Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2021 minn Engie Global LNG Holding Sàrl, Engie Invest International SA, Engie SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fit-12 ta’ Mejju 2021 fil-Kawżi magħquda T-516/18 u T-525/18, Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-454/21 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Engie Global LNG Holding Sàrl, Engie Invest International SA, Engie SA (rappreżentanti: C. Rydzynski, B Le Bret, M. Struys, F. Pili, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara dan l-appell bħala ammissibbli u fondat;

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Mejju 2021 fil-Kawżi magħquda T-516/18 u T-525/18, Il-Lussemburgu u Engie Global LNG Holding et vs Il-Kummissjoni;

tiddeċiedi definittivament fuq il-mertu, konformement mal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti ta-Ġustizzja, u, prinċipalment, tilqa’ t-talbiet imressqa minn Engie fl-ewwel istanza, jew, sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/421 tal-20 ta’ Ġunju 2018 dwar għajnuna mill-Istat SA.44888 (2016/C) (ex 2016/NN) implimentata mil-Lussemburgu favur Engie (ĠU 2019, L 78, p. 1), sa fejn tordna l-irkupru tal-għajnuna;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, Engie Global LNG Holding, Engie Invest International u Engie jinvokaw tliet aggravji.

Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żbalji ta’ liġi u żnaturamenti tal-fatti fid-definizzjoni tal-qafas ta’ riferiment strett (i) billi eskludiet id-Direttiva omm-sussidjarji fid-definizzjoni ta’ dan il-qafas ta’ riferiment; (ii) billi ħolqot rabta bejn l-Artikoli 164 u 166 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul fil-Lussemburgu; (iii) billi kkunsidrat li l-akkumulazzjonijiet fuq ZORA kienu jikkostitwixxu distribuzzjonijiet tal-profitti; u (iv) billi qieset li d-deċiżjonijiet tat-taxxa inkwistjoni kienu jagħtu vantaġġ selettiv.

Minbarra dan, il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żbalji ta’ liġi u żnaturamenti tal-fatti fid-dimostrazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv fir-rigward tad-dispożizzjoni Lussemburgiża dwar l-abbuż ta’ liġi (i) fir-rigward tal-qafas ta’ riferiment adottat; (ii) fl-identifikazzjoni ta’ vantaġġ selettiv; u (iii) fl-interpretazzjoni tad-dritt Lussemburgiż.

B’konsegwenza tal-ewwel u tat-tieni aggravju, l-appellenti jikkonkludu li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argumenti żviluppati minnhom fil-kuntest tar-rikors għal annullament fir-rigward tal-kompetenza limitata tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 2, 3, 4 u 5 TFUE dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, flimkien mal-Artikoli 113 sa 117 TFUE.

Fl-aħħar nett, l-irkupru tal-għajnuna ordnata mill-Qorti Ġenerali kienet kuntrarja għall-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi.

____________