Language of document : ECLI:EU:T:2013:442

Kawża T‑376/10

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Mamoli Robinetteria SpA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Swieq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għal kmamar tal-banju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Drittijiet tad-difiża — Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni — Kunċett ta’ akkordju — Kalkolu tal-ammont tal-multa — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Gravità — Koeffiċjent tal-ammont addizzjonali”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla)
tas-16 ta’ Settembru 2013

1.      Eċċezzjoni ta’ illegalità — Portata — Atti li l-illegalità tagħhom tista’ tiġi eċċepita — Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni — Inklużjoni — Kundizzjonijiet

(Artikolu 263 TFUE u 277 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 7; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punti 8 sa 27 u 29)

2.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kuntest ġuridiku — Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 — Setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni minn dan l-artikolu — Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni — Nuqqas ta’ bażi legali — Assenza — Ksur tal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri — Assenza — Ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament — Assenza

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 2002/C 45/03)

1.      L-Artikolu 277 TFUE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li hija indirizzata lilha jew li tikkonċerna lilha direttament u individwalment, il-validità ta’ atti istituzzjonali preċedenti, li, anki jekk dawn ma jkollhomx il-forma ta’ regolament, jikkostitwixxu l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, jekk din il-parti ma kellhiex id-dritt li tippreżenta, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra dawn l-atti, li tagħhom hija sostniet il-konsegwenzi mingħajr ma setgħet titlob l-annullament tagħhom. Peress li l-Artikolu 277 TFUE ma għandux l-għan li jippermetti lil parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ natura ġenerali favur kwalunkwe rikors, l-att ġenerali li l-illegalità tiegħu hija mqajma għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ li huwa s-suġġett tar-rikors u għandu jkun hemm rabta legali diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni.

Fir-rigward tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji, il-Kummissjoni tipprevedi fiha fil-punti 8 sa 27, minn naħa, b’mod ġenerali u astratt, il-kundizzjonijiet li l-impriżi għandhom jissodisfaw sabiex jibbenefikaw minn tnaqqis totali jew parzjali tal-multi fl-ambitu tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u, fil-punt 29, min-naħa l-oħra, li din il-komunikazzjoni toħloq fir-rigward ta’ impriżi aspettattivi leġittimi. Jekk stess huwa tassew minnu li l-Kummissjoni ma adottatx id-deċiżjonijiet li jikkonstataw ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, peress li tali deċiżjonijiet huma bbażati fuq l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, madankollu, xorta waħda jista’ jkun hemm rabta ġuridika diretta bejn tali deċiżjonijiet u l-att ġenerali kkostitwit mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-Kummissjoni tirċievi, fuq il-bażi ta’ talbiet għal tnaqqis magħmula minn kompetituri fl-ambitu tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, informazzjoni li tippermettilha twettaq spezzjonijiet u tiġbor provi li jwassluha sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha.

Ladarba impriża ma tkunx f’pożizzjoni li titlob l-annullament tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, inkwantu din tikkostitwixxi att ġenerali, din tal-aħħar tista’ tkun is-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità.

(ara l-punti 48-52)

2.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li sar l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ma jelenkax b’mod eżawrjenti l-kriterji li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multa. Għal din ir-raġuni, l-imġiba tal-impriża matul il-proċedura amministrattiva tista’ tifforma parti mill-fatturi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan l-iffissar. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li t-tnaqqis totali jew parzjali ta’ multi imposti fuq l-impriżi, fl-ambitu tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji, għandu l-għan li jiffaċilita l-iskoperta u s-sanzjoni mill-Kummissjoni ta’ impriżi li jipparteċipaw f’akkordji sigrieti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 li l-Kummissjoni tista’, għal finijiet ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament, tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-impriżi kollha li jikkooperaw magħha jkunu jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis totali jew parzjali tal-multi.

Konsegwentement, l-argumenti bbażati fuq nuqqas ta’ bażi legali għall-adozzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, fuq ksur tal-prinċipji ta’ separazzjoni tal-poteri, ta’ trasparenza, ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandhom jiġu miċħuda.

(ara l-punti 54-59)