Language of document : ECLI:EU:C:2021:592

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fl‑14 ta’ Lulju 2021 (1)(i)

Kawża C262/21 PPU

A

vs

B

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Kamp ta’ applikazzjoni materjali – Kunċett ta’ ‘materji ċivili’ – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ ġenitur f’isem wild minuri – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Deċiżjoni li wild minuri jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni – Talba għal ritorn – Tneħħija jew żamma inġusta ta’ wild – Artikolu 2(11) – Klassifikazzjoni – Konvenzjoni ta’ Den Haag 1980 – Residenza abitwali – Użu ta’ forza”





I.      Introduzzjoni

1.        Deċiżjoni għat-trasferiment ta’ wild minuri meħuda skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (2) u wara applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’ismu minn wieħed mill-ġenituri, mingħajr il-kunsens tal-ieħor, tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (3) u, jekk fl-affermattiv, tikkaratterizza sitwazzjoni ta’ ħtif internazzjonali ta’ dan it-wild?

2.        Din hija waħda mill-kwistjonijiet imqajma f’din il-kawża, li l-oriġinalità tagħha hija li tpoġġi flimkien żewġ strumenti legali tad-dritt tal-Unjoni bl-iskop u għanijiet apparentement distinti ħafna u li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi għall-ewwel darba.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-25 ta’ Ottubru 1980

3.        L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, konkluż f’Den Haag fil‑25 ta’ Ottubru 1980, (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag”), jipprovdi:

“It-tneħħija jew iż-żamma ta’ wild għandhom jitqiesu bħala illegali:

a)      meta dan ikun bi ksur tad-drittijiet ta’ kustodja, vestiti f’persuna, istituzzjoni jew entità oħra, kemm singolarment, kif ukoll konġuntament, taħt il-liġi tal-Istat fejn il-wild kien soltu joqgħod minnufih qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu; u

b)      fil-waqt tat-tneħħija jew taż-żamma dawk id-drittijiet kienu attwalment eżerċitati, jew konġuntament sew singolarment, jew kienu jkunu hekk eżerċitati kieku ma kienx għat-tneħħija jew għaż-żamma.

Id-drittijiet ta’ kustodja msemmija fis-subparagrafu (a) hawn aktar qabel jistgħu joriġinaw b’mod partikolari mill-operat tal-liġi jew bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, jew bis-saħħa ta’ ftehim li jkollu effett legali skont il-liġi ta’ dak l-Istat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4.        L-Artikolu 12 ta’ din il-konvenzjoni tgħid:

“Meta wild jkun tneħħa jew inżamm b’mod illegali skont l-Artikolu 3 u, fid-data tal-bidu tal-proċedimenti quddiem l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat kontraenti fejn ikun jinsab il-wild, ikun għadda perijodu ta’ inqas minn sena mid-data tat-tneħħija jew żamma illeċita, l-awtorità li tkun għandha tordna r-ritorn tal-wild biex dan isir minnufih.

L-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, ukoll meta l-proċedimenti jkunu inbdew wara li jkun għalaq il-perijodu ta’ sena msemmi fil-paragrafu ta’ qabel, għandha tordna wkoll ir-ritorn tal-wild kemm-il darba ma jiġix pruvat li l-wild ikun issa adatta ruħu fl-ambjent ġdid tiegħu.

Meta l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat rikjest ikollha għaliex tissuspetta li l-wild ikun ittieħed fi Stat ieħor, din tista’ twaqqaf il-proċedimenti jew tiċħad it-talba għal ritorn tal-wild.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.        L-Artikolu 13 tal-konvenzjoni msemmija huwa fformulat kif ġej:

“Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-artikolu ta’ qabel, l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat rikjest ma hijiex marbuta li tordna r-ritorn tal-wild jekk il-persuna, l-istituzzjoni jew l-entità l-oħra li topponi r-ritorn iġġib prova li:

a) il-persuna, l-istituzzjoni jew l-entità oħra li jkunu vestiti bil-kura tal-persuna tal-wild ma kinux attwalment qegħdin jeżerċitaw id-drittijiet tal-kustodja fiż-żmien meta jkun tneħħa jew inżamm il-wild jew li taw il-kunsens tagħhom jew sussegwentement baqgħu siekta għat-tneħħija jew iż-żamma tal-wild; jew

b) ikun hemm riskju kbir li r-ritorn tal-wild se jesponih għal dannu fiżiku jew psikoloġiku jew inkella jqiegħed lill-wild f’sitwazzjoni intollerabbli.

L-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tista’ wkoll tirrifjuta li tordna r-ritorn tal-wild jekk issib li l-wild joġġezzjona għar-ritorn tiegħu u jkun laħaq età u livell ta’ maturità li jkun tajjeb li wieħed jagħti każ tal-fehmiet tiegħu.

Meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi msemmija f’dan l-artiklu, l-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi għandhom iqisu l-informazzjoni li jkollha x’taqsam mal-isfond soċjali tal-wild kif provduta mill-Awtorità ċentrali jew minn xi awtorità kompetenti oħra tal-post fejn ikun soltu joqgħod il-wild” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

B.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament Nru 2201/2003

6.        Il-premessa 5 tar-Regolament Nru 2201/2003 tgħid dan li ġej:

“Sabiex l-ugwaljanza għal minuri kollha tkun assigurata, dan ir-Regolament ikopri d-deċizjonijiet kollha dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri, inkluzi l-miżuri ta’ protezzjoni għall-minuri, indipendentement minn xi konnessjoni ma’ xi proċedura matrimonjali.”

7.        Il-premessa 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 tgħid:

“Dan il-Regolament mhuwiex maħsub biex japplika għall-kwistjonijiet ta’ siġurtà soċjali, miżuri pubbliċi ta’ natura ġenerali fi kwistjonijiet ta’ edukazzjoni jew saħħa jew għall-deċiżjonijiet dwar id-dritt ta’ l-ażil u dwar l-immigrazzjoni […]”

8.        Il-premessa 17 tar-Regolament Nru 2201/2003 tgħid:

“F’każijiet ta’ tneħħija jew żamma nġusta ta’ minuri, ir-ritorn ta’ l-minuri għandu jinkiseb mingħajr dewmien, u għal dan il-għan għandha tkompli tapplika l-[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980] kif kumplementata mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u partikolarrment l-Artikolu 11. Il-qrati ta’ l-Istati Membri liema jew li minnhom il-minuri ġew imneħħija nġustament jew miżmuma għandhom ikun jistghu jopponu r-ritorn tiegħu f’każijiet speċifici jew skond kif ġustifikati. Madankollu, deċiżjoni bħal din tista’ tiġi sostitwita minn deċiżjoni sussegwenti mill-qorti ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri qabel it-tneħħija jew żamma nġusta. Jekk dik is-sentenza tobbliga r-ritorn ta’ l-minuri, ir-ritorn għandu jiġi magħmul mingħajr l-ebda proċedura speċjali neċessarja għar-rikonoxximent u l-enfurzar ta’ dik is-sentenza fl-Istat Membru liema jew f’liema l-minuri ġew imneħħija jew miżmuma.”

9.        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, fih dan il-kliem:

“1. Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

[…]

b) l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

2. Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:

a) drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess […]”.

10.      L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jippreċiża:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

7) il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

[…]

9) il-kliem ‘drittijiet ta’ kustodja’ għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri;

[…]

11) il-kliem ‘tneħħija nġusta jew iż-żamma’ għandhom ifissru t-tneħħija ta’ l-minuri jew iż-żamma fejn;

a) hemm ksur ta’ liġi tad-drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma;

u

b) iżda, f’dak iż-żmien tat-tneħħija jew iż-żamma, id-drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t-tneħħija jew iż-żamma. Il-kustodja se tiġi kkunsidrata biex tiġi eżerċitata konġuntament meta, skond sentenza jew b’operat ta’ liġi, wieħed mill-ġenituri li għandu jew għandha r-responsabbilità ma tistax tiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza ta’ l-minuri mingħajr il-kunsens ta’ persuna oħra li għandha r-responsabbilità ta’ l-ġenitur.”

11.      L-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament jgħid:

“1. Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il-bażi ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l‑25 ta’ Ottubru 1980 […], ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l-minuri li ġew inġustament imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8.

[…]

4. Qorti ma tistax tirrifjuta milli tirritorna minuri a bażi ta’ l-Artikolu 13b ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980 jekk jiġi stabbilit li saru l-arranġamenti xierqa sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ l-minuri wara r-ritorn tiegħu jew tagħha.”

2.      Ir-Regolament Nru 604/2013

12.      L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 604/2013 jiddisponi:

“1. Fejn applikant ikun fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza validu, l-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokument għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

[…]

3. Fejn l-applikant ikun fil-pussess ta’ aktar minn dokument wieħed ta’ residenza validu jew viża maħruġin minn Stati Membri differenti, ir-responsabbiltà biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jassumuha l-Istati Membri fl-ordni li ġejja:

a)      l-Istat Membru li ħareġ id-dokument ta’ residenza li jagħti d-dritt għall-itwal perijodu ta’ residenza jew, fejn il-perjodi ta’ validità huma identiċi, l-Istat Membru li ħareġ id-dokument ta’ residenza li għandu l-aktar tard id-data ta’ skadenza;

b)      l-Istat Membru li ħareġ il-viża li għandha l-aktar tard id-data ta’ skadenza fejn il-viżas varji huma tal-istess tip;

c)      fejn viżas huma ta’ xorta differenti, l-Istat Membru li ħareġ il-viża li għandha l-itwal perijodu ta’ validità, jew, fejn il-perjodi ta’ validità huma identiċi, l-Istat Membru li ħareġ il-viża li għandha l-aktar tard id-data ta’ skadenza.

[…]”

13.      Skont l-Artikolu 29(1) ta’ dan ir-regolament:

“It-trasferiment tal-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 18(1) mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3).

Jekk trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli jsiru permezz ta’ tluq sorveljat jew taħt skorta, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn isiru b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u d-dinjità umana.

Fejn hu meħtieġ, l-applikant għandu jingħata mill-Istat Membru rikjedenti laissez passer. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi d-disinn tal-laissez passer. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami li jirreferi għaliha l-Artikolu 44(2).

L-Istat Membru responsabbli għandu jgħarraf lill-Istat Membru li jagħmel it-talba, kif xieraq, bil-wasla salva tal-persuna kkonċernata jew bil-fatt li huwa jew hija ma dehritx fil-limitu tal-ħin stabbilit.”

C.      Id-dritt Finlandiż

14.      Ir-ritorn tal-wild huwa rregolat mil-laki lapsen huollosta ja tapaamisoikeudesta 361/1983 (il-Liġi dwar il-Kustodja ta’ u l-Aċċess għat-tfal), kif emendata bil-liġi 186/1994. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jikkorrispondu ma’ dawk tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mir-risposti għat-talbiet tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dokumenti u informazzjoni jirriżulta li l-kawża prinċipali hija bejn żewġ ċittadini Iranjani, ġenituri ta’ wild ta’ 20 xahar.

16.      Fl-2016, il-missier u l-omm kienu jgħixu fil-Finlandja. F’dan il-pajjiż, l-omm kellha permess ta’ residenza minħabba rabtiet familjari (il-missier kellu permess ta’ residenza fil-kapaċità tiegħu ta’ impjegat) għal perjodu ta’ erba’ snin mit‑28 ta’ Diċembru 2017. Fix-xahar ta’ Mejju 2019, il-ġenituri stabbilixxew ruħhom fl-Isvezja u l-omm kisbet, f’dan il-pajjiż, permess ta’ residenza tal-familja għall-perijodu mill‑11 ta’ Marzu 2019 sas‑16 ta’ Settembru 2020. Hemmhekk twieled wild komuni fil‑5 ta’ Settembru 2019, u d-dritt ta’ kustodja kien eżerċitat konġuntament mill-ġenituri.

17.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Novembru 2019, l-awtoritajiet Svediżi poġġew lill-omm u lill-wild f’dar soċjali ta’ kenn wara l-vjolenza domestika mġarrba mill-omm, deċiżjoni kkonfermata permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2020. Fil-21 ta’ Novembru 2019, il-missier applika għal permess ta’ residenza għall-wild fl-Isvezja minħabba r-rabta familjari tiegħu mal-wild. Fl‑4 ta’ Diċembru ta’ wara, l-omm applikat ukoll għal permess ta’ residenza fl-Isvezja għall-wild. Fis‑7 ta’ Awwissu 2020, l-omm ippreżentat lill-awtoritajiet Svediżi kompetenti applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għaliha u għall-wild, billi kkwotat il-vjolenza domestika mwettqa fuqha mill-missier u, fil-każ ta’ ritorn lejn l-Iran, ir-riskju ta’ vjolenza f’isem l-unur min-naħa tal-familja tal-missier. Fis-27 ta’ Awwissu 2020, ir-Repubblika tal-Finlandja informat lir-Renju tal-Isvezja li, skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 604/2013, hija kienet responsabbli għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni.

18.      Fis‑27 ta’ Ottubru 2020, l-awtorità Svediża kompetenti għall-immigrazzjoni ddikjarat inammissibbli l-applikazzjoni għal ażil tal-omm u l-wild, għalqet l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza għall-wild imressqa mill-missier minħabba r-rabta familjari u ddeċidiet li tittrasferixxi lill-omm u lill-wild lejn il-Finlandja skont ir-Regolament Nru 604/2013. Fl‑24 ta’ Novembru ta’ wara, dan it-trasferiment sar skont l-Artikolu 29 tar-regolament imsemmi, u rriżulta fir-revoka tad-deċiżjoni ta’ teħid ta’ responsabbiltà u ta’ tqegħid tal-wild. Fil‑11 ta’ Jannar 2021, l-omm ippreżentat applikazzjoni għal ażil fil-Finlandja għaliha u għall-wild, li għadha qiegħda tiġi eżaminata.

19.      Fis‑7 ta’ Diċembru 2020, il-missier ippreżenta appell mid-deċiżjoni meħuda fis‑27 ta’ Ottubru 2020 mill-awtorità Svediża kompetenti għall-immigrazzjoni billi din kienet għalqet l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza u ttrasferiet lill-wild fil-Finlandja. F’deċiżjoni meħuda fil‑21 ta’ Diċembru 2020, qorti Svediża annullat id-deċiżjoni msemmija, mingħajr ma semgħet lill-missier, u rreferiet il-proċess lil din l-awtorità. Meta eżaminat mill-ġdid il-proċess, din tal-aħħar iddeċidiet, fid‑29 ta’ Diċembru 2020, li tagħlaq il-kawżi li jikkonċernaw il-wild minħabba t-tluq tiegħu mit-territorju nazzjonali. Qorti Svediża, li tat deċiżjoni fis‑6 ta’ April 2021 wara l-appell ippreżentat fid-19 ta’ Jannar 2021, mill-missier mid-deċiżjoni tad-29 ta’ Diċembru 2020, ċaħdet it-talbiet ta’ dan tal-aħħar u, b’mod partikolari, dik immirata għar-ritorn tal-wild fl-Isvezja skont ir-Regolament Nru 604/2013. Skont informazzjoni kkomunikata mill-awtorità Svediża kompetenti għall-immigrazzjoni, il-wild bħalissa ma għandux permess ta’ residenza fl-Isvezja, u għalhekk ma jistax jidħol f’dan il-pajjiż.

20.      Fl-istess żmien, qorti Svediża, skont digriet għal miżuri provviżorji maħruġ f’Novembru 2020, żammet provviżorjament id-dritt ta’ kustodja konġunta taż-żewġ ġenituri. Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ April 2021, din il-qorti ddikjarat id-divorzju tal-ġenituri, fdat il-kustodja esklużiva tal-wild lill-omm b’effett immedjat, ċaħdet it-talba għad-dritt ta’ aċċess magħmula mill-missier u speċifikat li d-digriet għal miżuri provviżorji kien skada.

21.      Peress li kien qed isostni li l-wild kien is-suġġett ta’ tneħħija jew ta’ żamma inġusta, il-missier ressaq talba għar-ritorn immedjat tal-wild fl-Isvezja fil‑21 ta’ Diċembru 2020 quddiem il-hovioikeus (il-Qorti tal-Appell) ta’ Ħelsinki (il-Finlandja). B’deċiżjoni tal‑25 ta’ Frar 2021, il‑hovioikeus (il-Qorti tal-Appell) ta’ Ħelsinki ċaħdet din it-talba. Il‑missier appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Korkein oikeus (il‑Qorti Suprema, il-Finlandja). Matul l-eżami ta’ dan l-appell, din il-qorti ddeċidiet, fit‑23 ta’ April 2021, li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-punt 11 tal-Artikolu 2 […] dwar it-tneħħija inġusta ta’ minuri, [tar-Regolament Nru 2201/2003] għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni fejn wieħed mill-ġenituri, mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor, ineħħi lill-minuri mill-post ta’ residenza tiegħu u jieħdu fi Stat Membru ieħor, li jkun l-Istat Membru responsabbli taħt deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda minn awtorità b’applikazzjoni tar-Regolament [Nru 604/2013] għandha tiġi kklassifikata bħala tneħħija inġusta?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament [Nru 2201/2003], dwar iż-żamma inġusta, għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni fejn qorti tal-Istat ta’ residenza tal-minuri tkun annullat id-deċiżjoni meħuda minn awtorità sabiex tittrasferixxi l-eżami tal-każ, iżda fejn il-minuri li r-ritorn tiegħu jkun ġie ordnat ma jkunx għad għandu dokument ta’ residenza attwali validu fl-Istat ta’ residenza tiegħu, jew id-dritt li jidħol jew li jibqa’ fl-Istat inkwistjoni, għandha tiġi kklassifikata bħala żamma inġusta? (4)

3)      Jekk, fid-dawl tar-risposta għall-ewwel jew għat-tieni domanda, [il‑punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003] għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm tneħħija inġusta jew żamma inġusta tal-minuri u li dan il-minuri għandu għalhekk jiġi rritornat lejn l-Istat ta’ residenza tiegħu, il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi r-ritorn tal-minuri għar-raġuni li:

a)      hemm riskju gravi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li r-ritorn ta’ minuri mhux akkumpanjat li ommu kienet tieħu ħsiebu personalment ser jesponi lil dan il-minuri għal dannu fiżiku jew psikoloġiku jew inkella ser iqiegħed lill-minuri f’sitwazzjoni intollerabbli; jew

b)      il-minuri, fl-Istat ta’ residenza tiegħu, ser jittieħed taħt kura u mqiegħed f’faċilità, waħdu jew ma’ ommu, sitwazzjoni din li tindika li hemm riskju gravi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li r-ritorn tal-minuri ser jesponih għal dannu fiżiku jew psikoloġiku jew inkella ser iqiegħed lill-minuri f’sitwazzjoni intollerabbli; jew

c)      mingħajr dokument ta’ residenza attwali validu, il-minuri ser jitqiegħed f’sitwazzjoni intollerabbli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?

4)      Jekk, fid-dawl tar-risposta għat-tielet domanda, huwa possibbli li r-raġuni għal rifjut prevista fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 tiġi interpretata fis-sens li hemm riskju gravi li r-ritorn tal-minuri ser jesponih għal dannu fiżiku jew psikoloġiku jew inkella ser iqiegħed lill-minuri f’sitwazzjoni intollerabbli, l-Artikolu 11(4) tar-Regolament [Nru 2201/2003], flimkien mal-kunċett tal-‘aħjar interessi tal-minuri’, imsemmi fl-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ‘il quddiem il-‘Karta’] għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn la l-minuri u lanqas l-omm ma jkollhom dokument ta’ residenza attwali validu fl-Istat ta’ residenza tal-minuri, u fejn għalhekk la għandhom id-dritt li jidħlu u lanqas id-dritt li jibqgħu f’dan l-Istat, l-Istat ta’ residenza tal-minuri għandu jagħmel arranġamenti adegwati sabiex jiżgura li l-minuri u ommu jkunu jistgħu jibqgħu legalment fl-Istat Membru inkwistjoni?

Jekk l-Istat ta’ residenza tal-minuri għandu tali obbligu, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat li jirritorna l-minuri jista’, skont dan il-prinċipju, jippresupponi li l-Istat ta’ residenza tal-minuri ser jissodisfa dawn l-obbligi, jew l-interessi tal-minuri jeżiġu li jinkisbu, mingħand l-awtoritajiet tal-Istat ta’ residenza, dettalji dwar il-miżuri speċifiċi li ttieħdu jew li ser jittieħdu għall-protezzjoni tal-minuri, b’tali mod li l-Istat Membru li jirritorna l-minuri jkun jista’ jevalwa, b’mod partikolari, in-natura adegwata ta’ dawn il-miżuri fid-dawl tal-interessi tal-minuri?

5)      Jekk l-Istat ta’ residenza tal-minuri ma jkollux l-obbligu, imsemmi iktar ’il fuq fir-raba’ domanda, li jieħu miżuri adegwati, huwa meħtieġ, fid-dawl tal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jiġi interpretat, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c) tat-tielet domanda, fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi r-ritorn tal-minuri minħabba li r-ritorn tal-minuri jista’ jitqies li jmur kontra, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-prinċipji fundamentali marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.      Il-qorti tar-rinviju talbet li t-talba għal deċiżjoni preliminari tkun suġġetta għall-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fit‑12 ta’ Mejju 2021, fuq proposta tal-imħallef relatur, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tilqa’ din it-talba.

23.      Fil‑21 ta’ Mejju 2021, il-qorti tar-rinviju wieġbet għat-talba informali tal-Qorti tal-Ġustizzja għal informazzjoni. B’nota tal‑31 ta’ Mejju 2021, il-Gvern Svediż wieġeb għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja u pproduċa d-dokumenti meħtieġa minn din tal-aħħar.

24.      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn l-istess partijiet kif ukoll ir-rikorrent fil-kawża prinċipali nstemgħu fis-seduta għat-trattazzjoni li saret fit‑28 ta’ Ġunju 2021.

V.      Analiżi

A.      Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

1.      Osservazzjonijiet preliminari

25.      Fl-ewwel lok, mill-kliem tal-ewwel żewġ domandi preliminari magħmula jirriżulta li l-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tistaqsi dwar il-konsegwenzi ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ wild u ommu meħuda skont ir-Regolament Nru 604/2013 dwar il-klassifikazzjoni ta’ “tneħħija jew ta’ żamma inġusta” kif iddefinit fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 2201/2003. Dawn iż-żewġ mistoqsijiet għalhekk ikopru mistoqsija komuni, u jidhirli li huwa xieraq li neżaminahom flimkien.

26.      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju għamlet dawn id-domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 2201/2003 fuq il-bażi tal-premessa li din ir-regola hija applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, ħaġa li l-konvenuta fil-kawża prinċipali, sostnuta mill-Kummissjoni, tikkontesta. Peress li l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 toħloq diffikultà u kienet is-suġġett ta’ dibattitu waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk sitwazzjoni bħal dik deskritta fid-deċiżjoni tar-rinviju taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (5). Jekk iva, ikun meħtieġ li jiġu eżaminati l-kriterji li jikkostitwixxu l-klassifikazzjoni ta’ “tneħħija jew ta’ żamma inġusta”.

2.      Fuq l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 2201/2003

27.      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, sostnuta mill-Kummissjoni, targumenta li, minn naħa, l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 604/2013 tirrigwarda eżerċizzju mill-Istati Membri ta’ setgħa pubblika estranea għall-kwistjonijiet tad-dritt ċivili kkonċernati mir-Regolament Nru 2201/2003 u li, min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet relatati mad-dritt tal-ażil u l-immigrazzjoni huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003.

28.      Jien insibha diffiċli naċċetta analiżi bħal din. Għandu jiġi rrilevat, fil-fatt, li r-Regolament Nru 2201/2003 japplika, skont l-Artikolu 1(1)(b) tiegħu, għal materji ċivili relatati mal-attribuzzjoni, mal-eżerċizzju, mal-irtirar totali jew parzjali tar-responsabbiltà tal-ġenituri. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-kunċett ta’ “materji ċivili” għandu jiġi kkonċepit mhux b’mod restrittiv, iżda bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li jkopri, b’mod partikolari, it-talbiet, il-miżuri jew id-deċiżjonijiet kollha fi kwistjonijiet ta’ “responsabbiltà tal-ġenituri” inklużi, fid-dawl tal-premessa 5 tar-Regolament Nru 2201/2003, dawk immirati għall-protezzjoni tat-tfal (6). Konformement ma’ dan l-approċċ estensiv, il-Qorti tal-Ġustizzja inkludiet ukoll fil-kunċett ta’ “materji ċivili” miżuri protettivi, li, anki mill-perspettiva tad-dritt tal-Istati Membri, jaqgħu taħt id-dritt pubbliku (7). Konċezzjoni bħal din ta’ “materji ċivili” għalhekk tassumi li jiġi vverifikat jekk, irrispettivament mill-klassifikazzjoni tagħha, miżura tikkontribwixxix, min-natura tagħha, għall-protezzjoni tat-tfal.

29.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, inqis li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, it-trasferiment tal-wild magħmul skont ir-Regolament Nru 604/2013 jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003. Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ trasferiment għandha titqies, mhux b’mod iżolat, iżda bħala parti mill-proċedura kollha li fiha sseħħ. Minn dan isegwi li t-trasferiment ma jistax jiġi ddisassoċjat mill-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li minnha joħroġ l-oriġini diretta tiegħu. Issa, f’dan il-każ, l-għan (8) tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali huwa li jiġu żgurat lill-wild status dejjiemi li jipproteġih minn periklu li x’aktarx jiġi kkonfrontat bih. Konsegwentement, din l-applikazzjoni tikkostitwixxi miżura ta’ protezzjoni tat-tfal u, għalhekk, taqa’ taħt “materji ċivili” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2201/2003.

30.      Konklużjoni bħal din ma jidhirlix li titpoġġa fid-dubju mill-premessa 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, li tgħid li dan ir-regolament “mhuwiex maħsub” li japplika għal “deċiżjonijiet dwar id-dritt ta’ l-ażil u dwar l-immigrazzjoni”. Meta naqra dan it-test (9), niddeduċi mill-użu tal-kliem “mhuwiex maħsub” li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jeskludi sistematikament minn “materji ċivili” d-deċiżjonijiet kollha relatati mad-dritt tal-ażil. Analiżi bħal din hija barra minn hekk konformi mal-approċċ estensiv adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja, li, fid-dawl tal-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, inkludiet f’“materji ċivili” l-miżuri għall-protezzjoni tat-tfal li jaqgħu taħt id-dritt pubbliku.

31.      Lil hinn mill-kliem tal-imsemmija premessa 10, li fi kwalunkwe każ ma għandha ebda valur legali vinkolanti (10), mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jirriżultax li d-deċiżjonijiet relatati mad-dritt tal-ażil huma, bħala prinċipju, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Insostenn ta’ din l-analiżi, nosserva li dawn id-deċiżjonijiet ma jidhrux fl-Artikolu 1(3) tal-imsemmi regolament li jelenka b’mod limitat il-materji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istess regolament (11). Barra minn hekk, ma jistax jiġi argumentat li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jsemmix, fost il-materji ċivili, id-deċiżjonijiet relatati mad-dritt tal-ażil. Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-użu tal-kelma “partikolarment” fl‑Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 jimplika li l-lista li tinsab f’din id-dispożizzjoni hija ta’ natura indikattiva (12).

32.      Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi kollha, inqis, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kummissjoni u l-konvenuta fil-kawża prinċipali, li d-deċiżjonijiet relatati mad-dritt tal-ażil jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 sa fejn dawn, bħal f’dan il-każ, ikollhom in-natura ta’ miżura ta’ protezzjoni tat-tfal.

3.      Fuq il-klassifikazzjoni ta’ tneħħija jew ta’ żamma inġusta

33.      Konformement mal-loġika msemmija iktar ’il fuq, huwa meħtieġ li jiġi analizzat kull wieħed mill-kriterji li jagħmilha possibbli li jiġu deskritti bħala “illegali” t-tneħħija jew iż-żamma ta’ wild u li jiġi vverifikat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, jekk dawn il-kundizzjonijiet ġewx issodisfatti.

34.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 2201/2003, li l-kliem tiegħu huma viċin ħafna ta’ dawk tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, jinkludi t-tneħħija u ż-żamma inġusti fl-istess definizzjoni. Filwaqt li bbażat ruħha fuq din id-definizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-eżistenza ta’ tneħħija jew żamma inġusta fis-sens tal-Artikolu 2(11) tal-imsemmi regolament tippreżupponi li l-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini immedjatament qabel it-tneħħija tiegħu jew iż-żamma tiegħu u tirriżulta mill-ksur tad-dritt ta’ kustodja mogħti taħt id-dritt ta’ dak l-Istat Membru (13). Minn dan isegwi li l-klassifikazzjoni ta’ tneħħija jew ta’ żamma inġusta hija essenzjalment ibbażata fuq iż-żewġ kunċetti kumulattivi ta’ residenza abitwali tal-wild u l-ksur tad-dritt ta’ kustodja. Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, huwa għalhekk meħtieġ li jiġu eżaminati kull wieħed minn dawn iż-żewġ kunċetti wara xulxin.

a)      Fuq ir-residenza abitwali tal-wild

35.      Il-kunċett ta’ “residenza abitwali” jidħol minn żewġ angoli differenti fir-Regolament Nru 2201/2003. Minn naħa, jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 2(11), u l-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, element ewlieni tal-klassifikazzjoni ta’ “tneħħija jew iż-żamma illegali” u tal-mekkaniżmu ta’ ritorn tat-tfal previst f’tali ipoteżi. Min-naħa l-oħra, għandu, fil-kuntest tal-Artikoli 8 sa 10 ta’ dan ir-regolament, in-natura ta’ kriterju ġenerali ta’ ġurisdizzjoni (14). Madankollu, billi l-kunċett ta’ “residenza abitwali” għandu jingħata tifsira uniformi fir-Regolament Nru 2201/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett mogħtija fil-kuntest tal-Artikoli 8 u 10 ta’ dan ir-regolament hija trasponibbli għall-Artikolu 2(11) u l-Artikolu 11 ta’ dan l-istess regolament (15).

36.      Għandu jiġi nnotat li r-Regolament Nru 2201/2003 ma fihx definizzjoni ta’ “residenza abitwali”, anki jekk l-użu ta’ dan l-aħħar aġġettiv jimplika li r-residenza tal-wild ikollha ċerta natura ta’ stabbiltà jew regolarità (16), u lanqas ma jagħmel riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dawn l-elementi li l-kunċett ta’ “residenza abitwali” għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni indipendenti, fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 u tal-għan imfittex minn dan tal-aħħar, b’mod partikolari dak li jirriżulta mill-premessa 12, li tgħid li r- regolament imsemmi tfassal skont l-aħjar interessi tat-tfal u, b’mod partikolari, il-kriterju ta’ prossimità (17).

37.      Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-residenza abitwali tal-wild, fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, tikkorrispondi mal-post fejn jinsab iċ-ċentru ta’ ħajtu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ (18). Għalhekk, fil-kuntest ta’ dan l-approċċ konkret, huwa meħtieġ li jitqiesu, minbarra l-preżenza fiżika tal-wild fit-territorju tal-Istat Membru, il-fatturi li jistgħu juru li din il-preżenza bl-ebda mod ma tkun ta’ natura temporanja jew okkażjonali u li tirrifletti ċerta integrazzjoni tal-wild f’ambjent soċjali u familjari stabbli (19). Biex tagħmel dan, huwa meħtieġ, f’kull każ partikolari, li jittieħdu inkunsiderazzjoni serje ta’ indizji konkordanti bħat-tul ta’ żmien, ir-regolarità, il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet għar-residenza tal-wild fit-territorju tal-Istati Membri differenti inkwistjoni, il-post u l-kundizzjonijiet tal-iskola tiegħu kif ukoll ir-relazzjonijiet familjari u soċjali tal-wild fl-Istati Membri msemmija (20).

38.      Barra minn hekk, meta, bħal fil-każ preżenti, il-wild ikun għadu żgħir, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-evalwazzjoni tal-integrazzjoni tiegħu f’ambjent soċjali u familjari ma tistax tinjora ċ-ċirkustanzi madwar ir-residenza tal-persuni li jiddependi minnhom (21). Fil-fatt, l-ambjent li fih jitrabba wild ta’ età żgħira huwa essenzjalment familjari u ddefinit mill-persuna jew persuni ta’ riferiment li jgħix magħhom, li effettivament iħarsuh u jieħdu ħsiebu (22) – bħala regola ġenerali l‑ġenituri tiegħu. Għaldaqstant, meta wild bħal dan jgħix mal-ġenituri tiegħu kuljum, id-determinazzjoni tar-residenza abitwali tiegħu timplika dik tal-post fejn il-ġenituri tiegħu jkunu preżenti b’mod stabbli u integrat f’ambjent soċjali u familjari (23). Biex jiġi ddeterminat dan il-post, huwa meħtieġ li jiġu eżaminati serje ta’ elementi fattwali li jinkludu, b’mod mhux eżawrjenti, it-tul ta’ żmien, ir-regolarità, il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet tar-residenza tal-ġenituri fl-Istat Membru jew Stati Membri inkwistjoni, l-għarfien tagħhom tal-lingwi, l-oriġini ġeografika u familjari tagħhom kif ukoll ir-relazzjonijiet familjari u soċjali li jkollhom hemmhekk. Dawn l-indizji ta’ natura oġġettiva jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu ssupplimentati billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-intenzjoni tal-ġenituri li jkollhom dritt ta’ kustodja li jistabbilixxu ruħhom mal-wild f’post iddeterminat meta din tirrifletti r-realtà tal-integrazzjoni tal-ġenituri, u, għaldaqstant tal-wild, f’ambjent soċjali u familjari (24).

39.      Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża UD, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat l-hekk imsejjaħ approċċ “ibridu”, li skont dan ir-residenza abitwali tal-wild tiġi ddeterminata fuq il-bażi, minn naħa, ta’ fatturi oġġettivi li jikkaratterizzaw ir-residenza tal-wild u, min-naħa l-oħra, ta’ ċirkustanzi madwar ir-residenza tal-ġenituri kif ukoll tal-intenzjonijiet tagħhom rigward il-post ta’ residenza tal-wild (25). Ser tkun il-qorti tar-rinviju li jkollha tivverifika, fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, jekk il-wild kellux ir-residenza abitwali tiegħu fl-Isvezja immedjatament qabel l-allegata tneħħija jew żamma inġusta, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali speċifiċi kollha tal-każ preżenti.

40.      B’dan kollu, u sabiex nipprovdi lill-qorti tar-rinviju elementi utli, nosserva, fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala “tneħħija inġusta”, li l-wild, kif ukoll ommu, kienu ġew ittrasferiti lejn il-Finlandja fl‑24 ta’ Novembru 2020. Issa, qabel din it-tneħħija, il-wild kien residenti fl-Isvezja mill‑5 ta’ Settembru 2019, id-data ta’ twelidu, filwaqt li l-ġenituri tiegħu, detenturi tad-dritt ta’ kustodja, kienu jgħixu f’dan il-pajjiż mix-xahar ta’ Mejju 2019 u kellhom permess ta’ residenza hemmhekk. Minn dan isegwi li, bla ħsara għal elementi addizzjonali li jista’ jkollha disponibbli l-qorti tar-rinviju, jidher stabbilit li r-residenza abitwali tal-wild kienet stabbilita fl-Isvezja qabel it-tneħħija.

41.      Min-naħa l-oħra, mill-aspett tal-klassifikazzjoni ta’ “żamma”, ma jidhirlix li huwa bl-ebda mod stabbilit, fid-dawl tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq, li l-wild kien żamm ir-residenza abitwali tiegħu fl-Isvezja immedjatament qabel l-allegata żamma inġusta. Kif irrimarkajt diġà, ir-residenza abitwali ta’ wild ta’ età żgħira hija marbuta mill-qrib ma’ dik tal-persuni ta’ riferiment li jgħix magħhom, li effettivament iħarsuh u jieħdu ħsiebu. Issa, mill-informazzjoni kkomunikata lill-Qorti tal-Ġustizzja jidher li, minħabba d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet Svediżi wara l-imġiba tal-missier, il-wild ma tantx għad għandu kuntatt miegħu u jgħix ma’ ommu. Nosserva, barra minn hekk, li t-tneħħija tal-wild fil-Finlandja, wara deċiżjoni ta’ trasferiment eżegwibbli immedjatament, għandha l-oriġini tagħha fit-talba għal protezzjoni internazzjonali magħmula mill-omm f’isem il-wild u li sa mit-trasferiment tiegħu, huwa residenti f’dan il-pajjiż ma’ ommu (26) u ma għandux id-dritt li jidħol jew jirrisjedi fl-Isvezja. Jidhirli li elementi bħal dawn li jixhdu l-għeruq tal-wild fil-Finlandja x’aktarx jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod utli fid-determinazzjoni tar-residenza abitwali tal-wild u jirriżultaw determinanti biex jiġi konkluż li ma hemm l-ebda żamma inġusta.

b)      Fuq il-ksur tad-dritt ta’ kustodja

42.      Mill-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li t-tneħħija jew iż-żamma tal-wild tkun inġusta meta taffettwa l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ kustodja mogħti bis-saħħa tal-liġi tal-Istat Membru li fih ikun residenti immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu. Fi kliem ieħor, in-natura inġusta tat-tneħħija jew taż-żamma ta’ wild għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 neċessarjament tippreżupponi l-eżistenza ta’ dritt ta’ kustodja, mogħti mil-liġi nazzjonali applikabbli, li bi ksur tiegħu jkunu seħħew it-tneħħija jew iż-żamma.

43.      Fil-każ preżenti, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk it-tneħħija tal-wild, li seħħet fil-kuntest ta’ trasferiment lill-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, u ż-żamma tiegħu f’dan l-Istat humiex tali li jikkaratterizzaw ksur tad-dritt ta’ kustodja. Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, huwa neċessarju mhux biss li jiġu speċifikati l-parametri tal-kunċett tad-dritt ta’ kustodja iżda fuq kollox li jiġi ddefinit b’mod aktar sħiħ il-kunċett ta’ “ksur” ta’ dan id-dritt. Dwar dan l-aħħar punt, nindika mill-bidu li l-fatt li t-tneħħija tal-wild tirriżulta mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 604/2013 jidhirli li juri li l-ksur tad-drittijiet tal-kustodja neċessarjament jippreżupponi l-użu ta’ forza imputabbli lil min wettaq it-tneħħija jew iż-żamma inġusta.

1)      L-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ kustodja

44.      Fuq il-bażi tad-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “dritt ta’ kustodja” jikkostitwixxi kunċett indipendenti li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi u li għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regolament imsemmi, id-dritt ta’ kustodja jinkludi, fi kwalunkwe każ, id-dritt tad-detentur tiegħu li jiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza tat-wild (27). Għalkemm il-kunċett ta’ dritt ta’ kustodja huwa ddefinit mid-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 2201/2003 jirreferi l-indikazzjoni tad-detentur ta’ dan id-dritt għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu. Fil-fatt, skont il-kliem ta’ dan l-artikolu, jekk it-tneħħija jew iż-żamma ta’ wild tkunx inġusta jew le jiddependi fuq id-“drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma”. Għaldaqstant, l-attribuzzjoni tad-dritt ta’ kustodja jew liż-żewġ ġenituri jew lil wieħed minnhom toħroġ unikament mil-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini.

45.      Minn dawn l-elementi jirriżulta li hija l-qorti tar-rinviju li tiddetermina jekk il-missier kellux dritt ta’ kustodja li jagħtih id-dritt li jiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza tal-wild, attribwit mill-Istat Membru li fih dan tal-aħħar kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu. Dwar dan il-punt, nosserva li, skont l-informazzjoni disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt ta’ kustodja nżamm konġuntament mill-missier u mill-omm sas-sentenza mogħtija fid‑29 ta’ April 2021, li permezz tagħha qorti Svediża poġġiet lill-wild taħt il-kustodja unika tal-omm, u dan b’effett immedjat (28).

46.      Ma’ dan l-ewwel kriterju legali relatat mal-eżistenza tad-dritt ta’ kustodja, jiżdied it-tieni wieħed, iktar fattwali. Skont l-Artikolu 2(11)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, it-tneħħija jew iż-żamma jkunu inġusti biss jekk id-drittijiet ta’ kustodja kienu “attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew [kieku] kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t-tneħħija jew iż-żamma”. Din il-kundizzjoni addizzjonali hija loġika sa fejn il-klassifikazzjoni ta’ “tneħħija jew żamma illeċita” timplika l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu għar-ritorn immedjat tal-wild previst mir-Regolament Nru 2201/2003. Issa, f’sitwazzjoni kkaratterizzata minn dritt ta’ kustodja ridott għall-eżistenza teoretika tiegħu, mingħajr jew bi ftit eżekuzzjonijiet konkreti, l-eżekuzzjoni ta’ proċedura ta’ ritorn immedjat ma tkunx konformi mal-għan ta’ protezzjoni tal-interessi fundamentali tat-tfal li jfittex l-imsemmi regolament.

47.      Sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità tiddikjara b’mod espliċitu t-tifsira tal-kriterju relatat mal-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ kustodja. Madankollu, fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawża UD, l-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe ppropona definizzjoni riġida ta’ dan il-kunċett billi nnota “li l-ġenitur li ma jkollux effettivament il-kustodja tal-wild (anki jekk ikollu r-responsabbiltà tal-ġenitur) ikun parti mill-ambjent familjari biss sa fejn il-wild iżomm kuntatt regolari miegħu” (29). Barra minn hekk, nosserva li dan il-kunċett ta’ “eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ kustodja” jidher ukoll fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, li l-Artikolu 3 tagħha jiddefinixxi t-tneħħija jew iż-żamma inġusta f’termini kważi identiċi għal dawk użati fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 2201/2003. Issa, jirriżulta mir-rapport ta’ spjegazzjoni tal-Konvenzjoni msemmija li l-effettività tad-dritt ta’ kustodja, li għandu jiġi vverifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull każ, għandha tinftiehem b’mod wiesa’ (30) u tikkorrispondi mas-sitwazzjonijiet fejn il-gwardjan jieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-persuna tal-wild anki jekk, b’mod konkret iżda għal raġunijiet leġittimi, dawn ma jgħixux flimkien (31).

48.      Minn dawn l-elementi niddeduċi li ġenitur jeżerċita effettivament id-dritt ta’ kustodja meta jieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-persuna tal-wild u jżomm rabtiet regolari miegħu. Madankollu, il-parametri ta’ dan il-kriterju għandhom jiġu eżaminati u applikati b’kawtela u rigorożità sabiex jiġi evitat kwalunkwe użu ħażin tiegħu għall-iskopijiet li jiġu ġġustifikati t-tneħħija jew iż-żamma tal-wild, inkella l-għan imfittex mir-Regolament Nru 2201/2003 ta’ protezzjoni tal-aħjar interessi tal-wild jiġi injorat. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li xahrejn biss wara t-twelid tiegħu, il-wild kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ teħid ta’ responsabbiltà u t-tqegħid, flimkien ma’ ommu, f’dar soċjali ta’ kenn minħabba l-imġiba vjolenti tal-missier u li minn dan l-avveniment, skont l-awtoritajiet Svediżi, huwa kellu biss relazzjonijiet episodiċi mal-wild.

2)      L-użu ta’ forza imputabbli lill-omm il-wild.

49.      Biex tiġi enfasizzata din l-aħħar kundizzjoni, huwa xieraq li jsir riferiment għat-tifsira tal-kunċett ta’ “tneħħija inġusta” adottata mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u mir-Regolament Nru 2201/2003. Fir-rigward tal-konvenzjoni msemmija, nirrileva, bħall-Kummissjoni, li, skont il-punt 11 tar-rapport ta’ spjegazzjoni għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, “is-sitwazzjonijiet previsti jirriżultaw mill-użu ta’ forza biex jiġu stabbiliti rabtiet ġurisdizzjonali artifiċjali fuq livell internazzjonali, bil-ħsieb li tinkiseb il-kustodja ta’ wild” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din il-kunsiderazzjoni hija spjegata fil-punti 12 sa 15 ta’ dan ir-rapport ta’ spjegazzjoni, li minnu joħroġ, essenzjalment, li t-tneħħija inġusta, li jkollha l-konsegwenza tat-tneħħija tal-wild mill-ambjent familjari u soċjali li fih tkun żvolġiet ħajtu, hija maħsuba biex tikseb drittijiet ta’ kustodja fuq il-wild mill-awtoritajiet tal-pajjiż fejn ikun ittieħed il-wild. Fi kliem ieħor, billi jipprova jikseb rabtiet pjuttost artifiċjali ta’ ġurisdizzjoni, l-awtur jew l-istigatur tat-tneħħija inġusta jkollu l-intenzjoni li jikseb il-konsagrazzjoni legali tal-użu tal-forza li jkun wettaq.

50.      Kunċett identiku ta’ tneħħija jew ta’ żamma inġusta jidher ukoll meta jiġu eżaminati s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li t-“tneħħija illegali ta’ minuri, wara li tittieħed deċiżjoni unilaterali minn wieħed mill-ġenituri tiegħu, iċċaħħad, l-iktar spiss, lill-minuri mill-possibbiltà li jinżammu regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti mal-ġenitur l-ieħor” (32). Bl-istess loġika, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003, inklużi b’mod partikolari dawk relatati mar-ritorn immedjat tal-wild, għandhom l-għan li jipprevjenu li “wieħed mill-ġenituri ma jkunx jista’ jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu dwar il-kwistjoni tal-kustodja tal-minuri billi jevita, permezz ta’ att abbużiv, il-ġurisdizzjoni tal-qrati li huma bħala prinċipju magħżula, konformement mar-regoli previsti b’mod partikolari minn dan ir-regolament, sabiex jiddeċiedu dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri ta’ dan” (33).

51.      Minn dawn l-iżviluppi jirriżulta li l-ksur tad-dritt ta’ kustodja, li jinvolvi tneħħija jew żamma illegali, huwa mifhum bl-istess mod fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u fir-Regolament Nru 2201/2003. Skont dawn iż-żewġ testi, il-ksur tad-dritt ta’ kustodja essenzjalment jikkonsisti f’imġiba inġusta li tippermetti lill-ġenitur responsabbli għat-tneħħija tal-wild jew taż-żamma tiegħu jevadi r-regoli tal-ġurisdizzjoni internazzjonali. Jiena niddeduċi minn dawn l-elementi kollha li l-karatterizzazzjoni ta’ tneħħija jew żamma inġusti ma tiddependix, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-Gvern Finlandiż, mill-unika konstatazzjoni oġġettiva purament materjali, li l-wild jitneħħa jew jinżamm ’il bogħod mill-post ta’ residenza abitwali tiegħu mingħajr il-kunsens tad-detentur jew tal-kodetentur tad-dritt ta’ kustodja. Huwa wkoll meħtieġ li l-ksur tad-dritt ta’ kustodja ta’ dan tal-aħħar jirriżulta minn użu ta’ forza imputabbli lill-ġenitur responsabbli għat-tneħħija jew iż-żamma tal-wild u maħsub, bi ksur tal-aħjar interessi tal-wild li jipprovdi lil dak il-ġenitur b’vantaġġ prattiku jew legali għad-detriment tal-ġenitur l-ieħor.

52.      Is-singulartità ta’ dan il-każ tinsab fil-fatt li t-tneħħija tal-wild seħħet fil-kuntest ta’ deċiżjoni, meħuda skont ir-Regolament Nru 604/2013, ta’ trasferiment tal-persuna kkonċernata u ta’ ommha lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati minnha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2013/32 (34), kull persuna maġġorenni għandha tkun intitolata li tissottometti applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’isimha. Fir-rigward tal-minuri, l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2013/32/UE jipprovdi li dawn għandhom ikunu intitolati jissottomettu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’isimhom fl-Istati Membri li jagħtu lill-minuri l-kapaċità legali li jaġixxu fil-proċeduri u li jkollhom, fl-Istati Membri kollha marbuta b’din id-direttiva, ikunu intitolati jissottomettu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali permezz ta’ rappreżentant adult, bħal ġenitur jew membru adult ieħor tal-familja. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li r-regolamenti tal-Unjoni ma jipprekludu la li diversi membri ta’ familja, kull wieħed minnhom, jissottomettu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u lanqas li wieħed minnhom jissottometti wkoll l-applikazzjoni tiegħu f’isem membru minuri tal-familja(35).

53.      Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 604/2013, il-proċess biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli jibda hekk kif issir din l-applikazzjoni. Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, is-sitwazzjoni tal-minuri li jakkumpanja lill-applikant u jissodisfa d-definizzjoni ta’ membru tal-familja hija inseparabbli minn dik tal-membru tal-familja tiegħu u tikkonċerna r-responsabbiltà tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tal-imsemmi membru tal-familja, anki jekk il-minuri ma jkunx applikant individwali, bil-kundizzjoni li dan ikun fl-aħjar interessi tal-minuri. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fin-nuqqas ta’ evidenza kuntrarja, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tistabbilixxi preżunzjoni li huwa fl-aħjar interess tat-tfal li s-sitwazzjoni tal-wild tiġi ttrattata b’mod inseparabbli minn dik tal-ġenituri tiegħu (36).

54.      L-awtorità nazzjonali kompetenti adita minn applikazzjoni bħal din għal protezzjoni internazzjonali hija mistennija mhux li tgħaddi r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil Stat Membru magħżul skont il-konvenjenza tal-applikant, iżda pjuttost li tapplika l-kriterji ta’ responsabbiltà stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 604/2013 biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-aħjar interessi tat-tfal (37). Fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji ta’ għażla, l-Istat Membru li lilu tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jista’ jitlob lil Stat Membru ieħor it-teħid ta’ responsabbiltà jew it-teħid lura tal-applikant fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 21, 23 u 24 tar-Regolament Nru 604/2013. Jekk l-Istat rikjest iqis, wara l-verifiki previsti fl-Artikoli 22 u 25 ta’ dan ir-regolament, li huwa jkun responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-applikant, skont l-Artikolu 26 tal-imsemmi regolament, ikun suġġett għal deċiżjoni ta’ trasferiment lejn dan l-istat.

55.      Din id-deċiżjoni hija, bla ħsara għall-eżerċizzju tar-rimedji previsti fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 604/2013, vinkolanti għall-applikant, li jista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 28(2) ta’ dan ir-regolament, jitqiegħed f’detenzjoni maħsuba biex tiggarantixxi l-proċedura ta’ trasferiment meta jkun hemm riskju sinjifikattiv ta’ ħarba. Bis-saħħa tal-artikolu 29 ta’ dan l-istess regolament, it-trasferiment għandu jsir hekk kif ikun materjalment possibbli u, l-iktar tard, fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-teħid lura mill-Istat Membru mitlub.

56.      Minn din l-analiżi jirriżulta li l-applikazzjoni tal-kriterji oġġettivi għal indikazzjoni previsti fir-Regolament Nru 604/2013 timplika għall-applikant, li ma joqgħodx fl-Istat Membru responsabbli għall-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ trasferiment vinkolanti fil-konfront tiegħu. F’dawn il-kundizzjonijiet, it-trasferiment ta’ wild magħmul skont Artikolu 29 tar-Regolament Nru 604/2013 wara l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali sottomessa għalih minn wieħed biss mill-ġenituri li għandu dritt ta’ kustodja, imsemmija wkoll mid-deċiżjoni tat-trasferiment, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi ksur ta’ dan id-dritt fis-sens tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 2201/2003. Fil-fatt, f’każ bħal dan, it-tneħħija tal-wild tirriżulta, mhux minn użu ta’ forza imputabbli lil dan il-ġenitur, iżda mill-implimentazzjoni ta’ regolament distint li l-applikazzjoni tiegħu torbot kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali.

57.      Ikun differenti l-każ fejn, bl-iskuża ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali magħmula għall-wild u għalih innifsu, ġenitur, fil-verità, ikollu l-intenzjoni li juża l-forza sabiex jaħrab mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti bir-Regolament Nru 2201/2003 (38). Għalkemm, fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni tal-eżistenza jew le ta’ użu ta’ forza taqa’ fil-kompetenza tal-qorti nazzjonali li għandha teżamina ċ-ċirkustanzi partikolari kollha tal-każ, jidhirli li, fid-dawl tal-informazzjoni kkomunikata mill-qorti tar-rinviju u mill-partijiet, imġiba illeċita bħal din ma tidhirx li ġiet stabbilita(39).

58.      Fil-fatt, skont id-dikjarazzjonijiet tad-deċiżjoni tad-domanda preliminari, ma jirriżulta minn ebda element fattwali li l-omm abbużat mill-proċedura ta’ applikazzjoni għal ażil biex tevita r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 2201/2013 (40). Ta’ min jinnota li, wara li kienet diġà applikat għal permess ta’ residenza għall-wild fl-Isvezja fl-4 ta’ Diċembru 2019, l-omm talbet, fis‑7 ta’ Awwissu 2020, l-għoti minn dan l-istess pajjiż ta’ status taħt il-protezzjoni internazzjonali għaliha u għall-wild tagħha. Il-fatt li l-omm ma informatx lill-missier tal-wild dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lill-awtoritajiet Svediżi u bl-iżviluppi ta’ wara ma jikkostitwixxix fih innifsu prova ta’ intenzjoni frawdolenti min-naħa ta’ din tal-aħħar, peress li ġie osservat, barra minn hekk, li din l-imġiba sseħħ f’kuntest ta’ biżgħat relatati mal-vjolenza domestika tal-passat. Kif tindika l-qorti tar-rinviju, l-omm reġgħet ressqet talba għal kustodja unika fit‑2 ta’ Settembru 2020 quddiem qorti Svediża, id-data li fiha l-awtorità kompetenti tal-immigrazzjoni kienet diġà informatha li r-Repubblika tal-Finlandja kienet responsabbli għat-talba tagħha għal protezzjoni internazzjonali u dik tal-wild. Barra minn hekk, għalkemm l-omm marret volontarjament il-Finlandja, jibqa’ l-fatt li din it-tneħħija seħħet fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment vinkolanti li kontriha ma jistax jiġi kkunsidrat li hija kienet meħtieġa teżerċita d-dritt li tippreżenta rikors (41) u wisq inqas li setgħet tevitah.

59.      Skont din id-deċiżjoni ta’ trasferiment, l-omm u l-wild imbagħad baqgħu residenti mingħajr interruzzjoni fil-Finlandja, Stat Membru li għandu jeżamina l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, li l-proċedura tagħha bħalissa għadha għaddejja b’intervista li saret fis‑27 ta’ Mejju 2021 ma’ omm il-wild. Għandu jiġi kkonstatat li ma tressqet l-ebda talba jew ittieħdet deċiżjoni ta’ teħid lura tal-omm u tal-wild fl-Isvezja, billi s-sitwazzjoni legali tal-persuni kkonċernati għadha dik ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali residenti fil-Finlandja, l-Istat responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom. B’sentenza tas‑6 ta’ April 2021, li saret finali fit‑12 ta’ Mejju tal-istess sena skont il-konvenuta fil-kawża prinċipali, qorti amministrattiva Svediża ċaħdet it-talba tal-missier għar-ritorn tal-wild fuq il-bażi tar-Regolament Nru 604/2013. Fl-aħħar nett, ta’ min jirrileva li la l-omm u lanqas il-wild bħalissa ma għandhom permess ta’ residenza fl-Isvezja u li qorti ta’ dan l-Istat Membru kompetenti fi kwistjonijiet familjari fdat il-kustodja esklużiva tal-wild lill-omm u ċaħdet it-talba ta’ aċċess magħmula mill-missier.

60.      Jidhirli li ċirkustanzi bħal dawn huma tali li jeskludu ksur tad-dritt ta’ kustodja, u, għaldaqstant, il-klassifikazzjonijiet ta’ “tneħħija jew żamma illegali”.

B.      Fuq it-tielet, ir-raba’ u l-ħames domanda

61.      Fl-aħħar nett nirrileva li t-tielet, ir-raba’ u l-ħames domanda preliminari għandhom x’jaqsmu mal-kundizzjonijiet li fihom qorti li tkun ġiet adita b’talba għal ritorn tista’ tirrifjutaha, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13(b) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 2201/2003, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-wild.

62.      Mill-kliem stess tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dawn id-domandi preliminari huma ta’ natura kundizzjonali. Huma rilevanti biss fil-każ li r-risposta mogħtija għall-ewwel żewġ domandi tagħmilha possibbli li jiġi kkunsidrat li ċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali jkopru l-klassifikazzjoni ta’ “tneħħija jew żamma inġusta” tal-wild fis-sens tal-Artikolu 2(11) ta’ dan ir-regolament. Issa, kif intqal iktar ’il f’dawn il-konklużjonijiet b’mod li ma jħallix lok għal dubju, fil-fehma tiegħi, din il-klassifikazzjoni ma tistax tiġi aċċettata. Għalhekk ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet, ir-raba’ u l-ħames domanda preliminari. Nirrileva, barra minn hekk, li l-konferma tal-eżistenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, evokata mill-konvenuta fil-kawża prinċipali waqt is-seduta, li kienet ċaħdet l-appell tal-missier mis-sentenza tad‑29 ta’ April 2021 li attribwiet lill-omm il-kustodja esklużiva tal-wild komuni hija ta’ natura li tagħlaq id-dibattitu quddiem il-qorti tar-rinviju dwar ir-ritorn ta’ dan tal-aħħar lejn l-Isvezja.

VI.    Konklużjoni

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Korkein oikeus (il‑Qorti Suprema, il-Finlandja) kif ġej:

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sitwazzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha wild u ommu jkunu marru u baqgħu fi Stat Membru fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, ma tistax titqies li tkun tneħħija jew żamma inġusta, fis-sens tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 2201/2003, sakemm ma jiġix stabbilit li bl-iskuża ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali magħmula għall-wild, l-omm tkun użat il-forza sabiex tevadi r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 2201/2003, ħaġa li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari kollha tal-każ.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


i      Il-punti 1, 8, 27, 29, 39, 43, 47 u 52, kif ukoll in-noti ta’ qiegħ il-paġna 18 u 33 tat-test preżenti sarulhom modifika wara li tpoġġew onlajn għall-ewwel darba.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50).


3      Regolament tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63).


4      Hawnhekk qed tintuża l-formulazzjoni tad-tieni domanda kif ippreċiżata mill-qorti tar-rinviju fit-tweġiba tagħha mogħtija fil‑21 ta’ Mejju 2021 għat-talba informali għal informazzjoni li indirizzatilha l-Qorti tal-Ġustizzja.


5      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 30); tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 67) kif ukoll tat-12 ta’ Marzu 2020 (Dritt ta’ aċċess għal avukat fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra) (C‑659/18, EU:C:2020:201, punti 22 u 23).


6      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2007, C (C‑435/06, EU:C:2007:714, punti 46 sa 51); tal‑21 ta’ Ottubru 2015, Gogova (C‑215/15, EU:C:2015:710, punt 26) kif ukoll tad‑19 ta’ Settembru 2018, C.E. u N.E. (C‑325/18 PPU u C‑375/18 PPU, EU:C:2018:739, punt 55).


7      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2007, C (C‑435/06, EU:C:2007:714, punti 34, 50 u 51); tat‑2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 24, 27 sa 29) kif ukoll tas-26 ta’ April 2012, Health Service Executive (C‑92/12 PPU, EU:C:2012:255, punti 60 u 61).


8      Fis-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2015, Gogova (C‑215/15, EU:C:2015:710, punt 28), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tiddetermina jekk applikazzjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, huwa xieraq li wieħed iqis l-għan tagħha. Nirrileva li, f’dan il-każ, ikun kważi biżżejjed li wieħed iżomm mal-kliem tal-applikazzjoni inkwistjoni.


9      Formulazzjoni li għandha tiġi distinta minn din, iktar imperattiva, “m’għandux japplika”.


10      Sentenza tal-25 ta’ Novembru 2020, Istituto nazionale della previdenza sociale (Benefiċċji tal-familja għal residenti fit-tul) (C‑303/19, EU:C:2020:958, punt 26).


11      Sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, Mikołajczyk (C‑294/15, EU:C:2016:772, punt 29). Infakkar ukoll, barra minn hekk, fir-rigward tal-kliem tal-premessa 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, li l-preambolu għal att tal-Unjoni mhux biss ma għandux valur legali vinkolanti iżda ma jista’ jiġi invokat u la biex jidderoga mill-istess dispożizzjonijiet tal-att ikkonċernat u lanqas biex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati f’sens manifestament kuntrarju għall-kliem tagħhom (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Istituto nazionale della previdenza sociale (Benefiċċji tal-familja għal residenti fit-tul) (C‑303/19, EU:C:2020:958, punt 26).


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2007, C (C‑435/06, EU:C:2007:714, punt 30).


13      Ara s-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, C (C‑376/14 PPU, EU:C:2014:2268, punt 47).


14      Għal iktar informazzjoni fuq din id-distinzjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:375, punti 44 sa 51).


15      Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Ottubru 2014, C (C‑376/14 PPU, EU:C:2014:2268, punt 54) u tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 41).


16      Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 44) u tas‑17 ta’ Ottubru 2018, UD (C‑393/18 PPU, EU:C:2018:835, punt 45).


17      Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, EU:C:2009:225, punti 34 u 35); tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punti 44 sa 46); tad‑9 ta’ Ottubru 2014, C (C‑376/14 PPU, EU:C:2014:2268, punt 50); tat‑8 ta’ Ġunju 2017, OL (C-111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 40); tat‑28 ta’ Ġunju 2018, HR (C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 40) kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 2018, UD (C‑393/18 PPU, EU:C:2018:835, punt 45).


18      Ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, HR (C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 41).


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, EU:C:2009:225, punti 37 u 38); sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punti 44, 47 sa 49); tad-9 ta’ Ottubru 2014, C (C‑376/14 PPU, EU:C:2014:2268, punt 51); sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punti 42 u 43), kif ukoll tat‑28 ta’ Ġunju 2018, HR (C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 41).


20      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 39) u tat‑28 ta’ Ġunju 2018, HR (C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 43)


21      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punti 53 sas 55).


22      Ara s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 45).


23      Ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, HR (C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 45).


24      Ara s-sentenzi tat-2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 40), u tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punti 46 u 47).


25      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża UD (C‑393/18 PPU, EU:C:2018:749, punt 52).


26      Skont l-omm il-wild, huwa jattendi nursery Finlandiża matul il-ġurnata u diġà jitkellem il-lingwa Finlandiża, kif jista’ jitkellem wild tal-età tiegħu. Fis-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2014, C (C‑376/14 PPU, EU:C:2014:2268, punt 56), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal tfisser il-kunsiderazzjoni ta’ fatti li juru ċerta integrazzjoni tal-wild f’ambjent soċjali u familjari mit-tneħħija tiegħu.


27      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB. (C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 41).


28      Fir-rigward tal-waqfien tal-kustodja konġunta fid-29 ta’ April 2021, dan għandu l-konsegwenza li l-klassifikazzjoni ta’ “żamma inġusta” tista’, fi kwalunkwe każ, tapplika biss għall-perjodu li jibda fl‑24 ta’ Novembru 2020 u jintemm fid‑29 ta’ April 2021.


29      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża UD (C‑393/18 PPU, EU:C:2018:749, punt 94).


30      Analiżi tad-deċiżjonijiet elenkati fid-database Incadat (ġabra tal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Istati firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980) turi li din it-tifsira wiesgħa tal-kunċett ta’ eżerċizzju effettiv tad-drittijiet ta’ kustodja tinżamm mill-qrati tal-Istati Membri.


31      Rapport ta’ Spjegazzjoni għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑25 ta’ Ottubru 1980, E. Perez-Vera, punti 72, 73 u 115 (https://assets.hcch.net/docs/a5fb103c-2ceb-4d17-87e3-a7528a0d368c.pdf).


32      Sentenzi tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček (C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 56) u tal-1 ta’ Lulju 2010, Povse (C‑211/10 PPU, EU:C:2010:400, punt 64).


33      Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 63). Ara fl-istess sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček (C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 57) u tad‑9 ta’ Ottubru 2014, C (C‑376/14 PPU, EU:C:2014:2268, punt 67). Fis-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2010, Povse (C‑211/10 PPU, EU:C:2010:400, punt 43) u tal-24 ta’ Marzu 2021, SS (C‑603/20 PPU, EU:C:2021:231, punt 45), il-Qorti tal-Ġustizzja tuża l-kelma komuni ta’ ħtif, iktar espliċitu u sinjifikattiv, li tintuża wkoll fit-titolu tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.


34      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).


35      Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punti 53 sa 55).


36      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, M.A. et (C‑661/17, EU:C:2019:53, punti 87 sa 90).


37      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 54).


38      Fis-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 54), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-prova ta’ prattika abbużiva teħtieġ li jiġi eżaminat, tal-inqas, jekk il-persuna kkonċernata ppruvatx tikseb vantaġġ li jirriżulta mir-regolamenti tal-Unjoni billi artifiċjalment toħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa biex dan jinkiseb.


39      Jidhirli, barra minn hekk, li d-diffikultà oġġettiva relatata mal-għarfien u l-fehim tal-mekkaniżmu kumpless previst mir-Regolament Nru 604/2013 għall-iskop li jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, kif ukoll l-inċertezza fir-riżultat ta’ tali proċedura, jikkontribwixxu għall-konstatazzjoni tan-natura ftit realistika ta’ strateġija li timmira lejn l-evitar tad-dispożizzjonijiet ta’ din ir-regola għall-iskopijiet tal-ħolqien ta’ rabtiet artifiċjali ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali.


40      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL (C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 64).


41      Fis-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 54), il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, ippreċiżat li l-preżentata ta’ rikors taħt ir-Regolament Nru 604/2013 ma jistax jiġi assimilat mal-forum shopping li s-sistema ta’ Dublin għandha l-għan li tevita.