Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Settembru 2010 - Dornbracht vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-386/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Aloys F. Dornbracht GmbH & Co. KG (Iserlohn, il-Ġermanja) (rappreżentanti: H. Janssen, T. Kapp u M. Franz, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tirrigwarda lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas b'mod xieraq l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta' Ġunju 2010, fil-Każ COMP/39092 - Installazzjonijiet sanitarji [għall-kmamar tal-banju]. Fid-deċiżjoni kkontestata ġew imposti multi fuq ir-rikorrenti u fuq impriżi oħra minħabba l-ksur tal-Artikolu 101 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti pparteċipat fi ftehim kontinwu jew fi prattiki miftiehma fis-settur tal-installazzjonijiet ta' tagħmir għall-kmamar tal-banju fil-Ġermanja u fl-Awstrija.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq tmien motivi.

Bl-ewwel motiv, ir-rikorrenti tilmenta li jeżisti ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 1, għaliex il-konvenuta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-bosta ċirkustanzi attenwanti rilevanti għar-rikorrenti.

Bit-tieni motiv, ir-rikorrenti teċċepixxi ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn il-konvenuta, skont l-interpretazzjoni tagħha stess tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 23(2) tal-istess regolament f'dak li jirrigwarda l-limitu massimu, ma tistax tevalwa l-gravità tal-ksur ikkontestat mir-rikorrenti.

Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni wkoll ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali, għaliex il-konvenuta ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sehem individwali tar-rikorrenti fil-ksur fid-determinazzjoni tal-ammonti tas-somom f'daqqa.

Fir-raba' motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, fil-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-konvenuta ma tqabbilix il-ksur ma' ksur f'diversi sitwazzjonijiet oħra, u b'hekk tikser il-prinċipju tat-trattament ugwali.

Bir-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti tilmenta li l-ammont tal-multa huwa sproporzjonat, għaliex il-konvenuta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kapaċità limitata tar-rikorrenti.

Fis-sitt motiv tagħha, ir-rikorrenti tgħid li, fil-kalkolu magħmul mill-konvenuta tal-multi abbażi tal-linji gwida tagħha dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi 2 tal-2006, id-deċiżjoni kkontestata kisret il-prinċipju tan-non retroattività.

Bis-seba' motiv, ir-rikorrenti teċċepixxi li l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jikser il-prinċipju tal-legalità.

Fl-aħħar nett, fit-tmien motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-determinazzjoni tal-multa hija illegali għaliex ġiet ikkalkolata abbażi tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi li jagħtu lill-konvenuta marġni ta' diskrezzjoni wisq wiesa'.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

2 - Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).