Language of document : ECLI:EU:C:2019:665

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

5 ta’ Settembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2008/48/KE – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kreditu lill-konsumaturi – Artikolu 10(2)(h) u (i) u paragrafu (3) – Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-kuntratt – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-obbligu li jiġi speċifikat għal kull ħlas it-tqassim bejn ir-rimbors tal-kapital, l-interessi u l-ispejjeż”

Fil-Kawża C‑331/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Mejju 2018, fil-proċedura

TE

vs

Pohotovosť s. r. o.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C. Toader, President ta’ Awla, A. Rosas u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Pohotovosť s. r. o., minn J. Fuchs,

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár, G. Goddin u C. Valero, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2)(h) u (i) u tal-paragrafu (3) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, u rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14; ĠU 2010, L 199, p. 40 u ĠU 2011, L 234, p. 46).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, TE u, min-naħa l-oħra, Pohotovosť s. r. o. dwar ir-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar minħabba li naqset milli tispeċifika, f’kuntratt ta’ kreditu, it-tqassim ta’ kull rimbors bejn l-ammortizzament tal-kapital, l-interessi u, jekk ikun il-każ, l-ispejjeż addizzjonali tal-kreditu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 9, 19, 30 u 31 tad-Direttiva 2008/48 jipprovdu:

“(9)      Armonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi kollha fil-Komunità igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin. L-Istati Membri għalhekk m’għandhomx jitħallew iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali għajr dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. Madankollu, tali restrizzjoni għandha tapplika biss fejn hemm dispożizzjonijiet armonizzati f’din id-Direttiva. Fejn tali dispożizzjonijiet armonizzati ma jeżistux, l-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jżommu jew jintroduċu leġiżlazzjoni nazzjonali. […]

[…]

(19)      Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom b’għarfien sħiħ tal-fatti, huma għandhom jirċievu informazzjoni adegwata, li l-konsumatur jista’ jieħu miegħu biex jikkunsidraha, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, dwar il-kondizzjonijiet u l-ispiża tal-kreditu u l-obbligi tagħhom. […]

[…]

(30)      Din id-Direttiva ma tirregolax kwistjonijiet ta’ liġi tal-kuntratti marbutin mal-validità ta’ ftehim ta’ kreditu. Għalhekk, f’dan il-qasam, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali li huma f’konformità mal-liġi Komunitarja. L-Istati Membri jistgħu jirregolaw ir-reġim legali li jirreġola l-offerta għall-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, b’mod partikolari meta għandu jingħata u l-perijodu li matulu jkun jorbot lill-kreditur. Jekk tali offerta issir fl-istess ħin li tingħata l-informazzjoni prekuntrattwali prevista minn din id-Direttiva, din għandha tkun, bħal kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li l-kreditur ikun jixtieq jagħti lill-konsumatur, provduta f’dokument separat li jista’ jiġi anness għall-Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur.

(31)      Sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu skond il-ftehim ta’ kreditu, għandu jkun fih l-informazzjoni kollha meħtieġa b’mod ċar u konċiż.”

4        Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jiġu armonizzati ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri amministrattivi ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehim li jkopru kreditu għall-konsumaturi.”

5        L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”:

“1.      Ftehim ta’ kreditu għandhom jitfasslu fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor.

Il-partijiet kontraenti kollha għandhom jirċievu kopja tal-ftehim ta’ kreditu. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola nazzjonali rigward il-validità tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kreditu, li huma f’konformità mal-liġi Komunitarja.

2.      Il-ftehim ta’ kreditu għandu jispeċifika b’mod ċar u konċiż:

[…]

g)      ir-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena u l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur, ikkalkolati fil-ħin tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu; l-assunzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ dik ir-rata għandhom jissemmew;

h)      l-ammont, in-numru u l-frekwenza tal-ħlasijiet li għandhom isiru mill-konsumatur u, fejn ikun il-każ, l-ordni li biha l-ħlasijiet ser ikunu allokati għal bilanċi pendenti differenti b’rati tas-self differenti għall-finijiet ta’ radd lura;

i)      fejn ikun involut amortizzament ta’ kapital ta’ ftehim ta’ kreditu b’tul ta’ żmien fiss, id-dritt tal-konsumatur li jirċievi, fuq talba jew mingħajr ħlas, fi kwalunkwe ħin fit-tul kollu tal-ftehim ta’ kreditu rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ amortizzament.

Tabella ta’ amortizzament għandha tindika l-ħlasijiet dovuti u l-perijodi u l-kondizzjonijiet relatati mal-ħlas ta’ tali ammonti; it-tabella għandu jkun fiha analiżi dettaljata ta’ kull radd lura li turi amortizzament kapitali, l-interessi kkalkolati abbażi tar-rata tas-self u, fejn applikabbli, l-ispejjeż addizzjonali; fejn ir-rata ta’ l-interessi mhix fissa jew l-ispejjeż addizzjonali jistgħu jitbiddlu taħt il-ftehim ta’ kreditu, it-tabella ta’ amortizzament għandha turi b’mod ċar u konċiż li d-data misjuba fit-tabella tibqa’ valida biss sakemm ir-rata tas-self jew l-ispejjeż addizzjonali jiġu mibdula skond il-ftehim ta’ kreditu;

j)      jekk imposti u interessi jkollhom jitħallsu mingħajr amortizzament ta’ kapital, rendikont li juri l-perijodi u l-kondizzjonijiet tal-ħlas ta’ l-interessi u ta’ kwalunkwe imposta rikorrenti u mhux rikorrenti assoċjati magħhom;

[…]

u)      fejn applikabbli, termini u kondizzjonijiet kuntrattwali oħrajn;

[…]

3.      Fejn japplika l-paragrafu 2(i), il-kreditur għandu jagħmel disponibbli lill-konsumatur mingħajr ħlas fi kwalunkwe ħin fit-tul kollu tal-ftehim ta’ kreditu rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament.

4.      Fil-każ ta’ ftehim ta’ kreditu fejn il-ħlasijiet magħmula taħtu mill-konsumatur ma jwasslux għal amortizzament korrispondenti immedjat ta’ l-ammont totali ta’ kreditu, imma jintużaw biex jikkostitwixxu kapital matul perijodi u taħt kondizzjonijiet stipulati fil-ftehim ta’ kreditu jew fi ftehim anċillari, l-informazzjoni meħtieġa taħt il-paragrafu 2 għandha tinkludi dikjarazzjoni ċara u konċiża li tali ftehim ta’ kreditu ma jirrikjedi l-ebda garanzija mogħtija minn parti terza bħala garanzija ta’ radd lura ta’ l-ammont totali ta’ ġbid ta’ kreditu, sakemm ma tingħatax garanzija bħal din.

[…]”

6        L-Artikolu 14 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ rtirar” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-konsumatur għandu jkollu perijodu ta’ erbatax-il jum ta’ kalendarju li matulhom jista’ jirtira mill-ftehim ta’ kreditu mingħajr ma jagħti l-ebda raġuni.

Dak il-perijodu ta’ rtirar għandu jibda:

a)      jew fil-jum tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, jew

b)      fil-jum li fih il-konsumatur jirċievi t-termini u l-kondizzjonijiet u l-informazzjoni kuntrattwali skond l-Artikolu 10, jekk dak il-jum ikun aktar tard mid-data msemmija f’punt (a) ta’ dan is-subparagrafu.”

7        L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva” huwa fformulat kif ġej:

“1.      Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma jagħtux lok għal evitar li jirriżulta mill-mod li bih jiġu fformulati ftehim, b’mod partikolari billi jiġu integrati ġbid ta’ kreditu jew ftehim ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fi ftehim ta’ kreditu li n-natura u l-iskop tagħhom jagħmluha possibbli li tiġi evitata l-applikazzjoni tagħha.

[…]”

8        L-Anness II tad-Direttiva 2008/48 rigward “Informazzjoni standard Ewropea dwar il-kreditu lill-konsumatur” jinkludi fil-punt 2 tiegħu, intitolat “Deskrizzjoni tal-karatteristiċi prinċipali tal-prodott ta’ kreditu”, taqsima msemmija “Pagamenti bin-nifs u, fejn xieraq, l-ordni li bih il-pagamenti bin-nifs ser ikunu allokati”. Għal din it-taqsima, tikkorrispondi d-deskrizzjoni li ġejja:

“Int ser ikollok tħallas dan li ġej:

[L-ammont, in-numru u l-frekwenza tal-ħlasijiet li għandhom isiru mill-konsumatur]

Interessi u/jew imposti ser jitħallsu bil-mod li ġej:”

 Id-dritt Slovakk

9        Iż-zákon č. 129/2010 Z. z. o spotrebiteľských úveroch a o iných úveroch a pôžičkách pre spotrebiteľov a o zmene a doplnení niektorých zákonov (il-Liġi Nru 129/2010 dwar il-Krediti għall-Konsum u l-Krediti u Self Ieħor għall-Konsumaturi u li Temenda u Tissupplimenta Ċerti Liġijiet), hija intiża sabiex tittrasponi fid-dritt Slovakk id-Direttiva 2008/48.

10      Skont l-Artikolu 9(2) ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fl-1 ta’ Ottubru 2015:

“Minbarra r-referenzi ġenerali li jinsabu fil-kodiċi ċivili […], il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

[…]

k)      ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta u l-ammont totali dovut mill-konsumatur, ikkalkolati fuq il-bażi ta’ data rileventi fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu; id-data kollha użata għall-kalkolu ta’ din ir-rata għandha tiġi indikata;

l)      l-ammont, in-numru u l-iskadenzi tal-ħlasijiet tal-kapital, tal-interessi u tal-ispejjeż oħra, u, fejn ikun il-każ, l-ordni li biha l-ħlasijiet ser ikunu allokati għad-diversi bilanċi dovuti b’rati tas-self differenti għall-finijiet tar-rimbors tal-kreditu għall-konsum;

m)      fil-każ ta’ ammortizzament tal-kapital abbażi ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum b’tul ta’ żmien fiss, id-dritt tal-konsumatur li jitlob, mingħajr ħlas u fi kwalunkwe ħin fit-tul kollu tal-kuntratt ta’ kreditu, rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament imsemmija fil-paragrafu 5;

[…]”

11      L-Artikolu 9(2) tal-Liġi Nru 129/2010, fil-verżjoni tiegħu applikabbli b’effett mill-1 ta’ Mejju 2018, huwa fformulat kif ġej:

“Minbarra r-referenzi ġenerali li jinsabu fil-kodiċi ċivili […], il-ftehim ta’ kreditu għall-konsum għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

[…]

h)      ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta u l-ammont totali dovut mill-konsumatur, ikkalkolati fuq il-bażi ta’ data rileventi fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu; id-data kollha użata għall-kalkolu ta’ din ir-rata għandha tiġi indikata;

i)      l-ammont, in-numru u l-frekwenza tal-ħlasijiet u, fejn ikun il-każ, l-ordni li biha l-ħlasijiet ser ikunu allokati għad-diversi bilanċi dovuti b’rati tas-self differenti għall-finijiet tar-rimbors tal-kreditu għall-konsum; u

j)      fil-każ ta’ ammortizzament tal-kapital abbażi ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum b’tul ta’ żmien fiss, id-dritt tal-konsumatur li jitlob, mingħajr ħlas u fi kwalunkwe ħin fit-tul kollu tal-ftehim ta’ kreditu, rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament imsemmija fil-paragrafu 5;

[…]”

12      L-Artikolu 11(2) tal-Liġi Nru 129/2010, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2013, jipprovdi:

“Il-kreditu għall-konsum mogħti huwa meqjus eżenti minn interessi u spejjeż jekk:

[…]

d)      il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ma jindikax korrettament ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta għad-detriment tal-konsumatur.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Fl-1 ta’ Ottubru 2015, TE kkonkludiet ma’ Pohotovosť kuntratt ta’ kreditu għall-konsum għal ammont ta’ EUR 350 għal terminu ta’ sena, fejn is-somma li kellha tiġi rrimborsata kienet ta’ EUR 672. Dan il-kuntratt kien jipprevedi interessi ta’ EUR 224, kif ukoll “kummissjoni”, ta’ EUR 98.

14      Wara li laħqu qbil dwar ir-rimbors tal-kreditu f’pagament wieħed, il-partijiet qablu, fl-istess jum, dwar pjan ta’ ħlas li jipprevedi l-ħlas tad-dejn permezz ta’ tnax-il skadenza mensili ta’ ammont ta’ EUR 56. Ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta (iktar ’il quddiem ir-“RPAI”) applikabbli għall-kreditu li r-rimbors tiegħu kien previst f’ħlas wieħed kienet ta’ 28 %, filwaqt li r-RPAI għall-kreditu rimborsabbli permezz ta’ skadenzi mensili kienet ta’ 281.64 %.

15      Il-kundizzjonijiet ġenerali tal-imsemmi kuntratt kienu jipprovdu li r-“RPAI għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-ammont totali misluf, tal-ammont tal-kummissjoni, tat-terminu għar-rimbors tal-kapital u tal-kummissjoni (bl-eċċezzjoni tal-interessi, tal-ispejjeż tan-nutar, tal-penalitajiet kuntrattwali u ta’ spejjeż oħra esklużi mill-kalkolu tar-RPAI permezz ta’ leġiżlazzjoni speċifika)”.

16      Il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx jindika r-raġunijiet għalfejn l-interessi ma kinux inklużi fil-kalkolu tar-RPAI u għalfejn ir-RPAI ta’ 28 % kienet ikkalkolata esklużivament fuq il-bażi tal-“kummissjoni”, u mhux fuq il-bażi ta’ spejjeż oħra aċċessorji, b’mod partikolari l-interessi.

17      Barra minn hekk, l-imsemmi kuntratt ma kien jinkludi ebda tqassim tal-ħlasijiet mensili ta’ rimbors tal-kreditu bejn l-ammortizzament tal-kapital u l-elementi l-oħra tal-ispiża tal-kreditu.

18      TE ippreżentat rikors quddiem l-Okresný súd Humenné (il-Qorti Distrettwali ta’ Humenné, is-Slovakkja) intiż sabiex Pohotovosť tinżamm responsabbli għall-ksur tal-obbligu previst fl-Artikolu 9(2)(l) tal-Liġi Nru 129/2010, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fl‑1 ta’ Ottubru 2015.

19      Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2017, din il-qorti ċaħdet ir-rikors ta’ TE.

20      TE appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja).

21      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, b’eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842, punti 51 sa 59), il-leġiżlatur Slovakk emenda l-Liġi Nru 129/2010 billi ħassar, fl-Artikolu 9(2)(l) ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fl‑1 ta’ Ottubru 2015, l-obbligu li jiġu indikati f’kuntratt ta’ kreditu “l-iskadenzi tal-ħlasijiet tal-kapital, tal-interessi u tal-ispejjeż oħra”. Dan l-obbligu ġie ssostitwit bl-obbligu, previst fl-Artikolu 9(2)(i) tal-imsemmija liġi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2018, li jiġi indikat fil-kuntratt ta’ kreditu “il-frekwenza tal-ħlasijiet”.

22      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Liġi Nru 129/2010, fil-verżjoni tagħha applikabbli fl‑1 ta’ Ottubru 2015, ma kinitx tipprevedi espliċitament li “l-iskadenzi tal-ħlasijiet tal-kapital, tal-interessi u tal-ispejjeż oħra” għandhom jiġu indikati fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament. Bl-emenda ta’ din il-liġi b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2018, il-leġiżlatur Slovakk ħassar l-obbligu li tiġi ppreżentata, f’kuntratt ta’ kreditu, it-tqassim tar-rimbors tal-kreditu bejn l-ammortizzament tal-kapital, l-interessi u l-ispejjeż l-oħra mhux biss fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament, iżda wkoll fi kwalunkwe forma oħra.

23      Issa, fil-kawża prinċipali, TE teżiġi mhux li tabella ta’ ammortizzament tkun annessa mal-kuntratt ta’ kreditu ffirmat minnha, iżda li dan il-kuntratt jindika, tal-inqas fil-qosor, it-tqassim imsemmi fil-punt preċedenti.

24      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2)(h) u (i) u tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, kif jirriżulta mis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842), il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu biss li Stat Membru jipprevedi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu obbligu li jiġi speċifikat tqassim tar-rimbors tal-kapital ta’ kreditu fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament.

25      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-indikazzjoni tat-tqassim tar-rimbors tal-kreditu bejn l-ammortizzament tal-kapital, l-interessi u l-ispejjeż l-oħra tippermetti li jiġi vverifikat b’mod iktar ċar jekk l-iskadenzi jkunux jirrigwardaw l-interessi li għandhom jiġu inklużi fil-kalkolu tar-RPAI.

26      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2008/48, hija hijiex obbligata li tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 129/2010, fil-verżjoni tagħha applikabbli mill‑1 ta’ Mejju 2018, għall-kuntratt li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali, li ġie konkluż fl‑1 ta’ Ottubru 2015.

27      F’dan ir-rigward, permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Frar 2018, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) iddeċidiet li, fir-rigward tal-kuntratti ta’ kreditu konklużi qabel l‑1 ta’ Mejju 2018, il-qrati Slovakki għandhom l-obbligu li jinterpretaw id-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni b’tali mod li jaslu għall-konklużjoni li tirriżulta mil-Liġi Nru 129/2010, fil-verżjoni tagħha applikabbli mill‑1 ta’ Mejju 2018.

28      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tibża’ li tali interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni titwettaq contra legem u li tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      A.      Wara s-sentenza [tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842)], il-leġiżlatur Slovakk neħħa, b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2018, il-kliem “tal-kapital, tal-interessi u tal-ispejjez l-oħra” li kien jinstab fl-Artikolu [9(2)(l) tal-Liġi Nru 129/2010, fil-verżjoni tagħha applikabbli fl‑1 ta’ Ottubru 2015] inkwantu elementi tal-kuntratt relatati mar-rimbors tal-kreditu, u b’dan il-mod temm id-dritt, mogħti mil-liġi lill-konsumaturi fil-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum, għal xi forma ta’ indikazzjoni (mhux biss fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament) tal-analiżi dettaljata tal-ħlasijiet bejn kapital, interessi u spejjeż, kif ukoll tas-sanzjoni għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan id-dritt.

B.      Ċertament, wara l‑1 ta’ Mejju 2018, l-emenda tal-liġi [Nru 129/2010] ppermettiet implimentazzjoni aħjar tas-sentenza [tad-9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842)], madankollu xorta jibqa’ l-fatt li, fit-tilwimiet relatati mal-kuntratti konklużi mal-konsumaturi qabel l‑1 ta’ Mejju 2018, il-qrati [Slovakki] irreaġixxew [għal din is-sentenza] b’tali mod li jintlaħaq, essenzjalment, l-istess riżultat bħal dak imfittex mil-leġiżlatur, billi adottaw interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni.

C.      F’dan il-kuntest, id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-effett indirett tad-direttivi. Fid-dawl tan-numru kbir ta’ deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-qrati aċċettaw, fl-imgħoddi, li l-Liġi Nru 129/2010 tagħti lill-konsumaturi d-dritt li jingħataw indikazzjonijiet speċifiċi dwar l-analiżi dettaljata tal-ħlasijiet bejn kapital, interessi u spejjeż, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita bid-domanda li ġejja:

Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-effett indirett ta’ direttiva fir-relazzjonijiet orizontali bejn individwi għall-finijiet li jiġi ggarantit l-effett sħiħ tagħha permezz tal-applikazzjoni tal-metodi kollha ta’ interpretazzjoni u tal-ordinament ġuridiku intern, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jippermetti li qorti tagħti deċiżjoni, f’tilwima dwar kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż qabel l‑1 ta’ Mejju 2018, li l-effetti tagħha huma ekwivalenti għal dawk li jirriżultaw mill-emenda tal-liġi li ġiet adottata mil-leġiżlatur, b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2018, bil-għan li tiġi implimentata s-sentenza [tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842)]?

Il-qorti tar-rinviju qiegħda tagħmel id-domandi l-oħra biss fil-każ li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja [tkun fl-affirmattiv] għad-domanda 1C […]

2.      Is-sentenza [tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842)], u d-Direttiva 2008/48/KE […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li [din id-] Direttiva tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li mhux biss teżiġi li jingħataw dettalji dwar il-ħlasijiet fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament, iżda wkoll kull espressjoni legali oħra tal-ammont, tan-numru u tal-perjodiċità tar-rimborsi tal-kapital ta’ self għall-konsum?

3)      [L-imsemmija] sentenza […] għandha tiġi interpretata fis-sens li, [minbarra] dak li huwa indikat għall-kapital, din tirregola wkoll il-kwistjoni ta’ jekk il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi d-dritt li l-konsumaturi jingħataw indikazzjonijiet, f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, dwar l-ammont, in-numru u l-iskadenzi tal-pagamenti tal-interessi u tal-ispejjeż tmurx lil hinn mid-Direttiva 2008/48? Jekk [l-istess] sentenza tirrigwarda wkoll l-interessi u l-ispejjeż, għandu jitqies li anki analiżi dettaljata tar-rimbors tal-interessi u tal-ispejjeż f’forma oħra għajr dik tat-tabella ta’ ammortizzament tmur lil hinn mill-imsemmija direttiva, b’mod partikolari mill-Artikolu 19(2)(j) tagħha?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

30      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Pohotovosť issostni li d-domandi preliminari huma inammissibbli.

31      Fir-rigward tal-ewwel domanda, din il-kumpannija ssostni li l-prinċipju ta’ ċertezza legali invokat mill-qorti tar-rinviju jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata biss tinterpreta d-dritt tal-Unjoni.

32      Barra minn hekk, hija l-qorti nazzjonali u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa jekk, fil-kawża prinċipali, id-dritt nazzjonali jistax jiġi interpretat skont id-dritt tal-Unjoni.

33      Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet domanda, Pohotovosť tfakkar li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jipprevedi r-rimbors tal-kreditu mingħajr ammortizzament tal-kapital. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi li jirrigwardaw it-tabella ta’ ammortizzament huma nieqsa minn kull sens prattiku fil-kawża prinċipali.

34      Skont Pohotovosť, il-leġiżlazzjoni Slovakka ma tipprevedi l-ebda sanzjoni fil-każ ta’ assenza, f’kuntratt ta’ kreditu, tat-tabella ta’ ammortizzament jew ta’ sommarju tal-frekwenzi u tal-kundizzjonijiet ta’ ħlas tal-interessi debituri u tal-ispejjeż rikorrenti u mhux rikorrenti annessi. Għaldaqstant, id-domandi li jirrigwardaw it-tqassim ta’ kull rimbors bejn l-apprezzament tal-kapital, l-interessi u, jekk ikun il-każ, l-ispejjeż addizzjonali ma għandhom l-ebda importanza prattika f’dan il-każ.

35      Barra minn hekk, mingħajr ma jqajmu formalment l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Gvern Slovakk u l-Kummissjoni Ewropea jikkonstataw li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-RPAI indikata fil-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni kienet żbaljata. Il-Gvern Slovakk jikkunsidra li, jekk ir-RPAI indikata f’dan il-kuntratt hija inqas mir-rata effettiva reali, il-kreditu jkun eżenti minn interessi u minn spejjeż skont l-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 129/2010. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija sanzjoni tista’ tiġi applikata f’dan il-każ, indipendentement mill-eventwali risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari.

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompitu li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha kif ukoll sabiex tifhem ir-raġunijiet għaliex il-qorti nazzjonali tqis li għandha bżonn risposti għal dawn id-domandi sabiex taqta’ t-tilwima pendenti quddiemha (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, PI, C‑230/18, EU:C:2019:383, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tagħmel domandi dwar l-interpretazzjoni ta’ att tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri fuq dik tad-Direttiva 2008/48, u, f’dan il-kuntest, titlob kjarifiki dwar is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842).

38      Fir-rigward tal-argument, invokat mill-Gvern Slovakk u mill-Kummissjoni, li, peress li r-RPAI indikata hija żbaljata, il-qorti nazzjonali tista’ tiddeċiedi, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija eżenti minn interessi u minn spejjeż, għandu jitfakkar li l-kawża prinċipali tirrigwarda talba ta’ konsumatur intiża sabiex Pohotovosť tinżamm responsabbli għall-ksur tal-obbligu li jiġu indikati fil-kuntratt ta’ kreditu l-elementi obbligatorji kollha skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u d-Direttiva 2008/48. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-possibbiltà, għall-qorti a quo, li tissanzjoni lil Pohotovosť għall-indikazzjoni żbaljata tar-RPAI, jekk jiġi preżunt li din il-possibbiltà hija kkonfermata minn din il-qorti, ma tistax, fi kwalunkwe każ, iċċaħħad minn kull utilità għas-soluzzjoni tal-kawża l-kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja tar-rekwiżiti previsti minn din id-direttiva f’dak li jirrigwarda l-elementi l-oħra li għandhom ikunu b’mod obbligatorju jiġu indikati f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, peress li l-imsemmija direttiva tikkonċerna kemm il-ħlas tal-kreditu b’ammortizzament tal-kapital kif ukoll il-ħlas ta’ spejjeż u ta’ interessi mingħajr tali ammortizzament.

39      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

40      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2)(h) sa (j) tad-Direttiva 2008/48, moqri flimkien mal-Artikolu 22(1) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jispeċifika t-tqassim ta’ kull rimbors bejn, skont il-każ, l-ammortizzament tal-kapital, l-interessi u l-ispejjeż l-oħra.

41      Qabelxejn, għandu jitfakkar, minn naħa, li d-Direttiva 2008/48 ġiet adottata bil-għan doppju li tiżgura lill-konsumaturi kollha tal-Unjoni Ewropea livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 61, kif ukoll tat‑2 ta’ Mejju 2019, Pillar Securitisation, C‑694/17, EU:C:2019:345, punt 38).

42      Min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ informazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, jikkontribwixxi, bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 5 u 8 ta’ din id-direttiva, għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 61).

43      Skont l-Artikolu 10(2)(h) tad-Direttiva 2008/48, il-kuntratt ta’ kreditu jsemmi, b’mod ċar u konċiż, l-ammont, in-numru u l-frekwenza tal-pagamenti li għandhom isiru mill-konsumatur u, fejn xieraq, l-ordni li fih dawn il-pagamenti ser jiġu allokati għall-bilanċi differenti dovuti ffissati b’rati ta’ self differenti għall-finijiet tar-rimbors.

44      Mill-Artikolu 10(2)(i) u (3) ta’ din id-direttiva jirriżulta li, fil-każ ta’ ammortizzament tal-kapital ta’ kuntratt b’terminu fiss, huwa biss fuq it-talba tal-konsumatur magħmula fi kwalunkwe ħin tul il-kuntratt ta’ kreditu li l-persuna li ssellef għandha l-obbligu li tibgħatilha mingħajr spejjeż rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament.

45      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 10(2)(h) u (i) tad-Direttiva 2008/48, din ma tipprevedix obbligu li fil-kuntratt ta’ kreditu jiġi inkluż tali rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punt 54).

46      Għandu jingħad ukoll li kull forma ta’ preżentazzjoni strutturata ta’ tqassim ta’ kull ħlas bħala rimbors tal-kreditu bejn l-apprezzament tal-kapital, l-interessi u, jekk ikun il-każ, l-ispejjeż addizzjonali tal-kreditu għandha tiġi kkunsidrata bħala tabella ta’ ammortizzament, fis-sens tal-Artikolu 10(2) (i) tad-Direttiva 2008/48.

47      Madankollu, jekk ikun hemm ħlas ta’ spejjeż u ta’ interessi mingħajr ammortizzament tal-kapital, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 10(2)(j) tal-imsemmija direttiva, il-kuntratt ta’ kreditu għandu jagħti rendikont tal-frekwenzi u tal-kundizzjonijiet ta’ ħlas tal-interessi ta’ self u tal-ispejjeż rikorrenti u mhux rikorrenti annessi.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2008/48 ma tipprevedix obbligu li jiġi indikat f’kuntratt ta’ kreditu, fi kwalunkwe forma, tqassim tal-ħlasijiet li għandhom jitwettqu mill-konsumatur bejn ir-rimbors tal-kapital, jekk dan ikun ammortizzat minn dawn il-ħlasijiet, l-interessi u l-ispejjeż l-oħra dovuti skont dan il-ftehim.

49      Fl-istess ħin, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, sa fejn din tinkludi dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fid-dritt nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet oħra minbarra dawk stabbiliti minn din id-direttiva.

50      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 iwettaq tali armonizzazzjoni fir-rigward tal-elementi li għandhom jiġu inklużi b’mod obbligatorju fil-kuntratt ta’ kreditu (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punt 56).

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(2)(h) sa (j) tad-Direttiva 2008/48, moqri flimkien mal-Artikolu 22(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jispeċifika t-tqassim ta’ kull rimbors bejn, skont il-każ, l-ammortizzament tal-kapital, l-interessi u l-ispejjeż l-oħra.

 Fuq l-ewwel domanda

52      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, kif interpretati mis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842), humiex applikabbli għal kuntratt ta’ kreditu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġie konkluż qabel l-għoti ta’ din is-sentenza u qabel emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali magħmula sabiex ikun hemm konformità mal-interpretazzjoni adottata fl-imsemmija sentenza.

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni li din tal-aħħar tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni tiċċara u tispeċifika t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti anki għal relazzjonijiet legali mnissla u kkostitwiti wara d-dħul fis-seħħ ta’ din ir-regola u qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni, jekk barra minn hekk, il-kundizzjonijiet li jippermettu li titressaq kawża dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti jkunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein, C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali, kif applikabbli fid-data tal-fatti rilevanti, f’dan il-każ fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat, jiġifieri l‑1 ta’ Ottubru 2015, sa fejn huwa possibbli, u mingħajr ma tkun meħtieġa interpretazzjoni contra legem, skont id-Direttiva 2008/48, kif interpretata mis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842).

55      F’dan ir-rigward, kif ifakkru l-Gvern Slovakk u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, qorti nazzjonali ma tistax validament tikkunsidra li hija tinsab fl-impossibbiltà li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, sempliċement minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni ġiet interpretata f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 73).

56      Dan l-obbligu ta’ interpretezzjoni konformi huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari dak ta’ ċertezza legali, fis-sens li ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Mono Car Styling, C‑12/08, EU:C:2009:466, punt 61). Madankollu, għalkemm l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali, il-qrati nazzjonali għandhom jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza nazzjonali stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Związek Gmin Zagłębia Miedziowego, C‑566/17, EU:C:2019:390, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, kif interpretati mis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842), huma applikabbli għal kuntratt ta’ kreditu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġie konkluż qabel l-għoti ta’ din is-sentenza u qabel emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali magħmula sabiex ikun hemm konformità mal-interpretazzjoni adottata fl-imsemmija sentenza.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 10(2)(h) sa (j) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, moqri flimkien mal-Artikolu 22(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jispeċifika t-tqassim ta’ kull rimbors bejn, skont il-każ, l-ammortizzament tal-kapital, l-interessi u l-ispejjeż l-oħra.

2)      L-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48, kif interpretati mis-sentenza tad9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C42/15, EU:C:2016:842), huma applikabbli għal kuntratt ta’ kreditu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġie konkluż qabel l-għoti ta’ din is-sentenza u qabel emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali magħmula sabiex ikun hemm konformità mal-interpretazzjoni adottata fl-imsemmija sentenza.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.