Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta' Ottubru 2012 - Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-476/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Saint-Gobain Glass Deutschland GmbH (Aachen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: S. Altenschmidt u C. Dittrich, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni tal-4 ta' Settembru 2012 (Referenza 'GestDem' Nru 3273/2012) li permezz tagħha nċaħad l-aċċess għall-informazzjoni tal-uffiċċju federali għall-ambjent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, informazzjoni dwar l-installazzjonijiet tar-rikorrenti li dan l-uffiċċju ssottometta lill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-lista tal-installazzjonijiet fil-Ġermanja li huma koperti mid-Direttiva 2003/87/KE sottomessa skont l-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2011/278/UE, tas-27 ta' April 2011;

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni tal-25 ta' Settembru 2012 (Referenza 'GestDem' Nru 3273/2012), li permezz tagħha fi kwalunkwe każ nċaħad l-aċċess għall-informazzjoni mitluba,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka dawn il-motivi:

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 2

Permezz ta' dan il-motiv ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-proroga tat-terminu għall-għoti ta' tweġiba fir-rigward tal-applikazzjoni konfermatorja tagħha ma kinux issodisfatti u għaldaqstant kien hemm deċiżjoni negattiva min-naħa tal-Kummissjoni sa mill-4 ta' Settembru 2012.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 , ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001

Ir-rikorrenti ssostni li ċ-ċaħda impliċita tat-talba tagħha tikser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1367/2006, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jagħtuha dritt titlob li tiġi żvelata l-informazzjoni mixtieqa u sa fejn ma hemmx raġunijiet li jiġġustifikaw din iċ-ċaħda, raġunijiet li għandhom jiġu interpretati b'mod strett.

Barra minn hekk, fil-fehma tar-rikorrenti, ir-raġuni li tiġġustifika r-rifjut tal-aċċess prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tapplikax. Id-dokumenti mitluba jikkonċernaw esklużivament informazzjoni li kienet sottomessa lill-Kummissjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u ma jikkonċernawx l-evalwazzjoni ta' din l-informazzjoni mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, ma jistax jingħad li kien ser ikun hemm preġudizzju serju għall-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li lanqas il-fatt li l-awtoritajiet ikkonsultati għadhom ma ppreżentawx l-opinjoni tagħhom ma jikkostitiwxxi raġuni għaċ-ċaħda tat-talba tagħha. F'dan ir-rigward hija ssostni li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tistax tiġi interpretata b'mod tant wiesa' li jwassal sabiex l-Istat Membru kkonċernat jingħata dritt ta' veto li permezz tiegħu jkun jista' jipprekludi l-aċċess għad-dokumenti mitluba skont id-diskrezzjoni tiegħu. Tali sitwazzjoni tmur kontra l-għan tal-Konvenzjoni ta' Aarhus fir-rigward tal-introduzzjoni u l-iżvilupp ta' trasparenza fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ambjentali.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni

Permezz tal-aħħar motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li hemm ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni previst fl-Artikolu 296(2) TFUE.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

2 - Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta' Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).