Language of document : ECLI:EU:C:2014:1317

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

5 ta’ Ġunju 2014 (*)

“Artikolu 101 TFUE — Kumpens għad-danni kkawżati minn akkordju pprojbit minn dan l-artikolu — Danni li jirriżultaw mill-prezz ogħla applikat minn impriża minħabba akkordju pprojbit, li hija ma tipparteċipax fih (‘Umbrella pricing’) — Rabta kawżali”

Fil-Kawża C‑557/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Diċembru 2012, fil-proċedura

Kone AG,

Otis GmbH,

Schindler Aufzüge und Fahrtreppen GmbH,

Schindler Liegenschaftsverwaltung GmbH,

ThyssenKrupp Aufzüge GmbH

vs

ÖBB‑Infrastruktur AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas (Relatur), D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Kone AG, minn H. Wollmann, avukat,

–        għal Otis GmbH, minn D. Hauck u E. Hold, avukati,

–        għal Schindler Aufzüge und Fahrtreppen GmbH u Schindler Liegenschaftsverwaltung GmbH, minn A. Traugott u S. Riegler, avukati,

–        għal ThyssenKrupp Aufzüge GmbH, minn A Reidlinger, T. Kustor u E. Rittenauer, avukati,

–        għal ÖBB‑Infrastruktur AG, minn A. Egger, avukat,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Meessen u P. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Jannar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Kone AG (iktar ’il quddiem “Kone”), Otis GmbH (iktar ’il quddiem “Otis”), Schindler Aufzüge und Fahrtreppen GmbH (iktar ’il quddiem “Schindler Aufzüge und Fahrtreppen”), Schindler Liegenschaftsverwaltung GmbH (iktar ’il quddiem “Schindler Liegenschaftsverwaltung”) u ThyssenKrupp Aufzüge GmbH (iktar ’il quddiem “ThyssenKrupp Aufzüge”), impriżi li pparteċipaw f’akkordji li jikkonċernaw l-installazzjoni u l-manutenzjoni ta’ lifts u eskelejters f’diversi Stati Membri, minn naħa, u ÖBB‑Infrastruktur AG (iktar ’il quddiem “ÖBB‑Infrastruktur”), sussidjarja ta’ Österreichische Bundesbahnen (Ferroviji Awstrijaċi), min-naħa l-oħra, dwar il-possibbiltà li jintalab kumpens għad-dannu mġarrab minħabba prezzijiet għoljin applikati fl-okkażjoni tal-konklużjoni ta’ kuntratti ma’ impriżi li ma pparteċipawx f’dawn l-akkordji.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 1295 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak (Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (iktar ’il quddiem l-“ABGB”) jaqra kif ġej:

“Kull persuna għandha dritt titlob kumpens għal dannu mingħand dak li kkawżalu tali dannu bi ħtija tiegħu; id-dannu jista’ jiġi kkawżat minn ksur ta’ obbligu kuntrattwali jew jista’ ma jkollux rabta ma’ kuntratt.”

4        Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 1311 tal-ABGB, min ikun “kiser liġi li tfittex li tevita d-danni fortuwiti” (“liġi protettiva”) għandu jagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

5        Tal-inqas mis-snin 80, Kone, Otis, Schindler Aufzüge und Fahrtreppen, Schindler Liegenschaftsverwaltung u ThyssenKrupp Aufzüge applikaw ftehim, fuq skala kbira u f’diversi Stati Membri, bil-għan li jaqsmu bejniethom is-suq tal-lifts u tal-eskelejters.

6        Fil-21 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni Ewropea imponiet multa fuq Kone, Otis, Schindler Aufzüge und Fahrtreppen u Schindler Liegenschaftsverwaltung, li l-ammont totali tagħha kien ta’ EUR 992 miljun, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordji li jikkonċernaw l-installazzjoni u l-manutenzjoni ta’ lifts u eskelejters fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi.

7        Permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2008, l-Oberster Gerichtshof, li kienet qed taġixxi bħala qorti tal-appell fil-qasam tad-dritt tal-akkordji, ikkonfermat id-digriet tal-14 ta’ Diċembru 2007, li permezz tiegħu l-Kartellgericht (Qorti tal-kompetizzjoni) kienet imponiet multi fuq Kone, Otis u Schindler Aufzüge und Fahrtreppen, kif ukoll fuq żewġ kumpanniji oħra. Peress li ThyssenKrupp Aufzüge kienet għażlet li tixhed bil-għan li tibbenefika mill-klemenza, din l-impriża ma intervjenietx fil-proċedura mibdija fil-qasam tad-dritt tal-akkordji.

8        L-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“akkordju inkwistjoni”) kellu l-għan li jiżgura, għall-impriża li ngħatat preferenza, prezz ogħla minn dak li setgħet tapplika f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Huwa ħoloq distorsjoni fis-suq u, b’mod partikolari, fl-iżvilupp tal-prezzijiet meta mqabbel mal-mod kif kienu jiżviluppaw f’tali kundizzjonijiet.

9        Skont il-qorti tar-rinviju, il-membri ta’ dan l-akkordju pprovaw jiftiehmu fuq iktar minn nofs il-volum kummerċjali tal-installazzjonijiet il-ġodda fit-territorju Awstrijak kollu. Iktar minn nofs il-proġetti kkonċernati ġew allokati bi ftehim bejniethom lil xi wieħed minnhom, b’mod li tal-inqas terz tal-volum tas-suq kien is-suġġett ta’ ftehim. Madwar żewġ terzi tal-proġetti li wasslu għal ftehim twettqu skont kif miftiehem. F’terz tal-każijiet, is-suq ġie allokat lil impriżi terzi (mhux membri tal-akkordju) jew lil membru tal-akkordju li ma kienx osserva l-modalitajiet ta’ allokazzjoni miftiehma billi offra ammont inqas għoli. Ġew ikkonstatati wkoll allokazzjonijiet magħmula bi ftehim fuq bażi bilaterali. Minħabba l-imġiba tal-membri tal-akkordju inkwistjoni, saħansitra matul l-aħħar snin qabel is-sena 2004, ftit li xejn varjaw il-prezzijiet tas-suq u l-ishma mis-suq tal-persuni kkonċernati baqgħu essenzjalment l-istess.

10      Filwaqt li tinvoka l-“effett ta’ prezz protettiv” (“umbrella effect”), ÖBB‑Infrastruktur qiegħda titlob lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kumpens għal dannu stmat li jammonta għal EUR 1 839 239.74, li jirriżulta mill-fatt li hija xtrat lifts u eskelejters mingħand impriżi terzi, mhux membri tal-akkordju inkwistjoni, bi prezz ogħla minn dak li kien jiġi ffissat fl-assenza ta’ dan l-akkordju, għar-raġuni li dawn l-impriżi terzi bbenefikaw mill-eżistenza ta’ dan tal-aħħar sabiex jiffissaw il-prezzijiet tagħhom f’livell ogħla.

11      Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet it-talba ta’ ÖBB‑Infrastruktur, iżda l-qorti tal-appell laqgħetha.

12      Adita mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-Oberster Gerichtshof tistaqsi dwar il-kundizzjonijiet li fihom jitqiesu responsabbli l-parteċipanti f’akkordju, fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari tas-sentenzi Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465); Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461); u Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389).

13      Skont il-ġurisprudenza tal-qrati Awstrijaċi, persuna li titlob li tingħata kumpens għad-danni abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali għandha tipprova rabta kawżali adegwata u rabta ta’ illegalità, jiġifieri ksur ta’ liġi protettiva, fis-sens tal-Artikolu 1311 tal-ABGB.

14      Il-qorti tar-rinviju tispjega li, b’applikazzjoni tal-kunċett ta’ rabta kawżali adegwata, min jikkawża dannu huwa obbligat jikkumpensa l-konsegwenzi kollha, inklużi dawk fortuwiti, li huwa seta’ in abstracto jistenna li jistgħu jseħħu, iżda ma huwiex obbligat jikkumpensa konsegwenzi atipiċi. Skont l-imsemmija ġurisprudenza, meta impriża li ma tkunx parti f’akkordju tibbenefika mill-effett ta’ prezz protettiv, ma jkunx hemm rabta kawżali adegwata bejn l-akkordju u d-dannu li seta’ ġarrab ix-xerrej, billi dan huwa każ ta’ dannu indirett, ta’ effett kollaterali ta’ deċiżjoni indipendenti li persuna li ma tkunx parti fl-akkordju tkun ħadet abbażi tal-kunsiderazzjonijiet tagħha relatati man-negozju. Huwa kkunsidrat li l-effett li tipproduċi fuq kompetitur is-sitwazzjoni tas-suq, kif influwenzata mill-membri ta’ akkordju, il-konklużjonijiet ekonomiċi li dan il-kompetitur jislet għall-impriża u għall-prodotti tiegħu, u d-deċiżjonijiet relatati man-negozju li huwa sussegwentement jieħu, b’mod partikolari sabiex jiffissa l-prezzijiet, huma ddeterminati fil-parti l-kbira tagħhom minn numru kbir ta’ fatturi, li ma għandhom ebda rabta ma’ dan l-akkordju.

15      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-illegalità, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li, skont id-duttrina dwar l-għan protettiv tar-regola, il-fatt li jiġi kkawżat dannu lill-proprjetà jirriżulta f’obbligu ta’ kumpens biss fil-każijiet fejn l-illegalità tad-dannu tirriżulta mill-ksur ta’ obbligi kuntrattwali, ta’ drittijiet assoluti jew ta’ liġijiet protettivi. Għalhekk, il-punt determinanti huwa li jsir magħruf jekk ir-regola li kiser l-awtur tad-dannu kellhiex l-għan li tipproteġi l-interessi tal-persuna leża. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ prezz protettiv (“umbrella pricing”), li ma tinvolvi ebda rabta ta’ illegalità. L-imġiba illegali tal-membri ta’ akkordju tfittex li tkun ta’ preġudizzju għall-persuni li jixtru l-prodotti tagħhom bi prezzijiet artifiċjalment għoljin li huma japplikaw. Id-dannu kkawżat mill-prezz protettiv huwa biss effett kollaterali ta’ deċiżjoni indipendenti li ħadet persuna li ma hijiex parti fl-akkordju abbażi tal-kunsiderazzjonijiet tagħha relatati man-negozju.

16      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li teżisti kontroversja kbira kemm fid-duttrina Ġermaniża kif ukoll f’dik Awstrijaka dwar il-punt jekk, fid-dritt tal-Unjoni, id-dannu li jirriżulta mill-effett ta’ prezz protettiv għandux jagħti lok għal kumpens. Fid-dawl tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, id-domanda magħmula għandha importanza determinanti, minħabba l-inċertezza li teżisti dwar il-punt jekk ċaħda tad-dritt għal kumpens hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 101 TFUE (Artikolu 81 KE, Artikolu 85 TKE) għandu jiġi interpretat fis-sens li kull persuna għandha dritt li titlob lill-membri ta’ akkordju anki li jagħmlu tajjeb għad-danni kkawżati lil persuna li ma hijiex parti mill-akkordju li, minħabba fiż-żieda tal-prezz tas-suq, iżżid il-prezz tal-prodotti tagħha stess b’ammont ikbar minn dak li kienet tagħmel fin-nuqqas ta’ akkordju (umbrella pricing), b’tali mod li l-prinċipju ta’ effettività stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja [...] jirrikjedi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni favorevoli fil-kuntest tad-dritt nazzjonali?”

Fuq id-domanda preliminari

18      Billi l-Artikoli 85 tat-Trattat KE, 81 KE u 101 TFUE għandhom essenzjalment l-istess kontenut, ser isir riferiment biss għall-Artikolu 101 TFUE, li huwa attwalment fis-seħħ.

19      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101 TFUE jipprekludix interpretazzjoni u applikazzjoni tad-dritt ta’ Stat Membru, li tikkonsisti fl-esklużjoni b’mod kategoriku, għal raġunijiet ġuridiċi, tar-responsabbiltà ċivili ta’ impriżi li jipparteċipaw f’akkordju, għal danni li jirriżultaw minn prezzijiet li ffissat impriża li ma tipparteċipax f’dan l-akkordju, fid-dawl tal-aġir tal-imsemmi akkordju, f’livell ogħla minn dak li kien jiġi applikat fl-assenza tal-akkordju.

20      Għandu jitfakkar li l-Artikoli 101(1) TFUE u 102 TFUE jipproduċu effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħolqu drittijiet għall-partijiet f’kawża li għandhom jitħarsu mill-qrati nazzjonali (ara s-sentenzi BRT u Société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs, 127/73, EU:C:1974:25, punt 16; Courage u Crehan, EU:C:2001:465, punt 23, u Manfredi et, EU:C:2006:461, punt 39).

21      L-effikaċja sħiħa tal-Artikolu 101 TFUE u, b’mod partikolari, l-effettività tal-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiegħu jitqiegħdu fid-dubju li kieku ma kienx possibbli għal kull persuna li titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha minn kuntratt jew minn imġiba li tista’ toħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi Courage u Crehan, EU:C:2001:465, punt 26; Manfredi et, EU:C:2006:461, punt 60; Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 41; u Donau Chemie et, C‑536/11, EU:C:2013:366, punt 21).

22      Għaldaqstant, kull persuna għandha d-dritt titlob kumpens għad-dannu mġarrab meta teżisti rabta kawżali bejn l-imsemmi dannu u akkordju jew prattika pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE (sentenzi Manfredi et, EU:C:2006:461, punt 61, u Otis et, EU:C:2012:684, punt 43).

23      Id-dritt ta’ kull persuna li titlob kumpens għal tali dannu fil-fatt isaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u huwa tali li jiskoraġġixxi l-ftehimiet jew il-prattiki, ħafna drabi moħbija, li jistgħu joħolqu restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni, u b’hekk jikkontribwixxu għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni Ewropea (sentenzi Courage u Crehan, EU:C:2001:465, punt 27; Manfredi et, EU:C:2006:461, punt 91; Pfleiderer, EU:C:2011:389, punt 29; Otis et, EU:C:2012:684, punt 42; u Donau Chemie et, EU:C:2013:366, punt 23).

24      Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għad-dannu li jirriżulta minn akkordju jew minn prattika pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE, inklużi dawk tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “rabta kawżali”, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (sentenza Manfredi et, EU:C:2006:461, punt 64).

25      Għaldaqstant, ir-regoli applikabbli għar-rikorsi intiżi li jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom il-partijiet f’kawża bis-saħħa tal-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara s-sentenzi Courage u Crehan, EU:C:2001:465, punt 29; Manfredi et, EU:C:2006:461, punt 62; Pfleiderer, EU:C:2011:389, punt 24; u Donau Chemie et, EU:C:2013:366, punt 27).

26      F’dan ir-rigward, u speċifikament fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, dawn ir-regoli ma għandhomx jippreġudikaw l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE (ara s-sentenzi VEBIC, C‑439/08, EU:C:2010:739, punt 57; Pfleiderer, EU:C:2011:389, punt 24; u Donau Chemie et, EU:C:2013:366, punt 27).

27      Fil-kawża prinċipali, ÖBB‑Infrastruktur tallega li parti mid-dannu li ġarrbet ġie kkawżat mill-akkordju inkwistjoni, li ppermetta li jinżamm prezz tas-suq f’livell tant għoli li kompetituri li ma humiex membri ta’ dan l-akkordju setgħu jibbenefikaw huma stess minn dan il-prezz tas-suq ogħla minn dak li kien ikun fl-assenza tal-imsemmi akkordju, f’termini ta’ marġni ta’ qligħ jew sempliċement ta’ sopravvivenza, fil-każ li l-istruttura tal-ispejjeż kienet tali li kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni setgħu jkollhom il-konsegwenza li jiġu eliminati mis-suq.

28      Ma huwiex ikkontestat mill-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tali fenomenu ta’ prezz protettiv (“umbrella pricing”) huwa rrikonoxxut bħala waħda mill-konsegwenzi possibbli ta’ akkordju, f’ċerti ċirkustanzi. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw essenzjalment kemm huwa opportun li d-dritt tal-Unjoni jiġi interpretat fis-sens li jaċċetta t-talbiet għad-danni bbażati fuq l-eżistenza ta’ prezz protettiv (“umbrella claims”).

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-prezz tas-suq huwa wieħed mill-elementi prinċipali li impriża tieħu inkunsiderazzjoni meta tiddetermina l-prezz li bih toffri l-prodotti jew is-servizzi tagħha. Meta akkordju jirnexxielu jżomm prezz artifiċjalment għoli għal ċerti prodotti u meta jkunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet tas-suq li jirrigwardaw, b’mod partikolari, in-natura tal-prodott jew id-daqs tas-suq kopert minn dan l-akkordju, ma jistax jiġi eskluż li l-impriża kompetitriċi, li ma tkunx parti f’dan l-akkordju, tagħżel li tiffissa l-prezz tal-offerta tagħha f’ammont ogħla minn dak li kienet tagħżel f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, jiġifieri fl-assenza tal-imsemmi akkordju. F’kuntest bħal dan, minkejja li d-determinazzjoni ta’ prezz tal-offerta jitqies li huwa deċiżjoni purament awtonoma, adottata mill-impriża li ma tipparteċipax f’akkordju, għandu jiġi kkonstatat madankollu li din id-deċiżjoni setgħet tittieħed b’riferiment għal prezz tas-suq distort minn dan l-akkordju u li, għaldaqstant, jikser ir-regoli tal-kompetizzjoni.

30      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostnu Schindler Aufzüge und Fahrtreppen u Schindler Liegenschaftsverwaltung, il-fatt li klijent ta’ impriża li ma tkunx membru ta’ akkordju, iżda li tibbenefika mill-kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ prezz protettiv, iġarrab dannu minħabba prezz tal-offerta ogħla minn dak li kien ikun fl-assenza ta’ dan l-akkordju jagħmel parti mill-effetti possibbli tal-imsemmi akkordju, li l-membri tiegħu ma jistgħux jinjoraw.

31      F’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dritt Awstrijak jeskludi, b’mod kategoriku, dritt għal kumpens f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba l-fatt li, fl-assenza ta’ rabta kuntrattwali ma’ membru tal-akkordju kkonċernat, ir-rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab u dan l-akkordju titqies li tkun inkisret mid-deċiżjoni awtonoma tal-impriża li ma pparteċipatx fl-imsemmi akkordju, iżda li ffissat prezz protettiv (“umbrella pricing”) minħabba l-eżistenza ta’ dan tal-akkordju.

32      Huwa minnu li, kif tfakkar fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li, bħala prinċipju, għandu jiddetermina r-regoli dwar l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “rabta kawżali”. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li dawn ir-regoli nazzjonali għandhom jiggarantixxu l-effettività sħiħa tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza VEBIC, EU:C:2010:739, punt 63). Għalhekk, dawn ir-regoli għandhom jieħdu speċifikament inkunsiderazzjoni l-għan tal-Artikolu 101 TFUE, li jfittex li jiggarantixxi ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern u, għaldaqstant, prezzijiet iffissati skont is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni libera. Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, kif tfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, li r-regoli nazzjonali għandhom jagħtu lil kull persuna d-dritt li titlob kumpens għad-dannu mġarrab.

33      Issa l-effettività sħiħa tal-Artikolu 101 TFUE titqiegħed fid-dubju jekk id-dritt ta’ kull persuna li titlob kumpens għad-dannu mġarrab jiġi ssuġġettat mid-dritt nazzjonali, b’mod kategoriku u indipendentement miċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, għall-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta filwaqt li dan id-dritt jiġi eskluż minħabba l-fatt li l-persuna kkonċernata kellha rabtiet kuntrattwali mhux ma’ membru tal-akkordju, iżda ma’ impriża li ma pparteċipatx f’dan tal-aħħar, li l-politika tal-prezzijiet tagħha hija madankollu konsegwenza tal-akkordju li kkontribwixxa sabiex tinħoloq distorsjoni tal-mekkaniżmi ta’ formazzjoni tal-prezzijiet li jirregolaw is-swieq kompetittivi.

34      Għaldaqstant, il-vittma ta’ prezz protettiv (“umbrella pricing”) tista’ tikseb kumpens għad-dannu mġarrab mingħand il-membri ta’ akkordju, minkejja li ma kellhiex rabtiet kuntrattwali magħhom, meta jiġi pprovat li dan l-akkordju seta’ jkollu l-konsegwenza, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, l-elementi speċifiċi tas-suq ikkonċernat, li jiġi applikat prezz protettiv minn terzi li jaġixxu b’mod awtonomu, u meta dawn iċ-ċirkustanzi u elementi speċifiċi ma setgħux jiġu injorati mill-membri tal-imsemmi akkordju. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti.

35      Kone u Otis isostnu li azzjonijiet għall-kumpens għad-dannu mġarrab minħabba prezzijiet għoljin, li huma l-konsegwenza tal-eżistenza ta’ prezz protettiv, jikkostitwixxu talbiet għad-danni punittivi, peress li d-dannu mġarrab minn ÖBB‑Infrastruktur ma kellux bħala korrispettiv arrikkiment tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, skont ir-regoli dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-ammont ta’ dannu li jista’ jiġi kkumpensat ma jiddependix mill-qligħ magħmul minn dak li bi ħtija tiegħu ġie kkawżat dan id-dannu.

36      Barra minn hekk, l-imsemmija rikorrenti jsostnu li tali danni huma ta’ natura li jiddiswadu lill-impriżi kkonċernati milli jgħinu lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jinvestigaw il-każijiet, ħaġa li tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività. Madankollu, għandu jitfakkar li l-programm ta’ klemenza huwa programm implementat mill-Kummissjoni, permezz tal-Komunikazzjoni tagħha dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2006, C 298, p. 17), li ma għandux saħħa leġiżlattiva u ma huwiex vinkolanti fil-konfront tal-Istati Membri (Pfleiderer, EU:C:2011:389, punt 21). Għaldaqstant, dan il-programm ta’ klemenza ma jistax iċaħħad lill-individwi mid-dritt li jiksbu kumpens, quddiem il-qrati nazzjonali, għad-dannu mġarrab minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

37      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni u applikazzjoni tad-dritt intern ta’ Stat Membru li tikkonsisti fl-esklużjoni b’mod kategoriku, għal raġunijiet ġuridiċi, tar-responsabbiltà ċivili ta’ impriżi li jipparteċipaw f’akkordju, għal danni li jirriżultaw minn prezzijiet li ffissat impriża li ma tipparteċipax f’dan l-akkordju, fid-dawl tal-aġir tal-imsemmi akkordju, f’livell ogħla minn dak li kien jiġi applikat fl-assenza tal-akkordju.

 Fuq l-ispejjeż

38      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni u applikazzjoni tad-dritt intern ta’ Stat Membru li tikkonsisti fl-esklużjoni b’mod kategoriku, għal raġunijiet ġuridiċi, tar-responsabbiltà ċivili ta’ impriżi li jipparteċipaw f’akkordju, għal danni li jirriżultaw minn prezzijiet li ffissat impriża li ma tipparteċipax f’dan l-akkordju, fid-dawl tal-aġir tal-imsemmi akkordju, f’livell ogħla minn dak li kien jiġi applikat fl-assenza tal-akkordju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.