Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Lulju 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda

(Kawża C-444/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: C. Hermes u M. Noll-Ehlers, aġenti)

Konvenut: L-Irlanda

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/43”) billi

naqset milli tikklassifika bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni (ŻSK), mill-iktar fis possibbli f’terminu massimu ta’ sitt snin, 217-il sit mill-423 sit ta’ interess Komunitarju fir-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku fuq it-territorju tagħha li kienu ġew elenkati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/813/KE tas-7 ta’ Diċembru 2004 2 , kif aġġornata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/23/KE tat-12 ta’ Novembru 2007 3 u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/96/KE tat-12 ta’ Diċembru 2008 4 ;

naqset milli tistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni ddettaljati speċifiċi għas-sit għal 140 sit mill-423 sit elenkati fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni msemmija iktar ’il fuq; u

naqset milli tistabbilixxi l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jikkorrispondu mar-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali fl-Anness I u tal-ispeċi fl-Anness II tad-Direttiva 92/43 għal ebda sit mill-423 sit elenkati fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni msemmija iktar ’il fuq.

tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tqis li l-Irlanda naqset milli tistabbilixxi u tmexxi n-network Natura 2000 tagħha skont ir-rekwiżiti legali stabbiliti mid-Direttiva 92/43.

L-ewwel, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 92/43 billi ma kklassifikatx bħala ŻSK mill-iktar fis possibbli u f’terminu massimu ta’ sitt snin, l-423 sit kollha elenkati fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni msemmija iktar ’il fuq. Dan in-nuqqas kien jikkonċerna 217-il sit sa tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata addizzjonali.

It-tieni, l-Irlanda naqset milli tosserva l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 92/43 billi ma stabbilixxietx għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit għal kull wieħed mill-423 sit inkwistjoni. Dan in-nuqqas kien jikkonċerna 140 sit sa tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata addizzjonali.

It-tielet, l-Irlanda naqset milli tistabbilixxi l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jikkorrispondu mar-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali fl-Anness I u tal-ispeċi fl-Anness II skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/43 għall-423 sit koperti minn dan il-ksur. Il-prattika tal-Irlanda fir-rigward tal-miżuri ta’ konservazzjoni wasslet għal sitwazzjoni li fiha l-ebda wieħed mill-423 sit koperti minn dan il-ksur ma kellu, sa tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata addizzjonali, miżuri ta’ konservazzjoni li jikkorrispondu mar-rekwiżiti legali tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/43. Ħafna siti ma kellhom l-ebda miżura ta’ konservazzjoni. Siti oħra kellhom miżuri ta’ konservazzjoni biss għal parti mit-tipi ta’ habitats naturali rilevanti tal-Anness I u tal-ispeċijiet tal-Anness II preżenti b’mod sinjifikattiv fis-siti. Barra minn hekk, numru kbir ta’ siti ma kellhomx miżuri ta’ konservazzjoni bbażati fuq għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit iddefiniti b’mod ċar. Minbarra dan, l-Irlanda b’mod ġenerali u persistenti naqset ukoll milli tosserva l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/43 billi stabbilixxiet miżuri ta’ konservazzjoni li ma humiex preċiżi u ddettaljati biżżejjed u li jonqsu milli jindirizzaw il-pressjonijiet u t-theddid sinjifikattivi kollha.

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.

2     2004/813/KE: id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2004 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-elenku ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bioġeografiku Atlantiku (ĠU 2005, L 269M, p. 150).

3     2008/23/KE: id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Novembru 2007 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-ewwel elenku aġġornat ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Atlantiku (ĠU 2008, L 12, p. 1).

4     2009/96/KE: id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2008 li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, it-tieni lista aġġornata tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku (ĠU 2009, L 43, p. 466).