Language of document : ECLI:EU:C:2017:585

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Lulju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali – Organizzazzjoni tal-qsim tal-fruntiera mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru bil-ħsieb ta’ tranżitu lejn Stat Membru ieħor – Dħul awtorizzat b’eċċezzjoni għal raġunijiet umanitarji – Artikolu 13 – Qsim irregolari ta’ fruntiera esterna – Terminu ta’ tnax-il xahar mill-qsim tal-fruntiera – Artikolu 27 – Rimedju ġudizzjarju – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Artikolu 29 – Terminu ta’ sitt xhur għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment – Kalkolu tat-termini – Użu ta’ appell – Effett sospensiv”

Fil-Kawża C‑490/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vrhovno sodišče (qorti suprema, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Settembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Settembru 2016, fil-proċedura

A.S.

vs

Republika Slovenija,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, L. Bay Larsen (Relatur), J. L. da Cruz Vilaça, M. Berger u A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Marzu 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A.S., minn M. Nabergoj u S. Zbičajnik, svetovalca za begunce,

–        għall-Gvern Sloven, minn N. Pintar Gosenca, B. Jovin Hrastnik u A. Vran, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn E. Armoët, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Cordì, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Tátrai u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Crane, bħala aġent, assistita minn C. Banner, barrister,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn U. Bucher, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande, M. Žebre u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1), tal-Artikolu 27(1) u tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A.S., ċittadin Sirjan, u r-Republika Slovenija (ir-Repubblika tas-Slovenja) dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li ma teżaminax l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn A.S.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessi 4, 5 u 19 tar-Regolament Dublin III huma redatti kif ġej:

“(4)      Il-konklużjonijiet [tal-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu] ta’ Tampere [fil‑15 u s‑16 ta’ Ottubru 1999] ddikjaraw ukoll li s-[Sistema Ewropea Komuni tal-Asil] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

(5)      Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

[…]

(19)      Sabiex tkun garantita il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati għandhom ikun stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, f’konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Sabiex jiġi żgurat li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet għandu jkopri kemm l-analiżi tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant.”

4        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (‘l-Istat Membru Responsabbli’).”

5        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament jistipula:

“Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.”

6        L-Artikolu 7(2) tal-istess regolament jispeċifika:

“L-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji stabiliti f’dan il-Kapitlu għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta l-applikant iddepożita għall-ewwel darba l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu jew tagħha għand Stat Membru.”

7        L-Artikolu 12 tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi kriterju ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, fir-rigward tal-ħruġ ta’ dokumenti ta’ residenza jew ta’ viżi.

8        L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dħul u/jew permanenza”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn ikun stabbilit, fuq il-bażi ta’ prova jew xhieda ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 22(3) ta’ dan ir-Regolament, inklużi d-data li jirreferi għalihom il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-‘Eurodac’ għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2013, L 180, p. 1)], li applikant ikun qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru wara li jkun ġie minn pajjiż terz, l-Istat Membru hekk ippenetrat għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Dik ir-responsabbilità għandha tieqaf 12‑il xahar wara d-data li fiha l-qsim irregolari tal-konfini jkun seħħ.”

9        L-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III jistipula:

“Fejn Stat Membru li għandu kienet iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira tal-Artikolu 20(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu tal-applikant.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, f’każ ta’ ‘hit’ mill-Eurodac b’data rreġistrata skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013, it-talba għandha tintbagħat fi żmien xagħrejn minn meta tiġi riċevuta l-‘hit’ skont l-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament.

Fejn it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant ma ssirx fi żmien il-perijodi stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, ir-responsibilità biex tkun eżaminata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha tkun tal-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni kienet iddepożitata.”

10      L-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Dublin III huwa fformulat kif ġej:

“2.      Talba biex persuna tittieħed lura għandha ssir kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien xahrejn minn meta rċieva l-‘hit’ mill-Eurodac kif iddefinit mill-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 603/2013.

Jekk it-talba biex tittieħed lura persuna tkun ibbażata fuq evidenza li mhix data meħuda mis-sistema tal-Eurodac, din għandha tkun mibgħuta lill-Istat Membru li saritlu t-talba fi żmien tliet xhur mid-data li fiha kienet iddepożitata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fit-tifsira tal-Artikolu 20(2).

3.      Meta t-talba biex tittieħed lura persuna ma ssirx fil-perijodi stipulati fil-paragrafu 2, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali suċċessiva għandha tkun tal-Istat Membru li fih tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni l-ġdida.”

11      L-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III huwa redatt kif ġej:

“Meta l-Istat Membru mitlub jaċċetta li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura applikant jew persuna oħra […], l-Istat Membru rikjedenti għandu jinnotifika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li hija tiġi trasferita lejn l-Istat Membru responsabbli u, fejn xieraq, bid-deċiżjoni li ma jeżaminax l-applikazjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali. […]”

12      L-Artikolu 27(1) u (3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.      L-applikant […] għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.

[…]

3.      Għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, -deċiżjonijiet ta’ trasferiment, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li:

(a)      l-appell jew ir-reviżjoni tagħti lill-applikant id-dritt li jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew ir-reviżjoni; jew

(b)      it-trasferiment huwa sospiż awtomatikament u tali sospensjoni tiskadi wara ċertu perijodu ta’ żmien raġonevoli, f’liema żmien qorti jew tribunal, wara skrutinju mill-qrib u rigoruż, tkun ħadet deċiżjoni dwar jekk għandux jingħata effett sospensiv lil appell jew reviżjoni; jew

(c)      il-persuna kkonċernata jkollha l-opportunità li titlob f’perijodu ta’ żmien raġonevoli lil qorti jew tribunal biex jissospendi l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew reviżjoni tiegħu/tagħha L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm rimedju effettiv billi jissospendu t-trasferiment sakemm tittieħed deċiżjoni rigward l-ewwel talba għal sospensjoni. […]”

13      L-Artikolu 29(1) u (2) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.      It-trasferiment tal-applikant […] mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit […] l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3).

[…]

2.      Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      A.S. telaq mis-Sirja għal-Libanu, biex wara vvjaġġa mit-Turkija, il-Greċja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u s-Serbja. Huwa qasam il-fruntiera bejn dan l-Istat tal-aħħar u l-Kroazja fis-sena 2016. L-awtoritajiet Kroati organizzaw it-trasport tiegħu sal-fruntiera Slovena.

15      A.S. daħal is-Slovenja fl‑20 ta’ Frar 2016. Sussegwentement huwa ġie ttrasferit mill-awtoritajiet Sloveni lill-awtoritajiet Awstrijaki. Dawn madankollu ċaħdu d-dħul tiegħu fl-Awstrija.

16      Fit‑23 ta’ Frar 2016, A.S. ressaq fis-Slovenja applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

17      L-awtoritajiet Sloveni talbu lill-awtoritajiet Kroati jinkarigaw lilhom infushom mir-responsabbiltà għal A.S. abbażi tal-Artikolu 21 tar-Regolament Dublin III. Dawn tal-aħħar laqgħu din it-talba fl‑20 ta’ Mejju 2016.

18      Fl‑14 ta’ Ġunju 2016, il-Ministrstvo za notranje zadeve (ministeru tal-intern, is-Slovenja) iddeċieda li ma jeżaminax l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali mressqa minn A.S., għar-raġuni li dan tal-aħħar għandu jiġi ttrasferit lejn il-Kroazja li huwa l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni, skont il-kriterju stipulat fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, peress li A.S. qasam irregolarment il-fruntiera Kroata meta ġie minn pajjiż terz.

19      A.S. ikkontesta din id-deċiżjoni quddiem l-Upravno sodišče (qorti amministrattiva, is-Slovenja). Fl‑4 ta’ Lulju 2016, dik il-qorti ċaħdet dan ir-rikors, filwaqt li ssospendiet l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-ministeru tal-intern tal‑14 ta’ Ġunju 2016 sakemm it-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinqata’ b’deċiżjoni definittiva. Għaldaqstant A.S. appella quddiem il-qorti tar-rinviju.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vrhovno sodišče (qorti suprema, is-Slovenja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-protezzjoni ġudizzjarja skont l-Artikolu 27 tar-Regolament [Dublin III], tirrigwarda wkoll l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kriterju skont l-Artikolu 13(1) [ta’ dan ir-regolament], fir-rigward ta’ deċiżjoni li Stat Membru mhux ser jeżamina t-talba għal protezzjoni internazzjonali, li Stat Membru ieħor diġà assuma r-responsabbiltà sabiex jeżamina t-talba tar-rikorrent fuq l-istess bażi u meta r-rikorrent jikkontesta dan?

2)      Il-kundizzjoni ta’ qsim b’mod irregolari skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament [Dublin III] għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu u indipendenti jew flimkien mal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva [2008/115/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98),] u l-Artikolu 5 [tar-Regolament (KE) Nru 562/2006, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 182, p. 1),] li jiddefinixxu l-qsim b’mod irregolari tal-fruntiera u din l-interpretazzjoni għandha tiġi applikata fir-rigward tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament [Dublin III]?

3)      Fid-dawl tar-risposta għat-tieni domanda, il-kunċett ta’ qsim b’mod irregolari skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament [Dublin III] fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx qsim b’mod irregolari tal-fruntiera meta l-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jorganizzaw il-qsim tal-fruntiera bil-għan ta’ tranżitu lejn Stat Membru ieħor […]?

4)      Fil-każ li r-risposta għat-tielet domanda tkun pożittiva, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament [Dublin III] għandu konsegwentement jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprojbixxi t-trasferiment ta’ ċittadin ta’ Stat terz lejn l-Istat fejn huwa daħal inizjalment fit-territorju tal-[Unjoni]?

5)      L-Artikolu 27 tar-Regolament [Dublin III], għandu jiġi interpretat fis-sens li t-termini tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 29(2) [ta’ dan ir-regolament] ma jiddekorrux meta r-rikorrent jeżerċita d-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja, a fortiori meta dan jirrigwarda wkoll domanda preliminari jew meta l-qorti nazzjonali tistenna r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal tali domanda magħmula f’kawża oħra? Sussidjarjament, it-termini jiddekorru f’tali każ, bl-Istat Membru responsabbli madankollu ma jkollux id-dritt li jiċħad l-akkoljenza?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21      Il-qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

22      Fis‑27 ta’ Settembru 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, iddeċidiet li ma kienx hemm lok li tilqa’ din it-talba.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2016, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta trattament prijoritarju lil din il-kawża.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

24      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li applikant għall-protezzjoni internazzjonali jista’ jinvoka, fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu, l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ responsabbiltà dwar il-qsim irregolari tal-fruntiera ta’ Stat Membru, stipulat fl-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament.

25      L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III jispeċifika li l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali għandu dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, minn din id-deċiżjoni quddiem qorti jew tribunal.

26      Il-portata tar-rimedju miftuħ għall-applikant għall-protezzjoni internazzjonali kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu hija ppreċiżata fil-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, li tindika li, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tad-dritt internazzjonali, ir-rimedju effettiv stabbilit bl-imsemmi regolament kontra deċiżjonijiet ta’ trasferiment għandu jirrigwarda, minn naħa, l-eżami tal-applikazzjoni tal-istess regolament u, min-naħa l-oħra, l-eżami tas-sitwazzjoni fattwali u legali fl-Istat Membru li lejh jiġi ttrasferit l-applikant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 38 u 39).

27      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 61 tas-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409), li, fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali seta’ jinvoka l-applikazzjoni żbaljata ta’ kriterju ta’ responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali stipulat fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III.

28      F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlet ebda distinzjoni bejn il-kriterji differenti previsti minn dan il-kapitolu, li fosthom hemm il-kriterju dwar il-qsim irregolari tal-fruntiera ta’ Stat Membru stipulat fl-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament.

29      Ċertament, huwa biss il-kriterju stipulat fl-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament li kien direttament inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza.

30      Madankollu, ir-raġunijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess sentenza japplikaw ukoll, mutatis mutandis, għall-kriterju stipulat fl-Artikolu 13(1) tal-istess regolament.

31      Għalhekk għandu jiġi rrilevat, b’mod partikolari, li l-kriterji li jinsabu fl-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament Dublin III għandhom rwol paragunabbli fit-tmexxija tal-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli stabbilit b’dan ir-regolament u, għaldaqstant, fl-applikazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 41 sa 44).

32      Bl-istess mod, l-iżviluppi li għaddiet minnhom is-sistema ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali mressqa f’wieħed mill-Istati Membri u l-għanijiet ta’ din is-sistema, enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 45 sa 59 tas-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409), huma wkoll rilevanti għall-istħarriġ tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament.

33      Fir-rigward tal-fatt, enfasizzat mill-qorti tar-rinviju, li, fil-kawża prinċipali, Stat Membru ieħor diġà rrikonoxxa li huwa responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kkunsidrata, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III, deċiżjoni ta’ trasferiment tista’ tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata biss wara li l-Istat Membru li quddiemu tkun tressqet it-talba jkun aċċetta li jinkariga lilu nnifsu mir-responsabbiltà għaliha jew li jeħodha lura.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-fatt ma jistax jimplika li l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ trasferiment fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament huwa eskluż, inkella l-Artikolu 27(1) tal-imsemmi regolament jiġi mċaħħad mill-effettività tiegħu. Barra minn hekk għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409), l-Istat Membru li quddiemu tkun tressqet it-talba kien irrikonoxxa espressament ir-responsabbiltà tiegħu għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali meqjusa.

35      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li applikant għall-protezzjoni internazzjonali jista’ jinvoka, fil-kuntest ta’ appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu, l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ responsabbiltà dwar il-qsim irregolari tal-fruntiera ta’ Stat Membru, stipulat fl-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

36      Permezz tat-tieni u t-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, moqri, jekk ikun il-każ, flimkien mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 562/2006, kif emendat bir-Regolament Nru 610/2013, u dawk tad-Direttiva 2008/115, għandux jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz, li d-dħul tiegħu ġie ttollerat, mill-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru kkonfrontati bil-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jittranżitaw minn dan l-Istat Membru sabiex iressqu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul bħala prinċipju meħtieġa f’dan l-ewwel Stat Membru, għandux jitqies li “qasam b’mod irregolari” il-fruntiera tal-imsemmi l-ewwel Stat Membru fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

37      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, mill-punti 41 sa 58 tas-sentenza ta’ llum, Jafari (C‑646/16), jirriżulta li l-ammissjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju ta’ Stat Membru f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi kklassifikata bħala “viża” fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolament Dublin III.

38      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament, mill-punti 60 sa 72 ta’ dik is-sentenza jirriżulta, qabel kollox, li, minkejja li l-atti adottati mill-Unjoni fl-oqsma tal-kontroll fil-fruntieri u tal-immigrazzjoni jikkostitwixxu elementi ta’ kuntest utli għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-portata tal-kunċett ta’ “qsim irregolari” tal-fruntiera ta’ Stat Membru fis-sens tal-imsemmi regolament ma tistax, bħala prinċipju, tiġi dedotta direttament minn dawn l-atti.

39      Sussegwentement, mill-punti 73 sa 92 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li ċittadin ta’ pajjiż terz ammess fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul bħala prinċipju meħtieġa f’dan l-Istat Membru, sabiex jittranżita lejn Stat Membru ieħor biex hemmhekk iressaq applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, għandu jitqies li “qasam b’mod irregolari” il-fruntiera ta’ dan l-ewwel Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, kemm jekk dan il-qsim ġie ttollerat jew awtorizzat bi ksur tar-regoli applikabbli, kif ukoll jekk ġie awtorizzat billi ġew invokati raġunijiet umanitarji u b’deroga għall-kundizzjonijiet ta’ dħul bħala prinċipju imposti fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

40      Fl-aħħar nett, il-fatt li l-qsim tal-fruntiera seħħ f’sitwazzjoni kkaratterizzata bil-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali, ma huwiex ta’ natura li jaffettwa l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza ta’ llum, Jafari, C‑646/16, punti 93 sa 100).

41      Għaldaqstant, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III u l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma għandux isir it-trasferiment ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru responsabbli meta dan it-trasferiment iwassal għal riskju reali li l-persuna kkonċernata ssofri trattamenti inumani jew degradanti fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 65). Għaldaqstant ma jistax isir trasferiment jekk, wara l-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali, kien hemm tali riskju fl-Istat Membru responsabbli.

42      Minn dan isegwi li r-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz, li d-dħul tiegħu ġie ttollerat, mill-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru kkonfrontati bil-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jittranżitaw minn dan l-Istat Membru sabiex iressqu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul bħala prinċipju meħtieġa f’dan l-ewwel Stat Membru, għandu jitqies li “qasam b’mod irregolari” il-fruntiera tal-imsemmi l-ewwel Stat Membru fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq ir-raba’ domanda

43      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni u t-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

 Fuq il-ħames domanda

44      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III għandhomx jiġu interpretati fis-sens li t-termini previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet ikomplu jiddekorru wara l-preżentata ta’ appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment ikkonċernata, inkluż meta l-qorti adita tkun iddeċidiet li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

45      L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, li jinsab fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, dwar il-kriterji biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli, jispeċifika, fit-tieni sentenza tiegħu, li r-responsabbiltà ta’ Stat Membru bbażata fuq il-kriterju dwar il-qsim irregolari tal-fruntiera ta’ Stat Membru tintemm tnax-il xahar wara d-data ta’ dan il-qsim.

46      L-Artikolu 29(2) tal-imsemmi regolament, li jinsab fit-Taqsima VI tal-Kapitolu VI tal-istess regolament, dwar it-trasferimenti, jipprovdi li, jekk it-trasferiment tal-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli ma jsirx f’terminu ta’ sitt xhur, dan l-Istat Membru tal-aħħar jiġi lliberat mill-obbligu tiegħu li jinkariga lilu nnifsu mir-responsabbiltà għall-persuna kkonċernata jew li jeħodha lura u r-responsabbiltà hija għaldaqstant ittrasferita lill-Istat Membru rikjedenti.

47      Minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirriżulta li t-termini stipulati minnhom għandhom, it-tnejn li huma, l-għan li jillimitaw ratione temporis ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru skont ir-Regolament Dublin III.

48      Madankollu, kemm mill-kliem tal-imsemmija dispożizzjonijiet kif ukoll mill-post tagħhom f’dan ir-regolament jirriżulta li huma applikabbli f’żewġ fażijiet differenti tal-proċedura stabbilita mill-imsemmi regolament.

49      Għaldaqstant, it-terminu msemmi fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III jikkostitwixxi kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-kriterju stipulat b’din id-dispożizzjoni u għandha tiġi żgurata l-osservanza tiegħu waqt il-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li, fi tmiemha, jekk ikun il-każ, tista’ tiġi adottata deċiżjoni ta’ trasferiment.

50      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-regolament jirrigwarda l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment u jista’ jiġi applikat biss ladarba jiġi stabbilit il-prinċipju ta’ trasferiment, jiġifieri l-iktar kmieni meta l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jkun aċċetta t-talba sabiex jieħu, jew jieħu lura, l-inkarigu.

51      Is-sistemi rispettivi ta’ dawn iż-żewġ termini għandhom għaldaqstant jiġu speċifikati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet speċifiċi tagħhom fi ħdan il-proċedura stabbilita bl-imsemmi regolament.

52      Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-terminu stipulat fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7(2) tiegħu jispeċifika li l-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji stipulati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament għandu jkun iddeterminat abbażi tas-sitwazzjoni li kienet fis-seħħ meta l-applikant ressaq għall-ewwel darba l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu ma’ Stat Membru.

53      Għaldaqstant, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament għandha tiġi interpretata fis-sens li timplika li l-Istat Membru li l-fruntiera esterna tiegħu nqasmet irregolarment minn ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax jibqa’ jinżamm responsabbli, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, jekk it-terminu ta’ tnax-il xahar wara l-qsim irregolari ta’ din il-fruntiera jkun diġà skada meta l-applikant iressaq għall-ewwel darba l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu ma’ Stat Membru.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżentata ta’ appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment, li neċessarjament issir wara n-notifika tagħha u għaldaqstant wara t-tressiq ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, min-natura tagħha ma jista’ jkollha ebda effett fuq il-kalkolu tat-terminu stipulat fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III.

55      F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tressqet inqas minn tnax‑il xahar wara l-qsim irregolari tal-fruntiera ta’ Stat Membru, ir-regola stipulata fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III ma tostakolax l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju ta’ responsabbiltà.

56      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-terminu stipulat fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, minn naħa, mir-rabta bejn il-paragrafi differenti ta’ dan l-artikolu u, min-naħa l-oħra, mill-assenza ta’ kwalunkwe preċiżazzjoni, f’din id-dispożizzjoni, fir-rigward ta’ meta jibda jiddekorri dan it-terminu, jirriżulta li dan jispeċifika biss il-konsegwenzi tal-iskadenza tat-terminu ta’ eżekuzzjoni tat-trasferiment stipulat fl-Artikolu 29(1) ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2009, Petrosian, C‑19/08, EU:C:2009:41, punt 50).

57      Issa, l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III jieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tal-preżentata eventwali ta’ appell billi jipprevedi li t-terminu ta’ sitt xhur għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment jibda jiddekorri mid-deċiżjoni definittiva fuq l-appell jew ir-reviżjoni meta jingħata l-effett sospensiv konformement mal-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament.

58      Konsegwentement, il-preżentata ta’ appell li, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ingħata effett sospensiv, timplika li t-terminu ta’ eżekuzzjoni tat-trasferiment jiskadi biss, bħala prinċipju, sitt xhur wara li jkun hemm deċiżjoni definittiva fuq dan l-appell.

59      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li t-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(2) tiegħu, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-preżentata ta’ appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment ma għandhiex effett fuq il-kalkolu tat-terminu previst fl-imsemmi Artikolu 13(1).

60      L-Artikolu 29(1) u (2) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-preżentata ta’ tali appell timplika li t-terminu stipulat f’dawn id-dispożizzjonijiet jibda jiddekorri biss mid-deċiżjoni definittiva fuq dan l-appell, inkluż meta l-qorti adita tkun iddeċidiet li tibgħat talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm l-imsemmi appell ikun ingħata effett sospensiv konformement mal-Artikolu 27(3) tal-istess regolament.

 Fuq l-ispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li applikant għall-protezzjoni internazzjonali jista’ jinvoka, fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu, l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ responsabbiltà dwar il-qsim irregolari tal-fruntiera ta’ Stat Membru, stipulat fl-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament.

2)      L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz, li d-dħul tiegħu ġie ttollerat, mill-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru kkonfrontati bil-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jittranżitaw minn dan l-Istat Membru sabiex iressqu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul bħala prinċipju meħtieġa f’dan l-ewwel Stat Membru, għandu jitqies li “qasam b’mod irregolari” il-fruntiera tal-imsemmi l-ewwel Stat Membru fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

3)      It-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 604/2013, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(2) tiegħu, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-preżentata ta’ appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment ma għandhiex effett fuq il-kalkolu tat-terminu previst fl-imsemmi Artikolu 13(1).

L-Artikolu 29(1) u (2) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-preżentata ta’ tali appell timplika li t-terminu stipulat f’dawn id-dispożizzjonijiet jibda jiddekorri biss mid-deċiżjoni definittiva fuq dan l-appell, inkluż meta l-qorti adita tkun iddeċidiet li tibgħat talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm l-imsemmi appell ikun ingħata effett sospensiv konformement mal-Artikolu 27(3) tal-istess regolament.

Firem


* Lingwa tal-kawża: is-Sloven.