Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio Nazionale Forense (l-Italja) fl-4 ta' Frar 2013 - Angelo Alberto Torresi vs Consiglio dell'Ordine degli Avvocati di Macerata

(Kawża C-58/13)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio Nazionale Forense

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Angelo Alberto Torresi

Konvenut: Consiglio dell'Ordine degli Avvocati di Macerata

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta' projbizzjoni tal-abbuż tad-dritt u tal-Artikolu 4(2) TUE dwar ir-rispett tal-identitajiet nazzjonali, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Frar 1998, sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta' avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni , għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali li jirreġistraw fil-lista tal-avukati stabbiliti ċittadini Taljani li jkunu adottaw imġiba abbużiva tad-dritt tal-Unjoni u jipprekludi prassi nazzjonali li tippermetti lil tali awtoritajiet li jirrifjutaw applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni fil-lista tal-avukati stabbiliti fil-każ li jeżistu ċirkustanzi oġġettivi li jindikaw li jkun twettaq abbuż tad-dritt tal-Unjoni, bla ħsara, minn naħa, għar-rispett tal-prinċipju ta' proporzjonalità u ta' nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, għad-dritt tal-persuna kkonċernata li tressaq proċeduri ġudizzjarji sabiex tasserixxi eventwali ksur tad-dritt ta' stabbiliment u, għaldaqstant, għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-azzjoni amministrattiva?

Fil-każ ta' risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5/KE, interpretat b'dan il-mod, għandu jiġi kkunsidrat invalidu fid-dawl tal-Artiklu 4(2) TUE sa fejn jippermetti li tiġi evitata l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tissuġġetta l-aċċess għall-professjoni ta' avukat għall-kundizzjoni li wieħed jgħaddi minn eżami tal-Istat meta tali eżami jkun previst fil-Kostituzzjoni tal-imsemmi Stat u jifforma parti mill-prinċipji fundamentali ta' protezzjoni tal-utenti ta' attivitajiet professjonali u ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja?

____________