Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta' Awwissu 2008 - Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-299/08)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Elf Aquitaine SA (Courbevoie, Franża) (rappreżentanti: E. Morgan de Rivery, S. Thibault-Liger, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

prinċipalment, tannulla, abbażi tal-Artikolu 230 KE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej C(2008)2626 finali tal-11 ta' Ġunju 2008 safejn din tikkonċerna Elf Aquitaine;

sussidjarjament:

tannulla jew tnaqqas, abbażi tal-Artikolu 229 KE, il-multa ta' EUR 22 700 000 imposta lil Arkema France SA u lil Elf Aquitaine in solidum permezz tal-Artikolu 2(ċ) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej C(2008) 2626 finali tal-11 ta' Ġunju 2008;

tannulla jew tnaqqas, abbażi tal-Artikolu 229 KE, il-multa ta' EUR 15 890 000 imposta lil Elf Aquitaine permezz ta'l-Artikolu 2(e) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej C(2008) 2626 finali tal-11 ta' Ġunju 2008;

f'kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 2626 finali tal-11 ta' Ġunju 2008 COMP/38.695 - Sodium Chloride, li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonstatat li ċertu impriżi, fosthom ir-rikorrenti, kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea billi qasmu bejniethom il-volumi ta' bejgħ, billi ffissaw il-prezzijiet, billi skambjaw informazzjoni sensittiva mill-aspett kummerċjali fuq il-prezzijiet u fuq il-volumi ta' bejgħ u billi ssorveljaw l-eżekuzzjoni ta' dawn il-ftehim antikompetittiv fis-suq tas-Sodium Chloride fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

In sostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħdax il-motiv ibbażati fuq:

ksur tar-regoli li jirregolaw l-imputabbiltà tal-ksur fi ħdan gruppi ta' kumpanniji, safejn i) il-Kummissjoni sostniet b'mod żbaljat li hija ma kinitx marbuta tipprovdi elementi li jikkoroboraw il-preżunzjoni li kumpannija parent li hija 100 % proprjetarja ta' sussidjarja teżerċita influwenza determinanti fuq din tal-aħħar, ii) l-elementi effettivament invokati mill-Kummissjoni mhumiex ta' natura tali li jikkorroboraw din il-preżunzjoni u iii) il-Kummissjoni ċaħdet is-serje ta' provi li r-rikorrenti ressqet sbiex tikkonfuta din il-preżunzjoni;

ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tal-prinċipji tal-ugwaljanza tal-armi, tal-preżunzjoni tal-innoċenza, tar-responsabbiltà personali u tan-natura personali tal-pieni, tal-legalità u tat-trattament ugwali fil-qasam tal-imputabbiltà;

żnaturament tas-serje ta' provi mressqa mir-rikorrenti;

kontradizzjoni fir-raġunament f'dak li jirrigwarda l-kunċett ta' impriża skont l-Artikolu 81(1) KE, dwar l-indipendenza tal-kumpannija sussidjarja Arkema France fil-konfront tar-rikorrenti u l-portata tal-kontroll li kumpannija parant għandu jkollha fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha sabiex il-ksur ta' din ta' l-aħħar ikun jista' jiġi imputat lill-kumpannija parent;

ksur tal-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba, safejn il-Kummissjoni i) m'eżaminatx b'reqqa' u b'imparzjalità l-elementi kollha rilevanti, ii) m'applikatx l-istess regoli għall-partijiet li hija applikat għaliha stess u iii) ma ssospendietx il-proċeduri mibdija kontra r-rikorrenti fl-istennija ta' deċiżjonijiet f'kawżi pendenti rilevanti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza;

ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali, peress li l-Kummissjoni tbegħdet mill-kriterji ta' imputabbiltà ta' ksur imwettaq minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent li kienu applikati f'deċiżjonijiet preċedenti;

abbuż ta' poter, peress li s-sanzjonijiet imposti kienu eċċedew l-għan leġittimu tagħhom, jiġifieri li impriża tiġi ppenalizzata talli wettqet ksur;

in-natura infondata tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti bi ksur tal-prinċipju tal-awtonomija tal-persuna ġuridika u billi ħadet inkunsiderazzjoni darbtejn l-effett dissważiv meta ffissat l-ammont tal-multa;

ksur tal-prinċipji u tar-regoli li jirregolaw il-kalkolu tal-multi;

ksur tal-komunikazzjoni fuq il-klemenza1 billi allegat li l-provi mressqa mill-kumpannija sussidjarja Arkema France ma kinux biżżejjed; u

il-fatt li mhuwiex ekwu li tingħata l-iktar sanzjoni iebsa lir-rikorrenti permezz ta' żewġ multi separati meta r-responsabbiltà tal-kumpannija sussidjarja Arkema France kienet kunsiderevolment iżgħar meta mqabbla ma' dik ta' EKA u Finnish Chemicals.

____________

1 - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-immunità tal-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi relatati ma' akkordji (ĠU 2002 C 45, p. 3).