Language of document :

Appell ippreżentat fit-23 ta' Novembru 2011 minn Inuit Tapiriit Kanatami et minn digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba' Awla Estiża) mogħti fis-6 ta' Settembru 2011 fil-Kawża T-18/10: Inuit Tapiriit Kanatami et v Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Ir-Renju tal-Pajjizi l-Baxxi, Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-583/11 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Inuit Tapiriit Kanatami, Nattivak Hunters' and Trappers' Association, Pangnirtung Hunters' and Trappers' Association, Jaypootie Moesesie, Allen Kooneeliusie, Toomasie Newkingnak, David Kuptana, Karliin Aariak, Canadian Seal Marketing Group, Ta Ma Su Seal Products, Inc., Fur Institute of Canada, NuTan Furs, Inc., GC Rieber Skinn AS, Inuit Circumpolar Council Greenland (ICC), Johannes Egede, Kalaallit Nunaanni Aalisartut Piniartullu Kattuffiat (KNAPK) (rappreżentanti: H. Viaene, avukat, J. Bouckaert, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Ir-Renju tal-Pajjizi l-Baxxi, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat tal-Qorti Ġenerali u tiddikjara r-rikors għal annullament ammissibbli, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-elementi kollha meħtieġa jeżistu, sabiex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors għall-annullament tar-Regolament ikkontestat ;

sussidjarjament, tannula d-digriet appellat u tirrinvija l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jħallsu l-ispejjeż tal-appellanti;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jħallsu l-ispejjeż tagħhom stess.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-Appell huwa bbażat fuq tliet aggravji prinċipali: 1) il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi fl-applikazzjoni tar-raba' paragrafu tal-Artikolu 263, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem it-"TFUE"), 2) il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta' motivazzjoni u, sussidjarjament, kisret l-Artikoli 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-"Karta") u l-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar 'il quddiem "KEDB"), bħala prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, u 3) il-Qorti Ġenerali ppreżentat b'mod żbaljat u żnaturat il-provi prodotti mir-rikorrenti fl-ewwel istanza.

Fl-ewwel aggravju, l-appellanti jallegaw li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali għat-terminu "att regolatorju", jiġifieri, att separat u esklużiv minn "att leġislattiv", hija żbaljata peress li tneħħi kull raison d'être tal-possibbiltà ġdida għall-bidu ta' proċedura bbażata fuq ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 263 (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju). Fit-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti juru wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi meta kkonkludiet li biss erba' mill-appellanti minn tmintax huma direttament ikkonċernati mir-regolament ikkontestat. Il-Qorti Ġenerali applikat interpretazzjoni wisq restrittiva tal-kunċett ta' interess dirett. Il-Qorti Ġenerali wkoll wettqet żball ta' liġi billi applikat interpretazzjoni wisq restrittiva tar-rekwiżit ta' interess individwali.

Fit-tieni aggravju, l-appellanti jfakkru li fl-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà, huma kienu sostnew li hija biss interpretazzjoni wiesgħa tar-raba' paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li tkun konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta u mal-Artikoli 6 u 13 KEDB. Minħabba li dan l-eċċezzjoni ta' rikors kien determinanti għall-eżitu tal-kawża, il-Qorti Ġenerali kellha d-dmir legali biex tagħti tweġiba speċifika u espressa. L-appellanti juru, madankollu, li l-Qorti Ġenerali ma indirizzatx b'mod xieraq dan il-eċċezzjoni ta' rikors. L-ommissjoni tal-Qorti Ġenerali li tagħmel dan tikkostitwixxi żball ta' liġi li għandu jirriżulta fl-annullament tad-digriet appellat (l-ewwel parti tat-tieni aggravju). Fit-tieni parti tat-tieni aggravju, u sussidjarjament, l-appellanti bir-rispett jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla d-digriet appellat għar-raġuni li l-interpretazzjoni tar-raba' paragrafu tal-Artikolu 263, u d-deċiżjoni konsegwenti tal-Qorti Ġenerali li tiddikjara r-rikors tal-appellanti inammissibbli, imorru kontra l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB, bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

Fil-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ppreżentati b'mod żbaljat u żnaturat il-provi li kienu ppreżentati. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argument tal-appellanti dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata għat-terminu "att regolatorju" fuq il-bażi ta' żewġ talbiet li l-appellanti allegatament għamlu, iżda fir-realtà ma għamlux. Jirriżulta li l-fatti tad-digriet appellat huma għalhekk żbaljati u joħolqu distorsjoni tas-sens ċar tal-provi disponibbli għall-Qorti Ġenerali, mingħajr ma huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti. Peress li l-Qorti Ġenerali interpretat l-argumenti mressqa b'mod li jmur kontra l-ifformular tagħhom, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat hija vvizzjata minn żbalji manifesti ta' evalwazzjoni.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas- 16 ta' Settembru 2009, dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (ĠU L 286, p. 36)