Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Settembru 2010 - Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-384/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: J. Rodríguez Cárcamo)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C (2010) 4147, tat-30 ta' Ġunju 2010, li tinaqqas l-għajnuna tal-Fond ta' Koeżjoni għal dawn il-(gruppi ta') proġetti li ġejjin: " Il-provvista tal-ilma għaċ-ċentri residenzjali li jinsabu fil-Baċir Idrografiku tax-Xmara Guadiana: Reġjun ta' Andévalo" (2000.ES.16.C.PE.133), "Tindif u purifikazzjoni tal-Baċir ta' Guadalquivir: Guadaira, Aljarafe u EE NN PP tal-Guadalquivir"(2000.16.C.PE 066) u "Il-provvista ta' ilma lil sistemi supramuniċipali tal-provinċji ta' Granada u ta' Málaga" (2002.ES.16.C.PE.061) u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-kuntest tal-Fond ta' Koeżjoni, il-Kummissjoni tat għajnuna għal diversi proġetti, rigward: "Il-provvista tal-ilma għaċ-ċentri residenzjali fil-Baċir Idrografiku tax-Xmara Guadiana: Reġjun ta' Andévalo" (2000.ES.16.C.PE. 133) [Deċiżjoni C (2001) 4113 tal-18 ta' Diċembru 2001], it-"Tindif u purifikazzjoni fil-Baċir tal-Guadalquivir: Guadaira, Aljarafe u EE NN PP tal-Guadalquivir" (2000.16.C.PE.066) [Deċiżjoni C (2000) 4316, tad-29 ta Diċembru 2000] u "Il-provvista tal-ilma għas-sistemi supramuniċipali tal-provinċji ta' Granada u ta' Málaga" (2002.ES.16.C.PE.061) [Deċiżjoni C (2002) 4689, tal-24 ta' Diċembru 2002].

Il-proġetti varji kellhom isiru permezz ta' diversi kuntratti ta' xogħol.

Id-deċiżjoni kkontestata tnaqqas l-għajnuna inizjalment mogħtija mill-Fond ta' Koeżjoni, permezz tal-korrezzjonijiet finanzjarji korrispondenti.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrent jallega r-raġunijiet li ġejjin:

1. Ksur tal-Artikolu H.2 tar-Regolament KE Nru 1164/94 1, peress li:

qed tiġi implementata korrezzjoni finanzjarja għal ksur ta' direttivi tal-UE dwar kuntratti pubbliċi għal kuntratti li madankollu mhumiex suġġetti għal dawn id-direttivi, u

qed tiġi applikata korrezzjoni finanzjarja għal ksur tal-liġi tal-UE liema ksur madankollu ma jeżistix, peress li ma hemmx l-allegazzjoni ta' ksur indebitu tas-suġġett tal-kuntratti.

2. Alternattivament, fir-rigward ta' dan kollu li ntqal, ksur tal-imsemmi regolament, peress li ma hemmx ksur tad-Direttiva 93/37/KEE fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi fir-rigward tal-esperjenza jew tal-prezz medju.

3. Sussidjarjament ir-rikorrent jallega wkoll ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94, tas-16 ta' Mejju 1994, li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, p 22)