Language of document : ECLI:EU:C:2019:629

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

29 ta’ Lulju 2019 (*)(i)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46/KE –Artikolu 2(d) – Kunċett ta’ ‘kontrollur’ – Amministratur ta’ sit internet li inkorpora plug‑in soċjali fih li jippermetti l-komunikazzjoni ta’ data ta’ natura personali ta’ min jaċċedi dan is-sit lill-fornitur tal-imsemmi plug‑in – Artikolu7(f) – Leġittimazzjoni tal-ipproċessar ta’ data – Teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tal-amministratur tas-sit internet jew ta’ dak tal-fornitur tal-plug‑in soċjali – Artikolu 2(h) u l-Artikolu 7(a) – Kunsens tas-suġġett tad-data – Artikolu 10 – Informazzjoni tas-suġġett tad-data – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja”

Fil-Kawża C‑40/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura

Fashion ID GmbH & Co. KG

vs

Verbraucherzentrale NRW eV,

fil-preżenza ta’:

Facebook Ireland Ltd,

Landesbeauftragte für Datenschutz und Informationsfreiheit Nordrhein-Westfalen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, A. Prechal, C. Toader, A. Rosas (Relatur) u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Settembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Fashion ID GmbH & Co. KG, minn C.-M. Althaus u J. Nebel, Rechtsanwälte,

–        għall-Verbraucherzentrale NRW eV, minn K. Kruse, C. Rempe u S. Meyer, Rechtsanwälte,

–        għal Facebook Ireland Ltd, minn H.‑G. Kamann, C. Schwedler u M. Braun, Rechtsanwälte, kif ukoll minn I. Perego, avvocatessa,

–        għall-Landesbeauftragte für Datenschutz und Informationsfreiheit Nordrhein-Westfalen, minn U. Merger, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze u J. Möller, sussegwentement minn J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, inizjalment, minn C. Pesendorfer, sussegwentement minn G. Kunnert, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer u H. Kranenborg, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Diċembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 7, 10, 22, 23 u 24 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Fashion ID GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Fashion ID”) u l-Verbraucherzentrale NRW eV fir-rigward tal-integrazzjoni, minn Fashion ID, ta’ plug‑in soċjali ta’ Facebook Ireland Ltd fuq is-sit internet tal-istess Fashion ID.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 95/46 ġiet imħassra u ssostitwita, b’effett mill‑25 ta’ Mejju 2018, bir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, (ĠU 2016, L 119, p. 1 u r-rettifika fil-ĠU 2018 L 127, p. 2). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, din id-direttiva hija applikabbli hawnhekk.

4        Il-premessa 10 tad-Direttiva 95/46 tiddikjara:

“(10)      [b]illi l-għan tal-liġijiet nazzjonali dwar il-proċessar ta’ data personali huwa l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, li huwa rikonoxxut kemm fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950,] u fil-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-[Unjoni]; billi, għal dik ir-raġuni, l-approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet m’għandhiex bħala riżultat ta’ dan tnaqqas mill-protezzjoni minnhom mogħtija, imma għandha, għall-kuntrarju, tfittex li tassigura grad għoli ta’ protezzjoni [fl-Unjoni]”.

5        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/46 jipprevedi:

“1.      Skond din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali.

2.      Stati Membri m’għandhomx jirrestrinġu jew jipprojbixxu it-tixrid ħieles ta’ data personali bejn Stati Membri għal raġunijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni mogħtija fil-paragrafu 1.”

6        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

b)      ‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

[…]

d)      ‘kontrollur’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali; meta l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ikunu determinati minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew tal-Komunità, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għan-nomina tiegħu jistgħu jkunu stabbiliti b’liġijiet nazzjonali jew tal-Komunità;

[…]

f)      ‘parti terza’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li ma jkunx is-suġġett tad-data, il-kontrollur, il-proċessur u l-persuna li, taħt l-awtorità diretta tal-kontrollur jew tal-proċessur, ikunu awtorizzati li jipproċessaw id-data;

g)      ‘riċevitur’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li lilha jkun żvelat data, kemm jekk tkun parti terza u wkoll jekk ma tkunx; iżda awtoritajiet li jistgħu jirċievu data fil-kuntest ta’ inkjesta partikolari m’għandhomx jitqiesu bħala riċevituri;

h)      ‘il-kunsens tas-suġġett tad-data’ tfisser indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament li biha s-suġġett tad-data jaqbel li jsir l-ipproċessar ta’ data personali dwaru.”

7        L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jiddikjara:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar;

jew

[…]

f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1).”

8        Skont l-Artikolu 10 tal-istess direttiva, intitolat “Informazzjoni f’każi ta’ ġbir ta’ data mingħand is-suġġet tad-data”:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data li mingħandu tinġabar id-data dwaru nnifsu, għall-inqas bl-informazzjoni li ġejja, ħlief meta huwa jkun diga jaf biha:

a)      l-identità tal-kontrollur jew tar-rappreżentant tiegħu, jekk ikun hemm;

b)      l-għanijiet ta’ l-ipproċessar li għalih id-data tkun maħsuba;

c)      informazzjoni oħra bħal

–        ir-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri tad-data,

–        jekk tweġibiet għall-mistoqsijiet ikunux obbligatorji jew voluntarji, kif ukoll dwar x’aktarx ikunu l-konsegwenzi fin-nuqqas ta’ tweġiba,

–        l-eżistenza tad-dritt ta’ aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika ta’ data dwaru,

sakemm din l-informazzjoni tkun meħtieġa, meħud kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom id-data jkun inġabar, biex ikun garantit ipproċessar ġust dwar is-suġġett tad-data.”

9        L-Artikolu 22 tad-Direttiva 95/46 huwa redatt kif ġej:

“Bla ħsara għal kull rimedju amministrattiv li dwaru tista’ ssir dispożizzjoni, inter alia quddiem l-awtorità ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikolu 28, qabel ma ssir referenza lill-awtorità ġudizjarja, Stati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt ta’ kull persuna għal rimedju ġudizjarju għal kull ksur tad-drittijiet garantiti lilha bil-liġi nazzjonali li tkun tapplika għall-ipproċessar in kwistjoni.”

10      L-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva jiddikjara:

“1.      Stati Membri għandhom jipprovdu li persuna li tkun sofriet ħsara minħabba operazzjoni ta’ ipproċessar illegali jew att li ma jkunx jaqbel mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-direttiva, għandha tkun intitolata li tirċievi kumpens mill-kontrollur għal ħsara li tkun sofriet.

2.      Il-kontrollur jista’ jkun eżentat minn din ir-responsabblità, kollha jew parti minnha, jekk hu jagħti prova li ma kienx responsabbli għall-inċident li ta lok għall-ħsara.”

11      L-Artikolu 24 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri xierqa biex jassiguraw l-implementazzjoni sħieħa tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u għandhom partikolarment jistabbilixxu s-sanzjonijiet li għandhom jingħataw f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet adottati skond din id-Direttiva.”

12      L-Artikolu 28 tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.      Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli tas-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva.

Dawn l-awtoritajiet għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lilhom.

[…]

3.      Kull awtorità għandha jkollha partikolarment:

[…]

–        is-setgħa li tidħol fi proċeduri legali meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva jkunu ġew miksura jew li tressaq dan il-ksur quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji.

[…]

4.      Kull awtorità ta’ superviżjoni għandha tisma’ talbiet maghmulin minn kull persuna, jew minn għaqda li tirrappreżenta lil dik il-persuna, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet jew libertajiet tagħha fl-ipproċessar ta’ data personali.

[…]”

13      L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 29, p. 514 u r-rettifika fil-ĠU 2013 L 241, p. 9), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/58”), jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva [95/46], dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill-kontrollur tad-data. Dan ma jimpedixxi l-ebda ħżin jew aċċess tekniku għall-għan esklużiv ta’ implimentazzjoni tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kif strettament meħtieġ sabiex il-fornitur ta’ servizz tal-informazzjoni tas-soċjetà espliċitament mitlub mill-abbonat jew l-utent biex jipprovdi s-servizz.”

14      L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU 2009, L 110, p. 30), kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 165, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2009/22”), jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati ma’ azzjonijiet għal inġunzjoni li ssir riferenza għalihom fl-Artikolu 2 immirati lejn il-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi inklużi fl-atti tal-Unjoni elenkati fl-Anness I, bil-għan li tkun żgurata l-ħidma t-tajba tas-suq intern.”

15      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jinnominaw il-qrati jew awtoritajiet amministrattivi kompetenti li jirregolaw l-proċeduri li jinbdew minn entitajiet kwalifikati fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3 li jfittxu:

a)      li jwaqqfu jew jimpedixxu kwalunkwe ksur, bil-ħeffa kollha meħtieġa, fejn xieraq permezz ta’ proċedura sommarja;

[…]”

16      L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iddisinjati li jagħtu lill-entitajiet kwalifikati jew kull persuna oħra konċernata aktar drittijiet estensivi biex iressqu l-azzjoni f’livell nazzjonali.”

17      L-Artikolu 80 tar-Regolament 2016/679 huwa redatt kif ġej:

“1.      Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jagħti mandat lil korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni, li jkunu mingħajr skop ta’ qligħ, li jkunu kkostitwiti kif meħtieġ skont il-liġi ta’ Stat Membru, li l-objettivi statutorji tagħhom ikunu fl-interess pubbliku u li jkunu attivi fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti tad-data fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom biex iressqu l-ilment f’ismu, biex jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 77, 78 u 79 f’ismu u biex jeżerċitaw id-dritt li jirċievu kumpens imsemmi fl-Artikolu 78 f’ismu fejn previst mil-liġi tal-Istat Membru.

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li kwalunkwe korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, indipendentement minn mandat ta’ suġġett tad-data, jkollhom id-dritt li jressqu, f’dak l-Istat Membru, ilment quddiem l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 77 u li jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 78 u 79 jekk huma jqisu li jkunu nkisru d-drittijiet ta’ suġġett tad-data taħt dan ir-Regolament b’riżultat tal-ipproċessar.”

 Id-dritt Ġermaniż

18      L-Artikolu 3(1) tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi kontra l-Kompetizzjoni Żleali), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UWG”) jiddikjara:

“Il-prattiki kummerċjali żleali huma illegali.”

19      L-Artikolu 3a tal-UWG huwa redatt kif ġej:

“Min jikser dispożizzjoni legali intiża, b’mod partikolari, li tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-atturi tagħha fejn dan il-ksur ikun jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi tal-konsumaturi, tal-parteċipanti l-oħra fis-suq jew tal-kompetituri, iwettaq att żleali.”

20      L-Artikolu 8 tal-UWG jipprovdi:

“(1)      Kull persuna li twettaq prattika kummerċjali illegali skont l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 7 jista’ jkun suġġett għal ordni ta’ waqfien immedjat (eliminazzjoni) u, fil-każ ta’ probabbiltà ta’ reċidiva, għal ordni ta’ waqfien futur (astensjoni). Id-dritt għall-waqfien futur (astensjoni) jirriżulta hekk kif ikun hemm riskju ta’ ksur tal-Artikoli 3 jew 7.

[…]

(3)      Li ġejjin huma mogħnija bid-drittijiet mogħtija mill-paragrafu 1:

[…]

3.      l-entitajiet ikkwalifikati, li juru li huma inklużi fil-lista tal-entitajiet ikkwalifikati msemmija fl-Artikolu 4 tal-Unterlassungsklagegesetz [(il-Liġi dwar l-Inġunzjonijiet)] jew fil-lista tal-Kummissjoni Ewropea msemmija fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva [2009/22];

[…]”

21      L-Artikolu 2 tal-Liġi dwar l-Inġunzjonijiet jipprevedi:

“(1)      Kull persuna li tikser id-dispożizzjonijiet stabbiliti għall-protezzjoni tal-konsumaturi (il-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur), bl-eċċezzjoni tal-applikazzjoni jew tar-rakkomandazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, tista’ tkun suġġetta għall-impożizzjoni ta’ ordni ta’ waqfien u ordni ta’ projbizzjoni fl-interessi tal-protezzjoni tal-konsumatur. […]

(2)      Għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, ‘il-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur’ tfisser, b’mod partikolari:

[…]

11.      id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-legalità

a)      tal-ġbir tad-data personali tal-konsumatur minn negozjant, jew

b)      tal-ipproċessar jew tal-użu tad-data personali li ġiet miġbura dwar il-konsumatur minn negozjant,

jekk id-data tkun inġabret, ġiet ipproċessata jew użata għall-finijiet tar-reklamar, ir-riċerka dwar is-suq u l-opinjoni, l-operazzjoni ta’ aġenzija tal-kreditu, il-preparazzjoni tal-profili tal-personalità u tal-użu, l-iskambju tal-indirizz, l-iskambju ta’ data oħra jew għal skopijiet kummerċjali paragunabbli.”

22      L-Artikolu 12(1) tat-Telemediengesetz (il-Liġi dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, iktar ’il quddiem it-“TMG”) huwa redatt kif ġej:

“Fornitur tas-servizz jista’ jiġbor u juża d-data personali sabiex jagħmel il-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi disponibbli sa fejn din il-Liġi jew dispożizzjoni leġiżlattiva oħra tippermetti li jsir dan jew l-utent ikun ta l-kunsens tiegħu għal dan.”

23      L-Artikolu 13(1) tat-TMG jiddikjara:

“Fil-bidu tas-sessjoni l-fornitur tas-servizz għandu jinforma lill-utent, b’mod ġeneralment komprensibbli, dwar in-natura, il-portata u l-iskop tal-ġbir u l-użu ta’ data personali u dwar l-ipproċessar tad-data tiegħu fi Stati li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-[Direttiva 95/46/], sakemm l-utent ma jkunx diġà ġie informat dwar dan. Fil-każ ta’ proċedura awtomatizzata li tippermetti l-identifikazzjoni sussegwenti tal-utent u li tipprepara l-ġbir jew l-użu tad-data personali, l-utent għandu jiġi informat fil-bidu b’din il-proċedura. Il-kontenut ta’ din l-informazzjoni għandu jkun aċċessibbli lill-utent f’kull ħin”

24      L-Artikolu 15(1) tat-TMG jipprovdi:

“Il-fornitur tas-servizz jista’ jiġbor u juża d-data personali tal-utent biss sa fejn dan ikun meħtieġ sabiex jiffaċilita l-użu, u jintalab il-ħlas għall-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi (id-data li tirrigwarda l-użu). Id-data li tirrigwarda l-użu tinkludi, b’mod partikolari:

1.      il-karatteristiċi li jippermettu l-identifikazzjoni tal-utent,

2.      l-informazzjoni dwar il-bidu, it-tmiem u l-portata tal-użu partikolari, u

3.      l-informazzjoni dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi użati mill-utent.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25      Fashion ID, impriża ta’ bejgħ ta’ ħwejjeġ tal-moda online, inkorporat fis-sit internet tagħha l-plug‑soċjali “jogħġobni” tan-netwerk soċjali Facebook (iktar ’il quddiem il-“buttuna ‘jogħġobni’ ta’ Facebook”).

26      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li karatteristika speċifika tal-internet hija li l-browser ta’ persuna li taċċedi għal sit internet juri l-kontenut minn sorsi differenti. B’hekk, bħala eżempju, ritratti, filmati, attwalità kif ukoll il-buttuna “jogħġobni” ta’ Facebook inkwistjoni f’dan il-każ jistgħu jiġu inkorporati f’sit internet u jidhru fih. Jekk l-amministratur ta’ sit internet ikollu l-intenzjoni li jinkorpora kontenut estern, huwa jqiegħed link fuq dan is-sit li jwassal għall-kontenut estern. Meta l-browser tal-persuna li taċċedi l-imsemmi sit jiftaħ dan il-link, dan jagħmel rikjesta għall-kontenut estern u jqiegħdu fil-post ta’ inkorporazzjoni mixtieq fis-sit. Għal dan il-għan, il-browser jikkomunika l-indirizz IP tal-kompjuter tal-imsemmija persuna li taċċedi s-sit kif ukoll id-data teknika tal-browser lis-server tal-fornitur estern sabiex is-server ikun jista’ jiddetermina l-format li bih il-kontenut għandu jiġi ttrasferit lil dan l-indirizz. Barra minn hekk il-browser jikkomunika informazzjoni dwar il-kontenut mixtieq. L-amministratur ta’ sit internet li jipproponi kontenut estern billi jinkorporah fuq dan is-sit ma jistax jiddetermina d-data li l-browser jittrażmetti u lanqas dak li l-fornitur estern jista’ jagħmel minn din id-data, b’mod partikolari jekk jiddeċiedi li jaħżnu u li jisfruttah.

27      B’mod partikolari, fir-rigward tal-buttuna “jogħġobni” ta’ Facebook, jidher li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li meta persuna li taċċedi s-sit tikkonsulta s-sit internet Fashion ID, minħabba l-fatt li dan is-sit jinkorpora l-imsemmija buttuna, data ta’ natura personali ta’ din il-persuna tiġi trażmessa lil Facebook Ireland. Jidher li din it-trażmissjoni sseħħ mingħajr ma l-imsemmija persuna li taċċedi s-sit ikolla għarfien minn dan u indipendentement mill-fatt li tkun membru tan-netwerk soċjali Facebook jew li tkun għafset fuq il-buttuna “jogħġobni” ta’ Facebook.

28      Il- Verbraucherzentrale NRW, assoċjazzjoni ta’ utilità pubblika għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi, takkuża lil Fashion ID talli ttrażmettiet lil Facebook Ireland data ta’ natura personali li tappartjeni lill-persuni li jaċċedu s-sit internet tagħha, minn naħa, mingħajr il-kunsens ta’ dawn tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, bi ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni previsti mid-dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-data personali.

29      Il-Verbraucherzentrale NRW ippreżentat inġunzjoni quddiem il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) fil-konfront ta’ Fashion ID sabiex din tal-aħħar ittemm dan l-aġir.

30      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Marzu 2016 il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) laqgħet parzjalment it-talbiet tal-Verbraucherzentrale NRW, wara li rrikonoxxiet lil din tal-aħħar il-locus standi taħt l-Artikolu 8(3) tal-UWG.

31      Fashion ID appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju. Facebook Ireland intervjeniet f’dan l-appell insostenn ta’ Fashion ID. Min-naħa tagħha l-Verbraucherzentrale NRW ippreżentat appell inċidentali intiż sabiex tiġi estiża l-kundanna ta’ Fashion ID mogħtija fl-ewwel istanza.

32      Quddiem il-qorti tar-rinviju, Fashion ID issostni li d-deċiżjoni tal-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ tribunal Düsseldorf) ma hijiex kompatibbli mad-Direttiva 95/46.

33      Minn naħa, Fashion ID ssostni li l-Artikoli 22 sa 24 tal-imsemmija direttiva jipprovdu rimedji legali biss favur persuni kkonċernati mill-ipproċessar tad-data ta’ natura personali u favur awtoritajiet ta’ superviżjoni kompetenti. Konsegwentement, l-azzjoni ġudizzjarja ppreżentata mill-Verbraucherzentrale NRW ma għandhiex titqies li hija ammissibbli minħabba l-fatt li din l-assoċjazzjoni ma għandhiex il-locus standi fil-kuntest tad-Direttiva 95/46.

34      Min-naħa l-oħra, Fashion ID tqis li l-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) iddeċidiet b’mod żbaljat li kienet kontrollur, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46, ġaladarba hija ma għandha ebda influwenza fuq id-data trażmessa mill-browser tal-persuna li taċċedi s-sit internet tagħha u lanqas fuq il-fatt dwar jekk u, jekk ikun il-każ, kif Facebook Ireland ser tużaha.

35      Il-qorti tar-rinviju għandha, qabel kollox, dubji fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 95/46 tawtorizzax assoċjazzjonijiet ta’ utilità pubblika jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja sabiex jiddefendu l-interessi tal-persuni leżi. Hija tal-fehma li l-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva ma jipprekludix lill-assoċjazzjonijiet milli jippreżentaw azzjonijiet ġudizzjarji ġaladarba, skont dan l-artikolu, l-Istati Membri jadottaw “miżuri xierqa” sabiex jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tal-imsemmija direttiva. B’hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-assoċjazzjonijiet jippreżentaw azzjonijiet ġudizzjarji fl-interess tal-konsumaturi jista’ jikkostitwixxi tali miżura xierqa.

36      L-imsemmija qorti tosserva, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 80(2) tar-Regolament 2016/679 li ħassar u ssostitwixxa d-Direttiva 95/46 jawtorizza espressament l-azzjoni ġudizzjarja ta’ tali assoċjazzjoni, liema fatt jidher li jikkonferma li din l-aħħar direttiva ma kinitx tipprekludi tali azzjoni.

37      Barra minn hekk hija tistaqsi dwar il-punt jekk l-amministratur ta’ sit internet, bħal Fashion ID, li jinkorpora f’dan is-sit plug‑in soċjali li jippermetti l-ġbir ta’ data ta’ natura personali, jistax jitqies bħala kontrollur fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46 filwaqt li din tal-aħħar ma għandha ebda influwenza fuq l-ipproċessar tad-data trażmessa lill-fornitur tal-imsemmija plug‑in. F’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein (C‑210/16, EU:C:2018:388), li titratta kwistjoni simili.

38      Sussidjarjament, fil-każ li Fashion ID ma jkollhiex titqies bħala kontrollur, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din id-direttiva tirregolax l-imsemmi kunċett b’mod eżawrjenti, b’tali mod li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi r-responsabbiltà ċivili dovuta għal terzi fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet għall-protezzjoni tad-data. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tafferma li jkun possibbli li titqies ir-responsabbiltà ta’ Fashion ID fuq din il-bażi tad-dritt nazzjonali, inkwantu “perturbatur” (“Störer”).

39      Fil-każ li Fashion ID kellha titqies bħala kontrollur jew kienet responsabbli, minn tal-inqas, bħala “perturbatur”, minn preġudizzji eventwali ta’ Facebook Ireland għall-protezzjoni tad-data, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-ipproċessar tad-data ta’ natura personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex legali u jekk l-obbligu li s-suġġett tad-data jiġi informat bis-saħħa tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46 kienx jaqa’ fuq Fashion ID jew fuq Facebook Ireland.

40      B’hekk, minn naħa, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ legalità tal-ipproċessar tad-data, bħal dawk previsti fl-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess leġittimu tal-amministratur tas-sit internet jew dak tal-fornitur tal-plug‑in soċjali.

41      Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti tistaqsi min huwa responsabbli mill-obbligi ta’ kisba tal-kunsens u ta’ informazzjoni tal-persuni kkonċernati mill-ipproċessar tad-data ta’ natura personali f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kwistjoni dwar min għandu l-obbligu li jinforma lis-suġġetti tad-data, hekk kif previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46, għandha importanza partikolari peress li kull inkorporazzjoni ta’ kontenut estern f’sit internet tagħti lok, bħala prinċipju, għal ipproċessar ta’ data ta’ natura personali, li l-portata u l-għan tiegħu madankollu ma jkunux magħrufa minn min jopera l-inkorporazzjoni ta’ dan il-kontenut, jiġifieri l-amministratur tas-sit internet ikkonċernat. Minħabba dan huwa ma jkunx jista’ jipprovdi l-informazzjoni dovuta, minkejja l-obbligu li jagħmel dan, fejn għalhekk l-obbligu li dan l-amministratur ikollu li jinforma lis-suġġett tad-data fil-prattika jwassal sabiex l-inkorporazzjoni ta’ kontenut estern ikun ipprojbit.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-regoli tal-Artikoli 22, 23 u 24 tad-Direttiva [95/46] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, flimkien mas-setgħat ta’ intervent tal-awtoritajiet ta’ protezzjoni tad-data u mal-azzjonijiet legali tas-suġġett tad-data, tawtorizza lill-assoċjazzjonijiet bi skop ta’ servizz pubbliku li jiddefendu l-interessi tal-konsumatur sabiex, fil-każ ta’ ksur, jaġixxu kontra l-awtur ta’ tali ksur?

Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta negattiva:

2)      F’każ bħalma huwa dan inkwistjoni, fejn xi ħadd jinkludi fis-sit tiegħu kodiċi ta’ promozzjoni li jippermetti lill-browser tal-utent jitlob kontenut mingħand terz u, għal dan l-għan, jittrażmetti lit-terz data personali, il-persuna li tagħmel din l-inklużjoni hija ‘kontrollur’ fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-[Direttiva 95/46], meta tali persuna ma jistax ikollha, hija stess, effett fuq dan il-mod ta’ pproċessar ta’ data?

3)      Fil-każ li għat-tieni domanda tingħata risposta negattiva: l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva [95/46] għandu jiġi interpretat fis-sens li jirregola b’mod eżawrjenti r-responsabbiltà fis-sens li jipprekludi azzjonijiet ċivili kontra terz li ċertament ma huwiex ‘kontrollur’ iżda kien l-oriġini ta’ dan il-mod ta’ pproċessar ta’ data mingħajr ma għandu effett fuqu?

4)      F’kuntest bħalma huwa dak tal-każ ineżami, liema huwa l-‘interess leġittimu’ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-ibbilanċjar tal-interessi li għandu jsir skont l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva [95/46]? L-interess li jiġi inkluż kontenut jew l-interess tat-terz?

5)      F’kuntest bħalma huwa dak tal-każ ineżami, lil min għandu jingħata l-kunsens previst fl-Artikolu 7(a) u l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva [95/46]?

6)      L-obbligu li s-suġġett tad-data jiġi informat skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva [95/46] f’sitwazzjoni bħalma hija dik tal-każ ineżami jaqa’ wkoll fuq il-ġestjonarju tas-sit li inkluda [integra] l-kontenut ta’ terz u li b’hekk kien l-oriġini tal-ipproċċessar ta’ data personali li sar minn terz?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

43      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 22 sa 24 tad-Direttiva 95/46 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja kontra l-awtur preżunt ta’ ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali.

44      Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 95/46 l-Istati Membri jipprevedu li kull persuna għandha rikors ġudizzjarju fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet li huma ggarantiti lilha mid-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-ipproċessar inkwistjoni.

45      It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46 jiddikjara li awtorità ta’ superviżjoni, inkarigata, konformement mal-Artikolu 28(1) ta’ din id-direttiva, mis-sorveljanza tal-applikazzjoni, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, tad-dispożizzjonijiet adottati minnu, skont l-imsemmija direttiva, għandha b’mod partikolari s-setgħa li tippreżenta azzjoni ġudizzjarja fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati b’applikazzjoni tal-istess direttiva jew tas-setgħa li tressaq dan il-ksur quddiem awtorità ġudizzjarja sabiex din tal-aħħar tieħu konjizzjoni tagħhom.

46      Fir-rigward tal-Artikolu 28(4) tad-Direttiva 95/46, dan jipprevedi li awtorità ta’ superviżjoni tista’ tiġi adita minn assoċjazzjoni li tirrappreżenta suġġett tad-data, fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva, b’talba relatata mal-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali.

47      Madankollu, ebda dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva ma timponi lill-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu – u lanqas ma tagħtihom espressament il-jedd li jipprevedu –, fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-possibbiltà għal assoċjazzjoni li tirrappreżenta lil tali persuna fi proċeduri ġudizzjarji jew li tippreżenta azzjoni ġudizzjarja fuq inizjattiva tagħha nnifisha kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali.

48      Madankollu minn dan ma jirriżultax li d-Direttiva 95/46 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja kontra l-awtur preżunt ta’ tali preġudizzju.

49      Fil-fatt, bis-saħħa tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE l-Istati Membri huma obbligati, waqt it-traspożizzjoni ta’ direttiva, jiżguraw l-effett sħiħ tagħha, filwaqt li jkollhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fl-għażla tal-mezzi u tal-metodi sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħha. Din il-libertà tħalli għal kollox l-obbligu, għal kull wieħed mill-Istati Membri destinatarji, li jadottaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw l-effett sħiħ tad-direttiva kkonċernata, konformement mal-għan li din tixtieq tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2010, Base et, C‑389/08, EU:C:2010:584, punti 24 u 25, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2018, Porras Guisado, C‑103/16, EU:C:2018:99, punt 57).

50      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li wieħed mill-għanijiet wara d-Direttiva 95/46 huwa li tiġi żgurata protezzjoni effikaċi u sħiħa tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt għall-ħajja privata, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data ta’ natura personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 53, kif ukol tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 38). Il-premessa 10 tagħha tippreċiża li l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli f’dan il-qasam ma għandhiex twassal sabiex iddgħajjef il-protezzjoni li dawn jiżguraw, iżda għandha, għall-kuntrarju, ikollha bħala għan li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni fl-Unjoni (sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 95; tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Huber, C‑524/06, EU:C:2008:724, punt 50, u tal‑24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito, C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 28).

51      Issa, il-fatt li Stat Membru jipprevedi l-possibbiltà fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu li assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi tippreżenta azzjoni ġudizzjarja kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali b’ebda mod ma huwa tali li jippreġudika l-għanijiet tagħha iżda jikkontribwixxi, għall-kuntrarju, għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet.

52      Fashion ID u Facebook Ireland madankollu jsostnu li sa fejn id-Direttiva 95/46 wettqet armonizzazzjoni kompleta tad-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mal-protezzjoni tad-data, kull azzjoni ġudizzjarja mhux espressament prevista minnha għandha tiġi eskluża. Issa, l-Artikoli 22, 23 u 28 tad-Direttiva 95/46 huma intiżi sabiex jipprovdu għall-azzjoni tas-suġġetti tad-data u ta’ dik tal-awtoritajiet inkarigati mis-superviżjoni tal-protezzjoni tad-data.

53      Madankollu, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

54      Ċertament, id-Direttiva 95/46 twassal għal armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali relatati mal-protezzjoni tad-data ta’ natura personali li hija, bħala prinċipju, kompleta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito, C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 29, u tas‑7 ta’ Novembru 2013, IPI, C‑473/12, EU:C:2013:715, punt 31).

55      B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva tipprevedi lista eżawrjenti u limitattiva tal-każijiet li fihom ipproċessar ta’ data ta’ natura personali jista’ jitqies bħala legali u fejn l-Istati Membri ma jistgħu la jżidu prinċipji ġodda relatati mal-leġittimazzjoni tal-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali ma dan l-artikolu u lanqas jipprevedu rekwiżiti addizzjonali li jimmodifikaw il-portata ta’ wieħed mis-sitt prinċipji previsti fl-imsemmi artikolu (sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito, C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punti 30 u 32, kif ukoll tad‑19 ta’ Ottubru 2016, Breyer, C‑582/14, EU:C:2016:779, punt 57).

56      Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li d-Direttiva 95/46 fiha regoli li huma relattivament ġenerali ġaladarba hija għandha tiġi applikata għal numru kbir ta’ sitwazzjonijiet differenti ħafna. Dawn ir-regoli huma kkaratterizzati b’ċertu flessibbiltà u f’numru ta’ każijiet iħallu lill-Istati Membri l-kompitu li jiddeċiedu d-dettalji jew li jgħażlu minn fost numru ta’ opzjonijiet, b’tali mod li l-Istati Membri minn ċerti aspetti għandhom marġni ta’ manuvra bil-għan tat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, EU:C:2003:596, punti 83, 84 u 97, kif ukoll tal‑24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito, C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 35).

57      Dan huwa minnu fir-rigward tal-Artikoli 22 sa 24 tad-Direttiva 95/46, li, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, huma redatti f’termini ġenerali, u li ma joperawx armonizzazzjoni eżawrjenti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mar-rikorsi ġudizzjarji li jistgħu jiġu ppreżentati fir-rigward tal-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, I, C‑195/16, EU:C:2017:815, punti 57 u 58).

58      B’mod partikolari, għalkemm l-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva jobbliga lill-Istati Membri jipprevedu li kull persuna jkollha dritt għal rikors ġudizzjarju fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet li huma ggarantiti lilha mid-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali inkwistjoni, madankollu l-imsemmija direttiva ma tinkludi ebda dispożizzjoni li tirregola speċifikament il-kundizzjonijiet li fihom dan ir-rikors jista’ jiġi eżerċitat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punti 54 u 55).

59      Barra minn hekk, l-Artikolu 24 tad-Direttiva 95/46 jipprovdi li l-Istati Membri jadottaw il-“miżuri xierqa” sabiex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, mingħajr ma jiddefinixxi tali miżuri. Issa, il-fatt li tiġi ppreveduta l-possibbiltà għal assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi li tippreżenta azzjoni ġudizzjarja kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali jidher li jista’ jikkostitwixxi miżura xierqa fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li tikkontribwixxi, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, għat-twettiq tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 97).

60      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dan li tallega Fashion ID, il-fatt li Stat Membru jipprevedi tali possibbiltà fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu ma jidhirx li huwa tali li jippreġudika l-indipendenza li biha l-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom jeżerċitaw il-kompiti li bihom huma fdati konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46 sa fejn din il-possibbiltà la tista taffettwa l-libertà ta’ deċiżjoni ta’ dawn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni u lanqas il-libertà ta’ azzjoni tagħhom.

61      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li d-Direttiva 95/46 ma tinsabx fost l-atti elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2009/22, xorta jibqa’ l-fatt li skont l-Artikolu 7 ta’ din l-aħħar direttiva, din ma wettqitx armonizzazzjoni eżawrjenti f’dan ir-rigward.

62      Fl-aħħar nett, il-fatt li r-Regolament 2016/679, li ħassar u ssostitwixxa d-Direttiva 95/46 u li japplika sa mill‑25 ta’ Mejju 2018, jawtorizza espressament, fl-Artikolu 80(2) tiegħu, lill-Istati Membri jippermettu lill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jippreżentaw azzjonijiet ġudizzjarji kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali b’ebda mod ma jfisser li l-Istati Membri ma jistgħux jagħtuhom dan id-dritt taħt il-portata tad-Direttiva 95/46, iżda jikkonferma, għall-kuntrarju, li l-interpretazzjoni tagħha meħuda inkunsiderazzjoni għal din is-sentenza tirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikoli 22 sa 24 tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali.

 Fuq it-tieni domanda

64      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-amministratur ta’ sit internet, bħal Fashion ID, li jinkorpora fuq l-imsemmi sit plug‑in soċjali li jippermetti lill-browser tal-persuna li taċċedi dan is-sit jagħmel rikjesta għall-kontenut tal-fornitur tal-imsemmi plug‑in u li jittrażmetti f’dan ir-rigward lil dan il-fornitur data ta’ natura personali tal-persuna li tkun qed taċċedi s-sit jistax jitqies bħala kontrollur fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46, minkejja li dan l-amministratur ma jkollu ebda influwenza fuq l-ipproċessar tad-data trażmessa b’dan il-mod lill-imsemmi fornitur.

65      F’dan ir-rigward jeħtieġ li jitfakkar li kuntrarjament għall-għan li jrid jintlaħaq mid-Direttiva 95/46 li huwa dak li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, fid-dawl tal-ipproċessar tad-data ta’ natura personali, l-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi b’mod wiesa’ l-kunċett ta’ “kontrollur” bħala persuna fiżika jew ġuridika, l-awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig‑Holstein, C‑210/16, EU:C:2018:388, punti 26 u 27).

66      Fil-fatt, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiġi żgurata, permezz ta’ definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “kontrollur”, protezzjoni effikaċi u kompleta tas-suġġetti tad-data (sentenzi tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 34, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig‑Holstein, C‑210/16, EU:C:2018:388, punt 28).

67      Barra minn hekk, peress li, hekk kif jipprovdi espressament l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46, il-kunċett ta’ “kontrollur” jirrigwarda l-organu li, “waħdu jew flimkien ma’ oħrajn” jiddetermina l-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali, dan il-kunċett ma jirreferix neċessarjament għal organu wieħed u jista’ jkopri numru ta’ atturi li huma involuti f’dan l-ipproċessar, fejn kull wieħed minnhom ikun għalhekk suġġett għad-dispożizzjonijiet applikabbli fir-rigward tal-protezzjoni tad-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig‑Holstein, C‑210/16, EU:C:2018:388, punt 29, u tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat, C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 65).

68      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li persuna fiżika jew ġuridika li jkollha effett, għal finijiet speċifiċi għaliha, fuq l-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali u li minħabba f’hekk tipparteċipa għad-determinazzjoni tal-finijiet u tal-mezzi ta’ dan l-ipproċessar tista’ titqies bħala kontrollur fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46 (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat, C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 68).

69      Barra minn hekk, ir-responsabbiltà kondiviża ta’ numru ta’ atturi għall-istess ipproċessar, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, ma tippreżupponix li kull wieħed minnhom ikollu aċċess għad-data ta’ natura personali kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig‑Holstein, C‑210/16, EU:C:2018:388, punt 38, u tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat, C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 69).

70      Għaldaqstant, peress li l-għan tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46 huwa li jiġi żgurat, permezz ta’ definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “kontrollur”, protezzjoni effikaċi u sħiħa tas-suġġetti tad-data, l-eżistenza ta’ responsabbiltà kondiviża ma twassalx neċessarjament għal responsabbiltà ekwivalenti, fir-rigward tal-istess ipproċessar ta’ data ta’ natura personali, tad-diversi atturi. Għall-kuntrarju, dawn l-atturi jistgħu jkunu involuti fi stadji differenti ta’ dan l-ipproċessar u bi gradi differenti, b’tali mod li l-livell ta’ responsabbiltà ta’ kull wieħed minnhom għandu jiġi evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat, C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 66).

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46 jiddefinixxi l-“ipproċessar ta’ data personali” bħala “kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni”.

72      Minn din id-definizzjoni jirriżulta li pproċessar ta’ data ta’ natura personali jista’ jkun ikkostitwit minn operazzjoni jew sensiela ta’ operazzjonijiet fejn kull waħda minnhom tkun tirrigwarda stadji differenti li jkunu jinsabu fi pproċessar ta’ data ta’ natura personali.

73      Min-naħa l-oħra, mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kontrollur” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46, imfakkar fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li meta numru ta’ atturi jiddeterminaw flimkien il-finijiet u l-mezzi ta’ pproċessar ta’ data ta’ natura personali, huma jipparteċipaw f’dan l-ipproċessar inkwantu kontrolluri.

74      Għalhekk, kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 101 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher li persuna fiżika jew ġuridika tista’ tkun kontrollur biss, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46, b’mod kondiviż ma’ oħrajn, tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data ta’ natura personali li fir-rigward tagħha hija tiddetermina b’mod kondiviż il-finijiet u l-mezzi. Min-naħa l-oħra, u bla ħsara għal responsabbiltà ċivili eventwali prevista mid-dritt nazzjonali f’dan ir-rigward, din il-persuna fiżika jew ġuridika ma tistax titqies bħala kontrollur, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, mill-operazzjonijiet preċedenti jew sussegwenti tal-katina ta’ pproċessar li fir-rigward tagħha hija la tiddetermina l-finijiet u lanqas il-mezzi.

75      F’dan il-każ, suġġett għal verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li billi inkorporat il-buttuna “jogħġobni” ta’ Facebook fis-sit internet tagħha, jidher li Fashion ID tat il-possibbiltà lil Facebook Ireland li tikseb id-data ta’ natura personali tal-persuni li jaċċedu għas-sit internet tagħha, fejn tali possibbiltà sseħħ malli jiġi kkonsultat tali sit, u dan indipendentement mill-fatt li l-persuni li jaċċedu għas-sit ikunu membri tan-netwerk soċjali Facebook jew jekk ikunux għafsu l-buttuna “jogħġobni” ta’ Facebook jew ukoll jekk huma kellhomx għarfien dwar tali operazzjoni.

76      Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data ta’ natura personali li tagħha Fashion ID hija f’pożizzjoni li tiddetermina, b’mod kondiviż ma’ Facebook Ireland, il-finijiet u l-mezzi huma, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ipproċessar ta’ data personali” li jinsab fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46, il-ġbir u l-komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni ta’ data ta’ natura personali tal-persuni li jaċċedu s-sit internet tagħha. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-imsemmija informazzjoni, jidher, qabel kollox, eskluż li Fashion ID tiddetermina l-finijiet u l-mezzi tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data ta’ natura personali ulterjuri mwettqa minn Facebook Ireland wara t-trażmissjoni tagħha lil din tal-aħħar, fejn għalhekk Fashion ID ma tistax titqies bħala kontrollur ta’ dawn l-operazzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 2(d).

77      Fir-rigward tal-mezzi użati għall-finijiet tal-ġbir u tal-komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni ta’ ċerta data ta’ natura personali tal-persuni li jaċċedu s-sit internet tagħha, mill-punt 75 ta’ din is-sentenza jidher li Fashion ID inkorporat fis-sit internet tagħha l-buttuna “jogħġobni” ta’ Facebook imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-amministraturi ta’ siti internet minn Facebook Ireland, kuxjenti tal-fatt li din isservi bħala għodda għall-ġbir u għat-trażmissjoni ta’ data ta’ natura personali tal-persuni li jaċċedu dan is-sit, sew jekk ikunu membri tan-netwerk soċjali Facebook jew le.

78      Billi inkludiet tali plug‑in soċjali fis-sit Internet tagħha, Fashion ID affettwat, barra minn hekk, b’mod determinanti l-ġbir u t-trażmissjoni tad-data ta’ natura personali tal-persuni li jaċċedu l-imsemmi sit favur il-fornitur tal-imsemmi plug‑in, f’dan il-każ Facebook Ireland, li, fl-assenza ta’ inkorporazzjoni tal-imsemmi plug‑in, ma kinux iseħħu.

79      F’dawn iċ-ċirkustanzi u b’riżerva għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, għandu jitqies li Facebook Ireland u Fashion ID jiddeterminaw b’mod kondiviż il-mezzi wara l-operazzjonijiet ta’ ġbir u ta’ komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni tad-data ta’ natura personali tal-persuni li jaċċedu s-sit internet ta’ Fashion ID.

80      Fir-rigward tal-finijiet tal-imsemmija operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data ta’ natura personali, jidher li l-inkorporazzjoni minn Fashion ID tal-buttuna “jogħġobni” ta’ Facebook fis-sit internet tagħha tippermettilha tottimizza r-reklamar għall-prodotti tagħha billi tagħmilhom iktar viżibbli fuq in-netwerk soċjali Facebook meta persuna li taċċedi s-sit internet tagħha tagħfas l-imsemmija buttuna. Huwa bil-għan li tibbenefika minn dan il-vantaġġ kummerċjali li jikkonsisti f’tali reklamar addizzjonali għall-prodotti tagħha li Fashion ID, billi inkorporat tali buttuna fis-sit internet tagħha, tidher li tat il-kunsens, minn tal-inqas b’mod impliċitu, għall-ġbir u l-komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni tad-data ta’ natura personali tal-persuni li jaċċedu s-sit tagħha, fejn dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar isiru kemm fl-interess ekonomiku ta’ Fashion ID kif ukoll ta’ Facebook Ireland, li fir-rigward tagħha l-fatt li jkollha din id-data għad-dispożizzjoni tagħha għall-finijiet kummerċjali tagħha nnifisha jikkostitwixxi l-korrispettiv tal-vantaġġ offert lil Fashion ID.

81      F’ċirkustanzi bħal dawn jista’ jitqies, suġġett għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, li Fashion ID u Facebook Ireland jiddeterminaw, b’mod kondiviż, il-finijiet tal-operazzjonijiet ta’ ġbir u ta’ komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni tad-data ta’ natura personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

82      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, iċ-ċirkustanza li l-amministratur ta’ sit internet, bħal Fashion ID, ma jkollux huwa nnifsu aċċess għad-data ta’ natura personali miġbura u trażmessa lill-fonritur tal-plug‑in soċjali li miegħu jiddetermina, b’mod kondiviż, il-mezzi u l-finijiet tal-ipproċessar tad-data ta’ natura personali ma tipprekludix il-fatt li jista’ jiġi kkwalifikat bħala “kontrollur” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46.

83      Qabel kollox, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li sit internet bħal dak ta’ Fashion ID, jiġi miżjur kemm minn persuni li huma membri tan-netwerk soċjali Facebook u li b’hekk għandhom kont fuq dan in-netwerk soċjali kif ukoll minn dawk li ma humiex. F’dan l-aħħar każ, ir-responsabbiltà tal-amministratur ta’ sit internet, bħal Fashion ID fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data ta’ natura personali ta’ dawn il-persuni tidher li hija iktar importanti, peress li s-sempliċi aċċess f’tali sit, li jinkludi l-buttuna “jogħġobni” ta’ Facebook, jidher li jwassal għall-ipproċessar tad-data ta’ natura personali tagħhom minn Facebook Ireland (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig‑Holstein, C‑210/16, EU:C:2018:388, punt 41).

84      Konsegwentement, jidher li Fashion ID tista’ titqies bħala kontrollur, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46, b’mod kondiviż ma’ Facebook Ireland, tal-operazzjonijiet ta’ ġbir u ta’ komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni tad-data ta’ natura personali tal-persuni li jaċċedu s-sit internet tagħha.

85      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jeħtieġ li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-amministratur ta’ sit internet, bħal Fashion ID, li jinkorpora plug‑in soċjali fl-imsemmi sit li jippermetti lill-browser tal-persuna li taċċedi dan is-sit jirrikjedi kontenut mill-fornitur tal-imsemmi plug‑in u jittrażmetti b’dan il-mod u lil dan il-fornitur data ta’ natura personali tal-persuna li taċċedi s-sit, jista’ jitqies bħala kontrollur fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46. Madankollu din ir-responsabbiltà hija limitata għall-operazzjoni jew għall-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data ta’ natura personali li tagħha huwa jiddetermina effettivament il-finijiet u l-mezzi, jiġifieri l-ġbir u l-komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni tad-data inkwistjoni.

 Fuq it-tielet domanda

86      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq ir-raba’ domanda

87      Permezz tar-raba’ domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li fiha l-amministratur ta’ sit internet jinkorpora fl-imsemmi sit plug‑in soċjali li jippermetti lill-browser ta’ persuna li taċċedi dan is-sit jirrikjedi kontenut tal-fornitur tal-imsemmi plug‑in u li jittrażmetti b’dan il-mod lil dan il-fornitur data ta’ natura personali tal-persuna li taċċedi s-sit, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, l-interess leġittimu ta’ dan l-amministratur jew l-interess leġittimu ta’ dan il-fornitur.

88      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li skont il-Kummissjoni, din id-domanda ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, inkwantu ma nkisibx il-kunsens tas-suġġetti tad-data rikjest mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58.

89      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 5(3) ta’ din l-aħħar direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li l-ħażna ta’ informazzjoni jew il-kisba tal-aċċess għal informazzjoni diġà maħżuna fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew ta’ utent huma permessi biss taħt il-kundizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikun ta l-kunsens tiegħu wara li jkun ingħata, b’mod li josserva d-Direttiva95/46, informazzjoni ċara u kompleta, fost oħrajn dwar il-finijiet tal-ipproċessar.

90      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fornitur ta’ plug‑in soċjali, bħal Facebook Ireland, jaċċedix, kif issostni l-Kummissjoni, għal informazzjoni maħżuna fit-tagħmir terminali, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2002/58, tal-persuna li taċċedi s-sit internet tal-amministratur ta’ dan is-sit.

91      F’ċirkustanzi bħal dawn u peress li l-qorti tar-rinviju tidher li qed tqis li, f’dan il-każ, id-data trażmessa lil Facebook Ireland tikkostitwixxi data ta’ natura personali, fis-sens tad-Direttiva 95/46, li barra minn hekk ma hijiex neċessarjament limitata għal informazzjoni maħżuna fit-tagħmir terminali, liema fatt għandu jiġi kkonfermat minnha, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jippermettux li titqiegħed inkwistjoni r-rilevanza għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tar-raba’ domanda preliminari, li tirrigwarda n-natura eventwalment legali tal-ipproċessar tad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hekk kif osserva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 115 tal-konklużjonijiet tiegħu.

92      Konsegwentement, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar liema interess leġittimu għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(f) ta’ din id-direttiva għall-ipproċessar ta’ din id-data.

93      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar qabel kollox li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46, intitolat “Regoli ġenerali dwar il-legalità ta’ l-ipproċessar ta’ data personali”, suġġett għal derogi aċċettati taħt l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, kull ipproċessar ta’ data ta’ natura personali għandu, b’mod partikolari, jissodisfa wieħed mill-prinċipji relatati mal-leġittimazzjoni tal-ipproċessar ta’ data elenkata fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 71, kif ukoll tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Bara et, C‑201/14, EU:C:2015:638, punt 30).

94      Konformement mal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, li tiegħu l-interpretazzjoni hija mitluba mill-qorti tar-rinviju, l-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali huwa legali jekk ikun neċessarju għat-twettiq tal-interess leġittimu tal-kontrollur jew tat-terzi li lilhom hija kkomunikata d-data, sakemm l-interess jew id-drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data, li jirrikjedu protezzjoni taħt l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/46, ma jipprevalux fuqhom.

95      Għaldaqstant l-imsemmi Artikolu 7(f) jipprevedi tliet kundizzjonijiet kumulattivi sabiex ipproċessar ta’ data personali jkun legali, jiġifieri, l-ewwel nett, it-tfittxija ta’ interess leġittimu mill-kontrollur jew mit-terz jew terzi li lilhom id-data tiġi kkomunikata, it-tieni nett, il-ħtieġa tal-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet tal-interess leġittimu mfittex u, it-tielet nett, il-kundizzjoni li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data ma jipprevalux fuqhom (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme, C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 28).

96      Sa fejn, fir-rigward tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, jidher li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-amministratur ta’ sit internet li jinkorpora fl-imsemmi sit plug‑in soċjali li jippermetti lill-browser tal-persuna li taċċedi dan is-sit jirrikjedi kontenut tal-fornitur tal-imsemmi plug‑in u li jittrażmetti f’dan ir-rigward lill-imsemmi fornitur data ta’ natura personali tal-persuna li taċċedi s-sit, jista’ jitqies bħala kontrollur, b’mod kondiviż ma’ dan il-fornitur, mill-operazzjonijiet ta’ pproċessar tad-data ta’ natura personali tal-persuni li jaċċedu s-sit internet tiegħu kif ukoll il-ġbir u l-komunikazzjoni tagħha permezz ta’ trażmissjoni, huwa neċessarju li kull wieħed minn dawn il-partijiet responsabbli jkollu, għat-twettiq ta’ dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar, interess leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, sabiex l-aġir tagħhom ikun iġġustifikat.

97      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għar-raba’ domanda tkun li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-amministratur ta’ sit internet jinkorpora fl-imsemmi sit plug‑in soċjali li jippermetti lill-browser tal-persuna li taċċedi dan is-sit jirrikjedi kontenut tal-fornitur tal-imsemmi plug‑in u li jittrażmetti f’dan ir-rigward lill-imsemmi fornitur data ta’ natura personali tal-persuna li taċċedi s-sit, huwa neċessarju li kemm dan l-amministratur kif ukoll dan il-fornitur ikollhom, għat-twettiq ta’ dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar, interess leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, sabiex l-aġir tagħhom ikun iġġustifikat.

 Fuq il-ħames u s-sitt domandi

98      Permezz tal-ħames u s-sitt domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf, essenzjalment, minn naħa, jekk l-Artikolu 2(h) u l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-amministratur ta’ sit internet jinkorpora fl-imsemmi sit plug‑in soċjali li jippermetti lill-browser tal-persuna li taċċedi dan is-sit jirrikjedi kontenut tal-fornitur tal-imsemmi plug‑in u li jittrażmetti f’dan ir-rigward lill-imsemmi fornitur data ta’ natura personali tal-imsemmija persuna li taċċedi s-sit, il-kunsens imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet għandux jinġabar mill-imsemmi amministratur jew minn dan il-fornitur u, min-naħa l-oħra, jekk l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’tali sitwazzjoni, l-obbligu ta’ informazzjoni previst minn din id-dispożizzjoni jaqax fuq dan l-amministratur.

99      Hekk kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għat-tieni domanda, l-amministratur ta’ sit internet li jinkorpora fl-imsemmi sit plug‑in soċjali li jippermetti lill-browser tal-persuna li taċċedi dan is-sit jirrikjedi kontenut tal-fornitur tal-imsemmi plug‑in u li jittrażmetti f’dan ir-rigward lill-imsemmi fornitur data ta’ natura personali tal-imsemmija persuna li taċċedi s-sit jista’ jiġi kkunsidrat bħala kontrollur fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46, fejn madankollu din ir-responsabbiltà hija limitata għall-operazzjoni jew għall-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data ta’ natura personali li tagħha huwa jiddetermina effettivament il-finijiet u l-mezzi.

100    Għalhekk jidher li l-obbligi li jista’ jkollu dan il-kontrollur, konformement mad-Direttiva 95/46, bħall-obbligu li jiġbor il-kunsens tas-suġġett tad-data msemmi fl-Artikolu 2(h) u fl-Artikolu 7(a) ta’ din id-direttiva, kif ukoll l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 10 tagħha, għandhom jirrigwardaw l-operazzjoni jew l-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data ta’ natura personali li tagħha huwa jiddetermina effettivament il-finijiet u l-mezzi.

101    F’dan il-każ, għalkemm l-amministratur ta’ sit internet li jinkorpora fl-imsemmi sit plug‑in soċjali li jippermetti lill-browser tal-persuna li taċċedi dan is-sit jirrikjedi kontenut tal-fornitur tal-imsemmi plug‑in u li jittrażmetti f’dan ir-rigward lill-imsemmi fornitur data ta’ natura personali tal-imsemmija persuna li taċċedi s-sit jista’ jiġi kkunsidrat bħala kontrollur, b’mod kondiviż ma’ dan il-fornitur, tal-operazzjonijiet ta’ ġbir u ta’ komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni tad-data ta’ natura personali ta’ din il-persuna li taċċedi s-sit, l-obbligu tiegħu li jiġbor il-kunsens tas-suġġett tad-data msemmi fl-Artikolu 2(h) u l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46 kif ukoll l-obbligu tiegħu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 10 tagħha jirrigwardaw dawn l-operazzjonijiet biss. Min-naħa l-oħra, dawn l-obbligi ma jestendux għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar tad-data ta’ natura personali li jirrigwardaw stadji oħra, preċedenti jew sussegwenti għall-imsemmija operazzjonijiet, li jinvolvi, jekk ikun il-każ, l-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali inkwistjoni.

102    Fir-rigward tal-kunsens imsemmi fl-Artikolu 2(h) u fl-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46, jidher li dan għandu jingħata qabel il-ġbir u l-komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni tad-data tas-suġġett tad-data. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-amministratur ta’ sit intenet, u mhux il-fornitur tal-plug‑in soċjali, li għandu jiġbor dan il-kunsens, inkwantu huwa l-fatt li s-suġġett tad-data tikkonsulta dan is-sit internet li jagħti lok għall-proċess ta’ pproċessar tad-data ta’ natura personali. Fil-fatt, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 132 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għoti tal-kunsens lill-kontrollur konġunt li jseħħ ulterjorment, jiġifieri lill-fornitur tal-imsemmi plug‑in, ma jkunx konformi ma’ protezzjoni effikaċi u fi żmien xieraq tad-drittijiet tas-suġġett tad-data. Il-kunsens li għandu jingħata lill-amministratur ikkonċernat madankollu jirrigwarda biss l-operazzjoni jew l-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data ta’ natura personali li tagħha dan l-amministratur jiddetermina effettivament il-finijiet u l-mezzi.

103    L-istess jgħodd fir-rigward tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46.

104    F’dan ir-rigward mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jipprovdi minn tal-inqas l-informazzjoni msemmija minn din id-dispożizzjoni lill-persuna li mingħandha huwa jiġbor din id-data. B’hekk jidher li din l-informazzjoni għandha tingħata immedjatament mill-kontrollur, jiġifieri meta tinġabar din id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer, C‑553/07, EU:C:2009:293, punt 68, u tas‑7 ta’ Novembru 2013, IPI, C‑473/12, EU:C:2013:715, punt 23).

105    Għalhekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46 jistrieħ ukoll fuq l-amministratur tas-sit internet, fejn madankollu l-informazzjoni li dan tal-aħħar għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data għandha tirrigwarda biss l-operazzjoni jew l-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data ta’ natura personali li tagħha dan l-amministratur jiddetermina effettivament il-finijiet u l-mezzi.

106    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għall-ħames u għas-sitt domandi tkun li l-Artikolu 2(h) u l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-amministratur ta’ sit internet jinkorpora fl-imsemmi sit plug‑in soċjali li jippermetti lill-browser tal-persuna li taċċedi dan is-sit jirrikjedi kontenut tal-fornitur tal-imsemmi plug‑in u li jittrażmetti f’dan ir-rigward lill-imsemmi fornitur data ta’ natura personali tal-persuna li taċċedi s-sit, il-kunsens imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet għandu jinġabar minn dan l-amministratur biss fir-rigward tal-operazzjoni jew tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data ta’ natura personali li tagħha l-imsemmi amministratur jiddetermina effettivament il-finijiet u l-mezzi. Barra minn hekk, l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’tali sitwazzjoni, l-obbligu ta’ informazzjoni previst minn din id-dispożizzjoni jistrieħ ukoll fuq l-imsemmi amministratur, fejn madankollu l-informazzjoni li dan tal-aħħar għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data għandha tirrigwarda biss l-operazzjoni jew l-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data ta’ natura personali li tagħha huwa jiddetermina effettivament il-finijiet u l-mezzi.

 Fuq l-ispejjeż

107    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 22 sa 24 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-assoċjazzjonijiet għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi jippreżentaw azzjoni ġudizzjarja kontra l-awtur preżunt ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali.

2)      L-amministratur ta’ sit internet, bħal Fashion ID GmbH & Co. KG, li jinkorpora plugin soċjali fl-imsemmi sit li jippermetti lill-browser tal-persuna li taċċedi dan is-sit jirrikjedi kontenut mill-fornitur tal-imsemmi plugin u jittrażmetti b’dan il-mod u lil dan il-fornitur data ta’ natura personali tal-persuna li taċċedi s-sit, jista’ jitqies bħala kontrollur fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46. Madankollu din ir-responsabbiltà hija limitata għall-operazzjoni jew għall-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data ta’ natura personali li tagħha huwa jiddetermina effettivament il-finijiet u l-mezzi, jiġifieri l-ġbir u l-komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni tad-data inkwistjoni.

3)      F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-amministratur ta’ sit internet jinkorpora fl-imsemmi sit plugin soċjali li jippermetti lill-browser tal-persuna li taċċedi dan is-sit jirrikjedi kontenut tal-fornitur tal-imsemmi plugin u li jittrażmetti f’dan ir-rigward lill-imsemmi fornitur data ta’ natura personali tal-persuna li taċċedi s-sit, huwa neċessarju li kemm dan l-amministratur kif ukoll dan il-fornitur ikollhom, għat-twettiq ta’ dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar, interess leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, sabiex l-aġir tagħhom ikun iġġustifikat.

4)      L-Artikolu 2(h) u l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-amministratur ta’ sit internet jinkorpora fl-imsemmi sit plugin soċjali li jippermetti lill-browser tal-persuna li taċċedi dan is-sit jirrikjedi kontenut tal-fornitur tal-imsemmi plugin u li jittrażmetti f’dan ir-rigward lill-imsemmi fornitur data ta’ natura personali tal-persuna li taċċedi s-sit, il-kunsens imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet għandu jinġabar minn dan l-amministratur biss fir-rigward tal-operazzjoni jew tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data ta’ natura personali li tagħha l-imsemmi amministratur jiddetermina effettivament il-finijiet u l-mezzi. Barra minn hekk, l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’tali sitwazzjoni, l-obbligu ta’ informazzjoni previst minn din id-dispożizzjoni jistrieħ ukoll fuq l-imsemmi amministratur, fejn madankollu l-informazzjoni li dan tal-aħħar għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data għandha tirrigwarda biss l-operazzjoni jew l-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data ta’ natura personali li tagħha huwa jiddetermina effettivament il-finijiet u l-mezzi.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


i      Fil-bidu ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.