Language of document : ECLI:EU:T:2011:461

Kawża T-8/09

Dredging International NV u

Ondernemingen Jan de Nul NV

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tal-EMSA — Intervent ta’ bastimenti ta’ assistenza bil-għan li jiġi miġġieled it-tniġġis bl-idrokarburi — Ċaħda tal-offerta — Rikors għal annullament — Nuqqas ta’ konformità tal-offerta mal-għan tal-kuntratt — Konsegwenzi — Ugwaljanza fit-trattament — Proporzjonalità — Definizzjoni tas-suġġett tal-kuntratt — Assenza ta’ żvelar tal-karatteristiċi u tal-vantaġġi tal-offerta magħżula — Motivazzjoni — Għoti tal-kuntratt — Assenza ta’ interess ġuridiku — Talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt konkluż mal-persuna li ngħatat il-kuntratt — Talba għad-danni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Għan tal-kuntratt — Definizzjoni mid-dokumenti tas-sejħa għal offerti — Konformità ta’ offerta ma’ din id-definizzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikoli 92, 97 u 98(4); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 138 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 146(3))

2.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Obbligu ta’ komunikazzjoni lill-offerenti mhux magħżula tal-elementi relatati mal-offerta magħżula — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikoli 98(4) u 100(2))

3.      Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Rikors li jista’ jkun ta’ benefiċċju għar-rikorrenti — Rikors ippreżentat minn offerent, li ma ntgħażilx qabel il-fażi tal-għoti, kontra deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt — Inammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

1.      Fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti tal-kuntratt, iċ-ċirkustanzi marbuta mal-konformità ta’ offerta mat-tul previst tal-kuntratt u, konsegwentement, ma’ limitu massimu tal-baġit, li jkunu ġew indikati fl-avviż ta’ kuntratt u fid-dokumenti l-oħra tas-sejħa għal offerti, jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet li offerta għandha tosserva sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-awtorità kontraenti. Huma jaqgħu taħt id-definizzjoni tas-suġġett tal-kuntratt, prevista mill-Artikolu 92 tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, dispożizzjoni li minnha jirriżulta li din id-definizzjoni hija distinta mill-kriterji tal-esklużjoni, tal-għażla u tal-għoti. Konsegwentement, l-imsemmija ċirkustanzi ma jikkostitwixxux kriterji ta’ għoti fis-sens tal-Artikolu 97 ta’ dan ir-regolament u tal-Artikolu 138 tar-Regolament Nru 2342/2002, li jistabbilixxi r-regoli ta’ implementazzjoni tar-regolament finanzjarju.

Għaldaqstant, il-konformità ta’ offerta mas-suġġett tal-kuntratt, kif deskritt fl-imsemmija dokumenti, tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari li kull offerta għandha tissodisfa sabiex tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-kundizzjoni għandha twassal għall-eliminazzjoni tal-offerta kkonċernata mill-awtorità kontraenti, mingħajr ma din tal-aħħar tiġi mqabbla mal-offerti l-oħra ppreżentati, kif previst mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 146(3) tar-Regolament Nru 2342/2002.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-awtorità kontraenti taċċetta offerti li ma jikkorrispondux għas-suġġett tal-kuntratt, kif iddefinit fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti, minn naħa, ma jistax jiġi kkonċiljat mal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament u, min-naħa l-oħra, kien jirrendi impossibbli t-tqabbil ta’ tali offerti mal-offerti l-oħra ppreżentati.

(ara l-punti 57, 62, 63, 66, 67, 70-72, 79)

2.      Fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, meta ċ-ċaħda ta’ offerta ssir qabel il-fażi tal-għoti, din ma tirriżultax, bħala regola ġenerali, mit-tqabbil mal-offerta magħżula. Konsegwentement, il-verifika tal-fondatezza taċ-ċaħda ma hijiex suġġetta għall-komunikazzjoni ta’ elementi li jirrigwardaw l-offerta magħżula.

F’dan ir-rigward, l-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 100(2) tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, ma jipprevedix li offerent għandu jkun jista’ jivverifika l-konformità tal-offerti l-oħra kollha mal-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ għażla u mas-suġġett tal-kuntratt. Fil-fatt, li kieku dan kien il-każ, din id-dispożizzjoni ma kinitx tkun limitata li tipprevedi l-komunikazzjoni tal-elementi li jirrigwardaw biss l-offerta magħżula.

(ara l-punti 107, 108)

3.      Rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din il-persuna jkollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippresupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu.

Issa, meta l-offerta ta’ offerent tiġi miċħuda mill-awtorità kontraenti qabel l-istadju ta’ qabel id-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt, b’tali mod li ma titqabbilx mal-offerti l-oħra, l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tal-offerent ikkonċernat sabiex jaġixxi kontra d-deċiżjoni li tagħti l-kuntratt hija suġġetta għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-offerta tiegħu. Fil-fatt, huwa biss f’każ li din id-deċiżjoni tal-aħħar tiġi annullata li l‑annullament tad-deċiżjoni li tagħti l-kuntratt jista’, jekk ikun il-każ, ikollu konsegwenzi legali għall-offerent li l-offerta tiegħu tkun ġiet miċħuda qabel l‑istadju ta’ qabel id-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt u jista’ jkun ta’ benefiċċju għalih, billi jħassar deċiżjoni adottata wara li jkun sar tqabbil li inġustament ma jkunx inkluda l-offerta tiegħu.

Għall-kuntrarju, meta t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-offerta tiġi miċħuda, l-annullament tad-deċiżjoni li tagħti l-kuntratt ma jistax ikollu konsegwenzi legali fuq l-offerent li l-offerta tiegħu tkun ġiet miċħuda qabel l‑istadju ta’ qabel id-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt. F’dan il-każ, id-deċiżjoni li tiċħad l-offerta tostakola lill-offerent ikkonċernat milli jiġi affettwat mid-deċiżjoni sussegwenti li tagħti l-kuntratt lil offerent ieħor.

(ara l-punti 133-135)