Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Awissu 2009 - Planet vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-320/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Planet AE Anonymi Etairia Parochis Symvouleftikon Ypiresion (rappreżentant: avv. V. Christianos)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla ż-żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (OLAF) li permezz tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni tar-rikorrenti, l-ewwel fil-kategorija W1, u mbagħad fil-kategorija W1b tas-sistema ta' twissijiet bikrija (EWS)

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors huwa intiż sabiex, fl-ewwel lok, jinkiseb l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li talbet li r-rikorrenti tiġi rreġistrata fil-kategorija W1 tas-sistema ta' twissijiet bikrija (iktar 'il quddiem "EWS"), u fit-tieni lok, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li talbet li l-ewwel deċiżjoni ċċitata tinbidel sabiex ir-rikorrenti tiġi rreġistrata, mill-25 ta' Mejju 2009, fil-kategorija iktar sfavorevoli W1b tal-EWS.

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma vvizjati minn ksur tal-forom proċedurali sostanzjali għaliex ma josservawx il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Deċiżjoni 2008/969/KE f'dak li jirrigwarda r-regoli proċedurali li għandhom jiġu osservati sabiex ir-reġistrazzjonijiet fl-EWS ikunu konformi mad-dritt Komunitarju. B'mod partikolari, ir-rikorrenti tenfasizza li, skont l-Artikolu 8(1) ta' din id-deċiżjoni, il-korp kompetenti tal-Kummissjoni, li huwa responsabbli mill-firma ta' kuntratt, għandu minn qabel jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika li fir-rigward tagħha tkun intalbet ir-reġistrazzjoni ta' twissija fl-EWS bl-eventwali reġistrazzjoni tad-data li tikkonċernaha. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1)(c) tad-deċiżjoni kkontestata, ir-reġistrazzjoni għandha tkun immotivata b'mod adegwat.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqas ta' osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2008/969/KE jikser kemm prinċipji bażiċi kif ukoll drittijiet fundamentali rikonoxxuti mid-dritt Komunitarju. Skont ir-rikorrenti, l-aġir tal-Kummissjoni jikser il-prinċipju, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-amministrazzjoni tajba għaliex il-Kummissjoni la informatha u lanqas ma mxiet skont kif hemm stabbilit fl-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2008/969/KE, bil-konsegwenza li r-rikorrenti ġiet miċħuda mill-possibbiltà li tagħti l-fehma tagħha. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni, skont ir-rikorrenti, kisret ukoll l-obbligu tagħha ta' diliġenza. Barra minn hekk, l-aġir tal-Kummissjoni jikser l-Artikolu 1 tal-Kodiċi ta' kondotta amministrattiva tajba applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pubbliku.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-dritt għal smigħ minn qabel, id-drittijiet tad-difiża u d-dritt tal-preżunzjoni tal-innoċenza għaliex ir-rikorrenti ma ngħatatx il-possibbiltà tagħti l-fehma tagħha u l-oġġezzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjonijiet relattivi għar-reġistrazzjoni tagħha fl-EWS li l-korp kompetenti tal-Kummissjoni adotta.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/969/KE, Euratom, tas-16 ta' Diċembru 2008, dwar is-Sistema ta' Twissijiet Bikrija għall-użu mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi (ĠU L 344, p. 125)