Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' Ġunju 2008 - Comtec Translations vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-239/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Comtec Translations Ltd (Leamington Spa, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: L.R. Scott u E. Bentley, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-ittra ta' deċiżjoni u tissottometti l-offerta tar-rikorrenti għal eżami mill-ġdid;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti qed titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2008 li tiċħad l-offerta tagħha ppreżentata fil-kuntest ta' proċedura ta' sejħa għal offerti għat-twettiq ta' kuntratti qafas għat-traduzzjoni ta' dokumenti li jirrigwardaw il-politika u l-amministrazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea mil-lingwi uffiċjali kollha ta' l-UE għall-Ingliż (sejħa għal offerti Nru FL-GEN07-EN) 1. Ir-raġuni mogħtija għaċ-ċaħda ta' l-offerta tar-rikorrenti kienet kapaċità teknika jew professjonali insuffiċjenti u nuqqas jew insuffiċjenza ta' esperjenza professjonali pprovata.

In sostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tqajjem motiv wieħed. Hija tallega li l-proċedura amministrattiva tmexxiet b'mod irregolari u li d-drittijiet proċedurali tagħha ma ġewx irrispettati. Ir-rikorrenti ssostni li hija pprovdiet b'suċċess traduzzjonijiet għall-Ingliż lill-Kummissjoni għal ħafna snin fil-kuntest ta' kuntratti ffirmati qabel u mġedda regolarment li għalihom hija rċeviet pożizzjonijiet sodisfaċenti fir-rigward tal-kwalità tas-servizzi. Ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni tal-Kumitat ta' Evalwazzjoni la kkunsidrat jew ikkunsidrat b'mod inadegwat il-prestazzjoni tajba tar-rikorrenti meta tat xogħol ta' traduzzjoni lill-Kummissjoni għal 12-il sena u lanqas ma kkunsidrat id-dokumenti li jipprovaw il-kwalifiki tekniċi u professjonali tal-persunal, ta' dawk responsabbli mill-kwalità u tas-subkuntratturi tar-rikorrenti.

____________

1 - Avviż tal-Kuntratt ippubblikat: ĠU 2007 S180 - 219517