Language of document : ECLI:EU:T:2008:235

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

1 ta’ Lulju 2008 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Miżuri meħuda mill-awtoritajiet Ġermaniżi favur id-Deutsche Post AG – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha – Servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali – Kumpens għal spejjeż addizzjonali ġġenerati minn politika ta’ bejgħ b’telf fis-settur tat-trasport ta’ pakketti bieb bieb – Nuqqas ta’ vantaġġ”

Fil-kawża T-266/02,

Deutsche Post AG, stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Sedemund u T. Lübbig, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn W.-D. Plessing u M. Lumma, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Kreuschitz u J. Flett, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Bundesverband Internationaler Express- und Kurierdienste eV (BIEK), stabbilita fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja), irrappreżentata minn F. Mitzkus, T. Wambach u R. Wojtek, avukati,

u minn

UPS Europe NV/SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), inizjalment irrappreżentata minn T. Ottervanger u A. Bijleveld, u sussegwentement minn T. Ottervanger, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/753/KE, tad-19 ta’ Ġunju 2002, dwar miżuri meħuda mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur Deutsche Post AG (ĠU L 247, p. 27),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u J. Azizi, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku Ġermaniż

1        Għandhom jiġu ppreżentati d-dispożizzjonijiet prinċipali tal-ħames miżuri leġiżlattivi jew regolamentari Ġermaniżi dwar it-trasport bil-posta adottati bejn l-1989 u l-1998 li huma rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

2        L-ewwel nett, fit-8 ta’ Ġunju 1989, ġie adottat il-Postverfassungsgesetz (Liġi fuq l-organizzazzjoni tal-posta) (BGBl. 1989 I, p. 1026, iktar ’il quddiem il-“PostVerfG”). Skont l-Artikolu 1(2) tal-PostVerfG, l-amministrazzjoni postali Ġermaniża, id-Deutsche Bundespost, ġiet maqsuma fi tliet entitajiet ġuridiċi distinti (Teilsondervermögen), jiġifieri d-Deutsche Bundespost Postdienst (iktar ’il quddiem id-“DB-Postdienst”), id-Deutsche Bundespost Telekom (iktar ’il quddiem id-“DB-Telekom”) u d-Deutsche Bundespost Postbank (iktar ’il quddiem id-“DB-Postbank”). Skont l-Artikolu 65(2) tal-PostVerfG, dawn l-entitajiet kienu obbligati jżommu s-servizzi li kienet toffri d-Deutsche Bundespost. Kien għalhekk li, filwaqt li d-DB-Telekom issuċċediet lid-Deutsche Bundespost fl-attivitajiet tagħha ta’ telekomunikazzjoni, id-DB-Postdienst ħadet f’idejha l-attivitajiet tad-Deutsche Bundespost fis-settur tal-posta.

3        Barra minn dan, skont l-Artikolu 37(3) tal-PostVerfG, kellu jsir kumpens finanzjarju bejn it-tliet entitajiet ġuridiċi li rriżultaw mid-diviżjoni tad-Deutsche Bundespost, meta waħda minnhom ma tkunx f’pożizzjoni li tiffinanzja l-ispejjeż tagħha mid-dħul tagħha stess. Barra minn dan, skont l-Artikolu 63(1) tal-PostVerfG, id-Deutsche Bundespost, minkejja d-diviżjoni, baqgħet obbligata twettaq ħlasijiet lura lill-Istat li jikkorrispondu għal perċentwali mid-dħul tagħha mill-operat, u dan sal-1995.

4        Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-obbligu ta’ servizz pubbliku li għalih kienet responsabbli d-DB-Postdienst, l-Artikolu 25(2) tal-PostVerfG kien jipprovdi essenzjalment li l-Gvern Ġermaniż kellu s-setgħa jiddetermina permezz ta’ regolament “l-infrastrutturi li l-impriżi [kellhom] jipprovdu (servizzi obbligatorji) fl-interess pubbliku partikolari, b’mod partikolari sabiex jiggarantixxu s-servizz pubbliku” kif ukoll li “jistabbilixxi l-istrutturi essenzjali tas-servizzi obbligatorji u r-regoli dwar it-tariffi”.

5        It-tieni nett, fit-8 ta’ Lulju 1989, ġiet adottata il-Gesetz über das Postwesen (Liġi fuq il-posta) (BGBl. 1989 I, p. 1449). Skont l-Artikolu 2(1) tal-Gesetz über das Postwesen, id-DB-Postdienst ibbenefikat minn monopolju fis-settur tat-trasport tal-posta.

6        It-tielet nett, fit-12 ta’ Jannar 1994, ġiet adottata l-Postdienst-Pflichtleistungsverordnung (Regolament fuq is-servizzi obbligatorji) (BGBl. 1994 I, p. 86, iktar ’il quddiem il-“PPfLV”). Skont l-Artikolu 1(1) tal-PPfLV, id-DB-Postdienst kellha tipprovdi s-“servizzi obbligatorji” tagħha fit-territorju kollu, skont prinċipju ta’ tariffa waħda fit-territorju nazzjonali kollu. Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tar-routing tal-pakketti, l-Artikolu 2(1) tal-PPfLV jipprovdi li d-DB-Postdienst kellha tiżgura l-ġbir, it-trasport u t-tqassim ta’ pakketti ta’ piż massimu ta’ 20 kg u li jikkorrispondu għal ċerti daqsijiet massimi fit-territorju kollu. Barra minn dan, l-Artikolu 2(2)(3) tal-PPfLV kien jawtorizza lid-DB-Postdienst sabiex tiffissa tariffa iktar baxxa mit-tariffa waħda fil-każ fejn il-klijent stess jieħu ħsieb l-issortjar tal-pakketti jew jekk jiddepożita kwantità minima ta’ pakketti.

7        Ir-raba’ nett, fl-14 ta’ Settembru 1994, ġie adottat il-Postumwandlungsgesetz (Liġi fuq l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-posta) (BGBl. 1994 I, p. 2339). Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Postumwandlungsgesetz, it-tliet entitajiet ġuridiċi msemmija iktar ’il fuq fil-punt 2 ġew mibdula f’kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata, mill-1 ta’ Jannar 1995, u l-attivitajiet tagħhom ittieħdu rispettivament mid-Deutsche Post AG (iktar ’il quddiem id-“DPAG” jew ir-“rikorrenti”), minn Deutsche Telekom AG u mid-Deutsche Postbank AG.

8        Il-ħames nett, fit-22 ta’ Diċembru 1997, ġie adottat il-Postgesetz (Liġi tal-posta) (BGBl. 1997 I, p. 3294) li skont l-Artikolu 4(1) tiegħu kien jipprovdi li r-routing tal-pakketti li l-piż tagħhom ma kienx jaqbeż l-20 kg kien jikkostitwixxi servizz universali.

 Il-fatti li taw lok għall-kawża

9        Barra mis-settur tat-trasport tal-posta li fih hija tibbenefika minn monopolju (iktar ’il quddiem is-“settur irriżervat”), id-DPAG topera wkoll f’żewġ setturi oħra tal-posta, jiġifieri, minn naħa, it-trasport tal-pakketti u, min-naħa l-oħra, it-trasport ta’ perjodiċi u ta’ gazzetti, li t-tnejn li huma, huma miftuħa għall-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem is-“setturi miftuħa għall-kompetizzjoni”).

10      Fis-settur tat-trasport tal-pakketti, id-DPAG tiżgura, minn naħa, servizzi ta’ trasport tal-pakketti ddepożitati direttament fl-uffiċċji tal-posta u, min-naħa l-oħra, servizzi ta’ trasport ta’ kwantitajiet ikbar ta’ pakketti li mhumiex ipproċessati direttament fl-uffiċċji tal-posta (iktar ’il quddiem is-“settur tal-pakketti bieb bieb”).

11      Fir-rigward tas-settur tal-pakketti bieb bieb, li huwa s-suġġett ta’ dawn il-proċeduri, id-DPAG tiżgura żewġ servizzi prinċipali, jiġifieri, minn naħa, it-trasport ta’ pakketti bieb bieb li huwa mmirat lejn il-klijentela professjonali li tagħmel l-issortjar hija stess jew tiddepożita kwantità minima ta’ pakketti (iktar ’il quddiem il-“parti tal-klijentela professjonali”) u, min-naħa l-oħra, it-trasport ta’ pakketti għall-impriżi ta’ bejgħ bil-posta li jibagħtu merkanzija ordnata minn fuq katalgu jew elettronikament (iktar ’il quddiem il-“parti tal-BBP”).

12      Il-parti tal-klijentela professjonali hija distinta minn dik tal-parti tal-BBP, b’mod partikolari minħabba l-operazzjonijiet loġistiċi ta’ ġbir, ta’ pproċessar fiċ-ċentru ta’ depożitu u ta’ kunsinna li jirrikjedu u l-ispejjeż li jiġġeneraw.

13      Fis-7 ta’ Lulju 1994, l-impriża privata ta’ distribuzzjoni ta’ pakketti, UPS Europe NV/SA (iktar ’il quddiem “UPS”), ippreżentat ilment mal-Kummissjoni fil-konfront tad-DB-Postdienst ibbażat kemm fuq l-Artikolu 86 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 82 KE) kif ukoll fuq l-Artikolu 92 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 87 KE). Dan l-ilment ġie segwit b’ilment ieħor magħmul mill-assoċjazzjoni ta’ fornituri privati ta’ servizzi ta’ kurrier u ta’ kunsinna espressa ta’ posta u ta’ pakketti, il-Bundesverband Internationaler Express-und Kurierdienste eV (iktar ’il quddiem il-“BIEK”). Essenzjalment, UPS u l-BIEK jilmentaw li d-DB-Postdienst, minn naħa, għandha politika ta’ bejgħ b’telf fis-settur tal-pakketti bieb bieb li jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE u, min-naħa l-oħra, tkopri t-telf tagħha f’dan is-settur permezz jew tad-dħul tagħha mis-settur irriżervat, jew minn riżorsi pubbliċi mogħtija lilha bi ksur tal-Artikolu 87 KE.

14      B’ittra tas-17 ta’ Awwissu 1999, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fit-23 ta’ Ottubru 1999 (ĠU C 306, p. 25), il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċeduri previsti fl-Artikolu 88(2) KE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiftaħ il-proċeduri”). Barra minn dan, fis-7 ta’ Lulju 2000, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tiftaħ il-proċeduri skont l-Artikolu 82 KE.

15      Fl-20 ta’ Marzu 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2001/354/KE dwar proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE (Każ COMP/35.141 – Deutsche Post AG) (ĠU L 125, p. 27). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni essenzjalment ikkonkludiet li d-DPAG kisret l-Artikolu 82 KE sa fejn din abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fil-parti tal-BBP biss, l-ewwel nett, billi ssuġġettat, mill-1974 sal-2000, l-għoti ta’ rifużjonijiet għal-lealtà lill-klijenti tagħha għall-kundizzjoni li jobbligaw ruħhom li jużaw is-servizzi tagħha għall-ipproċessar tal-pakketti tagħhom kollha jew tal-parti l-kbira tagħhom jew tal-katalgi tagħhom ta’ ċertu piż u, it-tieni nett, billi, bejn l-1990 sal-1995, ipprattikat politika ta’ bejgħ b’telf billi offriet prezzijiet iktar baxxi mill-ispejjeż inkrementali tagħha. Fir-rigward tal-prattika tar-rifużjonijiet għal-lealtà, il-Kummissjoni essenzjalment imponiet multa ta’ EUR 24 miljun lid-DPAG. Fir-rigward tal-prattika ta’ bejgħ b’telf, il-Kummissjoni ma mponiet l-ebda emenda lid-DPAG, għaliex hija essenzjalment ikkunsidrat li l-kriterju li għalih irrikorriet sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dan il-bejgħ b’telf ma kienx intuża qabel.

16      Fid-19 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2002/753/KE dwar miżuri meħuda mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur id-DPAG (ĠU L 247, p. 27, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi raġunament f’erba’ stadji.

17      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “[fid]-deċiżjoni tagħha [li tiftaħ il-]proċeduri, il-Kummissjoni esprimiet il-fehma li l-ħlasijiet li rċevew [id-]DB-Postdienst, u, sussegwentement [id-]DPAG, bħala kumpens għall-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali, huma ogħla mill-ispejjeż addizzjonali netti li dawn is-servizzi kienu jinvolvu għa[d-]DB-Postdienst u għad-DPAG” u li hija “ħabbret li ser teżamina l-allegati miżuri ta’ għajnuna” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li hija elenkat, fil-premessi 3 sa 7 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn il-miżuri huma, l-ewwel nett, il-finanzjament tal-akkwist tad-Deutsche Postbank fl-1998, it-tieni nett, il-finanzjament tal-Post-Unterstützungskasse (fondi ta’ pensjoni għall-uffiċjali tal-posta), it-tielet nett, l-eventwali għoti ta’ garanziji pubbliċi intiżi sabiex ikopru l-obbligi tad-Deutsche Bundespost, ir-raba’ nett, iċ-ċirkustanzi tal-bdil tad-DB-Postdienst f’kumpannija ta’ responsabbiltà limitata, u l-ħames nett, l-għajnuna finanzjarja jew amministrattiva tal-Istat favur ir-rikorrenti.

18      Wara li ddeskriviet, fil-premessi 12 sa 15 tad-deċiżjoni kkontestata, in-natura ta’ kull waħda mill-ewwel erba’ miżuri msemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni indikat, dwar il-ħames miżura, fil-premessi 16 sa 20 ta’ din id-deċiżjoni, li r-rikorrenti informatha li hija kienet irċeviet, skont l-Artikolu 37(3) tal-PostVerfG, trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom sabiex jikkumpensaw it-telf subit minnha mill-1990 sal-1995 (iktar ’il quddiem it-“trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni b’mod partikolari tirrileva, fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li, kif ikkonfermat ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-osservazzjonijiet addizzjonali tagħha tal-25 ta’ April 2000 u tal-31 ta’ Jannar 2002, id-DB-Telekom u/jew [Deutsche Telekom] ħallsu b’kollox 11 081 miljun mark Ġermaniż [DEM] lid-DB-Postdienst u/jew lid-DPAG bħala kumpens bejn l-1990 u l-1995, li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma jiċħdux li dan il-kumpens finanzjarju bejn żewġ impriżi differenti huwa dovut għall-Istat, billi huwa stipulat mill-Artikolu 37(3) tal-PostVerfG, u li l-Gvern Ġermaniż madankollu jqis li t-trasferimenti mwettqa mid-DB-Telekom kienu indispensabbli sabiex twettaq il-funzjonijiet tagħhom ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (iktar ’il quddiem is-“SIEĠ”) f’kundizzjonijiet finanzjarji bbilanċjati.

19      Wara li indikat, fil-premessi 21 sa 39 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont ta’ spejjeż infrastrutturali dovuti għas-servizzi tal-pakketti bieb bieb, il-Kummissjoni b’mod partikolari indikat, fil-premessi 40 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkomunikatilha informazzjoni rigward, minn naħa, l-importanza tal-funzjoni ta’ SIEĠ tad-DPAG fis-settur tat-trasport tal-pakketti u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż addizzjonali netti ta’ SIEĠ marbuta ma’ ħmistax-il spiża li ntirtu mill-passat li r-rikorrenti kellha tassumi billi qabel kienet amministrazzjoni pubblika. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni, fil-premessi 46 sa 63 tad-deċiżjoni kkontestata, issemmi osservazzjonijiet li rċeviet mingħand terzi interessati fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi, u b’mod partikolari mingħand il-BIEK u UPS, li skonthom, essenzjalment, id-DPAG irreġistrat telf fis-settur tal-paketti bieb bieb li mhumiex marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ iżda li jirriżultaw minn politika ta’ bejgħ b’telf li hija tkopri permezz ta’ riżorsi pubbliċi.

20      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 66 sa 69 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 107 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja informatha, fuq talba tagħha, li, għall-perijodu bejn l-1990 sal-1998, id-DPAG kienet irreġistrat, minn naħa, qligħ fis-settur irriżervat u, min-naħa l-oħra, telf fis-setturi miftuħa għall-kompetizzjoni, b’mod li kienet irreġistrat defiċit totali, bis-setturi kollha ta’ attività meħuda flimkien, ta’ DEM 2 289 miljun matul dan il-perijodu.

21      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fil-fatt tindika, fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “[b]i tweġiba għad-domanda tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2000 fuq eventwali qligħ li sar [mid]-DPAG matul il-perijodu bejn l-1990 u l-1998 fil-qasam [tas-setturi miftuħa għall-kompetizzjoni], il-Gvern [Ġermaniż] indika fil-komunikazzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2000 (p. 10) li [d]-DPAG irreġistrat qligħ ta’ DEM [kunfidenzjali](1) miljun fis-servizzi koperti għall-kompetizzjoni fl-1998”. Hija tkompli billi żżid li, “[b]arra minn hekk, l-awtoritajiet Ġermaniżi ppreżentaw ċifri li skonthom, bejn l-1990 u l-1998, is-settur [tat-trasport tal-pakketti] kollu kemm hu rreġistra defiċit ta’ DEM [kunfidenzjali] miljun u dak tat-tqassim tal-gazzetti u tal-perjodiċi telf ta’ DEM [kunfidenzjali] miljun”. Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li “[b]’kollox, id-defiċit [jammonta] għalhekk għal DEM [kunfidenzjali] miljun għal dawn iż-żewġ setturi” u li “[i]d-dħul iġġenerat mis-setturi miftuħa għall-kompetizzjoni kienu għalhekk insuffiċjenti sabiex jagħmlu tajjeb għad-defiċit fis-settur [tat-trasport tal-pakketti]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

22      Barra minn hekk, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 107 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li, “[s]kond iċ-ċifri ppreżentati [mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] fl-ittra tagħha tat-2 ta’ Ġunju 2000 (verżjoni rrettifikata tat-12 ta’ Jannar 2000), is-[settur] irriżervat irreġistra b’kollox qligħ ta’ DEM [kunfidenzjali] miljun bejn l-1990 u l-1998”, li, “[m]atul il-perijodu kkunsidrat, is-settur[i] miftuħ[a] għall-kompetizzjoni kellhom dħul ta’ DEM [kunfidenzjali] miljun” u li dan “bilfors jimplika li ammont ta’ għall-inqas DEM [kunfidenzjali] miljun tad-defiċit globali ta’ DEM [kunfidenzjali] miljun la seta’ jiġi kkompensat mill-qligħ tas-settur [irriżervat] u lanqas mid-dħul mis-[setturi] miftuħa għall-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

23      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fir-rigward tat-telf tad-DPAG ta’ ammont ta’ DEM [kunfidenzjali] miljun irreġistrat biss fis-settur tat-trasport tal-pakketti matul il-perijodu bejn l-1990 u l-1998, għandu jiġi eżaminat jekk “l-ispejjeż addizzjonali netti li l-Istat ikkumpensa huma direttament marbuta mal-funzjoni [tad-]DPAG definita bi preċiżjoni mil-liġi” u li, “[j]ekk dan il-fluss ta’ riżorsi pubbliċi kellu finalment jippermetti lis-settur [tat-trasport] tal-pakketti li jiffinanzja wkoll spejjeż addizzjonali netti li m’għandhom l-ebda rabta kawżali mat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, [id]-DPAG tikseb vantaġġ minnu fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

24      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tikkonstata, fil-premessi 75 sa 79 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont l-Artikolu 2(2)(3) tal-PPfLV, mill-1 ta’ Frar 1994, id-DPAG kellha l-possibbiltà, iżda mhux l-obbligu, li tagħti fis-settur tal-pakketti bieb bieb rifużjonijiet lill-klijenti tagħha li jwasslu għal tariffi iktar baxxi mit-tariffa waħda stabbilita fl-Artikolu 1(1) tal-PPfLV għas-settur tat-trasport tal-pakketti.

25      It-tieni nett, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fid-dawl tal-ispejjeż tad-DPAG marbuta mas-settur tal-pakketti bieb bieb u tat-tariffi iktar baxxi mit-tariffa waħda li hija kienet toffri (premessi 21 sa 39 u t-tabella li tidher fil-premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata), id-dħul tas-settur tal-pakketti bieb bieb kien, mill-1994 sa 1999, dejjem insuffiċjenti sabiex ikopru l-ispejjeż li kienu jirriżultaw mit-tħaddim ta’ dan is-settur biss. Hija tispeċifika li din is-sitwazzjoni ta’ insuffiċjenza fil-kopertura tal-ispejjeż ta’ DPAG waqfet fl-1999.

26      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrileva, fil-premessi 82 u 86 tad-deċiżjoni kkontestata, li mhemm l-ebda rabta kawżali bejn dawn l-ispejjeż addizzjonali ġġenerati minn din il-politika ta’ bejgħ b’telf u l-funzjoni ta’ SIEĠ tad-DPAG għal tliet raġunijiet. L-ewwel nett, skontha, id-DPAG ma kienet marbuta bl-ebda obbligu legali li toffri lill-klijenti tas-servizzi fis-settur tal-pakketti bieb bieb tariffi iktar baxxi mit-tariffa waħda legali. It-tieni nett, hija tikkunsidra li l-politika dwar it-tariffi tad-DPAG li kienet tikkonsisti filli toffri tariffi iktar baxxi mit-tariffa waħda kienet dovuta esklużivament għall-isforzi magħmula mid-DPAG sabiex tikkonserva jew tikseb ishma fis-suq fis-settur tal-pakketti bieb bieb suġġetti għall-kompetizzjoni. It-tielet nett, hija tikkonstata li l-prattika tal-prezzijiet iktar baxxi mit-tariffa waħda tikkawża spejjeż addizzjonali netti li huma kjarament identifikabbli, li mhumiex dovuti għall-obbligi tagħha ta’ SIEĠ.

27      Il-Kummissjoni fil-fatt tirrileva, fil-premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata, li, mill-1994 sal-1999, ir-rikorrenti rreġistrat spejjeż addizzjonali netti ta’ ammont totali ta’ DEM 1 118,7 miljun li jirriżultaw mill-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf.

28      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tqis, fil-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata, li “politika [ta’ bejgħ b’telf] hija inkompatibbli, f’tul ta’ żmien medju, mal-importanza ekonomika tal-impriża” u li “[l-]ebda impriża privata suġġetta għall-forzi tas-suq ma żżomm, f’dawn il-kundizzjonijiet, [is-settur tal-] pakketti bieb bieb, billi l-politika mħaddna fil-qasam tal-[bejgħ b’telf] takkumula d-defiċits annwali, u, fin-nuqqas ta’ kumpens finanzjarju, twassal f’tul ta’ żmien medju għal dejn eċċessiv”. Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi, fil-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[s]afejn il-kumpens tal-Istat mogħti għall-ispejjeż addizzjonali netti li jirriżultaw minn politika ta’ [bejgħ b’telf] għandu l-għan li jnaqqas l-ispejjeż normalment marbuta mal-provvista ta’ servizzi [fis-settur tal-]pakketti bieb bieb miftuħa għall-kompetizzjoni, din il-miżura tikkostitwixxi vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE]”, li “[l-]għoti ta’ riżorsi tal-Istat sabiex tiġi kkumpensata din il-parti tal-ispejjeż mhux koperti tikkostitwixxi vantaġġ kompetittiv [għad-]DPAG” u li “[d]an il-vantaġġ u din l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni tammonta għal DEM 1 118,7 miljun”.

29      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:

“Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat fl-ammont ta’ EUR 572 miljun (DEM 1 118,7 miljun), li [r-Repubblika Federali tal-Ġermanja] tat [lid-DPAG], hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1. [Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tirkupra mingħand [id-DPAG] l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1, li ġiet mogħtija lilha illegalment.

[…]”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Settembru 2002, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

31      Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-17 u fid-19 ta’ Diċembru 2002, il-BIEK u UPS talbu rispettivament li jintervjenu insostenn tal-Kummissjoni.

32      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-9 ta’ Mejju 2003, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet li tintervjeni insostenn tar-rikorrenti.

33      Permezz ta’ ittri mibgħuta lir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-11 ta’ Marzu, fl-14 ta’ April u fis-26 ta’ Settembru 2003, kif ukoll fis-26 ta’ Frar 2004, ir-rikorrenti talbet li ċerti elementi tal-atti proċesswali ma jiġux ikkomunikati lill-BIEK u lil UPS, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

34      Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Ġunju 2003, il-President tar-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ t-talbiet għal intervent tal-BIEK u ta’ UPS u rriżerva d-deċiżjoni fuq il-mertu tat-talba għal trattament kunfidenzjali.

35      Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Ġunju 2003, il-President tar-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ t-talba għal intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Billi din it-talba għal intervent ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt ġimgħat previst fl-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal-Proċedura, id-drittijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja huma dawk previsti fl-Artikolu 116(6) ta’ dawn ir-regoli.

36      B’atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Ġunju u fis-17 ta’ Novembru 2003, kif ukoll fit-23 ta’ April 2004, il-BIEK ressqet oġġezzjonijiet fir-rigward tat-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti elementi tal-atti proċesswali li ġew ikkomunikati lilha.

37      B’atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-17 ta’ Novembru 2003 u fit-23 ta’ April 2004, UPS ressqet oġġezzjonijiet fir-rigward tat-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti elementi tal-atti proċesswali li ġew ikkomunikati lilha.

38      B’ittra mibgħuta lill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Jannar 2004, ir-rikorrenti ressqet l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-oġġezzjonijiet fir-rigward tat-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti elementi tal-atti proċesswali mqajma mill-intervenjenti, il-BIEK u UPS.

39      Billi nbidlet il-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla Estiża, li lilha, għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża.

40      Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Jannar 2005, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ t-talba għal trattament kunfidenzjali ta’ ċerti figuri u ta’ ċerti dokumenti fir-rigward tal-BIEK u ta’ UPS u ċaħad il-kumplament tat-talba għal trattament kunfidenzjali.

41      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet, permezz ta’ ittri tal-15 ta’ Marzu 2007, lir-rikorrenti, lill-Kummissjoni u lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex jippreżentaw ċerti dokumenti u sabiex jirrispondu bil-miktub għal xi domandi. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ dawn it-talbiet fit-termini mogħtija lilhom.

42      Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-13 ta’ April u fit-3 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti talbet li ċerti figuri u ċerti dokumenti pprovduti minnha, mill-Kummissjoni u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni ma jiġux ikkomunikati lill-BIEK u lil UPS, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

43      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Mejju 2007, il-BIEK ressqet oġġezzjonijiet fit-termini mogħtija fuq it-talba tar-rikorrenti għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tar-risposta tal-Kummissjoni u ta’ dik tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

44      Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Ġunju 2007, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ t-talba għal trattament kunfidenzjali ta’ ċerti figuri u ta’ ċerti dokumenti fir-rigward tal-BIEK u ta’ UPS u ċaħad il-kumplament tat-talba għal trattament kunfidenzjali.

45      Matul is-seduta, li seħħet fit-13 ta’ Ġunju 2007, instemgħu t-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

46      Il-proċedura orali ngħalqet wara s-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2007. Skont l-Artikolu 32 tar-Regoli tal-Proċedura, peress li Membru tal-Awla kien impedit milli jipparteċipa fid-deliberazzjoni, l-Imħallef li kien l-anqas anzjan skont l-Artikolu 6 tar-Regoli tal-Proċedura konsegwentement astjena milli jipparteċipa fid-deliberazzjoni u d-deliberazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tkomplew mit-tliet Imħallfin li ffirmaw din is-sentenza.

47      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

48      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

49      Il-BIEK u UPS jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala infondat.

 Id-dritt

1.     Fuq il-motivi għal annullament

50      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem disa’ motivi li jistgħu jiġu ggruppati flimkien.

51      Fil-kuntest tal-ewwel grupp ta’ motivi, ir-rikorrenti essenzjalment tilmenta li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(1) KE u l-Artikolu 86(2) KE sa fejn din tal-aħħar ma pprovatx li d-DPAG ibbenefikat minn vantaġġ. L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li tlieta mir-riżorsi pubbliċi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ma tawha l-ebda vantaġġ. It-tieni nett, hija tallega li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li teżamina jekk l-ammont totali ta’ trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom kienx jaqbeż l-ammont totali tal-ispejjeż addizzjonali netti marbuta mat-twettiq tal-funzjoni tagħha ta’ SIEĠ. It-tielet nett, hija tallega li l-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat li t-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom tawha vantaġġ li ppermettielha tkopri l-allegati spejjeż addizzjonali marbuta mal-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf.

52      Fil-kuntest tat-tieni grupp ta’ motivi, qed jiġi lmentat li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. L-ewwel nett, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni użat metodu ta’ kalkolu żbaljat tal-ispejjeż tagħha imputabbli lis-settur tal-pakketti bieb bieb u li għalhekk ikkonkludiet b’mod żbaljat li hija kienet ħaddnet politika ta’ bejgħ b’telf. It-tieni nett, hija ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat li l-politika tagħha dwar it-tariffi fis-settur tal-pakketti bieb bieb li tikkonsisti filli toffri prezzijiet iktar baxxi mit-tariffa waħda prevista mil-liġi hija l-kawża tat-telf li hija rreġistrat fis-settur tat-trasport tal-pakketti u li din il-prattika mhijiex marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ. It-tielet nett, hija tikkritika lill-Kummissjoni talli kkunsidrat li ma kellhiex riżorsi proprji li jippermettulha tiffinanzja l-allegata politika tagħha ta’ bejgħ b’telf.

53      Fil-kuntest tat-tielet grupp ta’ motivi, hija tilmenta li l-Kummissjoni, l-ewwel nett, interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ imputabbiltà tar-riżorsi lill-Istat, it-tieni nett, kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi ma speċifikatx permezz ta’ liema riżorsi pubbliċi hija bbenefikat minn vantaġġ, it-tielet nett, marret lil hinn mill-poteri tagħha meta eżaminat kemm huwa effiċjenti s-servizz tagħha ta’ trasport fis-settur ta’ pakketti bieb bieb, ir-raba’ nett, kisret il-prinċipju tal-investitur privat u, l-ħames nett, kisret id-dritt tagħha li tinstema’.

2.     Fuq l-ewwel grupp ta’ motivi ta’ annullament, dwar l-vantaġġ li rċeviet id-DPAG

 L-argumenti tal-partijiet

54      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni, fir-rikors, li r-riżorsi tal-baġit użati sabiex tiġi ffinanzjata l-Post‑Unterstützungskasse, il-garanziji mogħtija mid-Deutsche Bundespost u l-miżuri ta’ bdil tad-DB-Postdienst f’kumpannija ta’ responsabbiltà limitata, imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, ma tawha l-ebda vantaġġ. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tindika, fir-replika u b’risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduta, li hija ħadet nota tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni li skontha din tal-aħħar qieset, fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom biss kienu tawha vantaġġ.

55      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, bil-fatt li ma kkalkolatx l-ammont tal-ispejjeż addizzjonali netti tad-DPAG marbuta mat-twettiq ta’ funzjoni ta’ SIEĠ, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(1) KE u l-Artikolu 86(2) KE kif ukoll il-ġurisprudenza kif tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2001, Ferring (C-53/00, Ġabra p. I-9067, punt 33), u mis-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il-Kummissjoni (T-106/95, Ġabra p. II-229, punt 101), tas-27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni (T-67/94, Ġabra p. II-1, punt 52), u tal-10 ta’ Mejju 2000, SIC vs Il-Kummissjoni (T-46/97, Ġabra p. II-2125, punt 84), li skonthom il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi ġustament li teżisti għajnuna mill-Istat biss bil-kundizzjoni li qabel hija tkun ikkonstatat li l-ammont tar-riżorsi pubbliċi mħallsa lil impriża responsabbli mit-twettiq ta’ SIEĠ jaqbeż l-ammont tal-ispejjeż addizzjonali netti marbuta mat-twettiq ta’ dan is-SIEĠ. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti, li magħha ngħaqdet ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, issostni li, kieku l-Kummissjoni wettqet analiżi bħal din f’dan il-każ, hija kienet tikkonstata li, hekk kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni fuq talba tagħha, l-ammont totali ta’ spejjeż addizzjonali netti marbuta mat-twettiq tal-funzjoni tagħha ta’ SIEĠ kien jaqbeż sew l-ammont ta’ riżorsi pubbliċi li d-DPAG kienet irċeviet.

56      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE u tal-Artikolu 86(2) KE, din tal-aħħar m’għandha l-ebda marġni ta’ evalwazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, għad-differenza tas-setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni li hija għandha fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3) KE dwar l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni.

57      Barra minn dan, ir-rikorrenti ssostni li l-BIEK u UPS jiżbaljaw meta jaffermaw li l-kundizzjonijiet stabbiliti bis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Ferring, punt 55 iktar ’il fuq, u tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, Ġabra p. I-7747, iktar ’il quddiem is-“sentenza Altmark”), mhumiex sodisfatti f’dan il-każ meta t-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom ma tawha l-ebda vantaġġ, billi hija, ġa minn qabel l-1995, kienet ħallset lura dawn is-somom kollha lill-Istat billi ħallset lura l-ammont ta’ DEM 11 481 miljun li d-Deutsche Bundespost kellha tagħti lill-Istat skont l-Artikolu 63(1) tal-PostVerfG (iktar ’il quddiem il-“ħlasijiet lura”).

58      It-tieni nett, ir-rikorrenti tosserva li, minn naħa, billi ma identifikatx, fid-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-ispejjeż addizzjonali netti marbuta mat-twettiq tal-funzjoni tagħha ta’ SIEĠ, li madankollu kienet ġiet ikkomunikata lilha, u, min-naħa l-oħra, billi ma wettqitx il-kalkolu li kien jippermetti li jiġi stabbilit jekk l-ammont totali ta’ trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom kienx jaqbeż l-ammont totali ta’ dawn l-ispejjeż addizzjonali jew le, il-Kummissjoni ma tatx lill-Qorti tal-Prim’Istanza l-possibbiltà li tkun f’pożizzjoni li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tagħti l-ebda spjegazzjoni valida li tiġġustifika li hija ma setgħetx tikkonstata l-eżistenza tal-ispejjeż addizzjonali netti marbuta mat-twettiq tal-funzjoni tagħha ta’ SIEĠ meta kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni kollha neċessarja f’dan ir-rigward, li kienet ġiet ipprovduta lilha mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

59      It-tielet nett, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li jirriżulta mill-fatt li, billi ma wettqitx il-kalkolu sabiex jiġi stabbilit jekk l-ammont tar-riżorsi pubbliċi li ngħatawlha kienx jaqbeż l-ammont tal-ispejjeż addizzjonali netti tagħha marbuta mat-twettiq tal-funzjoni tagħha ta’ SIEĠ, il-Kummissjoni ma żammitx mal-prassi deċiżjonali tagħha.

60      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti, li magħha ngħaqdet ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, issostni li, anki kieku kellu jitqies li t-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom tawha vantaġġ, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li dawn it-trasferimenti bilfors ippermettewlha tkopri l-allegati spejjeż addizzjonali ġġenerati mill-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf mill-1995 sal-1999. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, billi t-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom kienu servew kompletament sabiex jikkumpensaw it-telf subit minnha bejn l-1990 u l-1995, huwa “matematikament” impossibbli li setgħet tikkumpensa l-allegati spejjeż addizzjonali netti tagħha ġġenerati mill-poltika tagħha ta’ bejgħ b’telf mill-1994 sal-1999 permezz ta’ dawn it-trasferimenti.

61      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni twieġeb, li, sa fejn hija kkunsidrat, fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, li kienu biss it-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom li kienu rilevanti, l-argument tar-rikorrenti li skontu r-riżorsi pubbliċi l-oħra msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ma tawha l-ebda vantaġġ huwa inkomprensibbli.

62      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li hija mhijiex obbligata twettaq il-kalkolu sabiex jiġi stabbilit jekk l-ammont ta’ trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom kienx jaqbeż l-ammont tal-ispejjeż addizzjonali kollha marbuta mal-funzjoni ta’ SIEĠ tad-DPAG jew le. L-ewwel nett, hija tikkunsidra li, jekk dan il-kalkolu huwa xieraq sabiex jiġi ddeterminat jekk impriża responsabbli għal SIEĠ ibbenefikatx minn kumpens żejjed, minn naħa, ma kienx ikun xieraq f’dan il-każ, fid-dawl tal-ilmenti dwar distorsjoni tal-kompetizzjoni li l-BIEK u UPS kienu ppreżentaw u tas-suspetti li seta’ kellha, fuq il-bażi ta’ dawn l-ilmenti, li d-DPAG setgħet tevalwa żżejjed l-ispejjeż addizzjonali netti marbuta mat-twettiq tal-funzjoni tagħha ta’ SIEĠ. Min-naħa l-oħra, hija tqis li dan il-kalkolu la kien jippermettilha tiddetermina jekk kinitx teżisti rabta kawżali bejn it-twettiq ta’ SIEĠ u l-ispejjeż addizzjonali netti ġġenerati mill-politika ta’ bejgħ b’telf tad-DPAG u lanqas jekk l-Istat kienx eżenta lir-rikorrenti mill-piż ta’ dawn l-ispejjeż addizzjonali u b’dan il-mod ikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni.

63      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li kienet biss rilevanti fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata l-kwistjoni jekk ir-rikorrenti kinitx kopriet l-ispejjeż addizzjonali ġġenerati mill-poltika tagħha ta’ bejgħ b’telf, fis-settur speċifiku tal-pakketti bieb bieb, permezz tar-riżorsi proprji tagħha jew jekk kellhiex titlob għal riżorsi pubbliċi. Skont il-Kummissjoni, billi r-rikorrenti ma kkontestatx il-fatt li kkumpensat id-defiċit kollu tagħha rreġistrat fis-settur tat-trasport tal-pakketti bejn l-1994 u l-1998 permezz ta’ riżorsi pubbliċi u billi l-Kummissjoni stabbiixxiet li r-rikorrenti ma kellhiex biżżejjed riżorsi proprji sabiex tkopri l-ispejjeż addizzjonali netti tagħha ġġenerati mill-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf, huwa stabbilit li t-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom servew sabiex jiġu kkumpensati dawn l-ispejjeż addizzjonali netti li d-DPAG irreġistrat mill-1994 sal-1999 u li m’għandhom l-ebda rabta mat-twettiq ta’ SIEĠ.

64      It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li, bħal fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3) KE u tal-Artikolu 86(2) KE, hija għandha, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat meta jkollha quddiemha fatti ekonomiċi kumplessi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti Komunitarja għandha biss tivverifika jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ivvizzjata b’wieħed mill-motivi għal annullament previsti fl-Artikolu 230 KE mingħajr ma tista’ tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-awtur tad-deċiżjoni. F’dan il-każ, ir-rikorrenti tillimita ruħha sabiex tafferma li jeżisti metodu ieħor sabiex jiġu evalwati l-fatti mingħajr madankollu ma ġġib il-prova li l-Kummissjoni marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha.

65      It-tielet nett, il-Kummissjoni, li magħha ngħaqdu l-BIEK u UPS, tosserva li l-kalkolu sabiex jiġi stabbilit jekk l-ammont totali ta’ riżorsi pubbliċi jaqbiżx l-ammont totali tal-ispejjeż addizzjonali netti marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ jippresupponi b’mod partikolari użu tar-riżorsi tal-Istat li jkun konformi ma’ dak li għalih ġew assenjati. Issa l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha Ferring, punt 55 iktar ’il fuq, u Altmark, punt 57 iktar ’il fuq, ma hija ssodisfata f’dan il-każ. Barra minn dan, jirriżulta mis-sentenza FFSA et vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq (punti 185 sa 189), li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li dan il-kalkolu ma kienx obbligatorju, iżda li kien eventwalment biżżejjed.

66      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tqis, b’risposta għall-argument tar-rikorrenti li skontu hija ma żammitx mal-prassi deċiżjonali tagħha, li l-metodu li hija użat huwa konformi mal-Komunikazzjoni 2001/C 320/04 tagħha dwar l-applikazzjoni ta’ regoli għall-għajnuna mill-Istat lis-servizzi ta’ xandir pubbliku (ĠU 2001, C 320, p. 5, punt 58) u mal-punt 80 tan-“non paper” tagħha tat-12 ta’ Novembru 2002 dwar is-servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali u dwar l-għajnuna tal-Istat, li skonthom hija rriżervat il-possibbiltà li hija teżamina r-rabta kawżali eżistenti bejn it-twettiq ta’ SIEĠ u ċerta distorsjoni tal-kompetizzjoni, billi l-politika dwar it-tariffi ta’ min jibbenefika minn riżorsi pubbliċi f’suq miftuħ għall-kompetizzjoni jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

67      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti li skontu din tal-aħħar ma stabbilixxietx li t-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom kienu biżżejjed, fid-dawl tat-telf subit minnha mill-1990 sal-1995, sabiex tiffinanzja l-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf mill-1994 sal-1999. Fil-fatt, il-Kummissjoni, li magħha ngħaqdu l-BIEK u UPS, issostni li, barra mill-fatt li huwa impossibbli, mill-aspett tal-kontabbiltà, li jiġi ddeterminat permezz ta’ liema riżorsi ġiet koperta spiża, il-ħlasijiet lura li r-rikorrenti kellha tagħmel ma kinux jikkostitwixxu spejjeż addizzjonali ta’ SIEĠ. Hija tikkunsidra wkoll li, sa fejn ir-rikorrenti ma ġabitx il-prova li kienet kopriet l-allegati spejjeż addizzjonali netti ġġenerati mill-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf permezz tar-riżorsi proprji tagħha, hija ġustament setgħet tippreżumi li dawn l-ispejjeż addizzjonali kienu ġew koperti permezz ta’ riżorsi pubbliċi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

68      Skont l-Artikolu 87(1) KE, “[b]la ħsara ta’ kull deroga kontemplata [fit-]Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni”.

69      Barra minn dan, skont l-Artikolu 86(2) KE, kull impriża responsabbli sabiex topera SIEĠ għandha tkun suġġetta għar-regoli tat-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirriferu għall-kompetizzjoni, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża.

70      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna tal-Istat teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 87(1) KE jiġu ssodisfati. L-Artikolu 87(1) KE jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li ġejjin. L-ewwel nett, għandha tkun għajnuna mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, din l-għajnuna għandha tkun tista’ tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri. It-tielet nett, għandha tagħti vantaġġ lil min jibbenefika minnha. Ir-raba’ nett, għandha twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (ara s-sentenza Altmark, punt 57 iktar ’il fuq, punti 74 u 75, u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa kunċett oġġettiv, li jiddependi biss mill-kwistjoni jekk miżura tagħtix jew le vantaġġ lil impriża waħda jew lil ċerti impriżi (sentenzi Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punt 52).

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn għajnuna mill-Istat għandha tkun ikkunsidrata bħala kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv tas-servizzi mwettqa mill-impriżi benefiċjarji sabiex iwettqu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’mod li dawn l-impriżi ma jibbenefikawx, fir-realtà, minn vantaġġ finanzjarju u li din l-għajnuna għalhekk m’għandhiex l-effett li tqegħedhom f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla mal-impriżi li jikkompetu magħhom, tali għajnuna ma taqax taħt l-Artikolu 87(1) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Altmark, punt 57 iktar ’il fuq, punt 87, u tas-27 ta’ Novembru 2003, Enirisorse, C-34/01 sa C-38/01, Ġabra p. I-14243, punt 31).

73      Sabiex, f’każ konkret, kumpens bħal dan ma jaqax taħt il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, iridu jiġu sodisfatti ċertu numru ta’ kundizzjonijiet (sentenzi Altmark, punt 57 iktar ’il fuq, punt 88, u Enirisorse, punt 72 iktar ’il fuq, punt 31). L-ewwel nett, l-impriża benefiċjarja għandha effettivament tkun inkarigata mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar. It-tieni nett, il-parametri li fuq il-bażi tagħhom huwa kkalkolat il-kumpens għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, sabiex jiġi evitat li l-kumpens jagħti vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi l-impriża benefiċjarja meta mqabbla ma’ impriżi li jikkompetu magħha. It-tielet nett, il-kumpens m’għandux jaqbeż dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż kollha jew parti mill-ispejjeż li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-irċevuti relattivi kif ukoll qligħ raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi. Ir-raba’ nett, meta l-għażla tal-impriża li għandha tiġi inkarigata mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, f’każ partikolari, ma ssirx fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, il-livell ta’ kumpens neċessarju għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u mgħammra b’mod adegwat sabiex tkun tista’ tissodisfa l-eżiġenzi mitluba tas-servizz pubbliku, kien ikollha ssostni sabiex twettaq dawn l-obbligi, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-irċevuti relattivi kif ukoll il-qligħ raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi (sentenza Altmark, punt 57 iktar ’il fuq, punti 89 sa 93).

74      Minn dan isegwi li, meta riżorsi ta’ Stat ikunu ngħataw bħala kumpens għal spejjeż addizzjonali marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ fil-kundizzjonijiet stipulati fil-punti 72 u 73 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax, mingħajr ma ċċaħħad l-Artikolu 86(2) KE mill-effettività tiegħu, tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat ir-riżorsi pubbliċi kollha jew parti minnhom mogħtija jekk l-ammont totali ta’ dawn ir-riżorsi jibqa’ inqas mill-ispejjeż addizzjonali ġġenerati mit-twettiq ta’ din il-funzjoni ta’ SIEĠ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza FFSA et vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punt 188).

75      Fl-aħħar nett, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta deċiżjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli meta hija tkun iffaċċjata bi Stat Membru li ma jissodisfax id-dmir tiegħu ta’ kollaborazzjoni u li jonqos milli jipprovdilha l-informazzjoni li tkun talbitu sabiex teżamina l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C-301/87, Ġabra p. I-307, punt 22, u tat-13 ta’ April 1994, Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni, C-324/90 u C-342/90, Ġabra p. I-1173, punt 26). Madankollu, qabel ma tieħu tali deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tirrispetta ċerti rekwiżiti proċedurali. B’mod partikolari, hija għandha tordna lill-Istat Membru jipprovdilha, f’terminu li hija tistabbilixxi, id-dokumenti, l-informazzjoni u l-fatti kollha meħtieġa sabiex teżamina l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni. Huwa biss jekk l-Istat Membru jonqos, minkejja l-ordni tal-Kummissjoni, li jipprovdi l-informazzjoni mitluba li din tal-aħħar għandha l-jedd li ttemm il-proċedura u li tieħu d-deċiżjoni dwar jekk l-għajnuna hijiex kompatibbli jew inkompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-elementi li hija jkollha (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 19 u 22). Dawn ir-rekwiżiti ġew inklużi u kkonkretizzati fl-Artikolu 5(2), fl-Artikolu 10(3) u fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU L 83, p. 1) (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Ottubru 2005, Freistaat Thüringen vs Il-Kummissjoni, T-318/00, Ġabra p. II-4179, punt 73).

76      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-ilment li r-rikorrenti tqajjem fir-rikors, li skontu l-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat li l-miżuri pubbliċi apparti t-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom tawha vantaġġ, huwa irrilevanti billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi espressament fir-risposta li ħadet biss inkunsiderazzjoni t-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom sabiex tikkonkludi li d-DPAG ibbenefikat minn vantaġġ permezz ta’ riżorsi pubbliċi.

77      Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

78      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li skontu l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li hija bbenefikat minn vantaġġ permezz tat-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom, fid-dawl tal-ispejjeż addizzjonali netti tagħha marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, u kif jirriżulta mid-deskrizzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tinsab fil-punti 16 sa 29 iktar ’il fuq, li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li d-DPAG ibbenefikat minn vantaġġ tistrieħ fuq il-konstatazzjonijiet li ġejjin. L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienet irċeviet trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom fl-ammont ta’ DEM 11 081 miljun mill-1990 sal-1995, trasferimenti li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala l-uniċi riżorsi pubbliċi rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni kkontestata. It-tieni nett, il-Kummissjoni indikat, minn naħa, li r-rikorrenti kienet irreġistrat spejjeż addizzjonali netti ġġenerati mill-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf imħaddma mill-1994 sal-1999 fl-ammont ta’ DEM 1 118,7 miljun u, min-naħa l-oħra, li dawn l-ispejjeż addizzjonali netti ma kinux marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ. It-tielet nett, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti ma setgħatx tkopri dawn l-ispejjeż addizzjonali netti fl-ammont ta’ DEM 1 118,7 miljun permezz tar-riżorsi proprji tagħha, billi hija kienet irreġistrat defiċit totali mill-1990 sal-1998, bis-setturi kollha ta’ attività meħuda flimkien, fl-ammont totali ta’ DEM 2 289 miljun. Għalhekk il-Kummissjoni kkonkludiet, fid-dawl tat-tliet konstatazzjonijiet preċedenti, li l-ispejjeż addizzjonali netti ġġenerati mill-politika ta’ bejgħ tad-DPAG għall-perijodu bejn l-1994 sal-1999 kellhom bilfors jiġu kkumpensati permezz tat-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom matul il-perijodu bejn l-1990 u l-1995, b’mod li hija kienet ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat fl-ammont ta’ DEM 1 118,7 miljun. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fir-risposti tagħha għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduta, il-Kummissjoni essenzjalment indikat li hija kienet ikkunsidrat li, billi r-rikorrenti ma kinitx ġabet il-prova li hija kienet kopriet l-allegati spejjeż addizzjonali tagħha ġġenerati mill-poltika tagħha ta’ bejgħ b’telf permezz ta’ riżorsi oħra apparti t-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom, hija ġustament setgħet tippreżumi li d-DPAG kienet ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat ta’ DEM 1 118,7 miljun.

79      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, billi pproċediet kif għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppruvatx suffiċjentement skont il-liġi li r-rikorrenti kienet ibbenefikat minn vantaġġ permezz tat-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom.

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, minkejja l-informazzjoni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja pprovdiet lill-Kummissjoni u li wasslitha sabiex tirrileva, fil-premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet li l-parti tal-klijentela professjonali ma kinitx eskluża mis-servizz universali, il-Kummissjoni ma ppronunzjatx ruħha fid-deċiżjoni kkontestata fuq il-kwistjoni jekk is-settur tal-pakketti bieb bieb kienx jikkostitwixxi SIEĠ. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 26 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkonstatat biss fid-deċiżjoni kkontestata li l-politika dwar it-tariffi tad-DPAG, li kienet tikkonsisti f’li toffri tariffi iktar baxxi mit-tariffa waħda, kienet twassal għal spejjeż addizzjonali netti li mhumiex marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ.

81      Barra minn dan, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kkunsidrat, minn naħa, fil-premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[ma kien hemm …] l-ebda relazzjoni ta’ kawża u effett bejn dawn l-ispejjeż addizzjonali netti [marbuta mal-politika ta’ bejgħ b’telf] u l-obbligi ta’ servizz pubbliku [tad-]DPAG”, u, min-naħa l-oħra, fil-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[irriżulta] li [d-]DPAG [sostniet] spejjeż addizzjonali netti li parti minima minnhom [ma kinitx] dovuta għat-twettiq ta’ obbligi ta’ [SIEĠ]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

82      Għalhekk għandu jiġi rrilevat li, kif ikkonfermat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, minn naħa, hija ma kkonstatatx fid-deċiżjoni kkontestata li l-informazzjoni li ġiet ipprovduta lilha mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li skontha s-settur tal-pakketti bieb bieb kien jikkostitwixxi SIEĠ ma kinitx fondata u, min-naħa l-oħra, hija rrikonoxxiet, almenu b’mod impliċitu, li d-DPAG kienet irreġistrat ukoll, barra mill-ispejjeż addizzjonali netti li ġew iġġenerati mill-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf, spejjeż addizzjonali netti li minn naħa tagħhom kienu marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż addizzjonali netti mhux ikkontestati”).

83      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tindika, minn naħa, fil-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja informatha li kellha tbati “ħmistax-il piż li ntirtu mill-passat” li jikkonsistu fi spejjeż addizzjonali netti ta’ SIEĠ u, min-naħa l-oħra, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 94 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “[f]l-ittra tiegħu tas-16 ta’ Settembru 1999 (p. 18), il-Gvern [Ġermaniż] jidentifika bħala ‘piżijiet li ntirtu mill-passat’ l-ispejjeż speċjali sostnuti mid-DPAG meta mqabbla ma l-ispejjeż li s-soltu jsostnu l-impriżi privati fil-kundizzjonijiet normali tas-suq”, filwaqt li għandu jiġi speċifikat li, “[m]ill-informazzjoni tal-Gvern Federali, huma preċiżament dawn l-ispejjeż partikolari li jiddeterminaw id-defiċit imsemmi fid-deċiżjoni li tiftaħ il-proċeduri fis-settur tal-pakketti”. Fil-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni telenka l-ħmistax-il piż li ntirtu mill-passat li ssemmi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva b’mod partikolari, fil-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “[s]kond l-awtoritajiet Ġermaniżi, anki kieku l-Kummissjoni kellha tqis li s-servizzi kollha [tat-trasport tal-pakketti] ipprovduti permezz ta’ din l-infrastruttura ma [setgħux] jiġu kkunsidrati iktar bħala servizzi ta’ interess ġenerali, dawn l-ispejjeż li ntirtu mill-passat għandhom madankollu jiġu kkunsidrati bħala ‘spejjeż ta’ investiment mitlufa’ għal servizzi li, fil-mument fejn l-infrastruttura attwali ġiet ippjanata fl-1990, kienu inkontestabbilment ipprovduti fl-interess ġenerali [Anness 1 tal-ittra tal-Gvern Federali tal-21 ta’ Ġunju 2000]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

84      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punti 41 sa 52 tad-deċiżjoni li tiftaħ il-proċeduri, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja pprovdiet lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha, lista preċiża tal-ħmistax-il piż li ntirtu mill-passat, li dwarhom, minn naħa, hija pprovdiet ir-raġunijiet għalfejn, skontha, dawn l-ispejjeż kienu jikkostitwixxu spejjeż addizzjonali netti marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ u stima tal-ammont li kull waħda minn dawn il-piżijiet kienu ġġeneraw mill-1990 sal-1996 u, min-naħa l-oħra, hija indikat li l-ammont totali ta’ dawn il-piżijiet li ntirtu mill-passat, li huma marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ, jammontaw għal DEM 20 426 miljun, jiġifieri ammont nettament ogħla mill-ammont ta’ DEM 11 081 miljun li jikkorrispondi għat-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni indikat, fil-punt 72 tad-deċiżjoni li tiftaħ il-proċeduri, li, jekk hija “[kellha] dubji fir-rigward tal-fatt li l-elementi kollha tal-ispejjeż imsemmija f’dan il-kuntest [setgħu] realment jiġu kkunsidrati bħala relatati ma’ dan it-tip ta’ [SIEĠ]”, hija madankollu qieset li “ċerti elementi (bħal per eżempju, il-kunsinni nhar ta’ Sibt) [setgħu], sa fejn dawn [kienu] definiti u imputati kif jixraq, jikkostitwixxu, bħala regola, SIEĠ”.

85      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, billi m’eżaminatx u ma ppronunzjatx ruħha fid-deċiżjoni kkontestata fuq l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li skontha l-ispejjeż addizzjonali netti mhux ikkontestati kienu marbuta mat-twettiq ta’ funzjoni ta’ SIEĠ u, min-naħa l-oħra, billi ma wettqitx il-kalkolu li jippermetti li jiġi stabbilit jekk l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż addizzjonali jaqbiżx l-ammont tat-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom, il-Kummissjoni naqset milli tivverifika jekk l-ammont totali tat-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom kienx iktar baxx mill-ammont totali tal-ispejjeż addizzjonali netti ta’ SIEĠ tagħha, b’mod li dawn it-trasferimenti ma taw l-ebda vantaġġ lir-rikorrenti.

86      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni la tirrileva u lanqas tistabbilixxi fid-deċiżjoni kkontestata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew ir-rikorrenti ma pprovdewlhiex l-informazzjoni neċessarja sabiex tiżgura ruħha li l-ammont tat-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom ma kienx jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali netti mhux ikkontestati u lanqas li ma kellha l-ebda għażla oħra, fid-dawl tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, ħlief li tippreżumi li l-ammont tat-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom kien jaqbeż l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż addizzjonali mhux ikkontestati, b’mod li t-trasferimenti magħmula minn din tal-aħħar kienu taw vantaġġ lir-rikorrenti.

87      Barra minn dan, għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-Kummissjoni, la fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub u lanqas matul is-seduta, ma ressqet ebda raġuni oġġettiva li tiġġustifika li kien impossibbli għaliha, fid-dawl tal-informazzjoni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ipprovditilha, li twettaq tali eżami. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tikkuntenta ruħha li tispjega essenzjalment li l-firxa tal-ispejjeż eċċezzjonali mressqa mir-rikorrenti kienet tagħmel din l-analiżi diffiċli, iżda mhux li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx ipprovditilha l-informazzjoni neċessarja f’dan ir-rigward b’mod li ma kinitx f’pożizzjoni li twettaq tali analiżi.

88      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, billi naqset milli tivverifika jekk l-ammont tat-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom kienx jaqbeż l-ammont tal-ispejjeż addizzjonali netti mhux ikkontestati tad-DPAG, il-Kummissjoni ma ppruvatx suffiċjentement skont il-liġi li t-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom tawha vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

89      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni li essenzjalment isostnu, minn naħa, li hija ma kinitx obbligata tistabbilixxi li l-ammont tal-ispejjeż addizzjonali netti mhux ikkontestati ma kinux jaqbżu l-ammont tat-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom u, min-naħa l-oħra, li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat f’dan il-każ, il-metodu li għamlet użu minnu kien iktar xieraq minn dak li jikkonsisti fil-verifika jekk id-DPAG kinitx irċeviet kumpens żejjed.

90      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li skontu hija għandha marġni ta’ evalwazzjoni fl-għażla tal-iktar metodu xieraq sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, għandu jiġi mfakkar li l-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat, li, skont it-Trattat, hija r-responsabbiltà kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-qorti nazzjonali, ma tistax, bħala regola, tiġġustifika, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi partikolari dovuti b’mod partikolari għan-natura kumplessa tal-intervent tal-Istat inkwistjoni, l-għoti ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-Kummissjoni. Fil-fatt, l-evalwazzjoni tar-rilevanza tal-kawżi jew tal-għanijiet tal-interventi tal-Istat għandha ssir biss fil-kuntest tal-eżami tal-eventwali kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri mas-suq komuni, kif previst fl-Artikolu 87(3) KE (sentenza Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punt 52).

91      Madankollu, f’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat ukoll li, għalkemm il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet li l-Kummissjoni għandha ċertu marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni tal-iktar metodu xieraq sabiex jiġi żgurat li attivitajiet kompetittivi ma jirċevux sussidji trażversali (sentenza FFSA et vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punt 187), jibqa’ l-fatt li, skont is-sentenza Altmark, punt 57 iktar ’il fuq (punt 87), il-Kummissjoni ma tistax tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat riżorsi tal-Istat mogħtija b’kumpens għal spejjeż addizzjonali marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ. F’dan il-każ, billi m’eżaminatx jekk l-ammont totali tat-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom kienx jaqbeż l-ammont totali tal-ispejjeż addizzjoni mhux ikkontestati, il-Kummissjoni ma tistax tippreżumi, kif jirriżulta mill-analiżi tad-deċiżjoni kkontestata fil-punt 78 iktar ’il fuq, li dawn it-trasferimenti kienu taw vantaġġ lir-rikorrenti meta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ipprovditilha informazzjoni li tagħmel plawżibbli l-fatt li l-ammont totali ta’ dawn it-trasferimenti ma kienx jaqbeż l-ammont totali tal-ispejjeż addizzjonali netti mhux ikkontestati.

92      Barra minn dan, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li skontu hija kienet obbligata biss teżamina jekk l-ilmenti tal-BIEK u ta’ UPS li skonthom id-DPAG tiffinanzja politika ta’ bejgħ b’telf permezz ta’ riżorsi pubbliċi kinux fondati, għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, twettaq eżami diliġenti u imparzjali ta’ ilment, li jista’ jirrendi neċessarju li hija teżamina l-elementi li ma ġewx espressament invokati minn min ressaq l-ilment (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 62). Barra minn dan, il-Kummissjoni għandha tivverifika l-eżistenza ta’ vantaġġ reali għall-benefiċjarju ta’ għajnuna. Għalhekk, f’dan il-każ, għalkemm il-Kummissjoni kienet obbligata twettaq eżami diliġenti u imparzjali tal-ilmenti mressqa mill-BIEK u UPS, dan madankollu bl-ebda mod ma jimplika, minn naħa, li hija setgħat tinjora l-informazzjonai li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ipprovditilha sabiex tistabbilixxi li r-rikorrenti ma kienet ibbenefikat minn l-ebda vantaġġ permezz ta’ riżorsi pubbliċi u, min-naħa l-oħra, li hija ġustament setgħet tikkonkludi li teżisti għajnuna mill-Istat mingħajr ma qabel tivverifika jekk ir-riżorsi pubbliċi lid-DPAG kienet rċeviet kinux tawha vantaġġ.

93      Fl-aħħar nett, għandhom jiġu wkoll miċħuda l-argumenti tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk tal-BIEK u ta’ UPS, li skonthom il-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina jekk l-ammont totali tat-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom kienx jaqbeż l-ammont totali tal-ispejjeż addizzjonali netti marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ sostnuti mir-rikorrenti, billi l-kundizzjonijiet previsti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Ferring, punt 55 iktar ’il fuq, u Altmark, punt 57 iktar ’il fuq, mhumiex issodisfati f’dan il-każ.

94      Fil-fatt, kif ġie spjegat fil-punt 81 iktar ’il fuq, fejn ġie rrilevat li l-Kummissjoni kkuntentat ruħha li tikkonstata fid-deċiżjoni kkontestata li l-ispejjeż addizzjonali netti ġġenerati mill-politika ta’ bejgħ b’telf tad-DPAG ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ kumpens, hija la vverifikat u lanqas ma stabbilixxiet li r-rikorrenti ma kinitx irreġistrat spejjeż addizzjonali netti oħra marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ li għalihom kellha d-dritt tippretendi kumpens permezz tat-trasferimenti kollha magħmula mid-DB-Telekom fil-kundizzjonijiet previsti fis-sentenza Altmark, punt 57 iktar ’il fuq (punti 89 sa 95).

95      Issa sa fejn il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda eżami jew evalwazzjoni f’dan ir-rigward, il-qorti Komunitarja m’għandhiex tissostitwixxi ruħha għall-Kummissjoni billi twettaq minflokha eżami li hija fl-ebda mument ma wettqet u billi tissostitwixxi l-konklużjonijiet li għalihom kienet tasal fi tmiem dan l-eżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Settembru 2004, Valmont vs Il-Kummissjoni, T-274/01, Ġabra p. II-3145, punt 136).

96      Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li għandu jintlaqa’ l-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(1) KE meta kkunsidrat li t-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom kienu tawha vantaġġ.

97      Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis opportun li teżamina wkoll, għall-kompletezza, l-ilment tar-rikorrenti li skontu, indipendentement mill-kwistjoni jekk l-ammont tat-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom kienx jaqbeż l-ammont ta’ spejjeż addizzjonali netti mhux ikkontestati, il-Kummissjoni, f’kull każ, żbaljat meta kkonkludiet li t-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom fl-ammont ta’ DEM 11 081 miljun ippermettewlha, fid-dawl tat-telf li hija kienet irreġistrat mill-1990 sal-1995, tkopri l-allegati spejjeż addizzjonali netti ġġenerati mill-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf mill-1994 sal-1999 fl-ammont ta’ DEM 1 118,7 miljun.

98      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat preliminarjament li, skont l-Artikolu 63(1) tal-PostVerfG, id-Deutsche Bundespost kienet obbligata twettaq ħlasijiet lura lill-Istat Ġermaniż mill-1990 sal-1995 ta’ perċentwali li dejjem tonqos mid-dħul tagħha mill-operat. Għalkemm il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni jekk dawn il-ħlasijiet lura jikkostitwixxux jew le spejjeż addizjonali ta’ SIEĠ, il-Kummissjoni ma tikkontestax li dawn il-ħlasijiet lura ġew imħallsa mill-impriżi li jirriżultaw mid-diviżjoni tad-Deutsche Bundespost u li, f’dan il-kuntest, ir-rikorrenti kellha tħallas ammont ta’ DEM 11 418 miljun mill-1990 sal-1995.

99      F’dan il-każ, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li t-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom mill-1990 sal-1995 fl-ammont ta’ DEM 11 418 miljun kienu ppermettewlha tkopri l-allegati spejjeż addizzjonali netti fl-ammont ta’ DEM 1 118,7 miljun li ġġenerat il-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf mill-1994 sal-1999 meta dawn it-trasferimenti kienu servew kompletament sabiex jikkumpensaw it-telf subit minnha bejn l-1990 u l-1995 li rriżulta b’mod partikolari mill-obbligu tagħha li tagħmel dawn il-ħlasijiet lura.

100    Il-Kummissjoni essenzjalment twieġeb li, billi r-rikorrenti ma ġabitx il-prova li l-ispejjeż addizzjonali netti marbuta mal-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf kienu ġew iffinanzjati permezz tar-riżorsi proprji tagħha, hija setgħet tippreżumi validament li t-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom kienu ppermettewlha tiffinanzja dawn l-ispejjeż addizzjonali.

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-partijiet jaqblu li, mill-aspett tal-kontabbiltà, kull riżorsa tista’ tiffinanzja kull piż. Issa għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li riżorsi pubbliċi taw vantaġġ lill-benefiċċjarju tagħhom, kif jirriżulta mis-sentenza Altmark, punt 57 iktar ’il fuq (punt 75), f’dan ir-rigward huwa irrilevanti li l-Kummissjoni tistabbilixxi għal liema piż hija assenjat l-ammont tar-riżorsi pubbliċi li ngħataw lir-rikorrenti.

102    Madankollu, billi l-Kummissjoni f’dan il-każ issuġġettat, kif jirriżulta mill-punt 78 iktar ’il fuq, il-prova tagħha tal-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lid-DPAG permezz ta’ riżorsi pubbliċi għall-fatt li l-allegati spejjeż addizzjonali netti tad-DPAG marbuta mal-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf bilfors ġew koperti, fl-ammont ta’ DEM 1 118,7 miljun, permezz tat-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tat-telf tad-DPAG subit mill-1990 sal-1994 u mill-1990 sal-1995, dawn it-trasferimenti mħallsa matul dan il-perijodu jirriżultawx li kienu biżżejjed sabiex ikopru wkoll l-ispejjeż addizzjonali netti marbuta mal-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf irreġistrati mill-1994 sal-1999.

103    Il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-allegati spejjeż addizzjonali netti rreġistrati mid-DPAG marbuta mal-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf kienu jammontaw għall-ammonti li ġejjin:

Snin

1994

1995

1996

1997

1998

1999

Total 1994 -1999

Spejjeż addizzjonali marbuta mal-bejgħ b’telf (Miljuni ta’ DEM)

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

1 118,7


104    Barra minn dan, kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-Kummissjoni ma tikkontestax, id-DPAG irreġistrat, matul il-perijodi mill-1990 sal-1994 u mill-1990 sal-1995, ir-riżultati tal-operat (barra t-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom u barra l-ħlasijiet lura magħmula), u r-riżultati definittivi (inklużi t-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom u l-ħlasijiet lura magħmula), li ġejjin (komunikazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tal-31 ta’ Jannar 2002 u Anness 11 A tal-komunikazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tal-10 ta’ Marzu 2000):

Snin

1990

1991

1992

1993

1994

Total

1990-1994

1995

Total

1990-1995

Settur irriżervat

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

Settur pakketti

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

Settur gazzetti

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

Bilanċ tal-operat

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

[kunf.]

-4 331

[kunf.]

-4 945

Trasferimenti magħmula minn DB-Telekom

1 495

2 031

1 310

726

0

5 562

5 519

11 081

Ħlasijiet lura

- 1 651

- 1 982

- 2 100

- 2 182

- 2 190

-10 104

- 1 314

-11 418

Bilanċ tat-trasferimenti /

tal-ħlasijiet lura

     

- 4 552

 

- 337

Riżultat definittiv (Miljuni ta’ DEM)

     

-8 883

 

-5 282


105    Fid-dawl tat-tabella li tinsab fil-punt 104 iktar ’il fuq, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk huwa minnu li r-rikorrenti rċeviet, mill-1990 sal-1994, is-somma ta’ DEM 5 562 miljun bħala trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom u li fl-1994 hija rreġistrat spejjeż addizzjonali marbuta mal-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf fl-ammont ta’ DEM [kunfidenzjali] (tabella li tinsab fil-punt 103 iktar ’il fuq), id-defiċit definittiv li hija rreġistrat mill-1990 sal-1994, bis-setturi kollha ta’ attività meħuda flimkien, kien ta’ DEM 8 883 miljun. Dan id-defiċit definittiv għall-perijodu mill-1990 sal-1994 jikkorrispondi, fil-fatt, għat-telf tal-operat tad-DPAG fl-ammont ta’ DEM 4 331 miljun, biż-żieda tal-ħlasijiet lura fl-ammont ta’ DEM 10 104 miljun, li inparti ġew ikkumpensati bit-trasferimenti ta’ DEM 5 562 miljun magħmula mid-DB-Telekom.

106    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-għoti tat-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom bejn l-1990 u l-1994 fl-ammont ta’ DEM 5 562 miljun ma kienx jippermetti lir-rikorrenti, fid-dawl tat-telf tal-operat subit minnha mill-1990 sal-1994, fl-ammont ta’ DEM 4 331 miljun, u tal-ħlasijiet lura li hija kellha tagħmel matul dan il-perijodu, fl-ammont ta’ DEM 10 104 miljun, jiġifieri ammont totali ta’ telf ta’ DEM 14 435 miljun, li tkopri l-allegati spejjeż addizzjonali netti tagħha ġġenerati mill-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf mill-1994 sal-1999, fl-ammont ta’ DEM 1 118,7 miljun.

107    It-tieni nett, sa fejn ir-rikorrenti rċeviet it-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom sal-1995, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, għalkemm huwa minnu li r-rikorrenti rċeviet DEM 11 081 miljun, mill-1990 sal-1995, bħala trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom, matul dan il-perijodu hija rreġistrat defiċit definittiv, bis-setturi kollha ta’ attività meħuda flimkien, ta’ DEM 5 282 miljun. Dan id-defiċit definittiv għall-perijodu mill-1990 sal-1995 jikkorrispondi, fil-fatt, għat-telf tal-operat tad-DPAG fl-ammont ta’ DEM 4 945 miljun, biż-żieda tal-ħlasijiet lura fl-ammont ta’ DEM 11 418 miljun, li inparti ġew ikkumpensati bit-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom fl-ammont ta’ DEM 11 081 miljun.

108    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-għoti tat-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom bejn l-1990 u l-1995, fl-ammont ta’ DEM 11 081 miljun, ma kienx jippermetti lid-DPAG, fid-dawl tat-telf tal-operat subit minnha mill-1990 sal-1995, fl-ammont ta’ DEM 4 945 miljun, u tal-ħlasijiet lura li hija kellha tagħmel, fl-ammont ta’ DEM 11 418 miljun, jiġifieri ammont totali ta’ telf ta’ DEM 16 363 miljun, li tkopri l-allegati spejjeż addizzjonali tagħha ġġenerati mill-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf irreġistrati mill-1994 sal-1999, fl-ammont ta’ DEM 1 118,7 miljun.

109    Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-prova tal-Kummissjoni li r-rikorrenti bbenefikat minn vantaġġ ta’ DEM 1 118,7 miljun, sa fejn it-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom biss setgħu jiffinanzjaw l-allegati spejjeż addizzjonali ġġenerati mill-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf, hija invalidata bil-konklużjoni li t-telf definittiv tad-DPAG subit mill-1990 sal-1994 jew mill-1990 sal-1995 kien ta’ ammont li t-trasferimenti magħmula mid-DB-Telekom ma kinux biżżejjed sabiex ikopru l-allegati spejjeż addizzjonali netti ġġenerati mill-politika tagħha ta’ bejgħ b’telf mill-1994 sal-1999.

110    Għalhekk, hemm lok li jintlaqa’ dan l-ilment tar-rikorrenti.

111    Għaldaqstant, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata mingħajr mhemm bżonn li jiġi vverifikat jekk dan l-ilment jimplikax li d-deċiżjoni kkontestata hija wkoll ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 253 KE (ara l-punt 58 iktar ’il fuq), u mingħajr mhemm bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra u l-motivi mqajma mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

112    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

113    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li ma ppreżentatx nota ta’ intervent, għandha tbati l-ispejjeż tagħha skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) ta’ dawn ir-regoli.

114    Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tordna li intervenjent, barra mill-Istati Membri, l-Istati kontraenti fil-ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), l-istituzzjonijiet u l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA), għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. Il-BIEK u UPS, intervenjenti, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/753/KE, tad-19 ta’ Ġunju 2002, dwar miżuri meħuda mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur id-Deutsche Post AG hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Deutsche Post.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Bundesverband Internationaler Express- und Kurierdienste eV (BIEK) u UPS Europe NV/SA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Jaeger

Tiili

Azizi

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Lulju 2008.

E. Coulon

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1 – Data kunfidenzjali mħassra.