Language of document : ECLI:EU:C:2011:336

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

24 ta’ Mejju 2011 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 43 KE – Libertà ta’ stabbiliment – Nutara – Kundizzjoni ta’ ċittadinanza – Artikolu 45 KE – Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika – Direttiva 89/48/KEE”

Fil-Kawża C‑51/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-12 ta’ Frar 2008,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-P. Keppenne u H. Støvlbæk, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn E. Jenkinson u S. Ossowski, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn C. Schiltz, bħala aġent, assistit minn J.-J. Lorang, avukat,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, bħala aġent,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u M. Messmer, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata minn L. Ostrovska, K. Drēviņa u J. Barbale, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas u E. Matulionytė, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Ungerija, irrappreżentata minn J. Fazekas, R. Somssich u K. Veres kif ukoll minn M. Fehér, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn M. Dowgielewicz u C. Herma kif ukoll D. Lutostańska, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn J. Čorba, bħala aġent,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) u J.‑J. Kasel, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, G. Arestis, M. Ilešič, C. Toader u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, kap ta’ diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ April 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi impona kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar u billi ma ttrasponiex, għal din il-professjoni, id-Direttiva tal-Kunsill 89/49/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2001, (ĠU L 206, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/48”) il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 43 KE u 45 KE kif ukoll id-Direttiva 89/48.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        It-tnax-il premessa tad-Direttiva 89/48 tistabbilixxi li “s-sistema ġenerali għar-rikonxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla hija kompletament mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu [45 KE]”.

3        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/48 huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull ċittadin ta’ Stat Membru li jixtieq iwettaq professjoni regolata fi Stat Membru ospitanti bħala persuna li taħdem għal rasha jew bħala persuna impjegata.

Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal professjonijiet li huma s-suġġett ta’ Direttiva separata li tistabbilixxi arranġamenti għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi mill-Istati Membri.”

4        Il-professjoni ta’ nutar ma kinet suġġetta għall-ebda leġiżlazzjoni tat-tip bħal dik imsemmija fit-tieni paragrafu tal-imsemmi Artikolu 2.

5        Id-Direttiva 89/48 tipprovdi terminu għat-traspożizzjoni li kien jiskadi, skont l-Artikolu 12 tagħha, fl-4 ta’ Jannar 1991.

6        Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, p. 22), abrogat, skont l-Artikolu 62 tagħha, id-Direttiva 89/48 b’effett sa mill-20 ta’ Ottubru 2007.

7        Il-premessa 41 tad-Direttiva 2005/36 tipprovdi li din “hija bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 39(4) u 45 [KE] li jikkonċernaw b’mod partikolari in-nutara”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 L-organizzazzjoni ġenerali tal-professjoni ta’ nutar

8        In-nutara jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, fl-ordinament ġuridiku Lussemburgiż, fil-kuntest ta’ professjoni libera. L-organizzazzjoni tal-professjoni ta’ nutar hija rregolata permezz tal-Liġi tad-9 ta’ Diċembru 1976 dwar l-organizzazzjoni nutarili (Mémorial A 1976, p. 1230), kif emendat mil-Liġi tat-12 ta’ Novembru 2004 (Mémorial A 2004, p. 2766, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-organizzazzjoni nutarili”).

9        Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni nutarili, in-nutara huma “uffiċjali pubbliċi stabbiliti sabiex jirċievu l-atti u l-kuntratti kollha li l-partijiet għandhom jew ikunu jridu jagħtuhom il-kwalità ta’ awtentiċità marbuta mal-atti tal-awtorità pubblika, u sabiex jiżguraw id-data tagħhom, il-kustodja tagħhom, u jagħtu kopji eżekuttivi u awtentikati.

10      L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jipprovdi li n-nutara jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fuq it-territorju nazzjonali kollu. Kull parti għandha l-għażla ħielsa ta’ nutar, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 7(4) tal-imsemmija liġi.

11      In-numru ta’ nutara u r-residenza tagħhom, kif ukoll it-tariffa tal-ħlas u d-dħul tagħhom huma ddeterminati, skont, rispettivament, l-Artikoli 13 u 59 tal-istess liġi, permezz ta’ regolament gran-dukali.

12      Skont l-Artikolu 15 tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni nutarili, sabiex wieħed jiġi ammess għall-funzjonijiet ta’ nutar fil-Lussemburgu, dan għandu, b’mod partikolari, jkun Lussemburgiż.

 L-attivitajiet nutarili

13      Fir-rigward tad-diversi attivitajiet ta’ nutar fl-ordinament ġuridiku Lussemburgiż, huwa paċifiku li l-missjoni prinċipali tiegħu hija li jistabbilixxi atti awtentiċi. L-intervent tan-nutar għalhekk jista’ jkun obbligatorju jew fakultattiv, skont l-att li huwa jkun mitlub jawtentika. Permezz ta’ dan l-intervent, in-nutar jikkonstata li jkunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha mitluba għat-twettieq tal-att, kif ukoll il-kapaċità ġuridika u ta’ azzjoni tal-partijiet ikkonċernati.

14      L-att awtentiku huwa ddefinit fl-Artikolu 1317 tal-Kodiċi Ċivili, li jinsab fil-Kapitolu VI, intitolat, “Fuq il-prova tal-obbligi u ta’ dik tal-ħlas”, tat-Titolu III tal-Ktieb III ta’ dan il-kodiċi. Tali att huwa, skont dan l-artikolu, “dak li jirċievu uffiċjali pubbliċi li għandhom id-dritt li jeżerċitaw fil-post fejn ikun ġie redatt l-att, u bil-formalità meħtieġa”.

15      Skont l-Artikolu 37 tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni nutarili, l-att nutarili huwa awtentiku skont id-dispożizzjonijiet tal-kodiċi ċivili u huwa eżekuttiv meta jkun skont il-forma eżekuttiva.

16      Huwa ppreċiżat, fl-Artikolu 1319 tal-Kodiċi Ċivili, li “[l-]att awtentiku jagħti saħħa ġuridika lill-ftehim ta’ bejn il-partijiet kontraenti u l-werrieta u l-aventi kawża tagħhom”.

17      L-Artikolu 1322 tal-istess kodiċi jipprovdi li, “[l-]att privat, irrikonoxxut fir-rigward ta’ persuna, jew legalment meqjus bħala rrikonoxxut, għandu, bejn il-partijiet u bejn l-werrieta u l-aventi kawża tagħhom, l-istess saħħa legali bħal att awtentiku.

18      Skont l-Artikolu 13 tal-Liġi tal-4 ta’ Diċembru 1990 dwar l-organizzazzjoni tas-servizz ta’ uffiċjali eżekuttivi tal-qorti (Mémorial A 1990, p. 1248), l-uffiċjal eżekuttiv tal-qorti biss jista’, b’mod partikolari, jeżegwixxi deċiżjonijiet tal-qorti kif ukoll atti jew titoli eżekuttivi. Barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 690 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili ġdid, hija l-qorti ta’ eżekuzzjoni li għandha tiddeċiedi dwar id-diffikultajiet imqajma dwar l-eżekuzzjoni. Jekk dawn id-diffikultajiet jirrikjedu ħeffa, hija l-qorti tal-post li għandha tiddeċiedi provviżorjament.

19      Minbarra l-funzjonijiet ta’ awtentikazzjoni, l-ordinament ġuridiku Lussemburgiż jagħti lin-nutara, b’mod partikolari, id-dmirijiet li ġejjin.

20      Skont l-Artikoli 809 et seq tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili ġdid, in-nutar jeżerċita ċerti attivitajiet fil-qasam ta’ sekwestru ta’ beni immobbli. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, it-titolu eżekuttiv huwa qabel xejn eżegwit minn uffiċjal eżekuttiv tal-qorti, li jinnotifika ordni ta’ ħlas lid-debitur. Dan tal-aħħar jibbenefika sussegwentement minn terminu sabiex jeżegwixxi l-ordni. Fl-aħħar nett, wara li jiskadi dan it-terminu, u jekk id-debitur sadanittant ma jkunx laħaq eżegwixxa l-ordni, il-beni immobbli kkonċernati jiġu ssekwestrati minn uffiċjal eżekuttiv tal-qorti, li jiġi segwit mir-reġistrazzjoni ta’ dan l-att ġudizzjarju fl-uffiċċju tal-ipoteki. Fuq rikors iddepożitat minn min jagħmel it-talba, il-qorti għandha tiddeċiedi dwar dak li jkun intqal u l-osservazzjonijiet inklużi fiha, kif ukoll dwar il-validità tas-sekwestru, u tagħżel nutar li l-bejgħ pubbliku għandu jsir taħt l-awtorità tiegħu. In-nutar, sussegwentement, għandu jimplementa l-bejgħ billi jorganizza l-modi ta’ pubblikazzjoni, billi jipprepara l-ispeċifikazzjonijiet, li jindikaw il-ġurnata tal-bejgħ u jinkludu t-trasferiment tal-prezz favur il-kredituri. Kull talba addizzjonali għal sekwestru ta’ beni immobbli għandha titressaq quddiem il-qorti. Barra minn hekk, il-partijiet jistgħu jistipulaw, skont l-Artikolu 879 tal-imsemmi kodiċi, f’kuntratt awtentiku, li l-kreditur huwa awtorizzat ibigħ, permezz tal-awtorità ta’ nutar, mingħajr ma jsegwi l-proċedura legali msemmija iktar ’il fuq. F’tali każ, jekk ikun hemm xi kontestazzjoni, in-nutar għandu jwaqqaf it-tranżazzjonijiet kollha u jirrinvija l-partijiet għal miżuri provviżorji quddiem il-president tal-qorti kompetenti sabiex taqta’ l-kawża.

21      In-nutar jeżerċita wkoll, skont l-Artikoli 1131 sa 1164 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, ċerti attivitajiet fil-qasam ta’ twaħħil u tneħħija tas-siġilli. It-twaħħil u t-tneħħija ta’ siġilli huma awtorizzati mill-qorti distrettwali. Meta l-partijiet li għandhom dritt jassistu għat-tneħħija ma jkunux preżenti, il-president tal-qorti kompetenti għandu jinnomina ex officio nutar sabiex jirrappreżentahom.

22      Skont l-Artikoli 1165 sa 1168 tal-imsemmi kodiċi, in-nutar huwa responsabbli għall-ħolqien ta’ inventarju fuq talba ta’ dawk li għandhom dritt jitolbuh meta jitneħħew is-siġilli. Jekk iqumu xi diffikultajiet, in-nutar għandu jħalli lill-partijiet jappellaw għal miżuri provviżorji quddiem il-president tal-qorti tal-prim’istanza u jista’ jirreferi hu stess jekk ikun joqgħod fil-canton fejn għandha sede l-qorti.

23      Ir-rwol ta’ nutar fil-kuntest ta’ ċertu bejgħ ta’ proprjetà immobbli huwa rregolat mill-Artikoli 1177 sa 1184 tal-Kodiċi ta’ Proċedura ġdid. Dan il-bejgħ jista’ jsir biss bl-awtorizzazzjoni, b’mod partikolari, tal-qorti tat-tutela. Meta l-bejgħ ikun awtorizzat, din tal-aħħar għandha taħtar nutar sabiex jipproċedi bil-bejgħ pubbliku. Dan il-bejgħ għandu jsir quddiem il-qorti tat-tutela, li teħles lin-nutar mill-obbligi tiegħu wara li jiġu approvati l-kontijiet. Il-qorti tat-tutela tista’ wkoll tawtorizza l-bejgħ bi ftehim permezz ta’ deċiżjoni motivata.

24      Ċerti attivitajiet fil-qasam ta’ diviżjoni ġudizzjarja huma wkoll fdati lin-nutar skont l-Artikoli 815 et seq tal-Kodiċi Ċivili. Skont l-Artikolu 882 ta’ dan il-kodiċi, l-azzjoni ta’ tqassim u l-kontestazzjonijiet li jsiru matul it-tranżazzjonijiet għandhom jitressqu quddiem il-qorti. Huwa quddiem din tal-aħħar li għandu jsir bejgħ f’irkant ġudizzjarju u li għandhom jitressqu t-talbiet dwar il-garanzija tal-lottijiet bejn il-koproprjetarji kif ukoll dawk tal-qsim tal-koproprjetà. Jekk wieħed mill-ko-werrieta jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu għat-tqassim, jew jekk iqumu xi kontestazzjonijiet, kemm fuq il-proċedura, kemm fuq il-mod kif jintemmu, il-qorti għandha tiddeċiedi. Jekk il-proprjetà immobbli ma tkunx tista’ tinqasam b’mod komdu, għandu jsir bejgħ b’irkant ġudizzjarju quddiem il-qorti. Għaldaqstant, il-partijiet, jekk ikollhom kollha ’l fuq minn tmintax–il sena, jistgħu jikkonsentu li l-bejgħ b’irkant ġudizzjajru jsir quddiem nutar li għandhom jaqblu dwaru. Wara li l-proprjetà mobbli u immobbli jkunu ġew stmati u mibjugħa, skont il-każ, l-imħallef kummissarju għandu jibgħat lill-partijiet quddiem nutar li għandu jagħmel il-kontijiet li l-koproprjetarji jista’ jkollhom iħallsu lil xulxin, il-formazzjoni tal-massa ġenerali, il-kompożizzjoni tal-lottijiet u għall-fornimenti li għandhom isiru għal kull wieħed mill-koproprjetarji. Jekk, fit-tranżazzjonijiet li jsiru quddiem nutar, iqumu kontestazzjonijiet, in-nutar għandu jagħmel proċess verbal tad-diffikultajiet u ta’ dak li għandhom jgħidu l-partijiet kollha rispettivi, u jibgħathom quddiem il-kummissarju maħtur għat-tqassim.

25      Il-Liġi tal-25 ta’ Settembru 1905 dwar ir-reġistrazzjoni tad-drittijiet reali fuq proprjetà immobbli (Mémorial 1905, p. 893) jipprovdi, fl-Artikolu 1 tiegħu, li l-atti kollha intra vivos, onerużi jew mhux onerużi, li jittrasferixxi drittijiet reali fuq proprjetà immobbli minbarra l-privileġġi u l-ipoteki, għandhom jiġu rreġistrati fl-uffiċċju tad-depożitu tal-ipoteki, fil-post fejn jinsabu l-beni. Skont l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, jistgħu jiġu rreġistrati s-sentenzi, l-atti awtentikati u l-atti privati rikonoxxuti jew le mill-qorti jew quddiem nutar. L-uffiċjal responsabbli għar-reġistrazzjoni għandu jikkonserva dawn l-ipoteki.

 Il-proċedura prekontenzjuża

26      Tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni rigward il-kundizzjoni ta’ ċittadinanza meħtieġa għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar fil-Lussemburgu. Wara li eżaminat dan l-ilment, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Novembru 2000, intimat lir-Renju tal-Belġju sabiex jippreżentalha, f’terminu ta’ xahrejn, l-osservazzjonijiet tiegħu dwar, minn naħa, il-konformità ta’ din il-kundizzjoni ta’ ċittadinanza mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ traspożizzoni tad-Direttiva 89/48 f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ nutar.

27      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Jannar 2001, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu rrisponda għal din l-ittra ta’ intimazzjoni.

28      Fit-12 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali lil dan l-Istat Membru, fejn akkużatu li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 kif ukoll id-Direttiva 89/48.

29      Dan l-Istat Membru rrisponda għal din l-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali b’ittra tal-10 ta’ Settembru 2002.

30      Peress li ma kinitx konvinta mill-argumenti invokati mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, fit-18 ta’ Ottubru 2006 il-Kummissjoni indirizzat lil dan l-Istat Membru opinjoni motivata li fiha kkonkludiet li dan kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE kif ukoll taħt id-Direttiva 89/48. Din l-istituzzjoni stiednet lil dan l‑Istat Membru sabiex jieħu l‑miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l‑opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn min‑notifika tagħha.

31      B’ittra tal-14 ta’ Diċembru 2006, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu espona r-raġunijiet li għalihom huwa qies li l-pożizzjoni sostnuta mill-Kummissjoni kienet infondata.

32      Huwa f’dawn iċ‑ċirkustanzi li l‑Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir‑rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel ilment

 L-argumenti tal-partijiet

33      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi rriżerva l-aċċess għall-professjoni ta’ nutar unikament għaċ-ċittadini proprji tiegħu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

34      Din l-istituzzjoni ssosnti, b’mod preliminari, li l-aċċess għall-professjoni ta’ nutar ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni ta’ ċittadinanza f’ċerti Stati Membri u li din il-kundizzjoni kienet tneħħiet minn Stati Membri, oħra, bħar-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Portugiża.

35      Il-Kummissjoni tfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 43 KE jikkostitwixxi waħda mid-dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li hija intiża sabiex tiżgura l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali lil kull ċittadin ta’ Stat Membru li jistabbilixxi ruħu, anki bħala post sekondarju, fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha, u jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza.

36      Din l-istituzzjoni kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq isostnu li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi (sentenza tal-15 ta’ Marzu 1988, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, 147/86, Ġabra p. 1637, punt 8). Fir-rigward tal-eċċezzjoni għal-libertà ta’ stabbilitment għall-attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, dan l-artikolu għandu, barra minn hekk, jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners, 2/74, Ġabra p. 631, punt 43).

37      L-eċċezzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għalhekk għandha tiġi ristretta għall-attivitajiet li, fihom infushom, jinkludu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 u 45). Skont il-Kummissjoni, il-kunċett ta’ awtorità pubblika jimplika l-eżerċizzju ta’ setgħa deċiżjonali li teċċedi d-dritt komuni li tissarraf fil-kapaċità li tittieħed azzjoni indipendentement mir-rieda ta’ suġġetti oħra jew anki tmur kontra din l-istess rieda. B’mod partikolari, l-awtorità pubblika timmanifesta ruħa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bl-eżerċizzju tas-setgħat vinkolanti (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 1998, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑114/97, Ġabra p. I‑6717, punt 37).

38      Fil-fehma tal-Kummissjoni u tar-Renju Unit, għandha ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet li huma parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u dawk eżerċitati fl-interess ġenerali. Fil-fatt, diversi professjonijiet jiġu attribwiti kompetenzi partikolari fl-interess ġenerali, mingħajr madankollu ma jkunu parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

39      Huma wkoll esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE l-attivitajiet li jikkostitwixxu assistenza jew kollaborazzjoni għall-funzjonament tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1993, Thijssen, C‑42/92, Ġabra p. I‑4047, punt 22).

40      Barra minn hekk, il-Kummissjoni u r-Renju Unit ifakkru li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE huwa intiż prinċipalment għal attivitajiet partikolari u mhux professjoni sħiħa, sakemm l-attivitajiet ikkonċernati ma jiġux isseparati minn dawk kollha eżerċitati minn din il-professjoni.

41      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tagħmel eżami tal-attivitajiet differenti eżerċitati min-nutar fl-ordinament ġuridiku Lussemburgiż.

42      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-awtentikazzjoni tal-atti u tal-ftehim, il-Kummissjoni ssostni li n-nutar jillimita ruħu sabiex ikun xhud tal-volontà tal-partijiet, wara li jkun tahom parir, u sabiex jagħti effetti legali lil din il-volontà. Fl-eżerċizzju ta’ din l-attività, in-natur ma għandu ebda setgħa deċiżjonali fir-rigward tal-partijiet. Għalhekk, l-awtentikazzjoni hija biss il-konferma ta’ ftehim minn qabel bejn dawn tal-aħħar. Il-fatt li ċerti atti għandhom ikunu b’mod obbligatorju awtentikati huwa irrilevanti, peress li diversi proċeduri għandhom natura obbligatorja mingħajr madankollu ma huma l-manifestazzjoni tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

43      Dan japplika wkoll f’dak li jikkonċerna l-aspetti partikolari tar-regoli tal-provi marbuta mal-atti nutarili, peress li saħħa probatorja paragunabbli hija mogħtija wkoll lil atti oħra li ma jaqgħux taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, bħal pereżempju, il-proċessi verbali magħmula mill-gwardjani forestali taħt ġurament. Il-fatt li n-nutar jidħol responsabbli fir-redazzjoni tal-atti nutarili lanqas ma huwa rilevanti. Fil-fatt, dan huwa l-każ f’dak li jikkonċerna l-parti l-kbira tal-professjonisti indipendenti, bħall-avukati, il-periti jew it-tobba.

44      Fir-rigward tas-saħħa eżekuttiva tal-atti awtentiċi, il-Kummissjoni tikkunsidra li ż-żieda tal-fomula tal-eżekuzzjoni tippreċedi l-eżekuzzjoni hekk imsejħa mingħajr ma tagħmel parti minnha. Għalhekk, din is-saħħa eżekuttiva ma tagħti ebda setgħa vinkolanti lin-nutara. Barra minn hekk, kull kontestazzjoni eventwali hija deċiża mhux min-nutar iżda mill-qorti.

45      Fir-rigward, it-tieni nett, tad-dmirijiet tan-nutar fil-kuntest ta’ sekwestru ta’ proprjetà immobbli, ta’ bejgħ pubbliku ta’ bini, ta’ stabbiliment ta’ inventarji, ta’ tneħħija ta’ siġilli, kif ukoll ta’ tqassim ġudizzjarju, il-Kummissjoni tqis li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu sempliċement jiddeskrivi dawn id-dmirijiet mingħajr madankollu ma jasal sabiex juri li dawn jinkludu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

46      It-tielet nett, f’dak li jikkonċerna l-istatus speċifiku tan-nutara fid-dritt Lussemburgiż, dan ma huwiex, skont il-Kummissjoni, direttament rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura tad-dmirijiet inkwistjoni.

47      Il-Kummissjoni tikkunsidra, fit-tielet lok, bħal fil-każ tar-Renju Unit, li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt internazzjonali li fihom riferimenti għall-attività nutarili ma jippreġudikawx l-applikazzjoni tal-Artikolu 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għal din l-attività.

48      Fil-fatt, kemm l-Artikolu 1(5)(d) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399) kif ukoll il-premessa 41 tad-Direttiva 2005/36 ma jeskludux mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom l-attivitajiet nutarili ħlief sa fejn dawn jinkludu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Għalhekk din hija sempliċi riżerva li ma għandha l-ebda effett fuq l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

49      Fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243), kif ukoll tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38), il-Kummissjoni tqis li dawn ir-regolamenti jistgħu biss jipprovdu l-obbligu tal-Istati Membri li jirrikonoxxu u li jeżegwixxu atti li ġew formalment imħejjija u irreġistrati fi Stat Membru ieħor

50      Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001, tat-8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 251), kif ukoll id-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar mergers transkonfinali ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata (ĠU L 310, p. 1) ma humiex rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ din is-sentenza, peress li dawn huma llimitati sabiex jagħtu lin-nutara, kif ukoll lil awtoritajiet kompetenti oħra magħżula mill-Istat, l-obbligu li jiċċertifikaw it-twettiq ta’ ċerti atti u formalitajiet qabel ma jsir it-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat u qabel il-fużjoni ta’ kumpanniji.

51      Fir-rigward tal-konvenzjoni li tneħħi l-ħtieġa tal-legalizzazzjoni tal-atti pubbliċi barranin, konkluża fil-5 ta’ Ottubru 1961 f’Den Haag, din tillimita ruħha sabiex tiddefinixxi l-kunċett ta’ “att pubbliku” fis-sens ta’ din il-konvenzjoni.

52      Fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Marzu 2006 dwar il-professjonijiet legali u l-interess ġenerali dwar il-funzjonament tas-sistemi legali (ĠU C 292E, p. 105, iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni tal-2006”), din hija sempliċi att politiku, li l-kontenut tagħha huwa ambigwu, peress li, minn naħa, fil-punt 17 ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament Ewropew sostna li l-Artikolu 45 KE għandu japplika għall-professjoni ta’ nutar, filwaqt li, min-naħa l-oħra, fil-punt 2 ta’ din, ikkonferma l-pożizzjoni fformulata fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 1994 dwar is-sitwazzjoni u l-organizzazzjoni nutarili fit-tnax-il Stat Membru tal-Komunità (ĠU C 44, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni tal-1994”), fejn esprima x-xewqa tiegħu li titneħħa l-kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar prevista fil-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri.

53      Il-Kummissjoni u r-Renju Unit iżidu, fir-raba’ lok, li l-kawża li wasslet għas-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española (C‑405/01, Ġabra p. I‑10391), li jirreferu għaliha diversi Stati Membri, tikkonċerna l-eżerċizzju mill-kaptani u uffiċjali sekondi tal-vapuri tal-merkanzija ta’ estensjoni vasta ta’ funzjonijiet ta’ żamma tas-sigurtà, ta’ setgħat tal-pulizija, f’qasam nutarili u ta’ stat ċivili. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-okkażjoni li teżamina fid-dettal id-diversi attivitajiet eżerċitati min-nutara, fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Konsegwentement, din is-sentenza ma hijiex biżżejjed sabiex din id-dispożizzjoni tiġi applikata għan-nutara.

54      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tiddistingwi n-nutara mill-awtoritajiet pubbliċi billi tirrikonoxxi li att pubbliku jista’ jiġi stabbilit minn awtorità pubblika jew kwalunkwe awtorità oħra awtorizzata mill-Istat (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Unibank, C‑260/97, Ġabra p. I-3715, punti 15 u 21).

55      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni, fl-ewwel lok, li l-kunċett ta’ “l-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE, ġie applikat b’mod wiesa’ fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt irrikonoxxiet li l-funzjonijiet nutarili jikkostitwixxu parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika fis-sentenza Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española, imsemmija iktar ’il fuq. Barra minn hekk, mis-sentenza Unibank, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-istabbiliment ta’ atti awtentiċi minn uffiċjal pubbliku, bħan-nutar, jinkludi parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

56      Dan l-Istat Membru essenzjalment, jaqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li l-kunċett ta’ awtorità pubblika jiddistingwi ruħu minn dak ta’ interess ġenerali, li jikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja imma mhux suffiċjenti. Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ awtorità pubblika ma huwiex, skont l-imsemmi Stat Membru kif ukoll ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika Slovakka, ekwivalenti għal dik ta’ ġustizzja kontenzjuża.

57      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jqis, fit-tieni lok, li n-nutara jipparteċipaw direttament u speċifikament fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika minħabba, minn naħa, l-effetti legali li jeċċedu d-dritt komuni marbuta mal-atti li jwettqu u, min-naħa l-oħra, l-istatus speċifiku li jibbenefikaw minnu fl-ordinament ġuridiku Lussemburgiż.

58      Fir-rigward ta’ dan l-ewwel aspett, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jenfasizza li l-att awtentiku, billi jagħti prova sħiħa tad-dikjarazzjonijiet u xhieda ta’ dak li jinkludu, jibbenefika minn forza probatorja li tpoġġih fil-quċċata tal-ġerarkija tal-provi bil-miktub. Barra minn hekk, l-awtentiċità tiegħu tista’ tiġi kkontestata biss permezz tal-proċedura minħabba falz.

59      L-att awtentiku jibbenefika, barra minn hekk, minn forza eżekuttiva, mingħajr ma jkun neċessarju li tinkiseb sentenza minn qabel. Għalhekk, il-kreditur jista’ sempliċement jagħti kopja eżekuttiva tal-att inkwistjoni lil uffiċjal eżekuttiv tal-qorti, li dan tal-aħħar għandu jeżegwixxi bis-saħħa tal-forza pubblika.

60      Ir-Repubblika Slovakka żżid li nutar għandu jirrifjuta li joħroġ l-att awtentiku jekk il-kundizzjonijiet mitluba skont il-liġi ma jkunux sodisfatti.

61      Barra minn hekk, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jfakkar li, fl-awtentikazzjoni tal-att, in-nutar għandu rwol li jiġbor it-taxxi billi jirċievi l-ħlas ta’ eventwali taxxi ta’ reġistrazzjoni.

62      Fil-fatt, skont dan l-Istat Membru, il-konsulenza legali li ssir min-nutara waqt l-awtentikazzjoni tal-atti tikkostitwixxi wkoll element preparatorju, obbligu u marbut ma’ din l-awtentikazzjoni.

63      Fir-rigward tal-istatus tan-nutar fl-ordinament ġuridiku Lussemburgiż, minn dan jirriżulta li n-nutar għandu rwol pubbliku li jimmanifesta ruħu, b’mod partikolari, b’kontroll strett eżerċitat mill-Istat, permezz ta’ rapport ta’ fiduċja u ta’ solidarjetà bejn in-nutar u l-Istat, permezz ta’ sinjali esterni, bħall-awtorizzazzjoni li jżomm is-siġill tal-Istat, il-ġurament li nutar jista’ jamministra, l-indipendenza li dan tal-aħħar jibbenefika minnha u r-reġim ta’ inkompatibbiltajiet li huwa suġġett għalihom.

64      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni, fit-tielet lok, li l-ordinament ġuridiku Lussemburgiż jafda lin-nutara ċerti attivitajiet li juru l-parteċipazzjoni tagħhom fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

65      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-attivitajiet tan-nutar fil-kuntest tas-sekwestru ta’ proprjetà immobbli, dan l-Istat Membru josserva li l-qorti għandha taħtar, skont l-Artikolu 832 tal-Kodiċi ta’ Proċedura ġdid, nutar li l-bejgħ pubbliku jseħħ taħt l-awtorità tiegħu. Għalhekk, dan għandu missjoni kompleta. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 879 ta’ dan il-kodiċi, il-partijiet għandhom il-possibbiltà li jistipulaw f’kuntratt awtentiku li l-kreditur huwa awtorizzat ibigħ il-proprjetà immobbli ipotekata, permezz tal-awtorità ta’ nutar, mingħajr ma jsegwi l-forom legali previsti għas-sekwestru ta’ proprjetà immobbli.

66      Il-parteċipazzjoni tan-nutar fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika hija mmanifestata, fit-tieni nett, bil-fatt li l-atti ta’ nutar huma ddepożitati fl-uffiċċju fejn jinżammu l-ipoteki, kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tal-liġi tal-25 ta’ Settembru 1905 dwar id-depożitu tad-drittijiet reali fuq proprjetà immobbli.

67      It-tielet nett, meta proprjetà immobbli tkun ta’ minuri jew ta’ persuni ta’ età maġġuri imma li jkunu taħt tutela, il-qorti tat-tutela għandha taħtar nutar li għandu jagħmel il-bejgħ pubbliku, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1180 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili ġdid. Barra minn hekk, f’każ ta’ tqassim bonarju, il-qorti tat-tutela għandha taħtar nutar sabiex iwettaq dan.

68      Ir-raba’ nett, in-nutar għandu l-obbligu, skont l-Artikoli 1167 et seq tal-imsemmi kodiċi, li jistabbilixxi inventarju ta’ suċċessjoni ta’ komunità jew ta’ indiviżjoni. Jekk iqumu diffikultajiet, dawn għandhom, min-naħa l-oħra, jitressqu quddiem il-qorti.

69      Il-ħames nett, fl-ipoteżi fejn il-partijiet li jkollhom id-dritt li jassistu għat-tneħħija ta’ siġilli ma jkunux preżenti, il-president tal-qorti jista’, f’konformità mal-Artikolu 1152 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili ġdid, jaħtar ex officio nutar sabiex jirrappreżentahom.

70      Is-sitt nett, in-nutar huwa responsabbli, skont l-Artikoli 815 et seq tal-Kodiċi Ċivili, għal diversi missjonijiet relatati mat-tqassim legali, b’mod partikolari, tal-formazzjoni tal-massa li għandha tinqasam, tal-kompożizzjoni tal-lottijiet, tat-tlugħ bil-polza u, skont il-każ, tal-istabbilment ta’ proċess verbal tad-diffikultajiet. Għaldaqstant, eventwali kontestazzjonijiet għandhom jitressqu quddiem il-qorti.

71      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Repubblika tal-Litwanja jsostnu wkoll, fir-raba’ lok, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkonferma li n-nutara jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. F’dan ir-rigward, huma jirreferu għall-atti tal-Unjoni u tad-dritt internazzjonali msemmija fil-punti 48 sa 51 ta’ din is-sentenza, li jew jeskludu l-attivitajiet eżerċitati min-nutara mill-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom minħabba l-parteċipazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, jew jirrikonoxxu li l-atti tan-nutar huma simili għal deċiżjonijiet ġudizzjarji jew inkella għad-dokumneti li joħorġu minn awtorità pubblika. Ir-Repubblika tal-Litwanja żżid li l-Parlament sostna, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-1994 u tal-2006 li l-professjoni ta’ nutar tipparteċipa fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

72      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsostni, sussidjarjament, li, peress li l-użu tal-lingwa Lussemburgiża huwa neċessarju fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tan-nutar, il-kundizzjoni ta’ ċittadinanza inkwistjoni hija intiża sabiex tiżgura r-rispett tal-istorja, tal-kultura, tat-tradizzjoni u tal-identità nazzjonali Lussemburgiżi fis-sens tal-Artikolu 6(3) UE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

73      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni takkuża lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu li jostakola l-istabbiliment, fid-dawl tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ nutar, taċ-ċittadini ta’ Istati Membri oħra fit-territorju tiegħu, billi jirriżerva l-aċċess għal din il-professjoni, bi ksur tal-Artikolu 45 KE, għaċ-ċittadini tiegħu stess.

74      Dan l-ilment jikkonċerna għalhekk biss il-kundizzjoni ta’ ċittadinanza meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża inkwistjoni għall-aċċess għal din il-professjoni fid-dawl tal-Artikolu 43 KE.

75      Konsegwentement, għandu jiġi ppreċiżat li dan l-ilment ma jirrigwardax la l-istatus u l-organizzazzjoni nutarili fl-ordinament ġuridiku Lussemburgiż u lanqas il-kundizzjonijiet ta’ aċċess, barra dik relatata maċ-ċittadinanza, għall-professjoni ta’ nutar f’dan l-Istat Membru.

76      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat, hekk kif indikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, li l-ewwel ilment lanqas ma jikkonċerna l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Bl-istess mod, l-imsemmi l-ilment ma jikkonċernax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-ħaddiema.

–       Fuq il-mertu

77      Għandu jitfakkar qabel xejn li l-Artikolu 43 KE jikkostitwixxi waħda mid-dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

78      Il-kunċett ta’ stabbiliment fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni huwa kunċett wiesa’ ħafna, li jimplika l-possibbiltà għal ċittadin tal-Unjoni li jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru li mhux l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, u li jikseb profitt minn dan, u jiffavorixxi għaldaqstant l-interpenetrazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-attivitajiet imwettqa minn persuna li taħdem għal rasha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑161/07, Ġabra p. I‑10671, punt 24).

79      Il-libertà ta’ stabbiliment rikonoxxuta liċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tinkludi b’mod partikolari l-aċċess għall-attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u l-eżerċizzju tagħhom taħt il-kundizzjonijiet iddefiniti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Il‑Kummissjoni vs Franza, 270/83, Ġabra p. 273, punt 13, u, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27). Fi kliem ieħor, l-Artikolu 43 KE jipprojbixxi lil kull Stat Membru milli jipprovdi, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, għall-persuni kollha li jagħmlu użu mil-libertà li jistabbilixxu ruħhom hemm, kundizzjonijiet fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom li huma differenti minn dawk iddefiniti għaċ-ċittadini tiegħu stess (sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

80      L-Artikolu 43 KE huwa intiż għalhekk sabiex jiżgura l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali lil kull ċittadin ta’ Stat Membru li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor sabiex jeżerċita hemm attività bħala persuna li taħdem għal rasha u jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza li tirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwantu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment (sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14).

81      Issa, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tirriżerva l-aċċess għall-professjoni ta’ nutar liċ-ċittadini Lussemburgiżi, u għalhekk toħloq differenza fit-trattament minħabba ċittadinanza li hija pprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 43 KE.

82      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu madankollu jsostni li l-attivitajiet nutarili ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43 KE peress li huma fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Għalhekk, fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata l-portata tal-kunċett ta’ eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni u, fit-tieni lok, li jiġi vverifikat jekk l-attivitajiet fdati lin-nutara fl-ordinament ġuridiku Lussemburgiż jaqgħux taħt dan il-kunċett.

83      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE, għandu jiġi enfasizzat li l-evalwazzjoni tiegħu għandha tieħu inkunsiderazzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura stess fid-dritt tal-Unjoni tal-limiti magħmula minn din id-dispożizzjoni għall-eċċezzjonijiet permessi għall-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment, sabiex jiġi evitat li l-effettività tat-Trattat fil-qasam ta’ libertà ta’ stabbiliment tiġi ostakolata minn dispożizzjonjiet unilaterali tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50; Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 8, u tat-22 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C-438/08, Ġabra p. I‑10219, punt 35).

84      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE jikkostitwixxi deroga mir-regola fundamentali tal‑libertà ta’ stabbiliment. Bħala tali, din id-deroga għandha tingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħha għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jitħarsu l-interessi li l-Istati Membri jistgħu jipproteġu abbażi ta’ din id‑dispożizzjoni (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 7, Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C‑451/03, Ġabra p. I‑2941, punt 45, tad-29 ta’ Novembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑393/05, Ġabra p. I‑10195, punt 35 u Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑404/05, Ġabra p. I‑10239, punt 37 u 46, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

85      Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ripetutament li d-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għandha tkun ristretta biss għall-attivitajiet li, fihom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal‑awtorità pubblika (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Reyners, punt 45, Thijssen, punt 8, Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 35, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 46, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 38, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, punt 36).

86      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tikkunsidra li huma esklużi mid-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE ċerti attivitajiet anċillari jew preparatorji meta pparagunati mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Thijssen, punt 22; Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 38, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 47; Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 38, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, punt 36), jew ċerti attivitajiet li l-eżerċizzju tagħhom, minkejja li jinkludi kuntatti, anki regolari u organiċi, ma’ awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji, jew għajnuna, anki obbligatorja, għall-funzjonament tagħhom, iħalli intatti s-setgħat diskrezzjonali u deċiżjonali tal-imsemmija awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 53), jew ukoll ċerti attivitajiet li ma jinkludux l-eżerċizzju ta’ setgħat deċiżjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Thijssen, punti 21 u 22; tad-29 ta’ Novembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, punti 36 u 42, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punti 38 u 44, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, punti 36 u 41), ta’ setgħat vinkolanti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37), jew setgħat ta’ impożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settemrbu 2003, Anker et, C‑47/02, Ġabra p. I‑10447, punt 61, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

87      Għandu jiġi vverifikat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jekk l-attivitajiet fdati lin-nutara fl-ordinament ġuridiku Lussemburgiż jinkludux parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

88      Għal dan il-għan, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-attivitajiet eżerċitati mill-membri tal-professjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Thijssen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9).

89      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Kummissjoni jaqblu fuq il-fatt li l-attività prinċipali tan-nutara fl-ordinament ġuridiku Lussemburgiż tikkonsisti fir-redazzjoni, bis-solennitajiet meħtieġa, ta’ atti awtentiċi. Sabiex jagħmel dan, in-nutar għandu jivverifika, b’mod partikolari, li l-kundizzjonijiet kollha legalment meħtieġa għat-twettiq tal-att ikunu sodisfatti. L-att awtentiku jgawdi, minbarra dan, minn saħħa probatorja u minn saħħa eżekuttiva.

90      Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li huma suġġetti għal awtentikazzjoni, skont il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża, l-atti jew il-ftehim li l-partijiet kienu liberament ikkonkludew. Fil-fatt, dawn jiddeċiedu huma stess, fil-limiti mogħtija mil-liġi, dwar il-portata tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jagħżlu liberament l-istipulazzjonijiet li huma jridu jdaħħlu fid-dokument meta huma jippreżentaw att jew ftehim għal awtentikazzjoni lin-nutar. L-intervent ta’ dan tal-aħħar jippresupponi, għalhekk, l-eżistenza minn qabel ta’ kunsens jew ta’ qbil ta’ volontà tal-partijiet.

91      Minbarra dan, in-nutar ma jistax jemenda b’mod unilaterali l-ftehim li huwa mitlub jawtentika mingħajr ma jikseb minn qabel il-kunsens tal-partijiet.

92      L-att ta’ awtentikazzjoni fdat lin-nutara għalhekk ma jinkludix, bħala tali, parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

93      Il-fatt li ċerti atti jew ċerti ftehim għandhom bilfors jiġu suġġetti għal awtentikazzjoni taħt piena ta’ nullità ma jistax ipoġġi f’dubju din il-konklużjoni. Fil-fatt, hija prassi li l-validità ta’ atti diversi tkun suġġetta, fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali u skont ir-regoli previsti, għal rekwiżiti ta’ forma jew ukoll għal proċeduri obbligatorji ta’ validazzjoni. Din iċ-ċirkustanza ma tistax, għalhekk, tkun biżżejjed sabiex issostni l-argument difiż mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

94      Lanqas l-obbligu tan-nutara li jivverifikaw, qabel ma jipproċedu bl-awtentikazzjoni ta’ att jew ta’ ftehim, li l-kundizzjonijiet kollha legalment meħtieġa għat-twettiq ta’ dan l-att jew ta’ dan il-ftehim ikunu sodisfatti u, jekk dan ma jkunx il-każ, li jirrifjutaw li jwettqu din l-awtentikazzjoni, ma jista’ jikkontesta l-konklużjoni preċedenti.

95      Ċertament, hekk kif isostni l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, in-nutar jeżerċita din il-verifika b’għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri li jiggarantixxi l-legalità u ċ-ċertezza legali tal-atti konklużi bejn individwi. Madankollu, is-sempliċi tfittxija ta’ dan l-għan ma tistax tiġġustifika li l-prerogattivi neċessarji għal dan l-għan ikunu rriżervati biss għan-nutara ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat.

96      Il-fatt li jaġixxi billi jsegwi għan ta’ interess ġenerali ma huwiex biżżejjed, minnu nnifsu, sabiex attività partikolari tiġi kkunsidrata bħala li tagħmel parti direttament u speċifikament mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-attivitajiet eżerċitati fil-kuntest ta’ diversi professjonijiet regolamentati jimplika ta’ spiss, fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, l-obbligu għall-persuni li jeżerċitawhom li jsegwu tali għan, mingħajr ma dawn l-attivitajiet jaqgħu għaldaqstant taħt l-eżerċizzju ta’ din l-awtorità.

97      Madankollu, il-fatt li l-attivitajiet nutarili jsegwu għanijiet ta’ interess ġenerali, li huma intiżi b’mod partikolari sabiex jiggarantixxu l-legalità u ċ-ċertezza legali tal-atti konklużi bejn individwi, jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tippermetti li jiġu ġġustifikati eventwali restrizzjonijiet għall-Artikolu 43 KE li jirriżultaw mill-aspetti speċifiċi tal-attività nutarili, bħall-kontroll li huma suġġetti għalih in-nutara permezz tal-proċeduri ta’ reklutaġġ applikati għalihom, il-limitazzjoni tan-numru tagħhom u l-kompetenzi territorjali tagħhom jew ukoll is-sistema ta’ remunerazzjoni tagħhom, ta’ indipendenza, ta’ inkompatibbiltà u ta’ sigurtà ta’ pożizzjoni, dejjem jekk dawn ir-restrizzjonijiet jippermettu li jintlaħqu dawn l-għanijiet u huma neċessarji għal dan il-għan.

98      Huwa wkoll veru li n-nutar għandu jirrifjuta li jawtentika att jew ftehim li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet legalment meħtieġa, u dan indipendentement mill-volontà tal-partijiet. Madankollu, sussegwentement għal tali rifjut, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi kemm li jirrimedjaw l-illegalità kkonstatata, kemm li jemendaw l-istipulazzjonijiet tal-att jew tal-ftehim inkwistjoni, kif ukoll li jirrinunzjaw għal dan l-att jew għal dan il-ftehim.

99      Barra minn hekk, il-konsultazzjoni u l-assistenza legali żgurati min-nutar waqt l-awtentikazzjoni tal-imsemmi att jew ftehim ma jistgħux jiġi kkunsidrati bħala parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, anki meta jkun jeżisti obbligu legali għan-nutar li jiżgura tali konsultazzjoni jew assistenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

100    Fir-rigward tas-saħħa probatorja u tas-saħħa eżekutorja li minnhom jibbenefika l-att nutarili, ma jistax jiġi kkonstatat li dawn jagħtu lil dawn l-atti effetti legali sinjifikattivi. Madankollu, il-fatt li attività partikolari tinkludi r-redazzjoni ta’ atti li għandhom tali effetti ma jistax ikun biżżejjed sabiex din l-attività tiġi kkunsidrata bħala parteċipanti direttament u speċifikament fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

101    Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, is-saħħa probatorja li jgawdi minnha att nurtarili, għandu jiġi ppreċiżat li din taqa’ taħt ir-regola tal-provi sabbilita mil-liġi fl-ordinament ġuridiku inkwistjoni. Għalhekk, l-Artikolu 1319 tal-Kodiċi Ċivili, li jiddetermina s-saħħa probatorja tal-att awtentiku, jagħmel parti mill-Kapitolu VI ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Dwar il-prova tal-obbligi u dik tal-ħlas”. Is-saħħa probatorja mogħtija mil-liġi għal att partikolari għalhekk ma għandhiex effett dirett fuq il-kwistjoni jekk l-attività li tinkludi r-redazzjoni ta’ dan l-att, fiha nnifisha, tikkostitwixxix parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, hekk kif teħtieġ il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Thijssen, punt 8, u Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 35).

102    Fil-fatt, l-iskrittura privata, irrikonoxxuta fir-rigward ta’ persuna, jew legalment meqjusa bħala rrikonoxxuta, għandha, skont l-Artikolu 1322 tal-Kodiċi Ċivili, fost dawk li jkunu ssottoskrivewha u fost il-werrieta tagħhom u l-aventi kawża, “l-istess saħħa legali bħall-att awtentiku”.

103    Fir-rigward tas-saħħa eżekuttiva tal-att awtentiku, għandu jiġi indikat, hekk kif isostni l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li din tippermetti l-eżekuzzjoni tal-obbligu li dan l-att jinkludi, mingħajr l-intervent preċedenti tal-qorti.

104    Is-saħħa ekeżuttiva tal-att awtentiku ma tfissirx madankollu, fil-każ tan-nutar, setgħat li jinkludu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Fil-fatt, għalkemm iż-żieda min-nutar tal-formula tal-eżekuzzjoni fuq l-att awtentiku tagħtih is-saħħa eżekuttiva, din hija bbażata fuq il-volontà tal-partijiet li jagħmlu att jew ftehim, wara verifika tal-konformità tagħhom mal-liġi min-nutar, u li jagħtuhom din is-saħħa eżekuttiva.

105    Għandu wkoll jiġi vverifikat jekk l-attivitajiet l-oħra fdati lin-nutar fl-ordinament ġuridiku Lussemburgiż u li għalihom il-Grand Dukat tal-Lussemburgu jagħmel riferiment jinkludux parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

106    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-missjonijiet fdati lin-nutar fil-kuntest tas-sekwestru ta’ proprjetà immobbli, għandu jiġi rrilevat li dan huwa responsabbli prinċipalment sabiex jimplementa l-bejgħ, fil-każ fejn dan tal-aħħar ikun ġie awtorizzat mill-qorti, billi jorganizza l-modi tal-pubblikazzjoni, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet, jindika l-ġurnata tal-bejgħ u t-trasferiment tal-prezz favur il-kredituri.

107    Għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward, minn naħa, li n-nutar ma għandux kompetenza sabiex jipproċedi hu stess bis-sekwestru. Min-naħa l-oħra, hija l-qorti kompetenti li, wara li tkun iddeċidiet fuq li jkun intqal u fuq l-osservazzjonijiet li eventwalment ikunu ddaħlu fir-rikors, kif ukoll dwar il-validità tas-sekwestru, taħtar in-nutar u tordnalu li jagħmel il-bejgħ pubbliku. Barra minn hekk, kwalunkwe talba għal sekwestru ta’ proprjetà immobbli għandha titressaq quddiem il-qorti kompetenti. Fil-fatt, anki fl-ipoteżi fejn il-kreditur ikun awtorizzat, f’kuntratt awtentiku, ibigħ permezz tal-awtorità ta’ nutar mingħajr ma jsegwi l-forom legali applikabbli għas-sekwestru ta’ proprjetà immobbli – ipoteżi msemmija fl-Artikolu 879 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili ġdid, li jirreferi għalih il-Gran Dukat tal-Lussemburgu –, in-nutar għandu, f’każ ta’ kontestazzjoni, jissospendi t-tranżazzjonijiet kollha u jirrinvija lill-partijiet għal miżuri provviżorji quddiem il-president tal-qorti.

108    Il-missjonijiet fdati lin-nutara fil-kuntest tas-sekwestri immobbli għalhekk jidhru eżerċitati taħt is-sorvelajnza tal-qorti, li n-nutar għandu jibagħtilha l-kontestazzjonijiet eventwali u li, fil-fatt, tiddeċiedi fl-aħħar lok. Dawn il-missjonijiet ma jistgħux, konsegwentement, jiġu kkunsidrati bħala li jipparteċipaw, bħala tali, direttament u speċifikament fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Thijssen, punt 21; tad-29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punti 41 u 42; Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punti 43 u 44, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punti 37 u 41).

109    L-istess konklużjoni tapplika, fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-missjonijiet fdati lin-nutara, skont l-Artikoli 1177 sa 1184 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili ġdid, fil-kuntest ta’ ċertu bejgħ ta’ proprjetà immobbli. Fil-fatt, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li d-deċiżjoni li jiġu awtorizzati jew le tali bejgħ għandha tittieħed mill-qorti tat-tutela.

110    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-attivitajiet tan-nutara fil-qasam ta’ inventarju tas-suċċessjoni, tal-komunità jew ta’ indiviżjonijiet, kif ukoll fil-qasam ta’ twaħħil u ta’ tneħħija tas-siġilli, għandu jiġi enfasizzat li dawn huma suġġetti għall-awtorizzazzjoni tal-qorti distrettwali. F’każ ta’ diffikultajiet, in-nutar għandu jirrinvija l-kwistjoni, skont l-Artikolu 1168 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili ġdid, lill-President tal-qorti tal-prim’istanza.

111    F’dak li jikkonċerna, fir-raba’ lok, l-attivitajiet tan-nutara fil-qasam ta’ tqassim ġudizzjarju, għandu jiġi enfasizzat li l-azzjoni ta’ tqassim hija suġġetta, skont l-Artikolu 822 tal-Kodiċi Ċivili, lill-qorti. In-nutar jintervjeni biss jekk il-partijiet jaqblu li l-bejgħ b’irkant ġudizzjarju għandu jsir quddiemu. F’dan il-każ, huwa għandu, b’mod partikolari, jagħmel l-inventarju, il-formazzjoni tal-massa ġenerali u l-kompożizzjoni tal-lottijiet. Madankollu, anki f’din l-ipoteżi, hija l-qorti li għandha taqta’ kull kawża li tista’ tqum. Konsegwentement, dawn l-attivitajiet ma jagħtux lin-nutar l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

112    Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat, f’dak li jikkonċerna l-attivitajiet nutarili msemmija fil-punt 106 sa 111 ta’ din is-sentenza, li, kif tfakkar fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, prestazzjonijiet professjonali li jinkludu parteċipazzjoni, anki obbligatorja, għall-funzjonament tal-qrati, ma jikkostitwixxix, għaldaqstant, parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

113    Fil-ħames lok, il-fatt li l-atti awtentiċi li jirriżultaw minn drittijiet reali immobbli jiġu ddepożitati fl-uffiċċju tal-konservazzjoni tal-ipoteki ma huwiex direttament rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża. Fil-fatt, dan id-depożitu, li, fil-fatt, li huwa responsabbli għalih id-depożitarju tal-ipoteki, huwa relatat mal-miżuri ta’ pubbliċita tal-imsemmija atti u għalhekk, fil-konfronti tan-nutar, ma jfissirx eżerċizzju dirett u speċifiku tal-awtorità pubblika.

114    Fir-rigward, fis-sitt lok, tal-ħidmiet ta’ ġbir tat-taxxa, li minnhom huwa inkarigat in-nutar meta jirċievi l-ħlas ta’ dazji ta’ reġistrazzjoni jew ta’ ipoteka, dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati minnhom infushom bħala li jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li dan il-ġbir iseħħ min-nutar f’isem id-debitur, segwit minn remissjoni tas-somom korrispondenti lis-servizz kompetenti tal-Istat u li, għalhekk, dan ma huwiex fundamentalment differenti minn dak relatat mat-taxxa fuq il-valur miżjud.

115    F’dak li jikkonċerna l-istatus speċifiku tan-nutara fl-ordinament ġuridiku Lussemburgiż, huwa biżżejjed li jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-punt 85 u 88 ta’ din is-sentenza, li huwa fid-dawl tan-natura tal-attivitajiet inkwistjoni, meħuda waħedhom, u mhux fid-dawl ta’ dan l-istatus bħala tali, li għandu jiġi vverifikat jekk dawn l-attivitajiet jaqgħux taħt id-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

116    Mandankollu, f’dan ir-rigward huma meħtieġa żewġ preċiżazzjonijiet. L-ewwel nett, huwa paċifiku li, barra mill-każijiet fejn il-ħatra ta’ nutar hija prevista permezz ta’ proċeduri ġudizzjarji, kull parti għandha l-għażla libera ta’ nutar, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 7(4) tal-liġi dwar l-organizzazzjoni nutarili. Għalkemm huwa veru li t-tariffa tad-drittijiet tan-nutara huma ffissati mir-regolament Gran-dukali, xorta jibqa’ l-fatt li l-kwalità tas-servizzi pprovduti tista’ tvarja minn nutar għal ieħor skont, b’mod partikolari, tal-kapaċitajiet professjonali ta’ persuni kkonċernati. Isegwi li n-nutara jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 18 tal-konklużjonijiet tiegħu, taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, ħaġa li ma hijiex karatteristika tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

117    Hemm lok li jiġi rrilevat, it-tieni nett, hekk kif issostni l-Kummissjoni mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li n-nutara huma direttament u personalment responsabbli, fir-rigward tal-klijenti tagħhom, għad-danni li jirriżultaw minn kull nuqqas imwettaq fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom.

118    Barra minn hekk, l-argument li fuqu jibbaża l-Gran Dukat tal-Lussemburgu dwar ċerti atti tal-Unjoni u tad-dritt internazzjonali lanqas ma huwa konvinċenti. Fir-rigward tal-atti msemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt li l-leġiżlatur kien għażel li jeskludi l-attivitajiet nutarili mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ att partikolari ma jfissirx li dawn tal-aħħar neċessarjament jaqgħu taħt id-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2005/36, jirriżulta mill-kliem stess tal-premessa 41 ta’ din id-direttiva, skont liema din “hija bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ l-Artikol[u] [...] 45 tat-Trattat li jikkonċernaw b’mod partikolari in-nutara”, li l-leġiżlatur tal-Unjoni mhux eżattament ħa pożizzjoni fuq l-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għall-professjoni ta’ nutar.

119    L-argument ibbażat fuq ir-regolamenti msemmija fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza lanqas ma huwa rilevanti. Fir-rigward tar-regolamenti msemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, dawn jirrigwardaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ atti awtentiċi formalment imħejjija u rreġistrati fi Stat Membru u konsegwentement ma jaffettwawx l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. L-istess konklużjoni tapplika fir-rigward tal-atti tal-Unjoni msemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza inkwantu jillimitaw ruħhom, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, sabiex jafdaw lin-nutara, kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra maħtura mill-Istat, l-obbligu li jiċċertifikaw it-twettiq ta’ ċerti atti u formalitajiet qabel it-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat, il-ħolqien u l-fużjoni tal-kumpanniji.

120    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu lanqas ma jista’ jibbaża l-argument fuq l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni li tħassar il-ħtieġa tal-legalizzazzjoni tal-atti pubbliċi barranin, konkluża fil-5 ta’ Ottubru 1962 f’Den Haag, peress li din id-dispożizzjoni tillimita ruħha sabiex tiddefinixxi l-kunċett ta’ “att pubbliku” fis-sens tal-imsemmija konvenzjoni.

121    Fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet tal-1994 u tal-2006, imsemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi enfasizzat li dawn huma mingħajr effetti ġuridiċi, peress li tali riżoluzzjonijiet ma jikkostitwixxux, min-natura tagħhom, atti vinkolanti. Min-naħa l-oħra, minkejja li huma jindikaw li l-professjoni ta’ nutar taqa’ taħt l-Artikolu 45 KE, il-Parlament espliċitament esprima x-xewqa tiegħu, fl-ewwel minn dawn ir-riżoluzzjonijiet, li miżuri jittieħdu sabiex il-kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar titneħħa, u din il-pożizzjoni kienet mill-ġdid impliċitament ikkonfermata fir-riżoluzzjoni tal-2006

122    Fir-rigward tal-argument li jibbaża fuqu l-Gran Dukat tal-Lussemburgu tas-sentenza Oficiales de la Marina Mercante Española, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi ppreċiżat li l-kawża li waslet għal din is-sentenza kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 39(4) KE, u mhux dik tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Minbarra dan, mill-punt 42 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, meta hija ddeċidiet li l-funzjonijiet fdati lill-kapitani u lill-uffiċjali sekondi jikkostitwixxu parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tirreferi għall-funzjonijiet kollha eżerċitati minnhom. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx biss l-attribuzzjoni fil-qasam nutarili fdata lill-kapitani u lill-uffiċjali sekondi, jiġifieri dik li jirċievu, iħarsu u jgħaddu testmenti, separatament mill-kompetenzi oħra tagħhom, bħal, b’mod partikolari, is-setgħat ta’ impożizzjoni jew ta’ sanzjoni li huma għandhom.

123    Fir-rigward tas-sentenza Unibank, imsemmija iktar ’il fuq, li jirreferi għaliha wkoll il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża li wasslet għal din is-sentenza ma hijiex dwar l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 15 tal-imsemmija sentenza, li, sabiex att jiġi kkwalifikat bħala “awtentiku” fis-sens tal-Artikolu 50 tal-konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), huwa neċessarju l-intervent jew ta’ awtorità pubblika jew ta’ kwalunkwe awtorità oħra awtorizzata mill-Istat ta’ oriġni.

124    Fir-rigward tan-neċessità, invokata mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li jiġi ggarantit l-użu tal-lingwa Lussemburgiża fl-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ nutar, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel ilment ta’ din il-kawża huwa unikament dwar il-kundizzjoni ta’ ċittadinanza inkwistjoni. Għalkemm is-salvagwardja tal-identità nazzjonali tal-Istati Membri tikkostitwixxi għan leġittimu rrispettat mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, kif fil-fatt jirrikonoxxi l-Artikolu 4(2) tat-TUE, l-interess invokat mill-Gran Dukat jista’ madankollu jiġi utilment ippreżervat b’mezzi oħra differenti mill-esklużjoni ġenerali taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Lulju 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-473/93, Ġabra, p. I-3207, punt 35).

125    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-attivitajiet nutarili, hekk kif huma ddefiniti fl-istat attwali tal-ordinament ġuridiku Lussemburgiż, ma humiex parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

126    Konsegwentement għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni ta’ ċittadinanza meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza pprojbita mill-Artikolu 43 KE.

127    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-ewwel ilment huwa fondat.

 Fuq it-tieni lment

 L-argumenti tal-partijiet

128    Il-Kummissjoni takkuża lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu li ma ttrasponiex id-Direttiva 89/48 f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ nutar. Fil-fehma tagħha, din il-professjoni ma tistax ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, peress li n-nutar ma jipparteċipax, b’mod dirett u speċifiku, fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

129    Din l-istituzzjoni tfakkar li d-Direttiva 89/48 tippermetti lill-Istati Membri li jipprovdu jew test ta’ kapaċità, jew perijodu ta’ adattament, li huma ta’ natura li jiżguraw il-livell għoli ta’ kwalifika meħtieġa min-nutara. Minbarra dan, l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandha bħala effett mhux li tipprekludi r-reklutaġġ ta’ nutara permezz ta’ kompetizzjoni, iżda unikament li tagħti aċċess għal din il-kompetizzjoni liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra. Tali applikazzjoni lanqas ma għandha effett fuq il-proċedura ta’ ħatra tan-nutara.

130    Minbarra dan, ir-Renju Unit iqis li r-riferiment għall-professjoni ta’ nutar fil-premessa 41 tad-Direttiva 2005/36 ma jeskludix lil din il-professjoni kollha kemm hi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

131    Mingħajr ma jqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu josserva li t-tieni lment huwa bbażat fuq allegat nuqqas ta’ traspożizzjoni mhux tad-Drettiva 2005/36 iżda tad-Direttiva 89/48. Issa, id-Direttiva 2005/36 kienet ħassret din l-aħħar direttiva b’effett mill-20 ta’ Ottubru 2007.

132    Fuq il-mertu, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, r-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika Slovakka jsostnu li d-Direttiva 2005/36, fil-premessa 41 tagħha, tipprovdi speċifikament li hija “bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 39(4) [KE] u 45 [KE] [...] li jikkonċernaw b’mod partikolari in-nutara”. Din ir-riżerva tikkonferma l-fatt li l-professjoni ta’ nutar hija koperta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE b’mod li d-Direttiva 2005/36 ma tapplikax għal din il-professjoni. Minbarra dan, il-Repubblika tal-Litwanja tfakkar li riżerva inqas speċifika, iżda li tixxiebah, tidher fit-tnax-il premessa tad-Direttiva 89/48.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-ammissibbiltà

133    Hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 226 KE, għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ meta jiskadi t-terminu li l-Kummissjoni tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑365/97, Ġabra p. I‑7773, punt 32, tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑275/04, Ġabra p. I‑9883, punt 34, u tad-19 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑270/07, Ġabra p. I‑1983, punt 49).

134    F’dan il-każ, dan it-terminu skada fit-18 ta’ Diċembru 2006. Issa, f’din id-data, id-Direttiva 89/48 kienet għadha fis-seħħ, peress li d-Direttiva 2005/36 ma kinitx ħassret lil din tal-aħħar ħlief mill-20 ta’ Ottubru 2007. Għaldaqstant, rikors ibbażat fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 89/48 ma huwiex mingħajr suġġett (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑327/08, punt 23).

135    L-oġġezzjoni magħmula mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandha, konsegwentement, tiġi miċħuda.

–       Fuq il-mertu

136    Il-Kummissjoni takkuża lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu li ma ttrasponiex id-Direttiva 89/48 f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ nutar. Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk din id-direttiva għandhiex tiġi applikata għal din il-professjoni.

137    F’dan ir-rigward, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest leġiżlattiv li tagħmel parti minnu.

138    Għandu għalhekk jġi rrilevat li l-leġiżlatur espressament ippreveda, fit-tnax-il premessa tad-Direttiva 89/48, li s-sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla, stabbilita minnha “hija kompletament mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [45 KE]”. Ir-riżerva hekk mogħtija tbiddel il-volontà tal-leġiżlatur li jħalli l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

139    Issa, fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva 89/48, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kienx għad kellha l-okkażjoni li tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk l-attivitajiet nutarili jaqgħux jew le taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

140    Barra minn hekk, matul is-snin li kienu segwew l-adozzjoni tad-Direttiva 89/48, il-Parlament, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-1994 u tal-2006, imsemmija fil-punt 56 u 21 ta’ din is-sentenza, afferma, minn naħa, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għandu jiġi applikat kollu kemm hu għall-professjoni ta’ nutar bħala tali, filwaqt li, min-naħa l-oħra, huwa rrefera għax-xewqa tiegħu li titneħħa l-kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għal din il-professjoni.

141    Minbarra dan, waqt l-adozzjoni tad-Direttiva 2005/36, li ssostitwiet id-Direttiva 89/48, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa l-impenn li jippreċiża, fil-premessa 41 tal-ewwel waħda minn dawn id-direttivi, li din hija bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 45 KE “li jikkonċerna [...] b’mod partikolari in-nutara”. Għalhekk, hekk kif intqal fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, meta għamel din ir-riżerva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ħax pożizzjoni dwar l-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE u, għaldaqstant, tad-Direttiva 2005/36 għall-attivitajiet nutarili.

142    Dan huwa kkonfermat, b’mod partikolari, mix-xogħlijiet preparatorji ta’ din l-aħħar direttiva. Fil-fatt, il-Parlament kien ippropona, fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu dwar il-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (ĠU 2004, C 97 E, p. 230), stabbilita fl-ewwel lettura fil-11 ta’ Frar 2004, li jkun espliċitament indikat fit-test tad-Direttiva 2005/36 li din ma tapplikax għan-nutara. Minkejja li din il-proposta ma nżammitx fil-proposta emendata tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali [COM(2004) 317 finali], u lanqas fil-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 10/2005, tal-21 ta’ Diċembru 2004, stabbilita mill-Kunsill, li tiddeċiedi skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fid-dawl tal-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (ĠU 2005, C 58E, p. 1), dan ma huwiex għar-raġuni li d-direttiva msemmija kellha tapplika għall-professjoni ta’ nutar, iżda għar-raġuni b’mod partikolari li “deroga għall-prinċipji tal-libertà ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-attivitajiet li jimplikaw parteċipazzjoni diretta u speċifika għall-awtorità pubblika [kienet] prevista mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

143    F’dan ir-rigward, fid-dawl taċ-ċirkustranzi partikolari li akkumpanjaw il-proċess leġiżlattiv kif ukoll tas-sitwazzjoni ta’ inċertezza li rriżultat minn dan, kif jirriżulta mill-kuntest leġiżlattiv imfakkar iktar ’il fuq, ma jidhirx possibbli li jiġi kkonstatat li kien hemm, fit-tmien tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, obbligu suffiċjentement ċar għall-Istati Membri li jittrasponu d-Direttiva 89/48 f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ nutar.

144    Konsegwentement, hemm lok li t-tieni lment jiġi miċħud.

145    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, għandu jiġi kkonstatat li, meta impona kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 43 KE. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

146    Skont l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress li ntlaqgħet biss parti mir-rikors tal-Kummissjoni, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

147    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) ta’ dawn l-istess regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi impona kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 43 KE.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.