Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Bulgarija) fis-26 ta’ April 2021 – Proċeduri kriminali kontra HV

(Kawża C-266/21)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski gradski sad

Parti fil-proċeduri kriminali nazzjonali

HV

Domandi preliminari

Deċiżjonijiet ġudizzjarji f’kawżi kriminali li permezz tagħhom, fir-rigward ta’ reati li jikkonsistu fi ksur tar-regoli tat-traffiku li jikkawża, b’negliġenza, ħsara moderata fuq il-persuna, min iwettaq ir-reat jiġi kkundannat għal sanzjoni amministrattiva li tinvolvi ċ-ċaħda tad-dritt tas-sewqan għal żmien determinat, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi (ĠU 2008, L 337, p. 102)?

L-Artikolu 11(2) u l-ewwel sat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU 2006, L 403, p. 18) jippermettu lil Stat Membru, li fih ikollu r-residenza abitwali tiegħu d-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn dan l-istess Stat, jirrifjuta li jirrikonoxxi u li jeżegwixxi sanzjoni amministrattiva, imposta fi Stat Membru ieħor, li tinvolvi ċ-ċaħda temporanja tad-dritt tas-sewqan ta’ vettura bil-mutur bħala konsegwenza tal-fatt li dan id-detentur kiser ir-regoli tat-traffiku u kkawża, b’negliġenza, ħsara moderata fuq il-persuna lil terzi, f’sitwazzjoni fejn ir-reat twettaq meta min wettaq ir-reat kellu liċenzja tas-sewqan maħruġa lilu mill-Istat ta’ residenza sabiex tissostitwixxi l-liċenzja inizjalment maħruġa mill-Istat li fih ġie kkundannat?

____________