Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' April 2009 - Farmeco vs UASI - Allergan (BOTUMAX)

(Kawża T-131/09)

Lingwa tar-rikors: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Farmeco SA Dermocosmetics, bl-isem kummerċjali "Farmeco SA" (Ateni, il-Greċja) (rappreżentat: N. Lyberis, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Allergan, Inc. (Irvine, l-Istati Uniti)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tar-Raba' Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-2 ta' Frar 2009 fil-Każ R 60/2008-4, sa fejn l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja kkonċernata ġiet miċħuda għall-prodotti kollha fil-klassijiet 3 u 5 u għal ċerti prodotti fil-klassi 16;

tiċħad l-appell ippreżentat mill-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell mid-deċiżjoni tas-26 ta' Ottubru 2007 tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u tawtorizza r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitrja kkonċernata għall-prodotti kollha li għalihom saret applikazzjoni; u

tikkundanna lill-UASI u lill-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell għall-ispejjeż, inklużi dawk inkorsi fil-proċedimenti tal-oppożizzjoni u tal-appell.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Ir-rikorrenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: It-trade mark verbali "BOTUMAX", għal prodotti fil-klassijiet 3, 5 u 16 - Applikazzjoni Nru 3 218 237

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Diversi reġistrazzjonijiet ta' trade mark Komunitarji u nazzjonali tat-trade mark verbali jew tas-sinjal "BOTOX" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 5, 16, u 42, rispettivament

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: Oppożizzjoni miċħuda

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Annullament tad-deċiżjoni kkontestata u ċaħda parzjali tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja kkonċernata

Motivi invokati: Ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 peress li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkonkluda li hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks ikkonċernati fir-rigward ta' prodotti identiċi jew li jixxiebhu ħafna, minkejja d-differenzi eżistenti fil-perċezzjoni viżwali u fonetika taż-żewġ sinjali; Ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 peress li l-Bord tal-Appell ikkunsidra b'mod żbaljat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu kienu sodisfatti.

____________