Language of document : ECLI:EU:F:2013:200

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

12 ta’ Diċembru 2013

Kawża F‑135/12

Claudia Marenco

vs

L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA)

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Sejħa għal espressjoni ta’ interess REA/2011/TA/PO/AD 5 — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Regolarità tal-proċedura ta’ selezzjoni — Stabbiltà tal-kompożizzjoni tal-Kumitat ta’ Selezzjoni”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu C. Marenco titlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2012 li permezz tagħha l-Kumitat ta’ Selezzjoni tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess REA/2011/TA/PO/AD 5 (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal espressjoni ta’ interess”) rrifjuta li jinkludi l-isem tar-rikorrenti fil-lista ta’ riżerva fi tmiem il-proċedura ta’ selezzjoni.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni kkomunikata permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-12 ta’ Marzu 2012 lil C. Marenco li permezz tagħha l-Kumitat ta’ Selezzjoni tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess REA/2011/TA/PO/AD 5 rrifjuta, wara eżami mill-ġdid, li jinkludi l-isem ta’ C. Marenco fil-lista ta’ riżerva fi tmiem il-proċedura ta’ selezzjoni hija annullata. L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn C. Marenco.

Sommarju

Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Kompożizzjoni — Stabbiltà suffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-evalwazzjoni konsistenti tal-kandidati — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 3)

Fid-dawl tal-importanza tar-rwol u tal-missjoni ta’ Bord tal-Għażla, kull uffiċjal jew membru tal-persunal li huwa membru tiegħu għandu jwettaq, bid-diliġenza neċessarja kollha, kompiti li huwa għandu l-obbligu li jwettaq f’din il-kwalità. B’mod partikolari, membru tal-Bord tal-Għażla permanenti bħala prinċipju għandu jkun preżenti waqt eżamijiet orali ta’ kompetizzjoni.

Is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li Bord tal-Għażla għandu fir-rigward tad-determinazzjoni tal-modalitajiet u tal-kontenut iddettaljat tal-eżamijiet orali ta’ kompetizzjoni jew ta’ proċedura ta’ selezzjoni għandha tiġi kontrobilanċjata mal-osservazzjoni skrupluża tar-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ dawn l-eżamijiet. Il-Bord tal-Għażla għandu għalhekk jiżgura l-osservanza stretta tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati matul l-iżvolġiment tal-eżamijiet orali u l-oġġettività tal-għażla magħmula bejn il-persuni kkonċernati. Għal dan il-għan, dan għandu l-obbligu li jiggarantixxi l-applikazzjoni konsistenti tal-kriterji ta’ evalwazzjoni għall-kandidati kkonċernati kollha billi, b’mod partikolari, jiżgura l-istabbiltà tal-kompożizzjoni tiegħu.

Madankollu, ġie aċċettat li meta jirriżulta li l-preżenza tal-membri kollha tal-Bord tal-Għażla matul l-eżamijiet kollha hija impossibbli jew diffiċli ħafna li titwettaq, in-neċessità li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz pubbliku tista’ tiġġustifika tnaqqis fir-rigorożità tal-prinċipju ta’ stabbiltà tal-Bord tal-Għażla, bil-kundizzjoni li l-Bord tal-Għażla jieħu l-miżuri ta’ koordinazzjoni neċessarji sabiex jiżgura l-osservanza tal-konsistenza tal-evalwazzjoni u tal-paragun tal-prestazzjonijiet tal-kandidati.

Fir-rigward tal-miżuri ta’ koordinazzjoni meħuda mill-Bord tal-Għażla sabiex jiżgura, minkejja l-varjazzjoni fil-kompożizzjoni tiegħu, il-konsistenza tal-evalwazzjoni u tal-paragun tal-prestazzjonijiet tal-kandidati, sabiex tiġi evalwata r-rilevanza ta’ tali miżuri, hemm lok li jsir eżami globali tal-organizzazzjoni tal-eżamijiet orali inkwistjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha, b’mod partikolari l-importanza ta’ din il-varjazzjoni u tal-livell ta’ preżenza tal-President tal-Bord tal-Għażla, li jikkostitwixxi fattur essenzjali fid-dawl tar-rwol kruċjali ta’ koordinazzjoni tiegħu.

(ara l-punti 30 sa 32 u 36)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Settembru 2010, Brune vs Il‑Kummissjoni, F-5/08, punti 38 sa 42, 55 u l-ġurisprudenza ċċitata