KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
POIARES MADURO
ippreżentati fit-28 ta’ Frar 20081(1)
Kawża C‑499/06
Halina Nerkowska
vs
Zakład Ubezpieczeń Społecznych
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Koszalinie (il-Polonja)]
“Benefiċċju mogħti minn Stat Membru lill-vittmi tal-gwerra u tal-konsegwenzi tagħha – Kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju nazzjonali”
1. Għal darba oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mistiedna tiddeċiedi dwar il-leġittimità ta’ kundizzjoni ta’ residenza imposta fuq il-benefiċjarji ta’ benefiċċju soċjali previst mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru. Il-problema hija kkawżata miċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea minħabba li l-integrazzjoni ċivili u soċjali li, permezz tal-iżvilupp progressiv ta’ status ta’ ċittadin tal-Unjoni, it-Trattat jaspira li jippromwovi (2) għandha biss bħala limitu l-fruntieri esterni tal-Unjoni u għalhekk tistieden li wieħed imur lil hinn mill-ambitu territorjali tal-komunitajiet nazzjonali.
2. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq talba għal deċiżjoni preliminari, qed tiġi mistoqsija mis-Sąd Okręgowy w Koszalinie IV Wydział Pracy i Ubezpieczeń Społecznych (il-Qorti Reġjonali ta’ Koszalin, ir-Raba’ Awla tal-Qorti dwar ix-Xogħol u s-Sigurtà Soċjali, il-Polonja) dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 18 KE, li jiggarantixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni d-dritt li jmorru minn post għal ieħor u li joqogħdu liberament fit-territorju tal-Istati Membri. Il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ħlas ta’ pensjoni ta’ invalidità, minħabba inkapaċità tax-xogħol marbuta ma’ żmien f’żoni ta’ konċentrament, għall-kundizzjoni li min ikollu dritt għal din il-pensjoni jkun joqgħod fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja.
I – Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt Komunitarju
3. Skont l-Artikolu 17 tat-Trattat KE:
“1. Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru għandha tkun ċittadin ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tikkumplimenta u mhux tissostitwixxi iċ-ċittadinanza nazzjonali.
2. Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet mogħtija minn dan it-Trattat u jkunu marbutin bid-dmirijiet imposti minnu.”
4. L-Artikolu 18(1) tat-Trattat KE jipprovdi:
“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan it-Trattat u d-dispożizzjonijiet meħuda biex dan jitwettaq.”
Id-dritt nazzjonali
5. Essenzjalment, skont il-liġi Pollakka tad-29 ta’ Mejju 1974 dwar il-pensjonjiet imħallsa lill-invalidi tal-gwerra u tal-armata kif ukoll lill-membri tal-familja tagħhom, kif emendata mill-Artikolu 12(2) tal-liġi tal-24 ta’ Jannar 1991 dwar is-suldati u ċerti persuni li jkunu vittmi ta’ repressjonijiet matul u wara l-gwerra, il-persuni li jkunu sofrew inkapaċità marbuta ma’ żmien f’kampijiet ta’ priġunerija jew ta’ internament matul jew wara l-gwerra jkollhom dritt għall-benefiċċji.
6. Skont l-Artikolu 5 tal-liġi dwar il-pensjonijiet tal-invalidi tal-gwerra u tal-armata kif ukoll tal-membri tal-familja tagħhom, il-benefiċċji previsti mil-liġi jingħataw lil min ikollu dritt għalihom matul iż-żmien li dan jagħmel fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja, sakemm il-liġi jew trattat internazzjonali ma jipprovdix mod ieħor.
II – Il-kawża prinċipali u d-domanda għal deċiżjoni preliminari
7. Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari oriġina minn kawża bejn Halina Nerkowska u l-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ Koszalin.
8. H. Nerkowska twieldet fit-2 ta’ Frar 1946 fit-territorju ta’ dik li llum hija l-Belarus. Meta kellha tliet snin, hija tilfet lill-ġenituri tagħha, li ġew deportati lejn is-Siberja permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. F’April 1951, hija u l-familja tagħha (ħuha u zitha) ġew ukoll deportati lejn l-USSR fejn għexet f’kundizzjonijiet diffiċli sa Jannar 1957. Kien biss wara li għaddew kważi sitt snin li hija ġiet awtorizzata tmur lura fil-Polonja. Wara li studjat u ħadmet f’pajjiżha, hija telqet minn hemm fl-1985 sabiex tistabbilixxi ruħha fil-Ġermanja.
9. Fuq talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ Koszalin, irrikonoxxitilha, b’deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2002, dritt għal pensjoni ta’ invalidità minħabba l-inkapaċità parzjali tagħha tax-xogħol marbuta maż-żmien li għaddiet fiż-żoni ta’ konċentrament, iżda ssospendiet il-ħlas tal-benefiċċji hekk dovuti minħabba li hija kienet tgħix barra mill-Polonja. Is-sospensjoni tal-ħlas tal-pensjoni ta’ invalidità ġiet ikkonfermata minn sentenza tat-22 ta’ Mejju 2003.
10. Fuq il-bażi tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea u l-inkorporazzjoni konsegwenzjali tad-dritt Komunitarju fid-dritt Pollakk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għamlet talba mill-ġdid għall-ħlas ta’ benefiċċji li jikkorrispondu għad-dritt tagħha għall-pensjoni f’Settembru 2006. Madankollu, b’deċiżjoni datata l-14 ta’ Settembru 2006, l-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ Koszalin, ċaħdet mill-ġdid dan il-ħlas minħabba li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx toqgħod fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja.
11. Għalhekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali marret quddiem il-qorti reġjonali ta’ Koszalin fejn talbet li jiġi akkordat il-ħlas tal-pensjoni ta’ invalidità tagħha, filwaqt li argumentat li, bl-adeżjoni tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea, ir-residenza attwali tagħha ma setgħetx tikkostitwixxi raġuni għas-sospensjoni tal-ħlas ta’ benefiċċji li għalihom hija kellha dritt.
12. Peress li l-qorti reġjonali ta’ Koszalin kienet tal-fehma li s-soluzzjoni tal-kawża quddiemha kienet tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, din il-qorti staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk id-dritt ta’ ċirkolazzjoni libera u ta’ residenza marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni skont l-Artikolu 18 KE jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża ineżami, li tissuġġetta l-ħlas ta’ benefiċċji dovuti bħala pensjoni ta’ invalidità minħabba inkapaċità tax-xogħol marbuta ma’ żmien f’żona ta’ konċentrament għall-kundizzjoni li min għandu dritt għal din il-pensjoni jkun joqgħod fit-territorju nazzjonali.
III – Evalwazzjoni
13. Għandu minnufih jiġi ċċarat li ħadd mill-partijiet ma jikkontesta li l-benefiċċji soċjali, bħal ma hija l-pensjoni ta’ invalidità minħabba inkapaċità tax-xogħol ikkawżata minn żmien f’żona ta’ konċentrament li hija inkwistjoni f’din il-kawża, m’għandhomx rabta mal-istrumenti Komunitarji dwar koordinazzjoni tas-sistemi ta’ assigurazzjoni soċjali, li bħala regola ġenerali jipprojbixxu kull kundizzjoni ta’ residenza imposta fuq il-benefiċjarju. Fil-fatt, b’mod partikulari r-Regolament (KEE) Nru 1408/71, li jesponi l-prinċipju tal-esportabbiltà tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, jeskludi espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu “skemi ta’ benefiċċju għall-vittmi tal-gwerra jew għall-konsegwenzi tagħha” (3). Issa, fid-dawl tal-għan u l-kundizzjonijiet tal-ħlas tiegħu, il-benefiċċju ta’ invalidità inkwistjoni għandu jitqies bħala benefiċċju favur il-vittmi tal-konsegwenzi tal-gwerra: indipendentement mill-kwalità ta’ ħaddiem, dan huwa maħsub sabiex jikkumpensa t-tbatija sofferta minħabba d-deportazzjoni; m’huwiex għalhekk il-korrispettiv għal kontribuzzjonijiet imħallsa iżda għandu karattru ta’ indennizz (4).
14. Peress li pensjoni, bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, ma tikkostitwixxix benefiċċju ta’ sigurtà soċjali, huwa l-kompitu tal-Istati Membri li jiffissaw ir-regoli dettaljati fil-konfront tagħha, partikolarment il-kundizzjonijiet tal-għoti. Madankollu huma għandhom jeżerċitaw il-kompetenza nazzjonali tagħhom b’osservanza tad-dispożizzjonjiet tat-Trattat, b’mod partikolari ta’ dawk li jirrigwardaw il-libertà mogħtija lil kull ċittadin tal-Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri (5). Din il-libertà ta’ ċirkolazzjoni u residenza tikkostitwixxi libertà fundamentali (6) li tinsab ukoll fil-qofol taċ-ċittadinanza tal-Unjoni.
15. Issa, peress li H. Nerkowska hija ċittadina Pollakka, hija tgawdi mill-istatus taċ-ċittadinanza tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 17(1) KE. Għalhekk hija tista’, jekk ikun il-każ, tinvoka, anki fil-konfront tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, id-drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus (7).
16. Huwa minnu li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li kkostitwixxiet “status fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri” (8), m’għandhiex bħala għan l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat għal sitwazzjonijiet interni li ma jkollhomx konnessjoni mad-dritt Komunitarju (9). Fost is-sitwazzjonijiet li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt Komunitarju, iżda, hemm dawk li jinvolvu l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat, partikolarment dawk li jirrigwardaw il-libertà ta’ ċirkolazzjoni u residenza fit-territorju tal-Istati Membri bħal dawk garantiti mill-Artikolu 18 KE (10). Barra minn hekk, bl-istabbiliment tar-residenza tagħha fil-Ġermanja, H. Nerkowska eżerċitat id-dritt tagħha li tmur minn post għal ieħor u li toqgħod liberament fit-territorju ta’ Stat Membru li m’huwiex dak li tiegħu hija ċittadina u huwa preċiżament minħabba l-post ta’ residenza tagħha li l-awtoritajiet Pollakki ċaħdulha l-ħlas tal-pensjoni ta’ invalidità li d-dritt tagħha għaliha kien ġie rrikonoxxut. Peress li l-eżerċizzju ta’ dritt rikonoxxut mis-sistema legali Komunitarja kellu effett fuq il-ħlas ta’ benefiċċju previst mil-leġiżlazzjoni, tali sitwazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala purament interna u lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala li hija mingħajr ebda rabta mad-dritt Komunitarju (11).
17. Ladarba l-Artikolu 18(1) KE japplika għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu issa jiġi determinat jekk dan jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ħlas ta’ benefiċċju, mogħti għal danni sofferti matul żmien f’żona ta’ konċentrament, għall-kundizzjoni li l-vittmi jkunu joqogħdu fit-territorju nazzjonali.
18. Minn din il-perspettiva, hemm ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li l-opportunitajiet ipprovduti mit-Trattat fil-qasam taċ-ċirkolazzjoni libera ma jkunux jistgħu jilħqu l-effett sħiħ tagħhom jekk ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jiġi dissważ milli jagħmel użu minnhom minn ostakoli magħmula fil-konfront tar-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor minn leġiżlazzjoni tal-Istat tal-oriġini li tippenalizzah sempliċiment minħabba l-fatt li huwa jkun għamel użu minn dawn l-opportunitajiet (12). Għalhekk ikun inkompatibbli mad-dritt taċ-ċirkolazzjoni libera li ċittadin tal-Unjoni jkun jista’ jiġi suġġett fl-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin għal trattament inqas favorevoli minn dak li huwa kien ikollu li kieku m’għamilx użu minn dawn il-vantaġġi; similment, iċ-ċittadin tal-Unjoni li fl-Istat tal-oriġini tiegħu ma jirċevix l-istess trattament legali bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta’ dan l-Istat li jkunu fl-istess sitwazzjoni, ikun qed jiġi żvantaġġjat għas-sempliċi raġuni li eżerċita l-libertà tiegħu li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod fi Stat Membru ieħor (13).
19. Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloq differenza fit-trattament ta’ ċittadini Pollakki vittmi ta’ deportazzjoni li joqogħdu fil-Polonja meta mqabbla ma’ dawk li jkunu għamlu użu mil-libertà ta’ ċirkolazzjoni u jkunu stabbilixxew ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor. Permezz tar-rabta tal-ħlas tal-pensjoni ta’ invalidità, minħabba inkapaċità tax-xogħol li oriġinat minn żmien f’żona ta’ konċentrament, ma’ kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju nazzjonali, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali toħloq żvantaġġ lil ċerti ċittadini sempliċement minħabba l-fatt li dawn ikunu eżerċitaw il-libertà ta’ ċirkolazzjoni tagħhom bl-istabbiliment tar-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor u għalhekk tista’ tiskoraġġixxihom milli jagħmlu dan. Għalhekk, din tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet rikonoxxuti mill-Artikolu 18(1) KE għal kull ċittadin tal-Unjoni.
20. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li restrizzjoni bħal din “tista’ tiġi ġġustifikata, fir-rigward tad-dritt Komunitarju, biss jekk din hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u jekk din hija proporzjonali mal-għan leġittimu msegwi mil-liġi nazzjonali” filwaqt li huwa mifhum li “miżura hija proporzjonali meta, għalkemm hija adatta sabiex jintlaħaq l-għan imsegwi, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq” (14).
21. Fir-rigward tal-eżistenza ta’ kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali, l-awtoritajiet Pollakki jissottomettu prinċipalment li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha l-għan li tagħti benefiċċji bħala indennizz għal danni u sofferenzi kkawżati b’mod ġenerali mir-repressjonijiet li saru matul u wara l-gwerra u, b’mod partikolari, bħal fil-każ tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ipprovokati mid-deportazzjoni sforzata lejn is-Siberja. B’dan il-mod, is-soċjetà Pollakka trid turi s-solidarjetà tagħha ma’ dawn il-vittmi. Meta jitqies dan il-għan, ikun xieraq li dan l-obbligu ta’ solidarjetà jiġi limitat għall-persuni li jkun għad għandhom livell ta’ rabta suffiċjenti mas-soċjetà Pollakka.
22. M’huwiex ikkontestat li l-għan ta’ limitazzjoni tas-solidarjetà ta’ soċjetà lejn il-persuni li jgħixu fi ħdanha b’mod li jkunu suffiċjentement integrati jista’ jikkostitwixxi, f’ċerti każi, kunsiderazzjoni oġġettiva ta’ interess ġenerali (15). Fl-istat preżenti tad-dritt Komunitarju, Stat Membru jista’ jissuġġetta l-għoti ta’ ċerti benefiċċji soċjali għall-eżistenza ta’ element ta’ rabta li jorbot lill-benefiċjarji ma’ dan l-Istat. Madankollu, dan l-element ta’ rabta ma jistax dejjem jikkonsisti f’kundizzjoni ta’ residenza. Fil-fatt, il-miżura nazzjonali prevista għal dan il-għan għandha tkun adatta sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu tagħha u m’għandhiex tirrestrinġi l-libertà ta’ ċirkolazzjoni taċ-ċittadni tal-Unjoni iktar milli meħtieġ għal dan il-għan. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Pollakki jsostnu li l-kundizzjoni ta’ residenza tippermetti li tiġi pprovata r-rieda tal-benefiċjarju li jżomm rabta mas-soċjetà li tkun qed turi s-solidarjetà tagħha miegħu b’dan il-mod.
23. Dan l-argument ma jikkonvinċinix. Kundizzjoni ta’ residenza bħal dik stabbilita permezz tal-leġiżlazzjoni Pollakka, jiġifieri li teżiġi li r-residenza fit-territorju nazzjonali tinżamm matul iż-żmien kollu tal-ħlas tal-benefiċċju ma jidhirlix li hija adatta sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-elment ta’ rabta meħtieġ. Sabiex ikun mistħoqq ir-rikonoxximent u s-solidarjetà nazzjonali għas-sofferenzi li minħabba fihom jingħataw il-benefiċċji, ikun biżżejjed li wieħed ikun safa vittma ta’ repressjonijiet minħabba n-nazzjonalità u/jew ir-residenza tiegħu. Hija l-karatteristika tal-vittma bħala membru, minħabba r-residenza u/jew in-nazzjonalità tiegħu fiż-żmien meta jseħħu l-avvenimenti repressivi, tas-soċjetà li tistabbilixxi l-element ta’ rabta li jiġġustifika s-solidarjetà murija minn din is-soċjetà. Fil-fehma tiegħi, fir-rigward tal-għan leġittimu ta’ solidarjetà, m’hemm xejn x’jiddistingwi ċittadin Pollakk vittma ta’ deportazzjoni mir-reġim Sovjetiku li għadu joqgħod fit-territorju Pollakk u ċittadin Pollakk ieħor vittma tal-istess deportazzjoni li issa qed joqgħod fi Stat Membru ieħor. Fil-fehma tiegħi, din id-differenza fit-trattament hija inqas u inqas aċċettabbli, fid-dawl tal-għan taċ-ċittadinanza tal-Unjoni li tikkostitwixxi l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri li miegħu hija marbuta l-libertà fundamentali ta’ ċirkolazzjoni u residenza fit-territorju Komunitarju kollu. Minn dan jirriżulta li bħala regola ġenerali Stat Membru ma jistax iktar jissuġġetta obbligu ta’ solidarjetà għal element ta’ integrazzjoni permezz ta’ kundizzjoni ta’ territorjalità nazzjonali. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni għandha tinċita lill-Istati Membri sabiex ma jibqgħux jinterpretaw ir-rabta leġittima ta’ integrazzjoni biss fil-kuntest limitat tal-komunità nazzjonali iżda wkoll fil-kuntest iktar wiesa’ tas-soċjetà tal-popli tal-Unjoni (16).
24. Sabiex jikkontradixxu din il-konklużjoni u jiġġustifikaw il-kundizzjoni tar-residenza matul iż-żmien kollu tal-ħlas tal-benefiċċju, l-awtoritajiet Pollakki ma jistgħux validament jistrieħu fuq is-sentenza Tas‑Hagen u Tas, li tipprovdi wkoll dwar il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ kundizzjoni ta’ residenza imposta għall-għoti ta’ benefiċċju lill-vittmi tal-gwerra jew il-konsegwenzi tagħha. Huwa minnu li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ġġudikat li kriterju ta’ residenza m’huwiex adatt sabiex jilħaq l-għan ta’ limitazzjoni tal-obbligu ta’ solidarjetà, safejn dan il-kriterju, marbut esklużivament mad-data meta saret it-talba għall-benefiċċju, seta’ jwassal għal riżultati diverġenti għal persuni stabbiliti f’pajjiż barrani u li l-livell ta’ integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà tal-Istat Membru li jagħti l-benefiċċju ineżami huwa ferm komparabbli (17). Din is-soluzzjoni ma tistax b’daqshekk tiġi interpretata bħala li tawtorizza kundizzjoni ta’ residenza, sakemm tkun imposta fuq perijodu itwal, li turi b’mod ċar differenza reali fir-rigward tal-livell ta’ integrazzjoni meħtieġ mill-Istat Membru. Fil-kuntest partikolari ta’ benefiċċji għall-vittmi tal-gwerra jew il-konsegwenzi tagħha, jekk kundizzjoni ta’ territorjalità nazzjonali tista’ tkun aċċettabbli, dan ikun biss safejn, marbuta mad-data tal-avvenimenti dannużi, din tippermetti li jiġi stabbilit l-istatus ta’ vittma li fir-rigward tagħha l-kollettività nazzjonali tista’ tiġi mitluba turi s-solidarjetà.
25. L-awtoritajiet Pollakki jiġġustifikaw ukoll il-kundizzjoni ta’ residenza billi jinvokaw il-ħtiġiet tal-kontroll tal-eżistenza u taż-żamma tal-kundizzjonjiet tal-għoti tal-pensjoni ta’ invalidità. Din il-kundizzjoni tippermetti lis-servizzi mediċi kompetenti jikkonstataw l-istat ta’ saħħa tal-applikant, jistabbilixxu r-rabta bejn id-danni konstatati u d-deportazzjoni, jivvalutaw l-inkapaċità tax-xogħol u, fil-każ li jkunu ddeċidew li din l-inkapaċità hija ta’ natura temporanja, jissuġġettaw lill-benefiċjarju għal eżamijiet ġodda fl-iskadenza tal-imsemmija deċiżjoni.
26. Madankollu, għalkemm il-ħtiġiet imperattivi tal-kontroll tal-kundizzjonijiet tal-ksib ta’ benefiċċju soċjali jikkostitwixxu kunsiderazzjoni oġġettiva ta’ interess ġenerali (18), il-kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju nazzjonali matul iż-żmien kollu tal-ħlas tal-benefiċċju tidher b’mod ċar li tmur lil hinn mill-miżura meħtieġa għall-ksib ta’ dan l-għan. Hemm mezzi oħra differenti li jwasslu għall-għan previst li iżda huma inqas restrittivi għal-libertà ta’ ċirkolazzjoni u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni. Per eżempju, ikun ovvjament biżżejjed li l-applikant jintalab jidher, għal finijiet ta’ eżami mediku, quddiem is-servizzi nazzjonali kompetenti meta t-talba tiġi eżaminata.
27. Sabiex jiġġustifikaw il-kundizzjoni ta’ residenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet Pollakki fl-aħħar jinvokaw is-setgħa tagħhom li jirregolaw l-ammont u n-natura tal-benefiċċji skont il-bżonnijiet tal-benefiċjarji fil-qasam tas-saħħa u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja. Apparti pensjoni ta’ invalidità li l-ammont tagħha jista’ jvarja sabiex il-benefiċjarju jiġi żgurat livell ta’ ħajja minimu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-fatt tipprovdi wkoll benefiċċji differenti, bħal, partikolarment, tnaqqis tal-ispejjeż tat-trasport, taħriġ professjonali, benefiċċji speċjali ta’ kura, siġġu bir-roti motorizzat. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju Pollakk, ma jitteħidx kont sewwa tal-għan li l-benefiċċji intiżi sabiex jindennizzaw il-ħsara sofferta minħabba żmien f’żona ta’ konċentrament jiġu adattati għas-sitwazzjoni tal-benefiċjarju.
28. B’dan l-argument, ir-Repubblika tal-Polonja tirreferi b’mod impliċitu għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tawtorizza kundizzjoni ta’ residenza, bħala deroga mill-prinċipju tal-esportabbiltà tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, fil-każ ta’ benefiċċji “strettament marbuta mal-ambjent soċjali” (19). L-idea li tirfed dawn is-soluzzjonijiet hija li, meta l-ammont u n-natura tal-benefiċċju jkunu jiddependu mil-livell u mill-kundizzjonijiet tal-ħajja partikolari għall-Istat Membru li jagħti l-benefiċċju, il-kundizzjoni ta’ residenza imposta għall-ksib tiegħu tkun tidher leġittima, xierqa u meħtieġa (20).
29. Madankollu ma jidhirlix li l-pensjoni ta’ invalidità inkwistjoni fil-kawża prinċipali tappartjeni lil dan it-tip ta’ benefiċċji strettament marbuta mal-ambjent soċjali. Il-benefiċċji hekk ikklassifikati mill-ġurisprudenza jirreferu għall-benefiċċji li kriterju essenzjali għall-għoti tagħhom huwa l-faqar tal-persuna inkwistjoni u li, bħala konsegwenza, għandhom l-għan li jiggarantulha livell ta’ ħajja minimu f’kuntest ekonomiku u soċjali li huwa dak tal-Istat Membru li jagħti dawn il-benefiċċji. Issa, il-pensjoni ta’ invalidità fil-kawża prinċipali tingħata sabiex tindennizza d-danni marbuta mas-saħħa kkawżati minn żmien f’żona ta’ konċentrament, indipendentement mis-sitwazzjoni ekonomika tal-benefiċjarju; din għandha karatteristika ta’ kumpens għat-tbatijiet sofferti. Dan huwa dak li l-parti konvenuta fil-kawża prinċipali kkonfermat, bl-affermazzjoni espliċita fl-osservazzjonijiet tagħha li l-għoti tal-pensjoni, suġġett tal-kawża prinċipali, m’huwiex suġġett għall-evalwazzjoni tal-bżonnijiet personali tal-benefiċjarju. L-iktar, l-ammont ta’ din il-pensjoni jista’ jiġi adattat skont il-livell ta’ ħajja ekonomika fil-Polonja. Huwa minnu li benefiċċji oħra previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni jistgħu jiġu meqjusa bħala li huma strettament marbuta mal-ambjent soċjali. Madankollu dawn ma jistgħux, mingħajr ma jiddisturbaw il-prinċipju tal-proporzjonalità, jiġġustifikaw kundizzjoni ġenerali ta’ residenza matul iż-żmien kollu tal-għoti ta’ kwalunkwe benefiċċju. Għalhekk il-leġiżlatur nazzjonali għandu jiddistingwi, fir-rigward tal-kriterju tar-residenza, skont in-natura tal-benefiċċji inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, il-kundizzjoni ta’ residenza għall-ħlas tal-pensjoni ta’ invalidità inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tidhirx li hija strettament marbuta mal-ambjent soċjali, ma tistax tiġi ġġustifikata.
IV – Konklużjoni
30. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda għal deċiżjoni preliminari lilha magħmula bil-mod kif ġej:
“L-Artikolu 18 KE, li jiggarantixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea l-libertà li jmorru minn post għal ieħor u li joqogħdu fit-territorju tal-Istati Membri, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ħlas ta’ pensjoni ta’ invalidità marbuta ma’ żmien f’żona ta’ konċentrament għal kundizzjoni li min għandu dritt għal dan il-benefiċċju għandu jkun joqgħod fit-territorju nazzjonali matul iż-żmien kollu tal-benefiċċju.”