Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Lulju 2021 – Saure vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-448/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Hans-Wilhelm Saure (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentant: C. Partsch, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta t-talba tar-rikorrent għal aċċess għal dokumenti tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ġunju 2021 billi tipproduċi kopji tal-komunikazzjonijiet kollha mill-Kummissjoni

mal-kumpannija BioNTech SE,

mal-Kanċellerija Federali tal-Ġermanja rigward il-kumpannija BioNTech SE u l-prodotti tagħha,

mal-Ministru Federali għas-Saħħa tal-Ġermanja dwar ix-xiri ta’ vaċċini għall-ġlieda kontra l-pandemija tal-Coronavirus,

mill-1 ta’ April 2020 u b’mod partikolari dwar il-kwantità ta’ vaċċini offruti minn BioNTech u d-dati tal-kunsinna tagħhom, sa fejn dan ma jagħtix aċċess lir-rikorrent jew jagħti biss aċċess parzjali lir-rikorrent;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrent għandu d-dritt li jaċċessa d-dokumenti inkwistjoni tal-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 1 .

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ma jipprekludix id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni kontenzjuża. L-informazzjoni mitluba hija meħtieġa għas-sigurtà nazzjonali, għall-paċi u għall-ordni pubbliku, għall-benesseri ekonomiku tal-pajjiż, għad-difiża tal-ordni pubbliku u għall-protezzjoni tas-saħħa. Għalhekk, interferenza possibbli mal-privatezza u mal-integrità tal-individwu hija permissibbli. Fl-aħħar, l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba huwa ta’ interess pubbliku sinjifikattiv.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ma jipprekludix id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni kontenzjuża. Ma hemm l-ebda raġuni għal esklużjoni minn din id-dispożizzjoni, peress li tipprovdi raġuni għal esklużjoni li hija limitata fiż-żmien u tirrelata biss ma’ deliberazzjonijiet li għaddejjin. It-talba għall-informazzjoni tar-rikorrent, madankollu, tirrigwarda esklużivament tranżazzjonijiet kompluti.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ma jipprekludix id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni kontenzjuża. Id-dispożizzjoni tipproteġi biss il-proċess kontinwu tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Madankollu, is-suġġett tat-talba għal aċċess tal-fajl mir-rikorrent huma dokumenti relatati man-negozjati tal-konvenuta dwar il-kunsinni tal-vaċċin. Dawn in-negozjati diġà ġew konklużi. Barra minn hekk, hemm interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tal-informazzjoni kontenzjuża, peress li l-UE ilha ġimgħat tiddiskuti u tirrapporta dwar l-akkwist tal-vaċċini madwar l-Ewropa.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ma jipprekludix id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni kontenzjuża. It-tixrid tal-informazzjoni ma jippreġudikax l-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika. L-informazzjoni mitluba ma fiha l-ebda sigriet kummerċjali fis-sens tad-Direttiva (UE) 2016/943 1 .

____________

1     Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

1     Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU 2016, L 157, p. 1).