Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Lulju 2021 – Thomas u Julien vs Il-Kunsill

(Kawża T-442/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Rhiannon Thomas (Londra, ir-Renju Unit), Michaël Julien (Weybridge, ir-Renju Unit) (rappreżentant: J. Fouchet, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Ftehim dwar il-Kummerċ iffirmat fit-30 ta’ Diċembru 2020 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Gvern Brittaniku u d-Deċiżjoni 2021/689 għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim meħuda mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ April 2021, sa fejn dawn japprovaw l-Artikolu Comprov16 u sa fejn ma jżommux fis-seħħ il-moviment liberu tal-Brittaniċi li għandhom rabtiet ta’ familja u ta’ patrimonju stretti fit-territorju tal-Unjoni Ewropea b’applikazzjoni tal-Artikolu VSTV 1;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha tal-proċedura, inklużi l-ispejjeż ta’ avukat li jammontaw għal EUR 5 000.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

1.    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Istat tad-dritt mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (iktar ’il quddiem il-“Ftehim”). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu COMPROV.16 ta’ dan il-ftehim jeskludi kważi d-dispożizzjonijiet kollha minn kull possibbiltà ta’ kontestazzjoni quddiem il-qrati u b’mod partikolari quddiem il-qorti tal-Unjoni.

2.    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li żammew rabtiet ta’ familja u ta’ patrimonju stretti fl-Unjoni. Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet.

L-ewwel parti hija bbażata fuq il-ksur tad-drittijiet tar-rikorrenti għaċ-ċertezza legali sa fejn is-sitwazzjoni stabbli li minnha kienu gawdew b’mod paċifiku u mingħajr restrizzjonijiet matul għexur ta’ snin inbidlet f’sitwazzjoni instabbli.

It-tieni parti hija bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, minħabba li l-Ftehim jassimila sitwazzjonijiet differenti ħafna, liema fatt iwassal għal diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

It-tielet parti hija bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn il-ftehim jikser il-konsegwenzi tal-obbligu ta’ visa għal residenza fit-tul fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħajja privata u tal-familja tagħhom.

____________