Language of document : ECLI:EU:T:2010:185

Kawża T-237/08

Abadía Retuerta, SA

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali CUVÉE PALOMAR — Raġuni assoluta għal rifjut — Trade marks ta’ nbid li jinkludu indikazzjonijiet ġeografiċi — Ftehim TRIPs — Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks ta’ nbejjed jew ta’ spirti li jinkludu jew li huma komposti minn indikazzjonijiet ġeografiċi intiżi sabiex jidentifikaw l-inbejjed jew l-ispirti li ma għandhomx dawn l-oriġini — Kunċett

(Ftehim TRIPs, Artikolu 23; Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)( j))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks ta’ nbejjed jew ta’ spirti li jinkludu jew li huma komposti minn indikazzjonijiet ġeografiċi intiżi sabiex jidentifikaw l-inbejjed jew l-ispirti li ma għandhomx dawn l-oriġini

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu (7)(1)(j), u Nru 1493/1999, Artikolu 52)

3.      Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Inbid — Inbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjuni speċifiċi — Protezzjoni Komunitarja tal-indikazzjonijiet ġeografiċi — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1493/1999, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52(1) u, Artikolu 54(4) u (5))

4.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks ta’ nbejjed jew ta’ spirti li jinkludu jew li huma komposti minn indikazzjonijiet ġeografiċi intiżi sabiex jidentifikaw l-inbejjed jew l-ispirti li ma għandhomx dawn l-oriġini — Natura qarrieqa — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Nuqqas ta’ effett

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(j))

5.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks ta’ nbejjed jew ta’ spirti li jinkludu jew li huma komposti minn indikazzjonijiet ġeografiċi intiżi sabiex jidentifikaw l-inbejjed jew l-ispirti li ma għandhomx dawn l-oriġini — Artikli definittivi jew indefinittivi — Nuqqas ta’ effett

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(j))

6.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks ta’ nbejjed jew ta’ spirti li jinkludu jew li huma komposti minn indikazzjonijiet ġeografiċi intiżi sabiex jidentifikaw l-inbejjed jew l-ispirti li ma għandhomx dawn l-oriġini — Nuqqas ta’ konoxxenza mill-pubbliku inġenerali jew mill-klassi ta’ persuni rilevanti tal-isem li jibbenefika minn denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata — Natura polisemika — Nuqqas ta’ effett

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(j))

1.      Għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirrigwardaw il-kummerċ (TRIPs) ma għandhomx effett dirett, xorta jibqa’ l-fatt li, sa fejn huwa possibbli, il-leġiżlazzjoni dwar it-trade marks, inkluż l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, għandha tiġi interpretata fid-dawl tat-test u tal-għan ta’ dan il-ftehim.

Il-kunċett ta’ “indikazzjoni ġeografika li tidentifika l-inbejjed”, li jinstab fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 huwa differenti, fil-verżjoni Franċiża, minn dak li jinstab fl-Artikolu 23 tal-Ftehim TRIPs. Madankollu hemm żewġ lingwi oħra li huma awtentiċi skont l-Att finali li jinkorpora r-Riżultati tar-Rawnd tal-Urugwaj ta’ Negozjati Multilaterali tal-Kummerċ, li t-test tiegħu ġie redatt bil-Franċiż, bl-Ingliż u bl-Ispanjol. Għalhekk, il-kliem “geographical indication identifying wines” huma użati kemm fl-Artikolu 23 tal-Ftehim TRIPs, kif ukoll fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 fil-verżjoni Ingliża ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, il-kliem “indicación geográfica que identifique vinos” huma użati fil-verżjoni Spanjola tal-Artikolu 23 tal-Ftehim TRIPs u l-kliem “indicación geográfica que identifique el vino” huma użati fil-verżjoni Spanjola tal-Artikolu 7(1)(j) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, l-Artikolu 7(1)(j) ta’ dan ir-regolament jirreferi għall-indikazzjonijiet ġeografiċi li jidentifikaw l-inbejjed u mhux għall-indikazzjonijiet ġeografiċi “destinées à identifier les vins [intiżi biex jidentifikaw l-inbejjed]”.

(ara l-punti 67-72)

2.      Is-sinjal verbali CUVÉE PALOMAR, li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja għal “inbejjed” fil-klassi 33 skont il-Ftehim ta’ Nice, huwa ostakolat mir-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, prevista fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, minħabba l-eżistenza tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia”.

Skont id-dritt Spanjol, iż-żona ta’ produzzjoni protetta bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “valencia” hija komposta, b’mod partikolari, mis-subreġjun ta’ Clariano, li jinkludi, fost oħrajn, muniċipalità bl-isem el Palomar.

Għaldaqstant, l-isem el Palomar jikkostitwixxi indikazzjoni ġeografika għal inbid ta’ kwalità psr taħt il-leġiżlazzjoni Spanjola u, għaldaqstant, taħt l-Artikolu 52 tar-Reoglament Nru 1493/1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, li jippreċiża li, jekk Stat Membru juża l-isem ta’ reġjun speċifiku, inkluż l-isem ta’ muniċipalità, għal inbid ta’ kwalità psr, dak l-isem ma jistax jintuża biex jindika prodotti tas-settur tal-inbid li ma joriġinawx minn dak ir-reġjun u/jew li ma ngħatawx dan l-isem bi qbil mal-leġiżlazzjonijiet Komunitarji u nazzjonali rilevanti.

Għaldaqstant, peress li l-isem el Palomar huwa indikazzjoni ġeografika għal inbid ta’ kwalità psr, dan jikkostitwixxi indikazzjoni ġeografika li tidentifika l-inbejjed skont l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94.

L-inbid kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma joriġinax mill-muniċipalità ta’ el Palomar. It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija għaldaqstant komposta minn indikazzjoni ġeografika li tidentifika inbid ta’ kwalità psr filwaqt li l-inbid li għalih saret l-applikazzjoni għal trade mark ma huwiex ta’ din l-oriġini..

3.      Il-protezzjoni Komunitarja tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, stabbilita permezz tar-Regolament Nru 1493/1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, hija bbażata fuq l-indikazzjonijiet ġeografiċi kif stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt din il-protezzjoni ma tirriżultax minn proċedura Komunitarja awtonoma u lanqas minn mekkaniżmu li abbażi tiegħu l-indikazzjonijiet ġeografiċi rikonoxxuti mill-Istati Membri kienu ġew inkorporati f’att Komunitarju vinkolanti.

L-uniċi obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 54(4) u (5) tar-Regolament Nru 1493/1999 huma, fir-rigward tal-Istati Membri, li jgħaddu l-lista tal-inbejjed ta’ kwalità psr li huma jkunu rrikonoxxew lill-Kummissjoni, filwaqt li jindikaw għal kull wieħed minnhom, ir-riferiment għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-produzzjoni u l-manufattura tagħhom u, fir-rigward tal-Kummissjoni, li tippubblika din il-lista fis-Serje C – u mhux fis-Serje L – tal-Ġurnal Uffiċjali.

Peress li l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi toriġina mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, jirriżulta li l-infurzar, fir-rigward ta’ terzi, tal-miżuri nazzjonali li permezz tagħhom Stat Membru jagħti l-isem ta’ reġjun speċifiku lil inbid ta’ kwalità psr jew, l-isem ta’ muniċipalità, ta’ parti minn muniċipalità jew ta’ lokalità żgħira, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1493/1999, jirriżulta mill-pubblikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Istat Membru li jadotthom.

(ara l-punti 97-99)

4.      Ir-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja tapplika mingħajr ma hemm lok li tiġi ttrattata l-kwistjoni dwar jekk it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom humiex jew le tali li jqarrqu bil-pubbliku jew jekk dawn joħolqux possibbiltà ta’ konfużjoni għall-istess konsumatur f’dak li jikkonċerna l-oriġini tal-prodott.

(ara l-punt 120)

5.      Sabiex ir-raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, tapplika, huwa biżżejjed li t-trade marks jinkludu jew ikunu komposti minn elementi li jippermettu li tiġi identifikata b’ċertezza l-indikazzjoni ġeografika inkwistjoni, mingħajr ma hemm lok li jiġu kkunsidrati l-artikli definittivi jew indefinittivi li jistgħu eventwalment jagħmlu parti minnhom. Ikun differenti biss jekk l-indikazzjoni ġeografika tkun komposta minn isem ta’ post li jinkludi artiklu li ma jistax jiġi sseparat minn dan l-isem u li jagħtih tifsira propja u awtonoma.

(ara l-punti 125, 126)

6.      Sa fejn ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata, skont l-Artikolu 7(1)(j) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, abbażi tar-raġuni biss li din it-trade mark tinkludi jew hija komposta minn indikazzjoni ġeografika li tidentifika nbejjed meta l-inbejjed ma għandhomx din l-oriġini, jirriżulta li l-fatt li l-isem li jibbenefika minn denominazzjoni ta’oriġini kkontrollata ma huwiex magħruf mill-pubbliku inġenerali jew mill-klassi ta’ persuni rilevanti, jew li dan huwa ta’ natura polisemika li jnaqqas in-natura ta’ indikazzjoni ġeografika, huwa irrilevanti għall-applikazzjoni ta’ din ir-raġuni assoluta għal rifjut.

(ara l-punt 131)