Language of document : ECLI:EU:T:2013:442

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Settembru 2013 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Swieq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għal kmamar tal-banju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Drittijiet tad-difiża — Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Kunċett ta’ akkordju — Kalkolu tal-ammont tal-multa — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Gravità — Koeffiċjent tal-ammont addizzjonali”

Fil-Kawża T‑376/10,

Mamoli Robinetteria SpA, stabbilita f’Milano (l-Italja), irrappreżentata minn F. Capelli u M. Valcada, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, A. Antoniadis u L. Malferrari, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn F. Ruggeri Laderchi u A. De Matteis, sussegwentement minn Ruggeri Laderchi, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba intiża, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 – Installazzjonijiet sanitarji għal kmamar tal-banju), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, u, sussidjarjament, għat-tħassir jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuqha,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u M. Van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

[omissis]

 Id-dritt

[omissis]

I –  Fuq it-talbiet, ippreżentati b’mod prinċipali, intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

[omissis]

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni

45      Ir-rikorrenti tosserva li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata kompletament fuq l-informazzjoni miksuba fuq il-bażi tat-talba mressqa minn Masco skont il-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni. Madankollu, din il-komunikazzjoni hija illegali, peress li ebda bażi legali fit-Trattat KE jew fir-Regolament Nru 1/2003 ma tawtorizza lill-Kummissjoni li tagħti, permezz ta’ att atipiku, immunità totali jew parzjali minn multi għal impriża li pparteċipat fi ksur li għalih impriżi oħra ġew issanzjonati minħabba r-rapport tagħha. Barra minn hekk, il-kisba ta’ tali immunità minħabba r-rapport tal-imġiba ta’ impriżi oħra tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Minbarra dan, skont ir-rikorrenti, sa fejn huwa biss il-leġiżlatur tal-Unjoni li jista’, kif dan huwa l-każ fl-Istati Membri tal-Unjoni, li jiddeċiedi dwar l-adozzjoni ta’ programm intiż li jikkumpensa l-kooperazzjoni tal-impriżi, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri meta adottat il-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni kif ukoll il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ amministrazzjoni tajba previsti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 389).

46      Il-Kummissjoni tikkontesta dan il-motiv.

47      B’mod preliminari, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li r-rikorrenti ma qajmitx formalment, fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE, eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li s-sustanza stess tal-motiv tagħha tipprevedi l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għar-raġuni li din tal-aħħar hija bbażata fuq din il-komunikazzjoni, li hija illegali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa meħtieġ, fl-ewwel lok, li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti u, fil-każ li din tkun ammissibbli, fit-tieni lok, li jiġi evalwat jekk din l-eċċezzjoni hijiex fondata.

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità

48      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 277 TFUE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li hija indirizzata lilha jew li tikkonċerna lilha direttament u individwalment, il-validità ta’ atti istituzzjonali preċedenti, li, anki jekk dawn ma jkollhomx il-forma ta’ regolament, jikkostitwixu l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, jekk din il-parti ma kellhiex id-dritt li tippreżenta, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra dawn l-atti, li tagħhom hija sostniet il-konsegwenzi mingħajr ma setgħet titlob l-annullament tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il-Kummissjoni, 92/78, Ġabra p. 777, punti 39 u 40, u tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 272).

49      Peress li l-Artikolu 277 TFUE ma għandux l-għan li jippermetti lil parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ natura ġenerali favur kwalunkwe rikors, l-att ġenerali li l-illegalità tiegħu hija mqajma għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ li huwa s-suġġett tar-rikors u għandu jkun hemm rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1966, Italja vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 32/65, Ġabra p. 563, 594; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 1993, Reinarz vs Il-Kummissjoni, T‑6/92 u T‑52/92, Ġabra p. II‑1047, punt 57 u tad-29 ta’ Novembru 2005, Heubach vs Il-Kummissjoni, T‑64/02, Ġabra p. II‑5137, punt 35).

50      Fir-rigward tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tipprevedi fiha, minn naħa, b’mod ġenerali u astratt, il-kundizzjonijiet li l-impriżi għandhom jissodisfaw sabiex jibbenefikaw minn tnaqqis totali jew parzjali tal-multi fl-ambitu tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE (paragrafi 8 sa 27 ta’ din il-komunikazzjoni) u, min-naħa l-oħra, li din il-komunikazzjoni toħloq fir-rigward ta’ impriżi aspettattivi leġittimi (ara l-paragrafu 29 ta’ din il-komunikazzjoni).

51      It-tieni nett, jekk stess huwa tassew minnu li l-Kummissjoni ma adottatx id-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, peress li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, xorta waħda huwa paċifiku li huwa fuq il-bażi, minn naħa, tat-talba magħmula minn Masco fl-ambitu tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni (premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata) li l-Kummissjoni rċeviet informazzjoni li ppermettitilha li twettaq spezzjonijiet u, min-naħa l-oħra, tat-talbiet għal tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħhom magħmula minn impriżi oħra, bħal Grohe u Ideal Standard, li l-Kummissjoni setgħet, għall-inqas parzjalment, tiġbor informazzjoni u provi li wassluha sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

52      Għalhekk, hemm, f’dan il-każ, rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni kkontestata u l-att ġenerali rrappreżentat mill-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni. Billi r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li titlob l-annullament tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, inkwantu din tikkostitwixxi att ġenerali, din tal-aħħar tista’ tkun is-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità.

53      Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, imqajma mir-rikorrenti, hija ammissibbli.

–       Fuq il-mertu

54      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), li sar l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, “[i]l-Kummissjoni tista’ permess ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi [...] multi [...] fejn, jew intenzjonalment jew b’negliġenza [...] dawn jiksru l-Artikolu [101 TFUE] jew l-Artikolu [102 TFUE]”.

55      Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma jelenkax b’mod eżawrjenti l-kriterji li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multa. Għal din ir-raġuni, l-imġiba tal-impriża matul il-proċedura amministrattiva tista’ tifforma parti mill-fatturi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan l-iffissar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Finnboard vs Il-Kummissjoni, C‑298/98 P, Ġabra p. I‑10157, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li t-tnaqqis totali jew parzjali ta’ multi imposti fuq l-impriżi fl-ambitu tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni għandu l-għan li jiffaċilita l-iskoperta u s-sanzjoni mill-Kummissjoni ta’ impriżi li jipparteċipaw f’akkordji sigrieti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 li l-Kummissjoni tista’, għal finijiet ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament, tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-impriżi kollha li jikkooperaw magħha jkunu jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis totali jew parzjali tal-multi.

56      Fid-dawl tal-konstatazzjoni preċedenti, qabelxejn, għandu jiġi miċħud bħala infondat l-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, il-Kummissjoni ma għandha ebda bażi legali sabiex tadotta l-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni.

57      Imbagħad, sa fejn ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni tikser il-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri, tali argument għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 55 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, is-setgħa li tadotta komunikazzjoni li tipprovdi l-kundizzjonijiet li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li hija għandha d-dritt li timponi. F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li, f’ħafna Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, il-programmi fis-seħħ tal-istess natura ġew adottati mil-leġiżlatur għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, anki jekk dan huwa l-każ, dan ma għandu ebda effett fuq il-konstatazzjoni li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jikkostitwixxi bażi legali valida li tawtorizza lill-Kummissjoni tadotta l-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni.

58      Barra minn hekk, l-argumenti tar-rikorrenti li l-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni tikser il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ amministrazzjoni tajba għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Fil-fatt, minn naħa, sa fejn il-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni hija att ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni timpenja ruħha li tagħti tnaqqis totali jew parzjali ta’ multi lill-impriżi, din ma tiksirx, iżda, għall-kuntrarju, tikkontribwixxi għat-trasparenza tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, sa fejn hija tistabbilixxi qafas sabiex tikkumpensa, għall-kooperazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, lill-impriżi li jifformaw jew kienu jifformaw parti minn akkordji sigrieti li jaffettwaw l-Unjoni, din il-komunikazzjoni mhux biss tikkonforma ruħha mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, iżda timmanifestah ukoll.

59      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, kif spjegat minnha fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u fit-tweġibiet orali tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali fis-seduta, li l-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn din tiffavorixxi lill-impriżi l-kbar, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-possibbiltà ta’ tgawdija tal-benefiċċji pprovduti mill-Komunikazzjoni bi skambju għall-obbligi imposti minnha hija miftuħa għal kull impriża li tkun trid tikkoopera mal-Kummissjoni mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq id-daqs tal-impriżi li jkunu jridu jipparteċipaw. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix li l-impriżi li jinsabu fl-istess sitwazzjoni huma ttrattati b’mod mhux ugwali jew li, b’mod kuntrarju, impriżi li jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti huma inġustament ittrattati b’mod identiku.

60      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, infondat u, parzjalment, ineffettiv.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Mamoli Robinetteria SpA għandha tbati l-ispejjeż tagħha u kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Settembru 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.


1 –      Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-pubblikazzjoni tagħhom il-Qorti Ġenerali tqis utli.