Language of document : ECLI:EU:T:2015:78

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

5 ta’ Frar 2015 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Taxxa Irlandiża fuq il-passiġġieri bl-ajru — Tariffa mnaqqsa għad-destinazzjonijiet li jinsabu sa massimu ta’ 300 km mill-ajruport ta’ Dublin — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha — Vantaġġ — Natura seletttiva — Identifikazzjoni tal-benefiċċjarji tal-għajnuna — Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑473/12,

Aer Lingus Ltd, stabbilita f’Dublin (L-Irlanda), irrappreżentata minn K. Bacon, D. Scannell, D. Bailey, barristers, u A. Burnside, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, D. Grespan u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

L-Irlanda, irrappreżentata minn E. Creedon, A. Joyce u J. Quaney, bħala aġenti, assistiti minn E. Regan, SC, u B. Doherty, barrister,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/199/UE, tal-25 ta’ Lulju 2012, dwar l-għajnuna mill-Istat, il-każ SA.29064 (11/C, ex 11/NN) — Rati tat-taxxa differenzjati għall-ivvjaġġar bl-ajru (ĠU 2013, L 119, p. 30),

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn G. Berardis (Relatur), President, O. Czúcz u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Aer Lingus Ltd, hija kumpannija tal-ajru stabbilita fl-Irlanda, li għandha stabbilimenti fl-Irlanda (fl-ajruporti ta’ Dublin, ta’ Cork u ta’ Shannon) u fir-Renju Unit (fl-ajruporti ta’ Londra Gatwick, ta’ Londra Heathrow u ta’ Belfast). Hija topera fuq rotot interni fl-Irlanda kif ukoll fuq rotot internazzjonali bejn l-Irlanda u r-Renju Unit u 70 destinazzjoni fl-Irlanda, fir-Renju Unit, fl-Ewropa kontinentali u fl-Istati Uniti.

2        L-Artikolu 55 tal-Finance Act (Nru 2) 2008 (it-tieni liġi tal-finanzi tal-2008, iktar ‘il quddiem il-“liġi dwar il-finanzi”) jistabbilixxi dazju tas-sisa, imsejjaħ Air travel tax (taxxa fuq it-trasport bl-ajru, iktar ʼil quddiem it-“TTA”), mit-30 ta’ Marzu 2009, data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi.

3        Il-liġi dwar il-finanzi tipprevedi li t-TTA għandha tinġabar direttament mill-operaturi tal-linji tal-ajru, għal kull passaġġier li jivvjaġġa fuq ajruplan li jitlaq minn ajruport li jinsab fl-Irlanda (bl-eċċezzjoni tal-ajruporti li jittrasportaw inqas minn 10 000 passiġġier fis-sena, u sussegwentement, mit-3 ta’ Ġunju 2009, 50 000 passiġġier fis-sena), u eżiġibbli fil-mument li fih passiġġier jitlaq minn ajruport abbord ajruplan li kapaċi jittrasporta iktar minn 20 passiġġier u li ma jintużax għall-bżonnijiet tal-Istat jew għal finijiet militari. Filwaqt li t-taxxa in fine hija maħsuba biex tingħadda lill-passiġġieri permezz tal-prezz tal-biljett, huma l-operaturi tal-linji tal-ajru li huma responsabbli għaliha u responsabbli biex iħallsuha.

4        Meta ġiet introdotta, it-TTA kienet imposta abbażi tad-distanza bejn l-ajruport minn fejn jibda l-vjaġġ u l-ajruport fejn jintemm il-vjaġġ, bir-rata ta’ EUR 2 fil-każ ta’ titjira minn ajruport li jinsab fl-Irlanda lejn destinazzjoni li tinsab mhux iktar minn 300 km mill-ajruport ta’ Dublin u ta’ EUR 10 fi kwalunkwe każ ieħor.

5        Fil-21 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni Ewropea rreġistrat żewġ ilmenti individwali, imressqa minn kompetitur tar-rikorrenti, wieħed abbażi tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), u l-ieħor ibbażat fuq l-Artikolu 56 TFUE u fuq ir-Regolament Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) (ĠU L 293, p. 3), dwar diversi aspetti tat-TTA introdotta fl-Irlanda.

6        B’segwitu tat-tieni lment, il-Kummissjoni fl-ewwel lok fetħet investigazzjoni dwar ksur possibbli tal-Artikolu 56 TFUE, dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u tar-Regolament Nru 1008/2008. Abbażi ta’ dan u fit-18 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-awtoritajiet Irlandiżi (iktar ʼil quddiem l-“ittra ta’ intimazzjoni”). Wara l-ittra ta’ intimazzjoni, ġew mibdula r-rati tat-taxxa, biex b’hekk mill-1 ta’ Marzu 2011, tkun tista’ tiġi applikata rata waħda ta’ EUR 3 għat-titjiriet ta’ tluq kollha, irrispettivament mid-distanza involuta. Għaldaqstant l-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar ksur tal-Artikolu 56 TFUE u tar-Regolament Nru 1008/2008 ġiet magħluqa.

7        L-ewwel ilment, ibbażat fuq l-applikazzjoni ta’ regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, kien jiddikjara b’mod partikolari l-fatt li r-rata ta’ taxxa inferjuri (EUR 2 minflok EUR 10) kienet tiffavorixxi essenzjalment il-kumpanniji domestiċi bħal Aer Arann, li jwettqu l-maġġoranza tat-titjiriet tagħhom lejn destinazzjonijiet li jinsabu mhux iktar minn 300 km mill-ajruport ta’ Dublin. F’dan l-istess ilment, ġie invokat ukoll il-fatt li n-natura ta’ ħlas fil-forma ta’ somma f’daqqa tat-taxxa hija diskriminatorja sa fejn tali taxxa tirrappreżenta parti kbira mill-prezz kemm għall-kumpanniji bi prezz baxx kif ukoll għall-kumpanniji tal-ajru tradizzjonali. Finalment, l-ilment jiddikjara l-fatt li l-assenza ta’ applikazzjoni tat-TTA għall-passiġġieri fi tranżitu u f’konnessjoni jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali favur il-kumpanniji tal-ajru Aer Lingus u Aer Arann, peress li dawn il-kumpanniji kellhom parti relattivament għolja ta’ passiġġieri u ta’ titjiriet li jikkorrispondu għal dawn il-kategoriji.

8        Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni informat lill-Irlanda bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ proċedura ta’ eżami formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tar-rati nazzjonali l-iktar baxxi applikati fil-kuntest tat-TTA għall-perijodu ta’ bejn it-30 ta’ Marzu 2009 u l-1 ta’ Marzu 2011. Il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Irlandiżi biex jibagħtu kopja tad-deċiżjoni lill-benefiċjarji.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2011, li ġie ppubblikat sinteżi tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta’ Ottubru 2011 (ĠU C 306, p. 10), adottata wara l-fażi preliminari tal-eżami, il-Kummissjoni kkonstatat b’mod partikolari li l-assenza ta’ applikazzjoni tat-TTA għall-passiġġieri f’konnessjoni jew fi tranżitu bl-istess mod bħall-użu ta’ taxxa fil-forma ta’ somma f’daqqa ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1)TFUE. Għall-kuntrarju, hija kkkunsidrat li l-applikazzjoni ta’ rata nazzjonali iktar baxxa bejn it-30 ta’ Marzu 2009 u l-1 ta’ Marzu 2011 tidher li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li tqajjem mistoqsijiet dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern, sa fejn hija tiffavorixxi b’mod illegali t-titjiriet nazzjonali meta mqabbla mat-titjiriet transkonfinali. Konsegwentement hija fetħet proċedura ta’ eżami formali dwar din l-aħħar miżura, fejn stiednet lill-partijiet ikkonċernati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżura inkwistjoni.

10      L-awtoritajiet Irlandiżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-15 ta’ Settembru 2011. Ir-rikorrenti ma ppreżentatx osservazzjonijiet f’dan l-istadju tal-proċeduri.

11      Fil-25 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2013/199/UE dwar l-għajnuna mill-Istat, il-każ SA.29064 (11/C, ex 11/NN) — Rati tat-taxxa differenzjati għall-ivvjaġġar bl-ajru implimentati mill-Irlanda (ĠU 2013, L 119, p. 30, iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tal-ministeru tal-finanzi Irlandiż tat-23 ta’ Awwissu 2012 u ġiet riċevuta minn dan tal-aħħar fis-6 ta’ Settembru 2012.

12      Il-Kummissjoni kkonkludiet fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni li l-għajnuna mill-Istat li, b’applikazzjoni tal-liġi dwar il-finanzi, kellha f’dan il-każ il-forma ta’ rata mnaqqsa fuq it-trasport bl-ajru applikabbli għat-titjiriet kollha magħmula permezz ta’ ajruplan li kapaċi jittrasporta iktar minn 20 passiġġier u li ma jintużax għal finijiet militari jew għall-bżonnijiet tal-Istat, minn ajruport li jilqa’ fih iktar minn 10 000 passiġġier fis-sena lejn destinazzjoni li tinsab mhux iktar minn 300 km mill-ajruport ta’ Dublin, applikata illegalment mill-Irlanda matul il-perijodu ta’ bejn it-30 ta’ Marzu 2009 u l-1 ta’ Marzu 2011 (iktar ʼil quddiem il-“perijodu kkonċernat”), bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, kienet inkompatibbli mas-suq intern.

13      L-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li l-Irlanda għandha tirkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 mill-benefiċjarji. Dawn il-benefiċjarji huma identifikati fil-premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata bħala Ryanair, ir-rikorrenti, Aer Arann u trasportaturi oħra bl-ajru li għandhom jiġu identifikati mill-Irlanda. Huwa speċifikat fl-istess punt li l-ammont tal-għajnuna mill-Istat jikkorrispondi għad-differenza bejn ir-rata mnaqqsa tat-TTA u r-rata standard ta’ EUR 10, jiġifieri EUR 8, miġbura fuq kull passiġġier.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

15      Permezz ta’ att ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Marzu 2013, l-Irlanda talbet sabiex titħalla tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ l-intervent tal-Irlanda permezz ta’ digriet tas-17 ta’ April 2013.

16      L-Irlanda ippreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fl-4 ta’ Ġunju 2013. Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni kkomunikat lir-Reġistru li hija ma kellhiex osservazzjonijiet xi tressaq. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din in-nota ta’ intervent fl-24 ta’ Lulju 2013.

17      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lid-Disa’ Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

18      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla jew, sussidjarjament, tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

[omissis]

 Fuq it-tielet u r-raba’ motiv, ibbażati fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-klassifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-għajnuna, li tirriżulta mill-assenza tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti tat-TTA fuq il-passiġġieri, u minn ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament mill-ordni ta’ irkupru tal-għajnuna

78      Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni billi identifikat it-trasportaturi bl-ajru suġġetti għat-taxxa inferjuri bħala l-benefiċjarji tal-allegata għajnuna fl-ammont ta’ EUR 8 għal kull passiġġier u ordnat l-irkupru tal-għajnuna fuq din il-bażi, meta l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-impożizzjoni ta’ din it-taxxa setgħet tiġi mgħoddija lill-passiġġieri, li kienu għaldaqstant il-benefiċjarji prinċipali tar-rata mnaqqsa.

79      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tieħu dan l-elementi inkunsiderazzjoni fil-klassifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-għajnuna, u kellha tevalwa l-vantaġġ realment ikkonservat mill-kumpanniji tal-ajru li ħalsu t-TTA bir-rata ta’ EUR 10, u li, fil-maġġoranza tagħha ġiet mgħoddija fuq il-passiġġieri tagħhom. Sa fejn xi parti mill-ammont ta’ EUR 8 irrappreżentata mit-taxxa inferjuri ġiet mgħoddija fuq il-passiġġieri u mhux ikkonservata mill-kumpanniji tal-ajru, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrikjedi l-irkupru ta’ EUR 8 għal kull passiġġier kellha l-effett li tobbliga lill-kumpanniji tal-ajru suġġetti għal din ir-rata inferjuri li jirrimborsaw iktar minn kemm huma effettivament irċevew u hija, minħabba f’hekk, illegali.

80      Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti targumenta, barra minn hekk, li, peress li ma huwiex possibbli li tirkupra l-EUR 8 għal kull passiġġier a posteriori mingħand il-passiġġieri li bbenefikaw mir-rata inferjuri, l-ordni ta’ rkupru jopera bħala taxxa addizzjonali imposta fuq il-kumpanniji tal-ajru kkonċernati u, konsegwentement, jekwivalu għal sanzjoni illegali ta’ dawn il-kumpanniji iktar minn ritorn għal sitwazzjoni preċedenti għall-għoti tal-allegat għajnuna. Din hija sporporzjonata u tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, konsegwentement, ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999.

81      Fir-rigward tat-tielet motiv, il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Fl-ewwel lok, hija tikkonstata li ma jeżisti l-ebda obbligu li t-taxxa tiġi mgħoddija fuq il-passiġġieri skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Għall-kuntrarju, kull kumpannija kienet libera li tiddeċiedi jekk l-ispiża tat-taxxa kellhiex tiġi integralment jew parzjalment mgħoddija fuq il-passiġġieri. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni targumenta li, anki jekk l-ammont tat-taxxa kollu kien ġie mgħoddi fuq il-passiġġieri, dan ukoll kien isarraf f’vantaġġ għall-kumpanniji tal-ajru kkonċernati, sa fejn dawn setgħu joffru prezzijiet iktar attraenti lill-klijenti tagħhom milli kieku dawn kienu suġġetti għar-rata normali ta’ EUR 10. Għaldaqstant ftit jimporta jekk il-benefiċjarju għażilx li jgħaddi l-vantaġġ fuq il-klijenti tiegħu u li b’hekk iwettaq volumi ta’ bejgħ ogħla, jew li jassorbi l-vantaġġ direttament billi jitlob prezz ogħla. Għalhekk, il-konsegwenza loġika kienet li jiġi rkuprat l-ammont sħiħ tal-għajnuna, jiġifieri EUR 8 għal kull passiġġier, għat-titjiriet suġġetti għar-rata inferjuri ta’ EUR 2.

82      Fir-rigward tar-raba’ motiv, il-Kummissjoni twieġeb li l-irkupru tal-għajnuna, sa fejn din hija intiża li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti, ma tistax, fil-prinċipju, tiġi kkunsidrata bħala miżura sproporzjonata. Barra minn hekk, peress li l-ħlas lura huwa intiż biss sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti, dan ma jistax jiġi kkunsidrat fil-prinċipju bħala sanzjoni. Għaldaqstant ma jkun hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li l-benefiċjarji kollha tal-għajnuna huma obbligati li jħallsu lura l-għajnuna illegali u inkompatibbli.

83      Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li l-obbligu ta’ Stat li jħassar għajnuna li l-Kummissjoni tqis bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa mmirat lejn l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti. Dan l-għan jintlaħaq ġaladarba l-benefiċjarji jkunu ħallsu lura l-ammont imħallas abbażi tal-għajnuna illegali, biex b’hekk jitilfu l-vantaġġ li kienu bbenefikaw minnu fis-suq fil-konfront tal-kompetituri tagħhom, u ġaladarba s-sitwazzjoni preċedenti għall-pagament tal-għajnuna tiġi stabbilita mill-ġdid (ara s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑75/97, Ġabra, EU:C:1999:311, punti 64 u 65 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat-13 ta’ Frar 2012, Budapesti Erőmű vs Il-Kummissjoni, T‑80/06 u T‑182/09, EU:T:2012:65, punt 107).

84      Jeħtieġ li jitfakkar ukoll li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma teżiġi li l-Kummissjoni, meta tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna li tkun ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, tistabbilixxi l-ammont eżatt li għandu jitħallas lura. Huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu li d-destinatarju tagħha jkun jista’ jiddetermina, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, dan l-ammont huwa stess (sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑480/98, Ġabra, EU:C:2000:559, punt 25, u tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑415/03, Ġabra, EU:C:2005:287, punt 39). Barra minn hekk, il-parti operattiva ta’ att hija indissoċjabbilment marbuta mal-motivazzjoni tiegħu, u għandha tiġi interpretata, f’każ ta’ bżonn, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tagħha (sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, C‑355/95 P, Ġabra, EU:C:1997:241, punt 21, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑298/00 P, Ġabra, EU:C:2004:240, punt 97).

85      Madankollu jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi tordna l-irkupru ta’ ammont speċifiku, hija għandha, skont l-obbligu tagħha li teżamina b’mod xieraq u imparzjali l-fajl fil-kuntest tal-Artikolu 108 TFUE, tistabbilixxi, b’mod daqstant preċiż li ċ-ċirkustanzi tal-kawża jippermettu, il-valur tal-għajnuna li l-impriża bbenefikat minnha (ara s-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2007, Scott vs Il-Kummissjoni, T‑366/00, Ġabra, EU:T:2007:99, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Filwaqt li terġa tistabbilixxi s-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas tal-għajnuna, minn naħa, il-Kummissjoni hija marbuta tassigura ruħha li l-vantaġġ reali tal-għajnuna hija eliminata u b’hekk tordna l-irkupru tat-totalità tal-għajnuna. Hija ma tistax, minħabba klemenza għall-benefiċjarju, tordna l-irkupru ta’ somma inferjuri għall-valur tal-għajnuna riċevuta minn din ta’ l-aħħar. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata, sabiex turi d-diżapprovazzjoni tagħha għal dak li jikkonċerna l-gravità ta’ l-illegalità, tordna l-irkupru ta’ ammont għola mill-valur tal-għajnuna riċevuta mill-benefiċjarju (sentenza Scott vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ʼil fuq, EU:T:2007:99, punt 95).

87      Ir-rikorrenti ma tikkontestax li, anki f’każ li t-TTA kienet ġiet mgħoddija fl-intier tagħha fuq il-passiġġieri, l-applikazzjoni ta’ taxxa mnaqqsa tista’ tikkonferixxi vantaġġ lil impriża li għandha l-obbligu li tħallas dik it-taxxa. Hija tikkontesta madankollu l-portata ta’ dan il-vantaġġ, li ġie vvalutat għal EUR 8 għal kull passiġġier fid-deċiżjoni kkontestata.

88      F’dan ir-rigward, qabel xejn, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 55 tal-liġi dwar il-finanzi tikklassifika t-TTA bħala “dazju tas-sisa” (excise duty), bħala taxxa li għandha tiġi imposta, miġbura u mħallsa għal kull tluq ta’ passiġġier abbord ajruplan minn ajruport li jinsab fl-Irlanda, fatt li barra minn hekk, ġie kkonfermat mill-Irlanda waqt is-seduta.

89      Issa, dazju tas-sisa huwa, mid-definizzjoni tiegħu, taxxa indiretta miġbura fuq il-konsum ta’ oġġett jew ta’ servizz partikolari, li differenti minn taxxi diretti bħat-taxxi fuq id-dħul jew fuq il-benefiċċji, li huma imposti direttament fuq l-impriżi.

90      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-kumpanniji tal-ajru kienu marbuta, skont il-liġi dwar il-finanzi, japplikaw it-TTA bir-rata ta’ EUR 2 għat-titjiriet kollha suġġetti għal din ir-rata. Huwa stabbilit ukoll bejn il-partijiet li, skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1008/2008, il-kumpanniji tal-ajru kienu marbuta li jindikaw l-ammont tat-TTA b’mod separat fil-prezz ta’ kull biljett mibjugħ mill-passiġġieri. F’dan is-sens, it-TTA kienet formalment intiża li tiġi riflessa fil-prezz tal-biljett tal-ajru mħallas mill-passiġġier, kif tindika l-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata.

91      Kif isostni r-rikorrenti, hemm lok li ssir distinzjoni, għaldaqstant, bejn il-kunċett ta’ riperkussjoni formali jew legali, li tikkonċerna l-mod kif it-taxxa tiġi legalment miġbura u applikata, u l-kunċett ta’ riperkussjoni ekonomika, li tikkonsisti fid-determinazzjoni sa fejn il-kumpanniji tal-ajru sostnew l-ispiża ekonomika tat-TTA, billi adottaw eventwalment il-prezz tal-biljett mingħajr it-taxxa skont ir-rata tat-TTA effettivament applikabbli, jew, fil-każ tal-applikazzjoni tat-TTA bir-rata mnaqqsa ta’ EUR 2, sa fejn dawn effettivament żammew il-vantaġġ ekonomiku naxxenti mill-applikazzjoni ta’ din ir-rata mnaqqsa.

92      Il-Kummissjoni spjegat, fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kumpanniji li kienu jħallsu t-taxxa bir-rata mnaqqsa ta’ EUR 2 kellhom spiża inqas x’jgħaddu lill-klijenti tagħhom jew li jbatu huma stess. Sussegwentement, hija assimilat din l-ispiża mnaqqsa ma’ riżorsi ekonomiċi li l-kumpanniji tal-ajru setgħu jiffrankaw u li, u minħabba dan, tejbu s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom fir-rigward ta’ kumpanniji tal-ajru oħra.

93      Fil-premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wieġbet għall-argumenti tal-awtoritajiet Irlandiżi, li skonthom ma kien hemm ebda vantaġġ favur kumpanniji tal-ajru, peress li t-taxxa kienet essenzjalment taxxa fuq il-konsum intiża li tiġi mgħoddija fuq il-passiġġieri. Il-Kummissjoni kkunsidrat, filwaqt li bbażat ruħha fuq is-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, punt 45 iktar ʼil fuq (EU:C:2001:598), li, anki fil-każ fejn ikun hemm obbligu legali li t-taxxa inkwistjoni tiġi mgħoddija fuq il-konsumaturi, tnaqqis fir-rigward tar-rata normali tat-tassazzjoni tista’ tikkonferixxi vantaġġ selettiv lill-kumpanniji tal-ajru li għandhom iħallsu din it-taxxa bir-rata mnaqqsa.

94      Il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fl-istess premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata, li, f’dan il-każ, il-piż ekonomiku tat-taxxa (the cost of the tax) seta’ jiġi mgħoddi fuq il-passiġġieri, anki jekk ma jkun jeżisti l-ebda mekkaniżmu ieħor li jippermetti li jiġi żgurat li dan kien effettivament il-każ, u li din kienet għażla dipendenti fuq l-evalwazzjoni ta’ kull kumpannija tal-ajru.

95      Issa, f’sitwazzjoni simili, il-Qorti tal-Ġustizzja hija stess ikkunsidrat li, peress li t-taxxi tal-ajruporti jinċidu direttament u b’mod mekkaniku fuq il-prezz tal-vjaġġ, differenza fl-ammont tat-taxxi sostnuti mill-passiġġieri tiġi awtomatikament riflessa fl-ispiża tat-trasport (sentenza Stylianakis, punt 59 iktar ʼil fuq, EU:C:2003:72, punt 28).

96      Il-Kummissjoni tqis madankollu li, anki fil-każijiet fejn it-TTA ġiet ittrasferita, il-kumpanniji bbenefikaw ukoll minn vantaġġ, peress li huma setgħu joffru prezzijiet iktar attraenti lill-klijenti tagħhom, fatt li jwassal għal dħul mill-bejgħ ikbar.

97      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ fejn it-TTA setgħet tiġi mgħoddija fuq il-passiġġieri u fejn il-vantaġġ ekonomiku li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa seta’ wkoll jiġi mgħoddi fuq il-passiġġieri, il-Kummissjoni ma tistax tippreżumi li l-vantaġġ effettivament miksub u kkonservat mill-kumpanniji tal-ajru kien jammonta, fil-każijiet kollha, għal EUR 8 għal kull passiġġier.

98      Fil-fatt, f’tali każ, il-vantaġġ effettivament miksub mill-kumpanniji tal-ajru ma jikkonsistix neċessarjament fid-differenza bejn iż-żewġ rati, iżda fil-possibbiltà li dawn joffru prezzijiet iktar attraenti lill-klijenti tagħhom u għaldaqstant li jżidu, minħabba f’dan, il-dħul mill-bejgħ tagħhom, kif irrikonoxxiet hija stess il-Kummissjoni fil-premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata.

99      Għaldaqstant, għall-kumpanniji tal-ajru bħar-rikorrenti li ħallsu t-TTA b’rata inferjuri ta’ EUR 2, il-Kummissjoni kellha tiddetermina sa fejn dawn tal-aħħar kienu effettivament għaddew lill-passiġġieri tagħhom il-benefiċċju ekonomiku li jirriżulta mill-applikazzjoni tat-TTA bir-rata mnaqqsa, bil-għan li tkun tista’ tikkwantifika bi preċiżjoni l-vantaġġ li huma bbenefikaw minnu realment, dment li ma tkunx iddeċidiet li tikkonferixxi dan il-kompitu lill-awtoritajiet nazzjonali billi tipprovdi l-indikazzjonijiet neċessarji f’dan ir-rigward.

100    Għalhekk, huwa biss fl-ipoteżi li r-rikorrenti żiedet sistematikament il-prezz tal-biljetti tagħha ħielsa mit-taxxa ta’ EUR 8 għal kull biljett, għat-titjiriet suġġetti għat-TTA bir-rata ta’ EUR 2, kien ikun possibbli li jiġi kkunsidrat li l-vantaġġ ekonomiku li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rati ddifferenzjati kien jammonta għal EUR 8 għal kull passiġġier għar-rikorrenti, peress li dan il-vantaġġ ma setax jiġi, lanqas parzjalment, mgħoddi fuq il-passiġġieri.

101    Madankollu, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fl-ebda parti tad-deċiżjoni kkontestata tagħha, u lanqas fil-kuntest ta’ din il-kawża, ma spjegat kif tali ipoteżi hija s-sitwazzjoni normali, iktar milli l-ipoteżi fejn il-kumpanniji tal-ajru jgħaddu l-vantaġġ lill-passiġġieri tagħhom, skont l-għan iddikjarat tat-TTA, u minkejja li hija tirrikonoxxi, barra minn hekk, li tali trasferiment kien possibbli (ara l-punt 95 iktar ʼil fuq).

102    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni suffiċjentement is-sitwazzjoni partikolari tas-suq f’dan il-każ u tar-restrizzjonijiet kompetittivi tiegħu, sa fejn il-kumpanniji tal-ajru kollha li jwettqu titjiriet ta’ inqas minn 300 km (ikkalkulati mill-ajruport ta’ Dublin) minn ajruport li jinsab fl-Irlanda kienu suġġetti għat-TTA bir-rata ta’ EUR 2 għal kull passiġġier. Għalhekk, il-Kummissjoni ma stabbixxietx kif, f’tali ċirkustanzi, il-kumpanniji tal-ajru li t-titjiriet tagħhom kienu suġġetti għat-TTA bir-rata mnaqqsa ta’ EUR 2 għal kull passiġġier ibbenefikaw minn vantaġġ li jikkorrispondi għad-differenza bejn iż-żewġ rati tat-TTA, jiġifieri ta’ EUR 8 għal kull passiġġier.

103    Permezz ta’ dan, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi.

104    Fil-fatt, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, l-irkupru ta’ għajnuna għandha tkun limitata għal vantaġġi finanzjarji li jirriżultaw effettivament mill-offerta tal-għajnuna lill-benefiċjarju u tkun proporzjonali għal dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, T‑308/00 RENV, Ġabra, EU:T:2013:30, punt 138).

105    Għaldaqstant, jekk il-vantaġġ naxxenti mill-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa jista’ jikkonsisti fit-titjib tal-pożizzjoni tal-kompetizzjoni tal-kumpanniji tal-ajru, minħabba li jkunu jistgħu joffru prezzijiet iktar kompetittivi, il-Kummissjoni kellha tillimita ruħha sabiex tordna l-irkupru tal-ammonti li jikkorrispondu effettivament għal dan il-vantaġġ jew, jekk jirriżulta li ma huwiex possibbli li jiġu ddeterminati dawn l-ammonti b’eżattezza fid-deċiżjoni, li tikkonferixxi dan il-kompitu lill-awtoritajiet nazzjonali, billi tipprovdi l-indikazzjonijiet neċessarji għal dan l-għan, b’mod konformi mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 85 iktar ʼil fuq.

106    Skont il-Kummissjoni, kieku kellha tiġi segwita t-teżi tar-rikorrenti, din twassal sabiex il-Kummissjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali jkunu obbligati jevalwaw, f’kull każ konkret, l-effetti tal-għajnuna fuq il-benefiċjarji skont l-għażliet suġġettivi mwettqa minn dawn tal-aħħar, li jkun imur kontra l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 44 iktar ʼil fuq u s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano (C‑148/04, Ġabra, EU:C:2005:774).

107    Fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-fatt, li t-tħassir ta’ għajnuna illegali permezz tal-irkupru huwa l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha. Dan l-irkupru bil-għan li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni preċedenti ma jistax, bħala regola ġenerali, jiġi meqjus bħala miżura sproporzjonata meta mqabbel mal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Permezz tar-rifużjoni, il-benefiċjarju jitlef il-benefiċċju li kien gawda fuq is-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu u s-sitwazzjoni preċedenti għall-għoti tal-għajnuna tiġi stabbilita mill-ġdid (ara s-sentenza Unicredito Italiano, punt 106 iktar ʼil fuq, EU:C:2005:774, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-ammonti li għandhom jitħallsu lura ma jistgħux jiġu ddeterminati billi jitqiesu tranżazzjonijiet differenti li setgħu jiġu implementati mill-impriżi li kieku ma kinux għażlu t-tip ta’ tranżazzjoni li hi intitolata għall-għajnuna. Fil-fatt, din l-għażla saret minkejja li kienu konxji tar-riskju ta’ rkupru tal-għajnuniet mogħtija b’inosservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(3) KE. L-impriżi imsemmija setgħu jevitaw dan ir-riskju billi jagħżlu mill-ewwel tranżazzjonijiet strutturati mod ieħor. Barra minn hekk, l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti tfisser ir-ritorn, sa fejn possibbli, għas-sitwazzjoni li kienet tkun teżisti li kieku t-tranżazzjonijiet inkwistjoni twettqu mingħajr l-għoti ta’ tnaqqis tat-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Unicredito Italiano, punt 106 iktar ʼil fuq, EU:C:2005:774, punti 114 sa 117).

109    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-istabbiliment mill-ġdid ma jfissirx stabbiliment mill-ġdid differenti tal-passat skont elementi ipotetiċi bħall-għażliet, spiss diversi, li setgħu jsiru mill-operaturi kkonċernati, peress li l-għażliet li effettivament saru mill-benefiċjarju tal-għajnuna jistgħu jkunu irriversibbli. L-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti tippermetti biss il-kunsiderazzjoni, fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna mill-awtoritajiet nazzjonali, tat-trattament fiskali jekk ikun iktar favorevoli minn dak tad-dritt komuni li, fin-nuqqas ta’ għajnuna illegali u skont regoli interni li huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, kien jingħata skont it-tranżazzjoni li effettivament twettqet (sentenza Unicredito Italiano, punt 106 iktar ʼil fuq, EU:C:2005:774, punti 118 sa 119).

110    Jeħtieġ li jiġi rrilevat mandankollu li, b’mod kuntrarju għall-kawża li tat lok għas-sentenza Unicredito Italiano, punt 106 iktar ʼil fuq (EU:C:2005:774), invokata mill-Kummissjoni, l-impriżi benefiċjarji, f’dan il-każ, ma setgħux jagħżlu tranżazzjoni differenti minn dik intitolata għal għajnuna. Fil-fatt, dawn kienu obbligati, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, li japplikaw it-TTA bir-rata ta’ EUR 2 għal kull passiġġier għat-titjiriet kollha ta’ inqas minn 300km, ikkalkulati mill-ajruport ta’ Dublin, minn ajruport li jinsab fl-Irlanda. Għall-istess raġunijiet, kien legalment impossibbli li dawn jiġbru t-TTA bir-rata ta’ EUR 10 mill-passiġġieri għal dawn it-titjiriet.

111    Ċertament kien possibbli li dawn iżidu l-prezz tal-biljett ħieles mit-taxxa bil-għan li jassorbu l-vantaġġ naxxenti mill-applikazzjoni tat-TTA bir-rata mnaqqsa ta’ EUR 2. Madankollu, il-Kummissjoni ma setgħetx tiddetermina l-vantaġġ effettivament miksub mill-kumpanniji tal-ajru mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ. Issa, fid-dawl tal-funzjonament tat-TTA u tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li kienu esposti għalihom il-kumpanniji tal-ajru għat-titjiriet li għalihom kienet applikabbli t-TTA bir-rata ta’ EUR 2 (ara l-punt 103 iktar ʼil fuq), il-Kummissjoni ma setgħetx tippreżumi li l-vantaġġ ekonomiku naxxenti mill-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tat-TTA ma kinitx bl-ebda mod ġiet mgħoddija fuq il-passiġġieri.

112    Għaldaqstant, in-neċessità, naxxenti mill-ġurisprudenza suesposta fil-punt 86 iktar ʼil fuq, li jiġi kkwantifikat b’mod pjuttost preċiż li ċ-ċirkustanzi li jippermettu l-vantaġġ li effettivament ibbenefikaw minnu l-kumpanniji tal-ajru f’dan il-każ, minħabba l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tat-TTA, ma hijiex ekwivalenti għal stabbiliment mill-ġdid differenti tal-passat skont elementi ipotetiċi bħall-għażliet, spiss diversi, li setgħu jsiru mill-operaturi kkonċernati, kif issostni l-Kummissjoni, iżda hija intiża għall-kuntrarju sabiex tiżgura li l-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li kien ibbenefika minnu fuq is-suq fil-konfront tal-kompetituri tiegħu, xejn iktar u xejn inqas, u sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni eżistenti qabel l-għoti tal-għajnuna.

113    Barra minn hekk, l-għajnuna fil-kawża li tat lok għas-sentenza Unicredito Italiano, punt 106 iktar ʼil fuq (EU:C:2005:774), kienet tikkonsisti f’vantaġġ fiskali fil-forma ta’ tnaqqis ta’ 12,5 % tar-rata tat-taxxa fuq id-dħul għall-banek li kienu ngħaqdu jew kienu involuti f’ristrutturazzjoni simili, matul ħames perijodi konsekuttivi ta’ tassazzjoni, taħt ċerti kundizzjonijiet. Ma huwiex ikkontestat li t-taxxa fuq id-dħul tikkostitwixxi piż li huwa sostnut effettivament u esklużivament mill-impriżi li huma suġġetti għaliha, b’mod kuntrarju għat-TTA f’dan il-każ li, bħala dazju tas-sisa, kienet imposta u miġbura biss mill-kumpanniji tal-ajru, iżda li kienet, finalment u effettivament imħallsa u, tal-inqas parzjalment jekk mhux totalment, sostnuta mill-passiġġieri.

114    Fl-aħħar, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx sal-grad rikjest mil-liġi, fid-deċiżjoni tagħha, li l-irkupru ta’ EUR 8 għal kull passiġġier kien neċessarju bil-għan li jiġi żgurat l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti, jiġifieri r-ritorn, sa fejn possibbli, għas-sitwazzjoni li kienet tipprevali kieku t-tranżazzjonijiet inkwistjoni twettqu mingħajr l-għoti tat-tnaqqis tat-taxxa jew, fi kliem ieħor, kieku t-titjiriet suġġetti għar-rata ta’ EUR 2 għal kull passiġġier ġew suġġetti għal taxxa ta’ EUR 10 għal kull passiġġier.

115    Fil-fatt, l-irkupru ta’ ammont ta’ EUR 8 għal kull passiġġier mingħand kumpanniji tal-ajru ma jippermettix li jiġi żgurat l-istabbiliment mill-ġdid ta’ sitwazzjoni li kieku kienet tipprevali li kieku t-tranżazzjonijiet inkwistjoni twettqu mingħajr l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, peress li ma huwiex possibbli, għall-kumpanniji tal-ajru, li jirkupraw retroattivament mingħand il-klijenti tagħhom l-EUR 8 għal kull passiġġier li kellhom jiġu miġbura. Għaldaqstant, l-irkupru ta’ ammont ta’ EUR 8 għal kull passiġġier mingħand il-kumpanniji ma huwiex neċessarju, sabiex tiġi eliminata d-distorzjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vanataġġ kompetittiv prodott minn tali għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV, C‑275/10, Rec, EU:C:2011:814, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għall-kuntrarju, l-irkupru ta’ tali ammont jista’ jagħti lok għall-ġenerazzjoni ta’ distorzjonijiet addizzjonali tal-kompetizzjoni, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, peress li dan jista’ jwassal sabiex iktar mill-kumpanniji tal-ajru mill-vantaġġ li huma bbenefikaw minnu realment.

116    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni il-partikolaritajiet tat-TTA bħala dazju tas-sisa intiż li jingħadda fuq il-passiġġieri mill-kumpanniji tal-ajru għat-titjiriet kollha suġġetti għar-rata ta’ EUR 2 matul il-perijodu kkonċernat. Sa fejn il-vantaġġ ekonomiku naxxenti mill-applikazzjoni ta’ din ir-rata mnaqqsa setgħet, anki jekk parzjalment, tiġi mgħoddija fuq il-passiġġieri, il-Kummissjoni ma kellhiex dritt tikkunsidra li l-vantaġġ li bbenefikaw minnu l-kumpanniji tal-ajru kien jammonta awtomatikament, fil-każijiet kollha, għal EUR 8 għal kull passiġġier.

117    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinvoka l-prassi deċiżjonali stabbilita tagħha fil-qasam tal-għajnuna fiskali li timplika dazji tas-sisa, li skontha eżenzjonijiet min tali piżijiet jagħtu vantaġġ lill-impriżi responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, anki jekk din tal-aħħar setgħet tiġi mgħoddija fuq il-konsmaturi.

118    Madankollu, jeħtieġ li jiġi mfakkar li n-natura ta’ għajnuna mill-Istat ta’ ċerta miżura għandha tiġi evalwata biss fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat kif ukoll tal-miżuri meħuda għall-implementazzjoni tiegħu, u mhux fid-dawl ta’ eventwali prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni (sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsen et vs Il‑Kummissjoni, C‑57/00 P u C‑61/00 P, Ġabra EU:C:2003:510, punti 52 u 53, u tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra EU:T:2005:219, punt 177).

119    Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjonijiet invokati mill-Kummissjoni, li jinsabu wkoll fin-nota ta’ qiegħ il-paġna fil-premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata, ma kinux jikkonċernaw taxxi li kienu sostnuti mill-kumpanniji tal-ajru, kif tindika l-Kummissjoni, iżda taxxi fuq l-enerġija, li jipprevedu taxxa mnaqqsa jew eżenzjonijiet għal ċerti kategoriji ta’ impriżi. F’dawn il-kawżi kollha, it-taxxi ma kinux intiżi li jiġu mgħoddija mill-impriżi benefiċjarji fuq il-klijenti tagħhom. Fil-fatt, id-dazji tas-sisa jirrigwardaw prodotti (f’dan il-każ, l-enerġija) li huma stess jikkonsmaw, u mhux prodotti jew servizzi intiżi li jinbiegħu lill-klijenti tagħhom, bħal f’dan il-każ. Fl-aħħar, jeħtieġ li jiġi nnotat li l-Kummissjoni fl-ebda minn dawn il-każijiet ma ordnat l-irkupru tal-għajnuna mill-benefiċjarji, iżda li hija, għall-kuntrarju, iddikjarat din l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE.

120    Jeħtieġ li jiġi nnotat, barra minn hekk, li s-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, punt 45 iktar ʼil fuq (EU:C:2001:598), imsemmija mill-Kummissjoni fil-premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata, tippermetti, ċertament, li tiġi sostnuta t-teżi li l-applikazzjoni ta’ taxxa b’rata mnaqqsa tista’ tikkonferixxi vantaġġ selettiv lill-impriżi suġġetti għal din it-taxxa, anki jekk dawn huma suġġetti għall-obbligu legali li jgħaddu din it-taxxa fuq il-klijenti tagħhom, iżda ma tistabbilixxix li, f’każ ta’ pluralità tal-benefiċjarji, l-ammont tal-għajnuna għandu jiġi imputat fl-intier tiegħu lill-impriżi li jgħaddu din it-taxxa fuq il-klijenti tagħhom.

121    Barra minn hekk, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonstatatx li l-għajnuna kellha tiġi rkuprata mill-fornituri tal-enerġija, li kienu direttament responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u li jgħadduha fuq il-klijenti tagħhom, bħall-kumpanniji tal-ajru f’dan il-każ, iżda mill-impriżi klijenti ta’ dawn tal-aħħar, li fir-rigward tagħhom kien ġie pprovat li dawn kellhom bħala l-attività prinċipali tagħhom il-manifattura ta’ beni materjali u li kellhom dritt għar-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija.

122    Iċ-ċirkustanza li f’dan il-każ il-klijenti tal-kumpanniji tal-ajru suġġetti għat-TTA ma humiex impriżi, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li ma setgħet tiġi rkuprata l-ebda għajnuna mingħandhom, ma tistax tikkontesta l-obbligu tal-Kummissjoni li tidentifika bi preċiżjoni l-benefiċjarji ta’ għajnuna, jiġifieri l-impriżi li effettivament gawdew minn din tal-aħħar (sentenza tat-3 ta’ Lulju 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑457/00, Ġabra, EU:C:2003:387, punt 55), u li tillimita l-irkupru tal-għajnuna għal vantaġġi finanzjarji naxxenti effettivament mill-provvista tal-għajnuna lil dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Salzgitter vs Il-Kummissjoni, punt 104 iktar ʼil fuq, EU:T:2013:30, punt 138).

123    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni minn naħa, wettqet żball ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi billi ffissat l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata mingħand kumpanniji tal-ajru għal EUR 8 għal kull passiġġier, u min-naħa l-oħra kisret l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 billi ordnat l-irkupru ta’ tali ammont mingħand din tal-aħħar.

124    Għaldaqstant, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-ksur possibbli tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament invokat mir-rikorrenti, jeħtieġ li jintlaqgħu it-tielet u r-raba’ motivi tar-rikorrenti u li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata mill-kumpanniji tal-ajru hija vvalutata fiha għal EUR 8 għal kull passiġġier u sa fejn l-ordni ta’ rkupru huwa, minħabba dan, ukoll ivvizzjat b’illegalità.

125    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi nnotat li l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi l-irkupru tal-għajnuna mingħand benefiċjarji, li huma identifikati fil-premessa 70 tal-istess deċiżjoni, fl-ammont ta’ EUR 8 għal kull passiġġier, ammont li huwa stabbilit ukoll fl-istess premessa.

126    Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivi ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tad-dispożittiv tagħha (ara s-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2014, Rousse Industry vs Il-Kummissjoni, C‑271/13 P, EU:C:2014:175, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

127    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi annullat l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-premessa 70 tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn din tal-aħħar tordna l-irkupru tal-għajnuna, ivvalutata għal EUR 8 għal kull passiġġier, mingħand kumpanniji tal-ajru li wettqu titjiriet suġġetti għat-TTA bir-rata inferjuri għal EUR 10 matul il-perijodu kkonċernat, u li l-kumplament tar-rikors jiġi miċħud.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/199/UE, tal-25 ta’ Lulju 2012, dwar l-għajnuna mill-Istat, il-każ SA.29064 (11/C, ex 11/NN) — Rati tat-taxxa differenzjati għall-ivvjaġġar bl-ajru implimentati mill-Irlanda, huwa annullat, sa fejn dan jordna l-irkupru tal-għajnuna mingħand benefiċjarji, fl-ammont li huwa stabbilit għal EUR 8 għal kull passiġġier fil-premessa 70 tal-imsemmija deċiżjoni.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha, għal nofs l-ispejjeż sostnuti minn Aer Lingus Ltd.

4)      Aer Lingus għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

5)      L-Irlanda għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Berardis

Czúcz

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Frar 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 —      Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.