Language of document : ECLI:EU:T:2011:217

Kawża T-299/08

Elf Aquitaine SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-klorat tas-sodju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni — Prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet — Prinċipju ta’ legalità tal-pieni — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Prinċipju ta’ ċertezza legali — Użu ħażin ta’ poter — Multi — Ċirkustanza aggravanti — Dissważjoni — Ċirkustanza attenwanti — Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva — Valur miżjud sinjifikattiv”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni – Regoli Komunitarji – Ksur – Imputazzjoni – Kumpannija parent u sussidjarji – Unità ekonomika – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 81KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

2.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – Kontenut neċessarju – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 23 u 27(1))

3.      Kompetizzjoni – Regoli Komunitarji – Ksur – Imputazzjoni – Kumpannija parent u sussidjarji – Unità ekonomika – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 81(1) KE)

4.      Kompetizzjoni – Regoli Komunitarji – Ksur – Imputazzjoni – Kumpannija parent u sussidjarji – Unità ekonomika

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

5.      Kompetizzjoni – Regoli Komunitarji – Ksur – Imputazzjoni – Kumpannija parent u sussidjarji – Unità ekonomika – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 81(1) KE)

6.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni li tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni – Deċiżjoni li tikkonċerna diversi destinatarji – Neċessità ta’ motivazzjoni suffiċjenti b’mod partikolari fir-rigward tal-entità li għandha tirrispondi għall-akkuża ta’ ksur

(Artikoli 81(1) KE u 253 KE)

7.      Atti tal-istituzzjonijiet – Preżunzjoni ta’ validità – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li timputa lil kumpannija parent il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarja tagħha

(Artikolu 249 KE)

8.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Natura dissważiva

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 25 u 30)

9.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata – Neċessità li l-aġir ikun iffaċilita l-konstatazzjoni tal-ksur mill-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 18 u 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punti 20, 21 u 23(b))

10.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni

(Artikolu 229 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

1.      L-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta din is-sussidjarja, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. Fil-fatt, dan huwa l-każ għaliex, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jifformaw impriża waħda, fatt li jippermetti lill-Kummissjoni tagħti deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur.

Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital azzjonarju tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital azzjonarju kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex jiġi preżunt li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

Fil-fatt, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tikkorrobora l-imsemmija preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti permezz ta’ indizji addizzjonali. Anki jekk prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni kienet tikkonsisti li tikkorrobora din il-preżunzjoni permezz ta’ indizji addizzjonali, tali konstatazzjoni xorta tibqa’ mingħajr influwenza fuq il-konklużjoni li tipprovdi li l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha biss fuq il-konstatazzjoni taż-żamma, minn kumpannija parent, ta’ kważi l-kapital azzjonarju kollu tas-sussidjarja tagħha sabiex tippreżumi li hija kienet teżerċita fuq din tal-aħħar influwenza determinanti.

(ara l-punti 49-52, 59)

2.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li impriża kkonċernata minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tkun tqegħdet, matul il-proċedura amministrattiva mibdija quddiem il-Kummissjoni, f’pożizzjoni li tispjega sew il-fehma tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati, kif ukoll fuq id-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat.

Ir-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi, fl-Artikolu 27(1) tiegħu, li għandha tintbagħat lill-partijiet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li għandha turi, b’mod ċar, l-elementi essenzjali kollha li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni f’dan l-istadju tal-proċedura, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu effettivament jidentifikaw l-aġir li huma qegħdin jiġu akkużati bih u sabiex ikunu jistgħu jsostnu utilment id-difiża tagħhom qabel mal-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva.

Tali dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi l-garanzija proċedurali li tapplika l-prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li jeżiġi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura. Dan il-prinċipju jirrikjedi b’mod partikolari li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata mill-Kummissjoni lil impriża li fil-konfront tagħha hija għandha l-intenzjoni timponi sanzjoni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tinkludi l-elementi essenzjali miġjuba kontra din l-impriża, bħall-fatti allegati, il-klassifikazzjoni li tingħatalhom u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex din l-impriża tkun f’pożizzjoni li ssostni l-argumenti tagħha b’mod utli fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mibdija kontriha.

B’mod partikolari, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tispeċifika b’mod inekwivoku l-persuna ġuridika li fuqha jistgħu jiġu imposti multi, din għandha tiġi indirizzata lil din tal-aħħar u għandha tindika f’liema kwalità din il-persuna ser tiġi akkużata bil-fatti allegati. Huwa fil-fatt permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-impriża kkonċernata hija informata bl-elementi kollha essenzjali li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura. Konsegwentement, huwa biss wara li tintbagħat l-imsemmija dikjarazzjoni li l-impriża kkonċernata tista’ teżerċita kompletament id-drittijiet tad-difiża tagħha.

Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tinforma lil kumpannija parent, f’dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, li hija għandha l-intenzjoni timputalha, abbażi tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti, l-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha, il-fatt li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda miżura ta’ investigazzjoni fil-konfront ta’ din il-kumpannija, qabel innotifikatilha l-imsemmija dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma jiksirx id-drittijiet tad-difiża ta’ din l-impriża. F’dan ir-rigward, l-imsemmija kumpannija hija mqiegħda f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tgħarraf sew il-perspettiva tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, kemm fl-osservazzjonijiet tagħha bi tweġiba għall-imsemmija dikjarazzjoni kif ukoll waqt is-seduta mal-uffiċjal-awditur.

(ara l-punti 134-140)

3.      Skont il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, persuna fiżika jew ġuridika ma għandhiex tiġi ssanżjonata ħlief għall-fatti li hija tiġi akkużata bihom individwalment. L-imsemmi prinċipju huwa applikabbli f’kull proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal sanzjonijiet skont ir-regoli tal-kompetizzjoni.

Madankollu, dan il-prinċipju għandu jiġi kkonċiljat mal-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Għaldaqstant, meta l-entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, tirrispondi għal dan il-ksur.

Fil-fatt, ma hijiex relazzjoni ta’ instigazzjoni li tirrigwarda l-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja lanqas, a fortiori, involviment tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda l-fatt li huma jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE li jawtorizza lill-Kummissjoni tagħti deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet meta tikkundanna lil kumpannija parent għal ksur li hija tqieset li wettqet hija nnifisha minħabba rabtiet ekonomiċi u legali li jgħaqqduha mas-sussidjarja tagħha u li jippermettulha tiddetermina l-aġir ta’ din tal-aħħar fis-suq.

(ara l-punti 178-181)

4.      Il-prinċipju ta’ legalità tal-pieni jeżiġi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u l-pieni li hija tissanzjona. Din il-kundizzjoni hija ssodisfatta meta l-persuna suġġetta għal-liġi tkun tista’ tagħraf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk meħtieġ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħha mill-qrati, liema atti jew ommissjonijiet jimplikaw ir-responsabbiltà kriminali tagħha.

Issa, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, b’deċiżjoni, timponi multi fuq l-impriżi li jwettqu b’mod partikolari ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE. Sa fejn kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha kienu meqjusa li jifformaw impriża, fis-sens ta’ dan l-aħħar artikolu, huwa mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ legalità li l-Kummissjoni tista’ timponi multa fuq il-persuni ġuridiċi li jifformaw parti mill-imsemmija impriża.

(ara l-punti 187-189)

5.      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

Fil-kuntest ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa fuq kumpannija parent għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarja tagħha, skont il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent li żżomm kważi l-kapital azzjonarju kollu tas-sussidjarja tagħha, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok li tiġi imputata r-responsabbiltà għall-ksur lil kumpannija parent.

Konsegwentement, peress li l-Kummissjoni għandha l-fakultà, iżda mhux l-obbligu, li timputa r-responsabbiltà għall-ksur lil kumpannija parent, meta l-kundizzjonijiet ta’ tali imputazzjoni huma ssodisfatti, il-fatt biss li l-Kummissjoni ma pproċedietx għall-istess imputazzjoni f’każ ieħor ma jimplikax li hija obbligata tagħmel l-istess evalwazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, tali imputazzjoni hija suġġetta għall-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni, li għandhom jivverifikaw li l-kundizzjonijiet ta’ tali imputazzjoni huma ssodisfatti.

(ara l-punti 196-198)

6.      Il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adatta għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma hemmx bżonn li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, billi l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att kinitx tissoddisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem tagħha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

Meta deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 81 KE tikkonċerna diversi destinatarji u tqajjem problema ta’ imputabbiltà tal-ksur, hija għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għal dan il-ksur. B’hekk, sabiex tkun suffiċjentement immotivata fir-rigward tal-kumpanniji parent tas-sussidjarji li wettqu l-ksur, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tinkludi espożizzjoni ssostanzjata tal-motivi ta’ natura li tiġġustifika l-imputabbiltà tal-ksur lil dawn il-kumpanniji.

(ara l-punti 216, 217)

7.      Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ validità u jipproduċu effetti legali sakemm ma jkunux ġew annullati jew irtirati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tissospendi l-proċedura mibdija kontra kumpannija, għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, sakemm tingħata deċiżjoni mill-qorti tal-Unjoni fuq rikors ippreżentat mill-istess kumpannija kontra deċiżjoni oħra li tissanzjonaha għal ksur ieħor tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni legali ma timponi lill-Kummissjoni tissospendi l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet f’każijiet li jirrigwardaw fatti differenti.

(ara l-punt 241)

8.      Fil-kuntest tas-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi li jwettqu ksur tal-Artikolu 81 KE, bħala prinċipju, hija l-persuna fiżika jew ġuridika li kienet tmexxi lill-impriża kkonċernata fil-mument meta jkun twettaq il-ksur li għandha tirrispondi għalih, anki jekk, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, it-tmexxija tal-impriża tkun tqegħdet taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna oħra. Għall-finijiet tal-applikazzjoni u tal-eżekuzzjoni tagħhom, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 KE għandhom madankollu jiġu indirizzati lil entitajiet li għandhom personalità ġuridika. B’hekk, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 81(1) KE, hija għandha tidentifika l-persuna jew il-persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, li jistgħu jinżammu responsabbli għall-aġir tal-impriża inkwistjoni u li jistgħu jiġu ssanzjonati f’dan ir-rigward, u li lilhom hija indirizzata d-deċiżjoni.

Il-linji gwida li l-Kummissjoni tadotta sabiex tikkalkola l-ammont tal-multi jiżguraw iċ-ċertezza legali tal-impriżi, peress li dawn jiddeterminaw il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nfisha għall-iffissar tal-ammont tal-multi. L-amministrazzjoni ma tistax ma ssegwihomx, f’każ speċifiku, mingħajr ma tagħti raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Fir-rigward ta’ żewġ impriżi, jiġifieri kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, li jifformaw, fiż-żmien tat-twettiq tal-ksur, impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, iżda li ma għadhomx jeżistu taħt din il-forma fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponilhom multa, il-Kummissjoni għandha dritt, minn naħa, timponi, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, multa in solidum fuq dawn iż-żewġ impriżi li għandhom jirrispondu għall-ksur imwettaq, u min-naħa l-oħra, timponi, fuq il-kumpannija parent biss, skont il-punt 30 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, żieda tal-ammont bażiku tal-multa, peress li d-dħul mill-bejgħ partikolarment sostanzjali ta’ din tal-aħħar, meta mqabbel mal-entitajiet l-oħra ssanzjonati fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jippermettilha li timmobilizza iktar faċilment il-fondi neċessarji għall-ħlas ta’ multa.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-multa, imposta, bħala dissważjoni, fuq il-kumpannija parent biss, hija kkalkolata fir-rigward tal-ammont bażiku tal-multa imposta in solidum fuq iż-żewġ kumpanniji, li diġà tinkludi żieda speċifika bħala dissważjoni, ma jistax ikun inġust.

Fil-fatt, il-multa imposta in solidum fuq iż-żewġ kumpanniji tikkorrispondi għall-ammont bażiku tal-multa li jinkludi żieda addizzjonali kkalkolata skont ċerta rata tal-valur tal-bejgħ tas-sussidjarja, skont il-punt 25 tal-imsemmija linji gwida, “sabiex l-impriżi stess jiġu dissważi milli jipparteċipaw fi ftehim orizzontali ta’ iffissar tal-prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjoni ta’ produzzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Min-naħa l-oħra, il-multa imposta fuq il-kumpannija parent biss u li tinkludi żieda sostanzjali tal-ammont bażiku tal-multa hija intiża, skont il-punt 30 tal-imsemmija linji gwida, sabiex “jiġi żgurat li l-multi jippreżentaw effett suffiċjentement dissważiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għall-impriżi li d-dħul mill-bejgħ tagħhom, apparti mill-bejgħ ta’ oġġetti u ta’ servizzi li jirreferi għalih l-ksur, huwa partikolarment sostanzjali.

Għaldaqstant, minn naħa, l-ammont addizjonali applikat skont il-punt 25 tal-imsemmija linji gwida u, min-naħa l-oħra, iż-żieda speċifika imposta fuq il-kumpannija parent, skont il-punt 30 ta’ dawn l-istess linji gwida, jissodisfaw żewġ għanijiet distinti ta’ dissważjoni, li l-Kummissjoni ġustament tista’ tieħu inkunsiderazzjoni tagħhom fid-determinazzjoni tal-multa.

(ara l-punti 250-253, 255, 256, 288, 289)

9.      Il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi u tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, fosthom il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati matul l-investigazzjoni mwettqa mid-dipartimenti tagħha. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjonijiet fattwali kumplessi, bħal dawk li jirrigwardaw il-kooperazzjoni rispettiva tal-imsemmija impriżi. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni pprovduta mill-membri ta’ akkordju, huwa biss żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni li jista’ jkun iċċensurat peress li hija tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża, b’mod partikolari, meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħrajn.

Għalkemm il-Kummissjoni għandha timmotiva r-raġunijiet li għalihom hija tqis li elementi pprovduti minn impriżi fil-kuntest tal-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell jikkostitwixxu kontribuzzjoni li tiġġustifika jew le tnaqqis tal-multa imposta, min-naħa l-oħra huma l-impriżi li jixtiequ jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward li għandhom juru li din, fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni pprovduta volontarjament minn dawn l-impriżi, ma kinitx fil-pożizzjoni li turi l-aspett essenzjali tal-ksur u għalhekk sabiex tadotta deciżjoni li timponi multi.

It-tnaqqis tal-multi f’każ ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-impriżi li jipparteċipaw fi ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni huwa ġġustifikat mill-fatt li din il-kooperazzjoni tiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni intiż sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur, u skont il-każ, sabiex ittemmu. Fid-dawl tar-ratio tat-tnaqqis, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-utilità tal-informazzjoni pprovduta, li neċessarjament tiddependi fuq il-provi li hija diġà għandha.

Meta impriża sempliċement tikkonferma, b’mod inqas preċiż u espliċitu, ċerta informazzjoni diġà pprovduta minn impriża oħra abbażi tal-kooperazzjoni, il-grad ta’ kooperazzjoni pprovdut minn din l-impriża, minkejja li jista’ xorta waħda jkun ta’ ċertu utilità għall-Kummissjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala paragunabbli għal dak ipprovdut mill-ewwel impriża li pprovdiet l-imsemmija informazzjoni. Dikjarazzjoni li tillimita ruħha li, essenzjalment, tikkorrobora dikjarazzjoni li l-Kummissjoni diġà kellha, effettivament, ma tiffaċilitax ix-xogħol tal-Kummissjoni b’mod sinjifikattiv. Għaldaqstant, din ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni. Barra minn hekk, il-kollaborazzjoni ta’ impriża fl-investigazzjoni ma tatiha l-ebda dritt għal tnaqqis tal-multa meta din il-kollaborazzjoni ma tkunx marret lil hinn minn dak li kien jirriżulta mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003.

(ara l-punti 340-344)

10.    Fir-rigward tal-istħarriġ mill-qorti Komunitarji tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni, iktar milli sempliċi stħarriġ ta’ legalità, li jippermetti biss li r-rikors għal annullament jiġi miċħud, jew li l-att ikkontestat jiġi annullat, il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija, skont l-Artikolu 229 KE, lill-Qorti Ġenerali permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, tawtorizza lil din il-qorti tibdel l-att ikkontestat, anki jekk ma jiġix annullat, billi tikkunsidra ċ-ċirkustanzi fattwali kollha, sabiex temenda, pereżempju, l-ammont tal-multa.

(ara l-punt 379)