetti li hija kienet ittrasponiet biss parzjalment id-Direttiva 2015/849 mal-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata, l-Irlanda tikkontesta l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE f’dan il-każ.

50      Insostenn tal-pożizzjoni tiegħu, dan l-Istat Membru jsostni, b’mod partikolari, li, mid‑29 ta’ Novembru 2018, huwa kien ittraspona kompletament id-Direttiva 2015/849, filwaqt li, fl-opinjoni tal-Kummissjoni huwa biss mit‑3 ta’ Diċembru 2019 li ġiet ipprovduta għal kollox it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt Irlandiż. L-argument tal-Kummissjoni dwar il-perijodu ta’ wara s‑26 ta’ Novembru 2018 jistrieħ fuq analiżi kwalitattiva tat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, liema fatt juri li huwa diffiċli li ssir distinzjoni bejn “traspożizzjoni kompleta” ta’ direttiva u “traspożizzjoni inkorretta” tagħha. F’tali każ, Stat Membru ma jkunx f’pożizzjoni li jsir jaf jekk nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu speċifiku jaqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE u, fl-affermattiv, matul liema perijodu ppersista dan in-nuqqas. Li kieku kellu jitqies, f’dan il-każ, li kien għad hemm lakuni fit-traspożizjoni tad-Direttiva 2015/849 wara d‑29 ta’ Novembru 2018, liema fatt huwa kkontestat mill-Irlanda, dawn il-lakuni jkunu dovuti għal interpretazzjoni żbaljata mill-Irlanda ta’ ċerti obbligi tagħha, għal inavvertenza jew għal tabella ta’ korrispondenza inkorrettament mimlija. Issa li tistrieħ, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, fuq l-Artikolu 260(3) TFUE sabiex jiġu ssanzjonati l-allegati nuqqasijiet minuri fl-evalwazzjoni prima facie tal-obbligi li għandha l-Irlanda jkun kuntrarju għall-għan ta’ din id-dispożizzjoni.

51      L-Irlanda ssostni wkoll li l-applikabbiltà tal-Artikolu 260(3) TFUE għandha tiġi evalwata każ b’każ u billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-bona fide tal-Istat Membru kkonċernat. Peress li s-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni minn din id-dispożizzjoni hija min-natura tagħha diskrezzjonali, hemm lok li jiġi konkluż li l-politika ġenerali tal-Kummissjoni, kif deskritta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Id-Dritt tal-[Unjoni]: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar” (ĠU 2017, C 18, p. 10), li tikkonsisti f’li titlob b’mod sistematiku l-impożizzjoni ta’ somom f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penalitajiet, ma hijiex konformi mal-għan tal-imsemmija dispożizzjoni. Barra minn hekk, din il-politika ma tippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-isforzi ta’ bona fide mwettqa mill-Istati Membri. F’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet ġiet informata bil-progress fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 u tat-terminu ta’ żmien stabbilit għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħha. F’tali ċirkustanzi, l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa probabbilment ma tippermettix li jinkiseb effett dissważiv bħas-salvagwardja “tal-interessi ġenerali li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni” imsemmija mill-Kummissjoni, iżda tista’, għall-kuntrarju, tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkompromettu l-kwalità tat-traspożizzjoni tad-direttivi favur traspożizzjoni tagħhom fil-ħin. Għaldaqstant l-approċċ segwit mill-Kummissjoni jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE. Barra minn hekk, dan l-approċċ ma huwiex kompatibbli mad-dmir ta’ kooperazzjoni leali li għandha l-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 4(3) TUE. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li titlob sistematikament il-ħlas ta’ somma f’daqqa mingħajr ma timmotiva din it-talba skont il-każ hija barra minn hekk kuntrarja għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa ma għandhiex tkun ta’ natura awtomatika u għandha tiġi deċiża skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Issa, f’dan il-każ, l-għan tal-Kummissjoni huwa li tagħmel eżempju bl-Irlanda u b’hekk fil-futur l-Istati Membri l-oħra jaslu josservaw it-termini ta’ traspożizzjoni previsti mid-direttivi. Dan ikun inġust u illeġittimu. L-aġir tal-Kummissjoni jistrieħ, barra minn hekk, fuq is-suppożizzjoni li l-Istati Membri jipprovaw idewwmu t-traspożizzjoni tad-direttivi, li jfisser, fil-fatt, li hemm preżunzjoni ta’ mala fide tal-Istati Membri. Issa, tali preżunzjoni hija kuntrarja għad-dmir ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE.

52      Ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika Franċiża jsostnu, b’mod partikolari, li din il-kawża turi kemm huwa diffiċli għal Stat Membru li jagħmel distinzjoni bejn traspożizzjoni inkompleta ta’ direttiva u traspożizzjoni inkompleta tagħha. B’hekk l-Istati Membri jinsabu f’sitwazzjoni estremament diffiċli ġaladarba li kieku kellu jiġi segwit l-approċċ issuġġeriet mill-Kummissjoni huma qatt ma jistgħu jkollhom ċertezzali din l-istituzzjoni ma jkollhiex intenzjoni li titlob l-impożizzjoni ta’ multa fil-konfront tagħhom.

53      Barra minn hekk, skont dawn l-intervenjenti, f’dan il-każ, l-Artikolu 260(3) TFUE ma għandux japplika peress li l-Kummissjoni ma mmotivatx fid-dettall id-deċiżjoni tagħha li titlob l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa. Issa, tali deċiżjoni għandha, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ dan is-suġġett, tiġi speċifikament iġġustifikata meta mqabbla maċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża. Bħala prinċipju, il-Kummissjoni ma tistax tillimita lilha nnifisha biex tirrikorri għall-istrument previst fl-Artikolu 260(3) TFUE mingħajr ma tmur kontra din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, analiżi fid-dettall ta’ kull każ mill-Kummissjoni tkun f’lokha inkwantu dawn l-elementi huma neċessarji sabiex tiġi ddeterminata n-natura tas-sanzjoni finanzjarja li jeħtieġ li tiġi imposta sabiex l-Istat Membru kkonċernat jasal itemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni u jistabbilixxi ammont li jkun xieraq għaċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni kif inhu rikjest mill-ġurisprudenza.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54      Jeħtieġ li jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE jipprevedi li meta l-Kummissjoni tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bis-saħħa tal-Artikolu 258 TFUE għaliex tkun tqis li l-Istat Membru kkonċernat naqas mill-obbligu tiegħu li jikkomunika miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata konformement ma’ proċedura leġiżlattiva, hija tista’, meta jidhrilha li huwa xieraq, tispeċifika l-ammont ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagament ta’ penalità li għandu jitħallas minn dan l-Istat Membru li tqis li huwa adattat għaċ-ċirkustanzi. Konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija tista’ timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat il-ħlas ta’ somma f’daqqa jew pagament ta’ penalità li ma tkunx taqbeż l-ammont speċifikat mill-Kummissjoni fejn l-obbligu tal-ħlas jidħol fis-seħħ fid-data ffissata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha.

55      Fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien meħtieġ li tingħata interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li, minn naħa, tippermetti li jiġu ggarantiti l-prerogattivi tal-Kummissjoni bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni filwaqt li jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża kif ukoll il-pożizzjoni proċedurali li minnha jibbenefikaw l-Istati Membri taħt l-applikazzjoni magħquda tal-Artikolu 258 u tal-Artikolu 260(2) TFUE, u, min-naħa l-oħra, tqiegħed lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li tkun tista’ teżerċita l-funzjoni ġudizzjarja tagħha li tikkonsisti f’li tevalwa, fil-kuntest ta’ proċedura waħda, jekk l-Istat Membru kkonċernat issodisfax l-obbligi tiegħu fil-qasam ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni u, jekk ikun il-każ, f’li tevalwa l-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u f’li timponi s-sanzjoni pekunjarja li hija tqis li hija l-iktar adattata għaċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 58).

56      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kliem “obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu”, li jinsabu fl-Artikolu 260(3) TFUE, fis-sens li dawn jirrigwardaw l-obbligu tal-Istati Membri li jittrażmettu informazzjoni suffiċjentement ċara u speċifika dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva. Sabiex jissodisfaw l-obbligu ta’ ċertezza legali u jiżguraw it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva fit-territorju kollu kkonċernat, l-Istati Membri huma obbligati jindikaw, għal kull dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva, id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha. Ladarba sseħħ din il-komunikazzjoni, jekk ikun il-każ akkumpanjata mill-preżentazzjoni ta’ tabella ta’ korrispondenza, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi, bil-ħsieb li titlob l-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja fuq l-Istat Membru prevista fl-Artikolu 260(3) TFUE, li ċerti miżuri ta’ traspożizzjoni huma manifestament assenti jew ma jkoprux it-territorju sħiħ tal-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li għandu jkun mifhum li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja mibdija b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li għandha teżamina jekk il-miżuri nazzjonali kkomunikati lill-Kummissjoni jiżgurawx traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva inkwistjoni (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 59).

57      Peress li, kif jirriżulta mill-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza, ġie stabbilit li, fl-iskandenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata tat‑8 ta’ Marzu 2018, l-Irlanda ma kinitx ikkomunikat lill-Kummissjoni l-miżuri kollha ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 fis-sens tal-Artikolu 260(3) TFUE, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

58      Fir-rigward tal-punt dwar jekk, kif isostni l-Irlanda u l-Istati Membri li intervjenew insostenn tagħha, il-Kummissjoni għandhiex timmotiva każ b’każ id-deċiżjoni tagħha li titlob sanzjoni pekunjarja taħt l-Artikolu 260(3) TFUE jew jekk din l-istituzzjoni tistax tagħmel dan mingħajr motivazzjoni, fil-każijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jeħtieġ li jitfakkar li l-Kummissjoni għandha, fil-kapaċità tagħha bħala gwardjana tat-Trattati bis-saħħa tat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE, setgħa diskrezzjonali biex tadotta tali deċiżjoni.

59      Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE ma jistax jinftiehem b’mod iżolat, iżda għandu jintrabat mal-introduzzjoni ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE. Issa, sa fejn it-talba għal kundanna għal sanzjoni pekunjarja konformement mal-Artikolu 260(3) TFUE tikkostitwixxi sempliċement modalità anċillari tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li tagħha hija għandha tiżgura l-effikaċja, u sa fejn il-Kummissjoni għandha, fir-rigward tal-opportunità li tibda tali proċedura, setgħa diskrezzjonali li fuqha l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżerċita stħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 1989, Star Fruit vs Il‑Kummissjoni, 247/87, EU:C:1989:58, punt 11; tas‑6 ta’ Lulju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑236/99, EU:C:2000:374, punt 28, u tas‑26 ta’ Ġunju 2001, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑70/99, EU:C:2001:355, punt 17), il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jistgħux ikunu iktar restrittivi minn dawk wara l-implimentazzjoni tal-Artikolu 258 TFUE.

60      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja biss hija kompetenti biex timponi sanzjoni pekunjarja lil Stat Membru. Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta tali deċiżjoni fi tmiem dibattitu kontradittorju, hija għandha timmotivaha. Għalhekk, l-assenza ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni tal-għażla tagħha li titlob l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE mill-Qorti tal-Ġustizzja ma taffettwax il-garanziji proċedurali tal-Istat Membru inkwistjoni.

61      Għandu jingħad ukoll li l-fatt li l-Kummissjoni ma għandhiex timmotiva każ b’każ id-deċiżjoni tagħha li titlob sanzjoni pekunjarja taħt l-Artikolu 260(3) TFUE ma jeżentax lil din l-istituzzjoni mill-obbligu li timmotiva n-natura u l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja mitluba, billi f’dan ir-rigward tieħu inkunsiderazzjoni l-linji gwida li hija adottat, bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni li, filwaqt li ma jivvinkolawx lill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkontribwixxu biex jiggarantixxu t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni mmexxija mill-Kummissjoni (ara, b’analoġija mal-Artikolu 260(3) TFUE, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Il‑Kummissjoni vs l-Isvezja, C‑270/11, EU:C:2013:339, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Dan ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni tan-natura u tal-ammont tas-sanzjoni pekunjarja mitluba hija ulterjorment importanti inkwantu, b’differenza ta’ dak li huwa previst fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 260 TFUE, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss setgħa diskrezzjonali speċifikata, fejn għalhekk f’każ ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minn dan tal-aħħar, il-proposti tal-Kummissjoni jivvinkolaw lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tan-natura tas-sanzjoni pekunjarja li hija tista’ timponi u fir-rigward tal-ammont massimu tas-sanzjoni li hija tista’ tagħti.

63      Fil-fatt, l-awturi tal-Artikolu 26)(3) TFUE mhux biss ipprevedew li hija l-Kummissjoni li għandha tindika “l-ammont ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penali li għandu jħallas” l-Istat Membru inkwistjoni, iżda speċifikaw ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ timponi l-ħlas ta’ sanzjoni pekunjarja “li ma tkunx taqbeż l-ammont speċifikat” mill-Kummissjoni. B’hekk huma stabbilixxew korrelazzjoni diretta bejn is-sanzjoni meħtieġa mill-Kummissjoni u dik li tista’ tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

64      Ir-raġunament li l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa ma għandhiex, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑121/07, EU:C:2008:695, punt 63), tkun ta’ natura awtomatika lanqas ma huwa tali li jkollu effett fuq is-setgħa tal-Kummissjoni li tibda, bi prinċipju, proċedura b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE fil-każijiet kollha fejn hija tqis li nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ rikors tal-Kummissjoni intiż għal “kundanna” għall-ħlas ta’ sanzjoni pekunjarja mill-Qorti tal-Ġustizzja u mhux l-opportunità li tippreżenta tali rikors.

65      Fir-rigward tal-argument tal-Irlanda li l-azzjoni tal-Kummissjoni hija intiża sabiex isir eżempju, b’mod partikolari, biha nnifisha u bir-Rumanija sabiex l-Istati Membri l-oħra jiġu mmotivati josservaw it-termini ta’ traspożizzjoni ffissati fid-direttivi, jeħtieġ li jiġi osservat li, minn naħa, kif osservat il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, l-Irlanda kienet, flimkien mar-Rumanija, l-uniku Stat Membru li ma kienx ittraspona kompletament id-Direttiva 2015/849. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, il-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Kummissjoni tibda din il-proċedura kontra l-Irlanda, u li tagħmel dan f’data tal-għażla tagħha, ma jistgħux jippreġudikaw l-applikabbiltà tal-Artikolu 260(3) TFUE jew l-ammissibbiltà tal-azzjoni mibdija taħt din id-dispożizzjoni.

66      Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 260(3) TFUE japplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ.

 Fuq l-impożizzjoni tal-ħlas ta’ somma f’daqqa f’dan il-każ

–       L-argumenti tal-partijiet

67      Fir-rigward tal-ammont tas-sanzjoni pekunjarja li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni tqis, konformement mal-pożizzjoni riflessa fil-punt 23 tal-Komunikazzjoni tal-2011, li sa fejn nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġu kkomunikati miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva ma huwiex inqas gravi minn nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jista’ jkun suġġett għas-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 260(2) TFUE, il-modalitajiet ta’ kalkolu tas-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 260(3) TFUE għandhom ikunu l-istess bħal dawk applikati fil-kuntest tal-proċedura ddefinita fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

68      F’dan il-każ, il-Kummissjoni titlob l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa li l-ammont tagħha huwa kkalkolat skont il-linji gwida li jinsabu fil-Komunikazzjoni tagħha tat‑13 ta’ Diċembru 2005, intitolata “Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu [260 TFUE] » [SEC(2005) 1658], kif aġġornata permezz tal-Komunikazzjoni tat-13 ta’ Diċembru 2017, intitolata “L-aġġornament tad-data użata biex jiġu kkalkolati s-somma f’daqqa u l-pagament ta’ penali li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fi proċedimenti ta’ ksur” [C(2017) 8720], u li l-ammont minimu fiss għall-Irlanda huwa ta’ EUR 1 685 000. Madankollu dan l-ammont minimu fiss ma japplikax f’dan il-każ ġaladarba huwa inferjuri għall-ammont li jirriżulta mill-kalkolu tas-somma f’daqqa konformement ma’ dawn il-komunikazzjonijiet. Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont per diem li jservi bħala bażi għal dan il-kalkolu, ikun meħtieġ li r-rata fissa, jiġifieri EUR 230, tiġi mmoltiplikata bil-koeffiċjent ta’ gravità u bil-fattur “n”, li huwa ta’ 2.92 għall-Irlanda. Il-koeffiċjent ta’ gravità naqas hekk kif l-Irlanda progressivament ikkomunikat miżuri ta’ traspożizzjoni addizzjonali. B’hekk, għall-perijodu mis‑27 ta’ Ġunju 2017 sat‑28 ta’ Novembru 2018, il-koeffiċjent ta’ gravità huwa ta’ 7 fuq skala minn 1 sa 20; għall-perijodu mid‑29 ta’ Novembru 2018 sas‑26 ta’ Marzu 2019, dan il-koeffiċjent huwa ta’ 2, u għall-perijodu mis‑27 ta’ Marzu sat‑2 ta’ Diċembru 2019, l-imsemmi koeffiċjent huwa ta’ 1. L-inklużjoni tat-tliet ammonti li jikkorrispondu għal dawn il-perijodi, jiġifieri EUR 2 439 922.80, EUR 158 497.60 u EUR 168 571.60, iwassal lill-Kummissjoni titlob l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa totali ta’ EUR 2 766 992.

69      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-punt li l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa tikkostitwixxi eċċezzjoni u li hija obbligatorja biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Fil-fatt, it-traspożizzjoni tardiva tad-direttivi ma tkunx tikkawża preġudizzju biss għas-salvagwardja tal-interessi ġenerali li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li ma tista’ tittollera ebda dewmien, iżda wkoll u fuq kollox għall-protezzjoni taċ-ċittadini Ewropej li jisiltu drittijiet suġġettivi minn din il-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, il-kredibbiltà tad-dritt tal-Unjoni fl-intier tiegħu tiġi mhedda li kieku atti leġiżlattivi kellhom idumu snin twal biex iwasslu l-effetti ġuridiċi sħaħ tagħhom fl-Istati Membri. Konsegwentement, id-dewmien fit-traspożizzjoni tad-direttivi jikkostitwixxi ċirkustanza partikolari suffiċjentement gravi biex tiġi ġġustifikata l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa.

70      Fir-rigward l-ammont tas-somma f’daqqa li l-ħlas tagħha hija mitluba mill-Kummissjoni, l-Irlanda tqis li, kif ġie deċiż b’konnessjoni mal-Artikolu 260(2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta mil-linji gwida tal-Kummissjoni u, b’mod iktar partikolari, mis-somma f’daqqa minima ffissata għall-Irlanda għal EUR 1 685 000. Barra minn hekk, meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni jkun intemm qabel l-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-kawża li tikkonċerna dan in-nuqqas, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqis li l-ħlas ta’ somma f’daqqa ma huwiex neċessarju. Barra minn hekk, f’dan il-każ, ma għandu jiġi impost ebda ħlas ta’ somma f’daqqa. Ulterjorment, ma hemm ebda raġuni għalfejn għandu jiġi traspost il-metodu ta’ kalkolu tas-sanzjonijiet pekunjarji imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(2) TFUE għal dawk mogħtija b’applikazzjoni tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu inkwantu l-gravità tan-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu suġġetti għal sanzjoni ma hijiex l-istess.

71      Barra minn hekk l-Irlanda ssostni li l-għada tad-data limitu ta’ traspożizzjoni prevista mid-Direttiva 2015/849, jiġifieri s‑27 ta’ Ġunju 2017, ma għandhiex titqies bħala punt ta’ tluq xieraq biex jiġi evalwat it-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni peress li, f’din id-data, hija ma setgħetx kellha għarfien li dan in-nuqqas kien jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE u li l-Kummissjoni kienet ser tadotta politika ta’ applikazzjoni sistematika ta’ din id-dispożizzjoni. Għandu jingħad ukoll li kalkolu tas-somma f’daqqa b’riferiment għal ammont per diem li tkun ogħla mis-somma f’daqqa minima proposta mill-Kummissjoni jkun kuntrarju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fir-rigward tat-tmiem tal-imsemmi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-Irlanda tfakkar li, fil-fehma tagħha, dan huwa d‑29 ta’ Novembru 2018 u mhux, kif issostni l-Kummissjoni, it‑3 ta’ Diċembru 2019. Fil-fatt, f’din l-ewwel data, id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 2015/849 li kienu jirrikjedu traspożizzjoni kienu internament trasposti fid-dritt nazzjonali. Jekk, minkejja l-fatt li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni ntemm fil-jum tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, din xorta waħda kellha tiddeċiedi li timponi l-ħlas ta’ somma f’daqqa lill-Irlanda, din is-sanzjoni pekunjarja għandha tkun minima.

72      Fir-rigward tal-koeffiċjent ta’ gravità, l-Irlanda ssostni li, fid-dawl tal-importanza tar-regoli tal-Unjoni li huma s-suġġett tal-ksur inkwistjoni, tal-konsegwenzi minuri tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 fuq interessi ta’ natura ġenerali jew partikolari u taċ-ċirkustanzi attenwanti, il-koeffiċjent propost mill-Kummissjoni huwa sostanzjalment għoli wisq. B’hekk, f’dan il-każ, dan il-koeffiċjent għandu jitnaqqas għal 1. Fost iċ-ċirkustanzi attenwanti, l-Irlanda tindika b’mod iktar partikolari li l-Liġi tal‑2018 daħlet fis-seħħ fil-mori tal-kawża, li traspożizzjoni minn leġiżlazzjoni primarja hija marbuta mas-saħħa tal-miżuri ta’ implimentazzjoni previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ, li hija tat prijorità lill-adozzjoni tal-proposta ta’ liġi miż-żewġ kmamar tal-parlament, li hija żammet lill-Kummissjoni informata bl-iżviluppi leġiżlattivi u li hija osserevat il-kronoloġija indikattiva kkomunikata lildin l-istituzzjoni qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors.

73      Ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika Franċiża jqisu li, f’dan il-każ, l-ammont tas-somma f’daqqa propost mill-Kummissjoni għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi rivedut l-isfel.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

74      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa tkun sproporzjonata peress li, fil-mori tal-kawża, l-Irlanda temmet in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, hemm lok li jitfakkar li, minn naħa, in-nuqqas ta’ Stat Membru mill-obbligu tiegħu li jikkomunika miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, sew jekk minħabba assenza totali jew parzjali ta’ informazzjoni jew minħabba informazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża, jista’ jiġġustifika, waħdu, il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE li tirrigwarda l-konstatazzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 51). Min-naħa l-oħra, l-għan li għandu jintlaħaq bl-introduzzjoni tal-mekkaniżmu li jinsab fl-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex biss dak li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jtemmu, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fl-assenza ta’ tali miżura, ikollu t-tendenza jippersisti, iżda wkoll li tiġi ffaċilitata u mħaffa l-proċedura għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji li jikkonċernaw in-nuqqasijiet marbuta mal-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata konformement mal-proċedura leġiżlattiva, filwaqt li huwa speċifikat li, qabel l-introduzzjoni ta’ tali mekkaniżmu, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni finanzjarja fuq l-Istati Membri li ma kinux ikkonformaw ruħhom fit-termini stabbiliti ma’ sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u li ma osservawx l-obbligu tagħhom ta’ traspożizzjoni setgħet issir biss wara diversi snin wara din l-aħħar sentenza (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 52).

75      Issa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li sabiex l-għan ta’ din id-dispożizzjoni jintlaħaq l-awturi tal-Artikolu 260(3) TFUE pprevedew żewġ tipi ta’ sanzjonijiet pekunjarji, jiġifieri l-ħlas ta’ somma f’daqqa u l-pagamanet ta’ penalità.

76      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ waħda minn dawn iż-żewġ miżuri tiddependi mill-kapaċità ta’ kull waħda minnhom li tissodisfa l-għan li għandu jintlaħaq skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Filwaqt li l-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità tkun tidher partikolarment xierqa sabiex Stat Membru jiġi mħeġġeġ itemm, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fl-assenza ta’ tali miżura, x’aktarx jibqa’ jippersisti, il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa tiddependi pjuttost fuq l-evalwazjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppersista għal perijodu twil (ara, b’analoġija mal-Artikolu 260(2) TFUE, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 81).

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, rikors li, bħal f’dan il-każ, jitlob l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa ma jistax jiġi miċħud bħala sproporzjonat għas-sempliċi raġuni li jkollu bħala għan nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, filwaqt li kompla matul iż-żmien, intemm fil-mument tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

78      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-opportunità li tiġi imposta sanzjoni pekunjarja f’dan il-każ, jeħtieġ li jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun adita bih kif ukoll tal-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha meħtieġ, li għandha tiddetermina s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari sabiex tipprevjeni r-repetizzjoni ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 78).

79      F’din il-kawża, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, minkejja l-fatt li l-Irlanda kkooperat mas-servizzi tal-Kummissjoni tul il-proċedura prekontenzjuża kollha u żammet lil dawn tal-aħħar informati bl-iżvilupp tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849, l-elementi ġuridiċi u fattwali kollha madwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, jiġifieri l-fatt li, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, miżura ta’ traspożizzjoni waħda biss li kienet tkopri esklużivament id-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(1) ta’ din id-direttiva kienet ġiet ikkomunikata u ċ-ċirkustanza li l-aħħar miżuri ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva daħlu fis-seħħ ġimgħa qabel iż-żamma tas-seduta, jikkostitwixxi indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħall-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa (ara, f’dan is-sens, b’analoija mal-Artikolu 260(2) TFUE, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 142, u tal‑4 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs L-Isvezja, C‑243/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2413, punt 63).

80      Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-argument imsemmi fil-punt 65 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, kif tfakkar f’dan il-punt, hija l-Kummissjoni, b’mod partikolari, li għandha tevalwa l-opportunità li tieħu azzjoni kontra Stat Membru u li għandha tagħżel il-mument meta hija tagħti bidu għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra dan l-Istat.

81      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kalkolu tas-somma f’daqqa li l-impożizzjoni tagħha hija xierqa f’dan il-każ, jeħtieġ li jitfakkar li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan ir-rigward hekk kif iddefinita mill-proposti tal-Kummissjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiffissa l-ammont tas-somma f’daqqa li Stat Membru jista’ jiġi kkundannat iħallas bis-saħħa tal-Artikolu 260(3) TFUE, b’tali mod li din tiġi, minn naħa, adattata għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra proporzjonata għall-ksur imwettaq. Fost il-fattur rilevanti f’dan ir-rigward hemm elementi bħall-gravità tal-ksur ikkonstatat, il-perijodu li matulu dan il-ksur ippersista kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni (ara, b’analoġija mal-Artikolu 260(2) TFUE, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Park Eoliku ta’ Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      L-ewwel nett, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, l-obbligu tal-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni kompleta ta’ direttiva u l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-miżuri lill-Kummissjoni jikkostitwixxu obbligi essenzjali tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandu, għaldaqstant, jitqies li huwa ta’ gravità ċerta (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 85). Ma dan għandu jingħadd li d-Direttiva 2015/849 huwa strument importanti sabiex tiġi ggarantita protezzjoni effikaċi tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni kontra t-theddid li jirriżulta mill-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-tatterroriżmu. L-assenza jew l-insuffiċjenza ta’ tali protezzjoni tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għandhom jitqiesu li huma partikolarment gravi fid-dawl tal-konsegwenzi tagħhom għall-interessi pubbliċi u privati tal-Unjoni.

83      Għalkemm huwa minnu li fil-mori tal-kawża l-Irlanda temmet in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu attribwit lilha, xorta jibqa’ l-fatt li dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien jeżisti mal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata tat‑8 ta’ Marzu 2018, jiġifieri t‑8 ta’ Mejju 2018, b’tali mod li l-effettività tad-dritt tal-Unjoni ma ġietx żgurata f’kull waqt.

84      Il-gravità ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija barra minn hekk issostanzjata biċ-ċirkustanza li, f’din id-data, l-Irlanda kienet adottat miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 biss b’rabta ma’ dispożizzjoni waħda ta’ din tal-aħħar.

85      L-argument imressaq mill-Irlanda sabiex tispjega d-dewmien li ħadet fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849, jiġifieri, prinċipalment, li għall-adozzjoni tal-Liġi tal‑2018 kien meħtieġ li tirrikorri għal proċedura ta’ traspożizzjoni itwal sabiex tiggarantixxi l-effettività tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, ma huwiex tali li jkollu effett fuq il-gravità tal-ksur inkwistjoni ġaladarba, skont ġurisprudenza stabbilita, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament intern ta’ Stat Membru ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi u tat-termini ta’ żmien li jirriżultaw mid-direttivi tal-Unjoni u lanqas ma jistgħu jiġġustifikaw, konsegwentement, it-traspożizzjoni tardiva jew inkompleta tagħhom. Bl-istess mod, il-fatt li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ Stat Membru jirriżulta minn diffikultajiet tekniċi li dan kellu jaffaċċja huwa mingħajr importanza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑364/00, EU:C:2002:282, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, jekk jirriżulta li t-terminu għall-implimentazzjoni ta’ direttiva jkun qasir wisq, l-uniku rimedju kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jikkonsisti, għall-Istat Membru kkonċernat, fit-teħid ta’ inizjattivi xierqa bil-għan li li tinkiseb deċiżjoni, mill-istituzzjoni kompetenti, ta’ proroga eventewali ta’ dan it-terminu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 1998, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑71/97, EU:C:1998:455, punt 16).

86      It-tieni nett, fir-rigward tat-tul tal-ksur, jeħtieġ li jitfakkar li dan għandu, bħala prinċipju, jiġi evalwat billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u mhux dik li fiha din tal-aħħar tiġi adita mill-Kummissjoni (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 87). Din l-evalwazzjoni tal-fatti għandha titqies li sseħħ fid-data ta’ għeluq tal-proċedura.

87      F’dan il-każ, għalkemm huwa paċifiku bejn il-partijiet li tmiem in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni seħħ f’data li tipproċedi l-għeluq tal-proċedura, xorta jibqa’ l-fatt li l-partijiet ma jaqblux dwar id-data eżatta ta’ dan it-tmiem, fejn il-Kummissjoni tqis li dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ntemm fit‑3 ta’ Diċembru 2019 filwaqt li l-Irlanda ssostni li dan seħħ fid‑29 ta’ Novembru 2018.

88      F’dan ir-rigward u fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li ċerti miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 kienu manifestament neqsin wara d-data tad‑29 ta’ Novembru 2018. Fil-fatt, minn naħa, mid-dokumenti sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li mhux talli d-dispożizzjonijiet nazzjonali li, skont l-Irlanda, kienu jittrasponu l-Artikolu 61(3) u l-Artikolu 62(2) ta’ din id-direttiva ġew ikkomunikati biss fil-kontroreplika fl‑4 ta’ Marzu 2019, iżda talli barra minn hekk ma kienu jinkludu ebda riferiment għall-imsemmija direttiva. Min-naħa l-oħra, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, miżuri nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47(2) tad-Direttiva 2015/849 daħlu biss fis-seħħ fit‑3 ta’ Diċembru 2019. L-istess konstatazzjoni tapplika għad-dispożizzjonijet tal-Artikolu 48(5) sa (8) ta’ din id-direttiva, li fir-rigward tagħhom l-Irlanda tirrikonoxxi li ma adottatx, qabel il-miżuri li daħlu fis-seħħ fit‑3 ta’ Diċembru 2019, miżuri ta’ traspożizzjoni għar-raġuni li fil-fehma tagħha dawn id-dispożizzjonijiet kienu sekondarji jew aċċessorji. Issa, tali evalwazzjoni magħmula minn Stat Membru ma tistax manifestament tkun biżżejjed biex dan jinħeles mill-obbligu tiegħu li jadotta liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet jew mill-obbligu tiegħu li tikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva lill-Kummissjoni.

89      Għalhekk, jeħtieġ li d-data tat‑3 ta’ Diċembru 2019 titqies bħala d-data ta’ tmiem in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jaqa’ taħt l-Artikolu 260(3) TFUE.

90      Fir-rigward tal-bidu tal-perijodu li jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ffissat l-ammont tas-somma f’daqqa li għandu jiġi impost b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, għandu jiġi ppreċiżat li, b’differenza ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 88 tas-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573), dwar id-determinazzjoni ta’ pagament ta’ penalità ta’ kuljum li għandu jiġi impost, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bil-għan tal-evalwazzjoni tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni għall-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE ma hijiex dik tal-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata iżda d-data ta’ traspożizzjoni prevista mid-direttiva inkwistjoni.

91      Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li tħajjar lill-Istati Membri jittrasponu d-direttivi fit-termini ffissati mil-leġiżlatur tal-Unjoni u li tiżgura effettività sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. B’hekk, għalkemm l-element li jagħti lok għall-implimentazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE jinsab fil-fatt li Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi li jirriżultaw minn sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, dak fuq il-bażi tal-proċedura prevista fl-Artikolu 260(3) TFUE jikkonsisti fil-fatt li Stat Membru naqas mill-obbligu tiegħu li jadotta u li jikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva sa mhux iktar tard mid-data ffissata minnha.

92      Kull soluzzjoni oħra tfisser, barra minn hekk, li titqiegħed inkwistjoni l-effettività tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi li jiffissaw id-data li fiha l-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom għandhom jidħlu fis-seħħ. Fil-fatt, peress li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħruġ ta’ ittra ta’ intimazzjoni, b’applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE tissupponi, a priori, li nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat jista’ jiġi validament allegat mill-Kummissjoni (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Pjanijiet ta’ Ġestjoni ta’ skart), C‑642/18, EU:C:2019:1051, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata), f’dan il-każ l-Istati Membri li ma pproċedewx bit-traspożizzjoni ta’ direttiva fid-data ffissata minnha jibbenefikaw, fi kwalunkwe każ, minn terminu ta’ traspożizzjoni supplimentari, li t-tul tiegħu jvarja, barra minn hekk, skont il-ħeffa li biha l-Kummissjoni tibda l-proċedura prekontenzjuża, mingħajr ma jkun jista’, madankollu, jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni. Issa, huwa paċifiku li d-data li minnha jeħtieġ li tiġi żgurata l-effettività sħiħa ta’ direttiva hija d-data ta’ traspożizzjoni ffissata fid-direttiva nnifisha u mhux id-data tal-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata.

93      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Irlanda, dan l-approċċ ma huwiex ta’ natura li jippreġudika l-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, l-Istat Membru inkwistjoni ma jistax validament isostni li ma kienx jaf li naqas, sa mid-data ta’ traspożizzjoni ffissata fid-direttiva inkwistjoni, mill-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva. Barra minn hekk, il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru inkwistjoni ggarantita mill-proċedura prekontenzjuża ma tistax ikollha bħala konsegwenza li tavża lil dan l-Istat Membru kontra kull konsegwenza pekunjarja li tirriżulta minn dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għall-perijodu li jippreċedi l-iskandenza ffissata fl-opinjoni motivata.

94      F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu u kuntrarjament għal dak li sostniet l-Irlanda waqt is-seduta, li l-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, fid‑19 ta’ Jannar 2017, seħħet qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ffissata fid-Direttiva 2015/849. Għaldaqstant l-Irlanda ma tistax validament issostni li hija ma kinitx taf li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni f’dan il-każ seta’ jagħti lok għal azzjoni taħt l-Artikolu 260(3) TFUE.

95      Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ, waqt l-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur bil-għan tad-determinazzjoni tal-ammont tas-somma f’daqqa li għandu jiġi impost b’applikazjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, li tittieħed inkunsiderazzjoni d-data ta’ traspożizzjoni prevista mid-direttiva inkwistjoni nnifisha.

96      F’dan il-każ, huwa paċifiku li, fid-data ta’ traspożizzjoni prevista fl‑Artikolu 67 tad-Direttiva 2015/849, jiġifieri s‑26 ta’ Ġunju 2017, l-Irlanda ma kinitx adottat il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, ma kinitx ikkomunikat il-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħha lill-Kummissjoni. B’hekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, li ntemm biss fit‑3 ta’ Diċembru 2019 u għaldaqstant ġimgħa qabel is-seduta, kompla matul kważi sentejn u nofs.

97      It-tielet nett, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membri inkwistjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp reċenti tal-prodott gross domestiku (GDP) ta’ dan l-Istat Membru, hekk kif jirriżulta fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija mal-Artikolu 260(2) TFUE, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Park Eoliku ta’ Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-kawża u b’rigward tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Artikolu 260(3) TFUE, li jipprevedi li fir-rigward tal-ħlas ta’ somma f’daqqa impost minnha, din ma tistax teċċedi l-ammont indikat mill-Kummissjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur analogu għal dak tal-Artikolu 67 tad-Direttiva 2015/849 u li jaffettwa l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni hija tali li tirrikjedi l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa li l-ammont tagħha għandu jiġi ffissat għal EUR 2 000 000.

99      Konsegwentement, jeħtieġ li l-Irlanda għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tammonta għal EUR 2 000 000.

 Fuq l-ispejjeż

100    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Irlanda tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

101    Konformement mal-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli, li jipprovdi li l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ma adottatx, fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata tat8 ta’ Marzu 2018, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE u, għalhekk, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 67 tad-Direttiva 2015/849.

2)      L-Irlanda hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea somma f’daqqa li tammonta għal EUR 2 000 000.

3)      L-Irlanda hija kkundannata għall-ispejjeż.

4)      Ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.