Language of document : ECLI:EU:T:2014:829

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

26 ta’ Settembru 2014 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Reġistrazzjoni internazzjonali li tindika lill-Komunità Ewropea – Trade mark figurattiva KW SURGICAL INSTRUMENTS – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti Ka We – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Firxa tal-eżami li għandu jsir mill-Bord tal-Appell – Prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti – Rikors ippreżentat quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni – Rifjut tar-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha mingħajr evalwazzjoni minn qabel tal-kundizzjoni tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti – Żball ta’ liġi – Setgħa ta’ riforma”

Fil-Kawża T‑445/12,

Koscher + Würtz GmbH, stabbilita fi Spaichingen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn P. Mes, C. Graf von der Groeben, G. Rother, J. Bühling, A. Verhauwen, J. Künzel, D. Jestaedt, M. Bergermann, J. Vogtmeier u A. Kramer, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Schifko, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Kirchner & Wilhelm GmbH + Co., stabbilita f’Asperg (il-Ġermanja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tas-6 ta’ Awwissu 2012 (Każ R 1675/2011-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Kirchner & Wilhelm GmbH + Co. u Koscher + Würtz GmbH,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Ottubru 2012,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Jannar 2013,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Mejju 2013,

wara li rat il-kontroreplika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Lulju 2013,

wara li rat il-bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali,

wara s-seduta tad-29 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-25 ta’ April 2008, ir-rikorrenti, Koscher + Würtz GmbH, kisbet mingħand il-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) reġistrazzjoni internazzjonali li tindika lill-Komunità Ewropea għas-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

2        Fil-31 ta’ Lulju 2008, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) ġie nnotifikat bir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ dan is-sinjal.

3        Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 10 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade Marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Apparat u strumenti kirurġiċi, mediċi, dentali u veterinarji, partijiet tal-ġisem, għajnejn u snin foloz; artikli ortopediċi; materjal ta’ sutura”.

4        Fit-8 ta’ Mejju 2009, Kirchner & Wilhelm GmbH + Co. (iktar ’il quddiem l-“opponent”) ressqet oppożizzjoni, abbażi tal-Artikolu 41 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

5        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark nazzjonali verbali preċedenti Ka We, li saret applikazzjoni għaliha fid-19 ta’ April 1930 u li ġiet irreġistrata fil-Ġermanja fil-25 ta’ Novembru 1930 bin-numru 426260, li tirrigwarda l-prodotti segwenti li jidħlu fil-klassi 10: “Strumenti u apparati mediċi u sanitarji, proteżi għas-smigħ, faxex sanitarji, partijiet tal-ġisem foloz (bl-eċċezzjoni tal-prodotti tal-gomma jew assoċjati mal-gomma)”.

6        Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u t-trade mark preċedenti.

7        Fit-23 ta’ Ġunju 2011, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni minħabba li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni.

8        Fis-16 ta’ Awwissu 2011, l-opponent ippreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

9        B’deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u rrifjuta li jagħti lir-rikorrenti l-protezzjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali għall-Komunità.

10      Preliminarjament, il-Bord tal-Appell irrileva li l-pubbliku rilevanti kien il-pubbliku Ġermaniż u li dan kien pubbliku professjonali espert fil-qasam mediku (punti 13 u 14 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra, kif kienet qieset id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li l-prodotti kkonċernati mit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u l-prodotti kkonċernati mit-trade mark preċedenti kienu identiċi (punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      F’dak li jikkonċerna l-paragun tas-sinjali, il-Bord tal-Appell irrileva li t-trade mark preċedenti u t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha kellhom element identiku, l-ittri “k” u “w”, li kienu jikkostitwixxu l-parti dominanti u l-iktar distintiva tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u kienu ż-żewġ ittri inizjali tat-trade mark preċedenti Ka We. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra, għalhekk, li kien jeżisti xebh viżiv, għalkemm ta’ livell baxx, bejn iż-żewġ trade marks. Hija indikat ukoll li l-kelliem Ġermaniż kien jippronunzja l-element verbali “kw” u t-trade mark kawe b’mod identiku u li, skont jekk il-parti deskrittiva bl-Ingliż tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha (jiġifieri “surgical instruments”) tiġix ippronunzjata jew le, it-trade marks huma identiċi jew simili ħafna fuq il-livell fonetiku. Dan ippreċiża li ebda paragun kunċettwali ma kien rilevanti (punti 16 sa 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-elementi msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll tal-fatt li l-ordnijiet tal-prodotti kkonċernati mit-trade mark preċedenti jsiru wkoll bit-telefon, liema ħaġa ssaħħaħ ir-rilevanza tal-paragun fonetiku tat-trade marks, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni (punti 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż, inklużi dawk quddiem il-Bord tal-Appell u d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

15      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tindika s-segwenti fil-punt 50 tar-rikors:

“Ir-rikors huwa fondat. Peress li ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali inkwistjoni, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda. Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandha tiġi annullata.”

16      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

17      Waqt is-seduta, mistoqsija dwar is-suġġett tar-rikors u b’mod partikolari, dwar il-portata tal-punt 50 tar-rikors, ir-rikorrenti ppreċiżat li t-talbiet tagħha kienu intiżi mhux biss għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, iżda anki għar-riforma tagħha sa fejn il-Qorti Ġenerali jkollha elementi li jippermettulha li tiċħad l-oppożizzjoni.

 Id-dritt

 Fuq il-portata tat-talbiet tar-rikorrenti

18      Fid-dawl tal-formulazzjoni tar-rikors, b’mod partikolari tal-punt 50 tiegħu, u tal-preċiżazzjonijiet mogħtija waqt is-seduta mir-rikorrenti, dan tal-aħħar għandu jitqies fis-sens li jressaq fl-istess ħin talbiet intiżi għall-annullament u għal riforma.

19      Insostenn ta’ dawn it-talbiet kollha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, l-ewwel wieħed, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Bord tal-Appell, fir-rigward tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, billi laqgħa l-oppożizzjoni mingħajr ma eżamina jekk it-trade mark preċedenti kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin, it-tieni wieħed, ibbażat fuq assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, relattiv għall-assenza ta’ eżami mill-Bord tal-Appell tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti

20      Ir-rikorrenti, b’referenza għall-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, tindika, b’mod partikolari, li, minkejja li kienet qajmet, fil-kuntest tal-proċediment ta’ oppożizzjoni, il-kwistjoni tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti, il-Bord tal-Appell ma esprimiex ruħu, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq din il-kwistjoni.

21      Skont l-UASI, dan il-motiv huwa inammissibbli. Fil-fatt, il-kwistjoni tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti hija irrilevanti għas-suġġett tal-proċediment. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tillimita ruħha biex tirreferi b’mod ġenerali għal osservazzjonijiet espressi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, minkejja li l-lingwa użata quddiem l-UASI kienet differenti mil-lingwa tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, u fir-rikors ma tinvoka ebda ksur tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Tali ksur tqajjem biss fir-replika, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv

22      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli fil-qasam tal-proprjetà intellettwali skont l-Artikolu 130(1) u l-Artikolu 132(1) ta’ dawn ir-regoli, ir-rikors promotur għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati. Skont ġurisprudenza stabbilita sew, jekk is-suġġett tar-rikors jista’ jiġi elaborat u kkompletat, fuq punti speċifiċi, permezz ta’ referenzi għal estratti ta’ dokumenti li huma annessi magħhom, riferiment globali għal dokumenti oħra ma għandux jikkumpensa għan-nuqqas ta’ argumenti essenzjali fid-dritt, li, skont id-dispożizzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq, għandhom jidhru fir-rikors stess [sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Ottubru 2006, Bitburger Brauerei vs UASI – Anheuser-Busch (BUD, American Bud u Anheuser Busch Bud), T‑350/04 sa T‑352/04, Ġabra p. II‑4255, punt 33].

23      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, insostenn tal-motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ eżami mill-Bord tal-Appell tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti, ir-rikorrenti tirreferi espressament, fir-rikors, għall-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li abbażi tiegħu l-applikant għat-trade mark Komunitarja inkwistjoni jista’ jippreżenta rikors intiż biex l-opponent għat-talba tiegħu jressaq il-prova li t-trade mark Komunitarja preċedenti kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin. Ir-rikorrenti tippreċiża wkoll li hija qajmet din il-kwistjoni fil-kuntest tal-proċediment ta’ oppożizzjoni, f’nota tal-14 ta’ Marzu 2011. Finalment, ir-rikorrenti żżid li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni setgħet tħalli miftuħa l-kwistjoni tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti sa fejn din qieset li ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks f’kunflitt.

24      Konsegwentement, l-elementi essenzjali tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti jinsabu fir-rikors tagħha.

25      Il-fatt li d-dokumenti li jirreferi għalihom ir-rikors huma miktuba f’lingwa differenti mil-lingwa tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali huwa irrilevanti għall-konklużjoni msemmija fil-punt preċedenti.

26      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-UASI, l-ewwel motiv huwa ammissibbli.

 Fuq il-fondatezza tal-motiv

27      Skont l-Artikolu 42(2) u l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, oppożizzjoni magħmula kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja tiġi miċħuda jekk il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti inkwistjoni ma jġibx il-prova li din kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin matul il-ħames snin ta’ qabel il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Min-naħa l-oħra, jekk il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jirnexxilu jġib din il-prova, l-UASI għandu jipproċedi għall-eżami tar-raġunijiet ta’ rifjut imressqa mill-parti li topponi.

28      Barra minn hekk, l-rtikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li l-Bord tal-Appell jista’ jew jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata jew jirrinvija l-każ lil dak id-dipartiment għal prosekuzzjoni ulterjuri. Minn din id-dispożizzjoni kif ukoll mis-sens tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-Bord tal-Appell, sabiex jiddeċiedi appell, għandu l-istess kompetenzi bħad-dipartiment li ħa d-deċiżjoni kkontestata u li l-eżami tiegħu jirrigwarda l-kawża kollha kif tinsab fil-ġurnata meta huwa jagħti deċiżjoni. Minn dan l-artikolu kif ukoll minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta wkoll li teżisti kontinwità funzjonali bejn id-diversi dipartimenti tal-UASI, jiġifieri l-eżaminatur, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, l-Amministrazzjoni ta’ Trade marks u Diviżjonijiet Legali u d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, minn naħa, u l-Bordijiet tal-Appell, min-naħa l-oħra. Minn din il-kontinwità funzjonali bejn id-diversi istanzi tal-UASI jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet adottati mid-dipartimenti tal-UASI li jiddeċiedu fl-ewwel istanza, il-Bordijiet tal-Appell huma marbuta li jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi kollha li l-partijiet ippreżentaw jew fil-proċedura quddiem id-dipartimenti li adottaw deċiżjoni fl-ewwel istanza, jew fil-proċedura ta’ appell [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 2006, La Baronia de Turis vs UASI – Baron Philippe de Rothschild (LA BARONNIE), T‑323/03, Ġabra p. II‑2085, punti 56 sa 58, u l-ġurisprudenza ċċitata].

29      Il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-firxa tal-eżami li l-Bord tal-Appell tal-UASI kien marbut li jagħmel fir-rigward tad-deċiżjoni li kienet is-suġġett ta’ appell, f’dan il-każ id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, ma kinitx tiddependi mill-fatt li l-parti li ppreżentat l-appell kienet tinvoka motiv speċifiku fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni, billi tikkritika l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt mid-dipartiment tal-UASI li ddeċieda fl-ewwel istanza, jew inkella l-evalwazzjoni, minn dan id-dipartiment, ta’ element ta’ prova. Għalhekk, anki jekk il-parti li ressqet l-appell quddiem il-Bord tal-Appell ma ressqitx motiv speċifiku, il-Bord tal-Appell irid madankollu jeżamina, fid-dawl tal-elementi kollha rilevanti ta’ liġi u ta’ fatt li jkunu disponibbli, jekk deċiżjoni ġdida li jkollha l-istess parti dispożittiva bħad-deċiżjoni li tkun is-suġġett tal-appell tistax jew le tiġi adottata legalment meta tittieħed deċiżjoni fuq l-appell. Issa, il-kwistjoni jekk, fir-rigward tal-fatti u tal-provi ppreżentati mill-parti l-oħra fil-proċediment quddiem il-Bord tal-Appell, din ressqitx il-prova ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti, jifforma parti mill-eżami li l-Bord tal-Appell tal-UASI huwa marbut li jwettaq fir-rigward tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ appell [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Sunrider vs UASI – Espadafor Caba (VITAFRUIT), T‑203/02, Ġabra p. II‑2811, punt 21].

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikors intiż biex l-opponent jistabbilixxi l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti għandu l-effett li jpoġġi fuqu l-oneru tal-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark tiegħu bir-riskju li l-oppożizzjoni tiegħu tiġi miċħuda. B’hekk, l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti jikkostitwixxi kwistjoni li, ladarba titqajjem mill-applikant għat-trade mark, għandha, fil-prinċipju, tiġi rregolata qabel ma tingħata deċiżjoni fuq l-oppożizzjoni proprja. Għalhekk, it-talba ta’ prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti żżid fil-proċediment ta’ oppożizzjoni kwistjoni speċifika u preliminari u, f’dan is-sens, tbiddel il-kontenut tiegħu [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Marzu 2007, Saint-Gobain Pam vs UASI – Propamsa (PAM PLUVIAL), T‑364/05, Ġabra p. II‑757, punt 37].

31      Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija li għandhom jiġu eżaminati l-fatti tal-każ.

32      F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mid-dokumenti fil-proċess, ir-rikorrenti ppreżentat, fil-kuntest tal-proċediment ta’ oppożizzjoni, talba abbażi tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u la d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u lanqas il-Bord tal-Appell ma esprimew ruħhom fuq il-kwistjoni tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti.

33      Fil-fatt, qabel kollox jirriżulta mill-proċess tal-każ quddiem il-Bord tal-Appell li r-rikorrenti indikat, f’nota tal-10 ta’ Settembru 2010, li t-trade mark preċedenti kienet ilha rreġistrata mill-1930 u li, għalhekk, ir-rikorrenti kienet qiegħda titlob lill-opponent, abbażi tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li jippreżenta l-prova tal-użu ġenwin ta’ din it-trade mark. Mill-proċess tal-każ quddiem il-Bord tal-Appell jirriżulta wkoll li r-rikorrenti kkontestat, mill-ġdid, f’nota tal-14 ta’ Marzu 2011, il-karattru stabbilit tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti. Sussegwentement, fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tinsab fil-proċess tal-każ quddiem il-Bord tal-Appell hemm ippreċiżat is-segwenti: “Peress li l-oppożizzjoni ma hijiex fondata, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 207/2009, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-prova tal-użu ppreżentata mill-opponent.” Finalment, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u rrifjuta lir-rikorrenti l-protezzjoni, fil-Komunità, tar-reġistrazzjoni internazzjonali li din kienet kisbet, mingħajr ma esprima ruħu dwar l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti.

34      Fid-dawl tal-elementi ta’ fatt kollha msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi. Effettivament, filwaqt li talba relattiva għall-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti kienet tressqet mir-rikorrenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell irrifjuta lir-rikorrenti l-protezzjoni, għall-Komunità, tar-reġistrazzjoni internazzjonali li kienet kisbet, mingħajr ma l-kwistjoni tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti ġiet eżaminata preliminarjament.

35      Għandu jingħad ukoll li l-Qorti Ġenerali tista’ tibbaża ruħha fuq provi mill-proċess tal-każ quddiem il-Bord tal-Appell li għalihom il-partijiet jirreferu bi preċiżjoni biżżejjed.

36      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ.

37      Konsegwentement, għandhom jiġu milqugħa t-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

38      Barra minn hekk, hekk kif intqal iktar ’il fuq (punt 18), ir-rikorrenti tressaq ukoll talbiet għal riforma.

39      Issa, l-ewwel motiv jista’ jwassal biss għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata u għar-rinviju tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell. Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżami ta’ dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali ma tesprimix ruħha dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks f’kunflitt. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li s-setgħa ta’ riforma, irrikonoxxuta lill-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009, ma għandhiex l-effett li tagħti lil din is-setgħa li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-Bord tal-Appell għadu ma adottax pożizzjoni. L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ riforma għandu konsegwentement, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, Ġabra p. I‑5853, punt 72). B’hekk, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma tista’ twettaq ebda evalwazzjoni dwar l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti, peress li l-Bord tal-Appell ma esprimiex ruħu dwar dan il-punt.

40      B’mod kuntrarju, it-tieni motiv, relattiv għall-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, jista’ jippermetti lir-rikorrenti, jekk jitqies fondat, li tikseb soluzzjoni kompleta tal-kawża, jiġifieri ċaħda tal-oppożizzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell esprima ruħu dwar il-kwistjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks f’kunflitt.

41      Hija għalhekk il-Qorti Ġenerali li għandha teżamina t-tieni motiv.

 Fuq it-tieni motiv, relattiv għall-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni

42      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata meta, minħabba identiċità jew xebh ma’ trade mark preċedenti u minħabba identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009, trade marks preċedenti tfisser it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru, li d-data li fiha ġew ippreżentati tippreċedi dik tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

43      Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u b’kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza tax-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi ddeżinjati [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

 Fuq il-pubbliku rilevanti

44      Skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti kkonċernati, ġeneralment informat u raġonevolment attent u avżat. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, Ġabra p. II‑449, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata].

45      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell irrileva fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma dan ġie kkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-probabbiltà ta’ konfużjoni kellha tiġi evalwata fir-rigward tal-pubbliku Ġermaniż, peress li t-trade mark preċedenti hija rreġistrata u protetta fil-Ġermanja. Dan ikkonstata wkoll fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, dejjem mingħajr ma dan ġie kkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-prodotti koperti mis-sinjali f’kunflitt kienu indirizzati lil pubbliku professjonali espert fil-qasam mediku u li l-livell ta’ attenzjoni ta’ dan il-pubbliku kien partikolarment għoli.

 Fuq il-paragun tal-prodotti

46      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura, id-destinazzjoni, l-użu, kif ukoll il-karattru kompetittiv jew kumplimentari ta’ dawn il-prodotti jew servizzi. Fatturi oħra jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħas-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-prodotti kkonċernati [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T‑443/05, Ġabra p. II‑2579, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata].

47      Fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti kienu użati għal skopijiet mediċi u kellhom l-istess destinazzjoni, natura u użu bħall-prodotti koperti mit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha. Minn dan ikkonkluda li l-prodotti inkwistjoni kienu identiċi.

48      Ir-rikorrenti tikkontesta din il-konklużjoni. Madankollu, din tillimita ruħha biex issostni, mingħajr preċiżazzjoni ulterjuri, li ma hemmx identiċità jew xebh bejn il-prodotti, biex tirreferi għal nota kkomunikata fil-kuntest tal-proċediment ta’ oppożizzjoni. Dawn l-argumenti ma humiex suffiċjenti, fid-dawl tad-dokumenti fil-proċess, biex ikun jista’ jiġi konkluż li l-prodotti inkwistjoni ma humiex identiċi jew, għall-inqas, li ma jixxibhux.

 Fuq il-paragun tas-sinjali

49      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni ġenerali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni trid, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks mill-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-imsemmija probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 23, u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Isdin vs UASI u Bial-Portela, C‑597/12 P, punt 19).

50      L-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tillimita ruħha b’mod li jittieħed biss inkunsiderazzjoni komponent ta’ trade mark kumplessa u li jiġi mqabbel ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, il-paragun għandu jsir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fl-intier tagħha, b’tali mod li ma huwiex eskluż li l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku relevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra p. I‑4529, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il-bażi biss tal-element dominanti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja UASI vs Shaker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 42). Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent ikun jista’ jiddomina, waħdu, l-immaġni ta’ dik it-trade mark f’moħħ il-pubbliku rilevanti, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu irrilevanti fl-impressjoni ġenerali mogħtija minnha (sentenza Nestlé vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

–       Fuq ix-xebh viżiv

51      F’dak li jikkonċerna l-paragun viżiv ta’ żewġ trade marks, għandu qabel kollox jitfakkar li ma hemm xejn li jipprekludi li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ xebh viżiv bejn trade mark verbali u trade mark figurattiva, peress li dawn iż-żewġ tipi ta’ trade marks għandhom konfigurazzjoni grafika li tista’ toħloq impressjoni viżiva [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Mejju 2005, Chum vs UASI – Star TV (STAR TV), T‑359/02, Ġabra p. II‑1515, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata].

52      Sussegwentement, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade marks f’kunflitt għandhom livell baxx ta’ xebh fuq il-livell viżiv. Fil-fatt, skont dan, għalkemm hija biss it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha li għandha l-kliem “surgical” u “instruments”, kif ukoll elementi figurattivi, iż-żewġ sinjali jikkoinċidu bl-ittri “k” u “w” li jikkostitwixxu l-parti dominanti u l-iktar distintiva tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u li huma ż-żewġ ittri inizjali tat-trade mark preċedenti.

53      B’mod kuntrarju, ir-rikorrenti ssostni li, fil-kuntest ta’ eżami li jista’ jkun biss globali, iż-żewġ sinjali ma jixxibhux fuq il-livell viżiv, fid-dawl tal-importanza tal-kliem supplementari “surgical” u “instruments” u tal-elementi figurattivi li jidhru biss fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha.

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ittri “k” u “w”, li huma l-ittri inizjali ta’ żewġ kelmiet li jiffurmaw it-trade mark preċedenti, jiffurmaw l-elementi dominanti tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha fid-dawl tad-daqs tagħhom u tal-fatt li dawn jidhru f’tipa ħafna eħxen mill-elementi l-oħra ta’ din it-trade mark. Barra minn hekk, l-element ifformat bil-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ ittri għandu karattru iktar distintiv mill-elementi l-oħra ta’ din it-trade mark, jiġifieri l-kliem supplementari “surgical” u “instruments” u l-elementi figurattivi li jikkonsistu minn nofs ċirku u mir-riproduzzjoni ta’ strument kirurġiku.

55      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ġustament seta’ jikkonkludi, abbażi tal-impressjoni ġenerali prodotta miż-żewġ sinjali f’kunflitt, li jeżisti livell dgħajjef ta’ xebh viżiv bejniethom.

56      Il-fatt li, fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, biex jiġu ffurmati l-ittri “k” u “w”, tintuża tipa ta’ karattri differenti minn dik użata fit-trade mark preċedenti, ma jippermettix li titqiegħed indiskussjoni l-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti, u dan iktar u iktar għaliex it-trade mark preċedenti hija trade mark verbali u għaliex, konsegwentement, din ma tiddistingwix ruħha bl-użu ta’ tip partikolari ta’ tipa ta’ karattri [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Diċembru 2009, Volvo Trademark vs UASI – Grebenshikova (SOLVO), T‑434/07, Ġabra p. II‑4415, punt 37].

–       Fuq ix-xebh fonetiku

57      Fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li, minn perspettiva fonetika, iż-żewġ sinjali f’kunflitt kienu, skont jekk il-kliem supplementari “surgical” u “instruments” kinux ippronunzjati jew le, identiċi jew simili ħafna.

58      Ir-rikorrenti tosserva li, fuq il-livell fonetiku, il-kelmiet “surgical” u “instruments” ma humiex sekondarji sal-punt li jistgħu jiġu injorati u li b’hekk dawn jintroduċu differenza evidenti bejn it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u t-trade mark preċedenti.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li differenza bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti ma tbiddilx il-karattru identiku tal-bidu tal-kumpless fonetiku ffurmat mit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha mal-kumpless fonetiku fformat mit-trade mark preċedenti.

60      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-konsumatur ġeneralment jagħti attenzjoni ħafna ikbar lill-bidu ta’ trade mark milli lit-tmiem tagħha [sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Settembru 2006, Meric vs UASI – Arbora & Ausonia (PAM-PIM’S BABY-PROP), T‑133/05, Ġabra p. II‑2737, punt 51].

61      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li, fuq il-livell fonetiku, it-trade marks f’kunflitt għandhom karattru li jixxiebah ħafna, u jkunu identiċi jekk il-pubbliku inkwistjoni jippronunzja biss il-forma mqassra tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, billi jonqos milli jippronunzja l-kliem “surgical” u “instruments”.

62      Għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-pubbliku rilevanti, li jikkonsisti minn speċjalisti, ikun jaf li l-element verbali “kw” tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha hija akronimu li jikkorrispondi għall-ismijiet Koscher u Würtz u għalhekk jippronunzjaha b’dan il-mod, huwa bbażat fuq sempliċi allegazzjoni. Barra minn hekk, tali pronunzjazzjoni ma tnaqqasx il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks f’kunflitt, peress li din tista’ daqstant faċilment tirreferi għall-ismijiet Kirchner u Wilhelm kif ukoll għall-ismijiet Koscher u Würtz.

63      Kien għalhekk ġustament li l-Bord tal-Appell seta’ jikkonkludi, abbażi tal-impressjoni ġenerali prodotta miż-żewġ trade marks f’kunflitt, li, mill-perspettiva fonetika, dawn kienu identiċi jew simili ħafna.

–       Fuq ix-xebh kunċettwali

64      Ir-rikorrenti ssostni, ġustament, li l-kliem “surgical” u “instruments”, li jidhru biss fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, għandhom tifsira għal parti mill-pubbliku rilevanti. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell kien żbaljat meta qies, fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li ż-żewġ sinjali f’kunflitt ma kellhom ebda tifsira.

65      Madankollu għandu jiġi rrilevat li, fil-każ fejn il-kliem “surgical” u “instruments” jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tax-xebh kunċettwali, dawn jinftiehmu sempliċement, kif jindika ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li jirreferu, għall-pubbliku anglofonu fil-Ġermanja, għall-istrumenti mediċi użati fil-kirurġija. B’hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-kliem supplementari ma għandux il-konsegwenza li jneħħi l-probabbiltà ta’ konfużjoni.

66      Għandu jiġi evalwat, fil-kuntest tal-analiżi globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, jekk il-preżenza tal-element kunċettwali “surgical instruments” jistax iqiegħed indiskussjoni il-konklużjoni li wasal għaliha l-Bord tal-Appell meta kkonkluda li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks f’kunflitt.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

67      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, u, b’mod partikolari, tax‑xebh tat-trade marks u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. B’hekk, grad żgħir ta’ xebh bejn il-prodotti jew is‑servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn grad għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 17, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast-Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, Ġabra p. II‑5409, punt 74].

68      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell indika fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata li t-trade mark preċedenti kellha karattru distintiv medju.

69      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikonoxximent ta’ karattru distintiv dgħajjef tat-trade mark preċedenti minnu nnifsu ma jipprekludix il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ April 2006, L’Oréal vs UASI, C‑235/05 P, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 42 sa 45). Fil-fatt, għalkemm il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni, dan ma huwiex ħlief element wieħed fost oħrajn li huma involuti f’din l-evalwazzjoni. B’hekk, anki fil-preżenza ta’ trade mark preċedenti b’karattru distintiv dgħajjef, tista’ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, b’mod partikolari, minħabba xebh tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi involuti [ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Marzu 2005, L’Oréal vs UASI – Revlon (FLEXI AIR), T‑112/03, Ġabra p. II‑949, punt 61, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Xentral vs UASI – Pages jaunes (PAGESJAUNES.COM), T‑134/06, Ġabra p. II‑5213, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata].

70      Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/009 jipprevedi li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata meta tkun teżisti “probabbiltà” ta’ konfużjoni.

71      F’dan il-każ, huwa minnu li l-kliem “surgical” u “instruments” kif ukoll l-elementi figurattivi kkostitwiti minn nofs ċirku u mir-riproduzzjoni ta’ strument kirurġiku jidhru biss fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha.

72      Madankollu, fid-dawl, fl-ewwel lok, tal-preżenza tal-ittri “k” u “w” f’kull waħda miż-żewġ trade marks f’kunflitt, fit-tieni lok, tal-fatt li dawn l-ittri, li huma l-inizjali taż-żewġ kelmiet li jiffurmaw it-trade mark preċedenti, jikkostitwixxu, fuq il-livell viżiv, il-parti dominanti u l-iktar distintiva tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u, fit-tielet lok, tal-pronunzja identika bil-Ġermaniż tat-trade mark Ka We u tal-element verbali “kw”, id-differenzi rrilevati fil-punt preċedenti ma humiex biżżejjed biex titneħħa minn fuq il-konsumatur rilevanti l-impressjoni li dawn it-trade marks, evalwati globalment, jixxiebhu b’mod dgħajjef fuq il-livell viżiv u huma identiċi jew simili ħafna fuq il-livell fonetiku [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Jannar 2010, Nokia vs UASI – Medion (LIFE BLOG), T‑460/07, Ġabra p. II‑89, punti 54 u 56, u l-ġurisprudenza ċċitata].

73      Għandu jingħad ukoll li l-preżenza, fir-rigward biss tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, tal-element verbali “surgical instruments” ma hijiex, f’kull każ, ta’ natura li tinnewtralizza x-xebh viżiv u fonetiku li ġie kkonstatat fil-punt preċedenti bejn is-sinjali taż-żewġ trade marks inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Marzu 2006, Mülhens vs UASI, C‑206/04 P, Ġabra p. I‑2717, punt 36).

74      Finalment, anki jekk jitqies li ma ġietx stabbilita identiċità bejn il-prodotti koperti miż-żewġ trade marks f’kunflitt, il-livell ta’ xebh li, mill-inqas, jeżisti bejniethom meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prodotti kollha koperti mit-trade mark preċedenti, huwa biżżejjed biex tkun tista’ tiġi stabbilita probabbiltà ta’ konfużjoni.

75      B’hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma huwiex stabbilit li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks f’kunflitt.

76      Il-konklużjoni preċedenti ma hijiex invalidata mill-argumenti invokati mir-rikorrenti.

77      Fl-ewwel lok, il-fatt, jekk jitqies bħala stabbilit, li t-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata bħala kombinazzjoni ta’ żewġ kelmiet, “ka” u “we”, ma jippermettix li tiġi stabbilita l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

78      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix li l-fatt li l-prodotti koperti mit-trade marks f’kunflitt huma indirizzati lejn pubbliku professjonali espert fil-qasam mediku, li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku msemmi huwa partikolarment għoli u li n-numru ta’ fornituri tal-prodotti inkwistjoni huwa ridott, jippermetti li tiġi eskluża kull probabbiltà ta’ konfużjoni.

79      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-prodotti inkwistjoni ser ikunu biss eċċezzjonalment proposti, ikkummerċjalizzati jew promossi bit-telefon, din ma hija sostnuta minn ebda prova u għalhekk ma hijiex stabbilita.

80      Barra minn hekk, tali allegazzjoni, anki jekk titqies li hija stabbilita mhux biss għat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, iżda anki għat-trade mark preċedenti, ma tippermettix li tiġi eskluża kull probabbiltà ta’ konfużjoni, għaliex l-użu tas-sinjal, fil-livell fonetiku, ma huwiex limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom il-prodotti inkwistjoni jiġu kkummerċjalizzati, iżda jista’ jikkonċerna wkoll sitwazzjonijiet oħra fejn il-professjonisti inkwistjoni jirreferu oralment għal dawn il-prodotti, pereżempju waqt l-użu tagħhom jew matul diskussjonijiet relattivi għal dan l-użu u li jkunu jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-vantaġġi u l-inkonvenjenti tal-prodotti msemmija.

81      F’dan ir-rigward, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtorità msejħa biex tevalwa l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma tistax tkun meħtieġa li tiddetermina, għal kull kategorija ta’ prodotti, valur medju ta’ attenzjoni tal-konsumatur mil-livell ta’ attenzjoni li dan tal-aħħar jista’ juri f’sitwazzjonijiet differenti, u li tieħu inkunsiderazzjoni l-iktar livell ta’ attenzjoni baxx li l-pubbliku jista’ juri fil-preżenza ta’ prodott u ta’ trade mark (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Jannar 2006, Ruiz-Picasso et vs UASI, C‑361/04 P, Ġabra p. I‑643, punti 42 u 43), madankollu din ma eskludietx li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet differenti minn dik tal-att tax-xiri biex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

82      Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud u li t-talbiet għal riforma mressqa mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

83      Għandu jiġi ppreċiżat li huwa l-UASI, wara li l-kwistjoni tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti tkun, b’eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, ġiet eżaminata, li jkollu jiddeċiedi mill-ġdid, jekk ikun il-każ, dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks f’kunflitt. Għalhekk, dan ikollu jasal għall-konklużjonijiet, wara paragun bejn dawn iż-żewġ trade marks, ta’ eventwali assenza ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti għal xi wħud mill-prodotti koperti minnha.

 Fuq l-ispejjeż

84      Skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura, huma biss l-ispejjeż indispensabbli indikati mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell li għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. Għalhekk, it-talba tar-rikorrenti hija inammissibbli sa fejn din tikkonċerna l-ispejjeż relatati mal-proċedura amministrattiva quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li ma jikkostitwixxux spejjeż rekuperabbli.

85      Kemm fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell kif ukoll ta’ dawk relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, din tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament kap wieħed jew iktar.

86      F’dan il-każ, għandu jiġi deċiż li l-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell u quddiem il-Qorti Ġenerali.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tas-6 ta’ Awwissu 2012 (Każ R 1675/2011-4), dwar proċediment ta’ oppożizzjoni bejn Kirchner & Wilhelm GmbH + Co. u Koscher + Würtz GmbH, hija annullata.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll nofs l-ispejjeż ta’ Koscher + Würtz quddiem il-Bord tal-Appell u quddiem il-Qorti Ġenerali.

4)      Koscher + Würtz għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha quddiem il-Bord tal-Appell u quddiem il-Qorti Ġenerali.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Settembru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.