Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta’ Lulju 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberster Gerichtshof - l-Awstrija) – DS vs Porsche Inter Auto GmbH & Co KG, Volkswagen AG

(Kawża C-145/20) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari  – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Regolament (KE) Nru 715/2007  – Approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur – Artikolu 5(2)  – Apparat ta’ manipulazzjoni  – Vetturi bil-mutur – Magna diesel  – Sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet – Software integrat fil-kompjuter li jikkontrolla l-magna – Valv tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost (valv tal-EGR)  – Tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) limitat minn “tieqa ta’ temperaturi” – Projbizzjoni tal-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet – Artikolu 5(2)(a)  – Eċċezzjoni għal din il-projbizzjoni – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 1999/44/KE  – Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti ta’ konsum – Artikolu 2(2)(d) – Kunċett ta’ “turija tal-kwalità u l-ħidma li huma normali f’oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ jippretendi b’mod raġonevoli, skont in-natura tal-oġġetti”  – Vettura koperta minn approvazzjoni tat-tip KE – Artikolu 3(6) – Kunċett ta’ “nuqqas ta’ konformita’ minuri”)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: DS

Konvenuti Porsche Inter Auto GmbH & Co KG, Volkswagen AG

Dispożittiv

L-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandu jiġi interpretat fis-sens li vettura bil-mutur, li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, ma għandhiex l-kwalità li hija normali ta’ oġġetti tal-istess tip li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna, jekk, għalkemm tkun koperta minn approvazzjoni tat-tip KE fis-seħħ u li tista’, konsegwentement, tintuża fit-triq, din il-vettura tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni li l-użu tiegħu huwa pprojbit skont l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament.

L-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li apparat ta’ manipulazzjoni, li jiggarantixxi, b’mod partikolari, l-osservanza tal-valuri limitu ta’ emissjoni previsti minn dan ir-regolament biss meta t-temperatura esterna tkun bejn 15 u 33 grad Celsius, jista’ jiġi ġġustifikat biss, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit li dan l-apparat jissodisfa strettament il-ħtieġa li jiġu evitati r-riskji immedjati ta’ ħsarat jew ta’ inċident tal-magna, ikkawżati minn nuqqas ta’ funzjonament ta’ komponent tas-sistema ta’ riċirkolazzjoni tal-gassijiet tal-egżost, ta’ gravità tali li joħolqu periklu konkret matul is-sewqan tal-vettura mgħammra bl-imsemmi apparat. Fi kwalunkwe każ, ma jistax jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007, apparat ta’ manipulazzjoni li għandu, f’kundizzjonijiet normali ta’ sewqan, jiffunzjona fil-parti l-kbira tas-sena sabiex il-magna tkun protetta minn ħsarat jew inċident u li l-funzjonament f’sigurtà sħiħa tal-vettura jkun żgurat.

L-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li nuqqas ta’ konformità li jikkonsisti fil-preżenza, f’vettura, ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li l-użu tiegħu huwa pprojbit skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 ma jistax jiġi kklassifikat bħala “minuri”, anki jekk, fl-ipoteżi li l-konsumatur kien jaf bl-eżistenza u bil-funzjonament ta’ dan l-apparat, dan il-konsumatur xorta kien jixtri din il-vettura.

____________

1     ĠU C 279, 24.8.2020.