Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' April 2010 - GEA Group vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-189/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: GEA Group AG (Bochum, il-Ġermanja) (rappreżentanti: A. Kallmayer, I. du Mont u G. Schiffers, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni li temenda sa fejn jimponi multa fuq ir-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni li temenda;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 727 finali, tat-8 ta' Frar 2010, li temenda, b'mod partikolari sa fejn jirrigwardaha, id-Deċiżjoni C(2009) 8682 finali, tal-11 ta' Novembru 2009, fil-Każ COMP/38589 - Stabbilizzaturi tas-sħana (iktar 'il quddiem, id-"deċiżjoni ta' emenda"). L-emenda tirrigwarda il-punti 31 u 32 tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 8682 finali, dwar ir-responsabbiltà in solidum tar-rikorrenti.

Ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi insostenn tar-rikors tagħha.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tad-drittijiet ta' difiża tagħha peress li hija la ma nstemat u lanqas ma ġiet implikata fil-proċedura qabel ma ngħatat id-deċiżjoni. It-tieni nett, hija tinvoka motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni ta' emenda peress li din hija bbażata biss fuq in-nuqqas ta' teħid inkunsiderazzjoni tal-limitu massimu li għandu jiġi rrispettat stabbilit mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 1 u li hija nieqsa minn motivazzjoni individwali li tikkonċernaha. It-tielet nett, hija tinvoka n-nuqqas ta' bażi legali tad-deċiżjoni ta' emenda li diġà hija res judicata fir-rigward ta' ċerti destinatarji u hija s-suġġett ta' rikorsi ġudizzjarji. Ir-raba' nett, ir-rikorrenti ssostni li l-emenda tal-multa kontriha hija illeċita. Fl-aħħar, hija tinvoka l-preskrizzjoni peress li d-deċiżjoni ta' emenda ngħatat wara l-iskadenza tat-terminu ta' preskrizzjoni previst fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 1/2003.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).