Language of document : ECLI:EU:C:2020:769

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Ottubru 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà tal-prodotti tal-ikel – Ikel ġdid u ingredjenti tal-ikel ġodda – Regolament (KE) Nru 258/97 – Artikolu 1(2)(e) – Kunċett ta’ ‘ingredjenti tal-ikel iżolati mill-annimali’ – Tqegħid fis-suq – Insetti sħaħ intiżi għall-konsum mill-bniedem”

Fil-Kawża C‑526/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

Entoma SAS

vs

Ministre de l’Économie et des Finances,

Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, L. S. Rossi, J. Malenovský (Relatur), F. Biltgen u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Entoma SAS, minn F. Molinié, avocat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A.‑L. Desjonquères u C. Mosser, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo u G. Damiani, avvocati dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hödlmayr u C. Valero, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Lulju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 18, p. 244, rettifika fil-ĠU 2012, L 68, p. 42), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 596/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 (ĠU 2009, L 188, p. 14) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 258/97”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Entoma SAS, minn naħa, u l-ministre de l’Économie et des Finances (il-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi) u l-ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation (il-Ministru għall-Agrikoltura u l-Ikel), min-naħa l-oħra, dwar ordni tal-prefett li tordna, minn naħa, is-sospensjoni tat-tqegħid fis-suq minn Entoma ta’ insetti sħaħ intiżi għall-konsum mill-bniedem u, min-naħa l-oħra, l-irtirar ta’ dawn l-insetti mis-suq sakemm tinkiseb awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq, maħruġa wara evalwazzjoni li turi li dawn ma jippreżentawx perikolu għas-saħħa tal-konsumatur.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 258/97

3        Il-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 258/97 kienu jistipulaw:

“(1)      […] id-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ikel il-ġdid jew l-ingredjenti ġodda tal-ikel jistgħu jfixklu l-moviment ħieles ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel [u] joħolqu l-kondizzjonijiet għall-kompetizzjoni inġusta, u b’hekk jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern;

(2)      […] sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika, huwa meħtieġ li jiġi żgurat illi l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda tal-ikel ikunu soġġetti għal valutazzjoni waħda dwar is-sigurtà permezz ta’ proċedura [tal-Unjoni] qabel ma jitqiegħdu fis-suq [fl-Unjoni Ewropea] […]”

4        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament jirrigwarda t-tqegħid fis-suq [fl-Unjoni] ta’ ikel ġdid jew l-ingredjenti ġodda tal-ikel.

2.      Dan ir-Regolament għandu japplika għat-tqegħid fis-suq [fl-Unjoni] ta’ ikel jew ingredjenti ta’ l-ikel li s’issa ma ġewx użati għall-konsum mill-bniedem fi grad sinifikanti ġewwa [l-Unjoni] u li jaqgħu taħt il-kategoriji li ġejjin:

(ċ)      l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel bi struttura primarja molekulari ġdida jew modifikata intenzjonalment;

(d)      l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jikkonsistu fi, jew iżolati mill-mikro-organiżmi, il-fungi jew l-alka;

(e)      l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jikkonsistu fi, jew iżolati minn pjanti u ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem [annimali], għajr l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel miksuba mill-propagazzjoni jew il-prattiki tat-tgħammir tradizzjonali u li għandhom storja ta’ użu ta’ ikel fis-sigurtà;

(f)      l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li lilhom ġie applikat proċess tal-produzzjoni mhux użat korrentement fejn dan il-proċess joħloq bidliet sinifikanti fil-kompożizzjoni jew l-istruttura ta’ l-ikel jew l-ingredjenti ta’ l-ikel li jaffettwaw il-valur nutrizzjonali, il-metaboliżmu jew il-livell tas-sustanzi mhux mixtieqa.

3.      Fejn ikun meħtieġ, jista’ jiġi stabbilit skond il-proċedura stabbilita l-Artikolu 13(2) jekk tip ta’ ikel jew ta’ ingredjent ta’ l-ikel jaqax jew le skond fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.”

5        L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament kien jipprevedi:

“L-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx:

–        ikunu ta’ perikolu għall-konsumatur,

–        […]”

6        Skont l-Artikolu 12 tal-istess regolament:

“1.      Fejn Stat Membru, bħala riżultat ta’ tagħrif ġdid jew ta’ stima mill-ġdid tat-tagħrif li diġà jeżisti, ikollu raġunijiet iddettaljati sabiex iqis illi l-użu ta’ ikel jew ta’ ingredjent ta’ l-ikel li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament jipperikola s-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, dak l-Istat Membru jista’ jew jirrestrinġi temporanjament jew jissospendi l-kummerċ fl-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel fil-kwistjoni u l-użu tagħhom fit-territorju tiegħu. Għandu jgħarraf minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni [Ewropea] u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

2.      Il-Kummissjoni għandha teżamina r-raġunijiet referiti fil-paragrafu 1 mill-aktar fis possibli fil-Kumitat Permanenti tal-Oġġetti tal-Ikel; għandha tieħu l-miżuri xierqa intenzjonati biex jikkonfermaw, jemendaw jew iħassru l-miżura nazzjonali skont il-proċedura regolatorja stabbilita fl-Artikolu 13(2). L-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni riferita fil-paragrafu 1 jista’ jżommha sakemm il-miżuri jkunu daħlu fis-seħħ.”

 Ir-Regolament (UE) 2015/2283

7        Ir-Regolament Nru 258/97 ġie mħassar u ssostitwit, mill‑1 ta’ Jannar 2018, bir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 (ĠU 2015, L 327, p. 1).

8        Skont il-premessi 6 u 8 tar-Regolament Nru 2015/2283:

“(6)      Id-definizzjoni eżistenti ta’ ikel ġdid fir-Regolament [Nru 258/97] għandha tiġi ċċarata u aġġornata b’referenza għad-definizzjoni ġenerali ta’ ikel ipprovduta fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9, u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5)].

[…]

(8)      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu, fil-prinċipju, jibqa’ l-istess bħall-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 258/97. Madankollu, abbażi ta’ żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi li seħħew mill-1997, huwa xieraq li jiġu riveduti, iċċarati u aġġornati l-kategoriji tal-ikel li jikkostitwixxu ikel ġdid. Dawk il-kategoriji għandhom ikopru l-insetti sħaħ u l-partijiet tagħhom. […]”

9        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u għan”, jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għat-tqegħid ta’ prodotti ġodda fis-suq fl-Unjoni.

2.      L-għan ta’ dan ir-Regolament hu li jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumaturi.”

10      L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.      Dan ir-Regolament japplika għat-tqegħid ta’ ikel ġdid fis-suq fl-Unjoni.

[…]”

11      L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Għandhom japplikaw […] id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      ‘ikel ġdid’ tfisser kwalunkwe ikel, li ma ntużax għall-konsum mill-bniedem fi grad sinifikanti fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997, irrispettivament mid-dati ta’ adeżjoni tal-Istati Membri għall-Unjoni u li jaqa’ mill-inqas taħt waħda mill-kategoriji li ġejjin:

[…]

(v)      ikel li jikkonsisti minn, annimali jew mill-partijiet tagħhom, jew iżolat minnhom jew prodott minnhom, ħlief għal annimali miksuba bi prattiki tat-trobbija li kienu jintużaw għall-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997, u l-ikel minn tali annimali ikollu storja ta’ użu sigur tal-ikel fl-Unjoni;

[…]”

12      L-Artikolu 35 tar-Regolament 2015/2283, intitolat “Miżuri tranżitorji”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Ikel li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Nru 258/97], li jitqiegħdu fis-suq skont il-liġi sal-1 ta’ Jannar 2018 u li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jista’ jibqa’ jitqiegħed fis-suq sakemm tittieħed deċiżjoni skont l-Artikoli 10 sa 12 jew l-Artikoli 14 sa 19 ta’ dan ir-Regolament wara li applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ ikel ġdid jew notifika ta’ ikel tradizzjonali minn pajjiż terz tiġi sottomessa sad-data speċifikata fir-regoli ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 13 jew 20 ta’ dan ir-Regolament rispettivament, iżda mhux aktar tard mit-2 ta’ Jannar 2020”.

 Id-dritt Franċiż

13      L-Artikolu L. 218‑5‑4 tal-code de la consommation (il-Kodiċi dwar il-Konsum), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fis‑27 ta’ Jannar 2016, kien jipprovdi:

“Jekk jiġi stabbilit li prodott tqiegħed fis-suq mingħajr ma kien is-suġġett tal-awtorizzazzjoni, tar-reġistrazzjoni jew tad-dikjarazzjoni meħtieġa mil-leġiżlazzjoni applikabbli għal dan il-prodott, il-Kummissarju jew, f’Pariġi, il-Kummissarju tal-Pulizija jista’ jordna s-sospensjoni tat-tqegħid fis-suq tiegħu u tal-irtirar tiegħu sakemm ikun konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14      Meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, Entoma kienet tikkummerċjalizza prodotti li jikkonsistu f’dud tad-dqiq, ġurati u grilli ppreparati u intiżi għall-konsum mill-bniedem fil-forma ta’ insetti sħaħ.

15      Permezz ta’ ordni tas‑27 ta’ Jannar 2016, il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ Pariġi ssospenda t-tqegħid fis-suq tal-insetti sħaħ ikkummerċjalizzati minn Entoma, għar-raġuni, b’mod partikolari, li din tal-aħħar ma kellhiex l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq prevista mir-Regolament Nru 258/97, u ordna l-irtirar ta’ dawn l-insetti mis-suq sal-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni, maħruġa wara evalwazzjoni intiża li turi li dawn il-prodotti ma kienu jippreżentaw ebda perikolu għall-konsumatur.

16      Entoma ppreżentat rikors intiż għall-annullament ta’ din l-ordni quddiem it-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi, Franza). Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, din tal-aħħar ċaħdet dan ir-rikors.

17      Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, il-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) ċaħdet l-appell ippreżentat minn Entoma, billi ddeċidiet li l-imsemmija ordni kienet ittieħdet legalment abbażi tal-Artikolu L. 218‑5‑4 tal-Kodiċi dwar il-Konsum.

18      Entoma għalhekk appellat fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza). Insostenn tal-appell tagħha, hija argumentat b’mod partikolari li l-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi) kienet wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-prodotti li hija kienet tikkummerċjalizza kienu suġġetti għar-Regolament Nru 258/97, filwaqt li, peress li jikkonsistu f’insetti sħaħ intiżi li jiġu kkonsmati bħala tali, dawn kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. B’mod iktar preċiż, hija tikkritika lill-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi) li adottat interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 1(2)(e) tal-imsemmi regolament, sa fejn din id-dispożizzjoni kienet tkopri espressament biss “ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem [annimali]” u mhux l-annimali sħaħ. F’dan ir-rigward, Entoma targumenta, billi tibbaża ruħha fuq il-premessa 8 tar-Regolament 2015/2283, li l-inklużjoni tal-insetti sħaħ fil-kategorija ta’ “ikel ġdid”, li tirriżulta mill-Artikolu 3(2)(a)(v) tar-Regolament 2015/2283, ma tippreċiżax id-definizzjoni preċedenti li kienet limitata għall-partijiet biss ta’ annimali, iżda temenda l-portata tagħha biż-żieda tad-definizzjoni preċedenti. Hija tiddeduċi minn dan li l-prodotti tal-ikel li hija kienet tikkummerċjalizza kienu tqiegħdu fis-suq legalment qabel l‑1 ta’ Jannar 2018 u li, għalhekk, huma kienu jgawdu mill-miżuri tranżitorji previsti fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2015/2283 li kienu jippermettu li jinżammu fis-suq bil-kundizzjoni li jkunu s-suġġett, qabel it‑2 ta’ Jannar 2020, ta’ talba għal awtorizzazzjoni bħala “ikel ġdid” jew ta’ notifika bħala ikel tradizzjonali suġġett għall-iskema ddefinita minn dan ir-regolament.

19      Il-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi jargumenta li ma kien hemm ebda raġuni sanitarja li teskludi t-tqegħid fis-suq ta’ insetti sħaħ mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 258/97, peress li l-konsum ta’ insetti sħaħ jippreżenta l-istess riskji għas-saħħa tal-konsumatur bħal dak ta’ ingredjenti iżolati tal-ikel minn annimali.

20      Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) qies li, fid-dawl tal-possibbiltajiet ta’ interpretazzjoni differenti tal-kliem tar-Regolament Nru 258/97, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 1(2)(e) ta’ dan ir-regolament għandux jiġi interpretat bħala li jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ikel ikkostitwit minn annimali sħaħ intiżi li jiġu kkonsmati bħala tali jqajjem diffikultà serja ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

21      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament [Nru 258/97] għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jinkludi ikel magħmul minn annimali sħaħ intiż sabiex jiġi kkonsmat bħala tali jew dan japplika biss għal ingredjenti tal-ikel iżolati minn insetti?”

 Fuq id-domanda preliminari

22      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 258/97 għandux jiġi interpretat fis-sens li insetti sħaħ intiżi għall-konsum mill-bniedem jikkostitwixxu “ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem [annimali]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li, għaldaqstant, huma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

23      Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li din id-domanda hija rilevanti biss fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 258/97, li kien applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, ir-Regolament 2015/2283, li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 258/97 mill‑1 ta’ Jannar 2018, jipprevedi espressament li l-annimali sħaħ, inklużi l-insetti sħaħ, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (premessa 8 u Artikolu 3(2)(a)(v) tar-Regolament 2015/2283).

24      Sabiex tingħata risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, konformement mal-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 258/97 għandu bħala għan it-tqegħid fis-suq ta’ ikel ġdid u ta’ ingredjenti tal-ikel ġodda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Davitas, C‑448/14, EU:C:2016:839, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 258/97 huwa intiż li jistabbilixxi l-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari billi jiddefinixxi xi jfissru “ikel ġdid u ingredjenti tal-ikel ġodda”. Mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jsegwi li, sabiex jiġu kklassifikati bħala “ġodda” fis-sens ta’ dan ir-regolament, l-ikel jew l-ingredjenti tal-ikel għandhom jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Minn naħa, huwa meħtieġ li l-konsum mill-bniedem ta’ dan l-ikel jew ingredjenti tal-ikel ma kienx “fi grad sinifikanti” fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, dawn għandhom jaqgħu f’waħda mill-kategoriji msemmija espressament fl-Artikolu 1(2)(ċ) sa (f) tal-istess regolament (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Davitas, C‑448/14, EU:C:2016:839, punti 18 sa 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ma hijiex qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ewwel kundizzjoni li jagħmel l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 258/97 sabiex jikklassifika l-insetti sħaħ intiżi għall-konsum mill-bniedem bħala “ikel ġdid u ingredjenti tal-ikel ġodda”, jiġifieri dik li l-konsum mill-bniedem ta’ insetti ma kienx “fi grad sinifikanti” fl-Unjoni qabel il‑15 ta’ Mejju 1997.

27      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju għandha xi dubji dwar l-applikazzjoni tat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 258/97. B’mod iktar konkret, hija tixtieq tkun taf jekk jistax jitqies li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta mill-fatt li l-insetti sħaħ jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ikel ġdid u ingredjenti tal-ikel ġodda” sa fejn dawn jistgħu jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji ddefiniti fl-Artikolu 1(2)(ċ) sa (f) tal-imsemmi regolament, u b’mod iktar partikolari taħt dik imsemmija fil-punt (e) ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li tagħmel riferiment għal “ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem [annimali]”.

28      F’dan ir-rigward, hemm lok, qabelxejn, li jiġi rrilevat li l-kliem “ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem [annimali]” ma huwiex iddefinit mir-Regolament Nru 258/97.

29      Bħalma jsegwi minn ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li fir-rigward tagħhom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha ssir konformement mas-sens normali tagħhom fil-lingwa kurrenti, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2016, Davitas, C‑448/14, EU:C:2016:839, punt 26, u tas‑26 ta’ Ottubru 2017, The English Bridge Union, C‑90/16, EU:C:2017:814, punt 18).

30      Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-sens normali tal-espressjoni “ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem [annimali]” fil-lingwa kurrenti, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li ma huwiex ikkontestat li l-kelma “bhejjem [annimali]” għandha tinftiehem fis-sens li tinkludi l-insetti, l-użu tal-kliem “ingredjenti ta’ l-ikel”, assoċjati mal-espressjoni “iżolati mill-bhejjem [annimali]”, iwassal sabiex jitqies li s-sens normali li għandu jingħata lil din l-espressjoni fil-lingwa kurrenti huwa li huma biss l-ingredjenti tal-ikel komposti minn partijiet tal-annimali, bl-esklużjoni tal-annimali (u għaldaqstant tal-insetti) sħaħ, li kienu koperti mill-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 258/97.

31      Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-kliem “ingredjenti ta’ l-ikel”, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 258/97 ma jiddefinixxix il-kelma “ingredjent”. Madankollu, din il-kelma, irrispettivament mil-lingwa uffiċjali użata, tagħmel riferiment, b’mod ġenerali, għal element li jagħmel parti minn prodott finali kompost ikbar, essenzjalment, “prodotti tal-ikel” (jew “ikel”). Konsegwentement, bħala prinċipju, ingredjent ma huwiex prodott intiż li jiġi kkonsmat fih innifsu, iżda pjuttost sustanza jew prodott li għandu jiġi miżjud ma’ sustanzi oħrajn sabiex jikkostitwixxi ikel.

32      Għaldaqstant, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jidhirx li l-annimali sħaħ jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ingredjent”, peress li dawn jikkostitwixxu “prodotti tal-ikel” u mhux “ingredjent tal-ikel”. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata impliċitament, iżda neċessarjament, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 258/97, li jagħmel distinzjoni ċara bejn il-“prodotti tal-ikel” (jew “ikel”) u l-“ingredjenti ta’ l-ikel”, filwaqt li juża biss il-kliem “ingredjenti ta’ l-ikel” meta jagħmel riferiment għall-annimali.

33      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tikkorrispondi wkoll, essenzjalment, mad-definizzjoni tal-kelma “ingredjent” adottata f’dispożizzjonijiet leġiżlattivi oħrajn tal-Unjoni dwar l-ikel, bħal dik prevista fl-Artikolu 2(2)(f) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18, rettifiki fil-ĠU 2014, L 331, p. 40, u fil-ĠU 2016, L 266, p. 7).

34      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-espressjoni “iżolati mill-”annimali, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 37 u 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, din tagħmel riferiment għal proċess ta’ estrazzjoni mill-annimal. Għalhekk, l-ebda interpretazzjoni tagħha ma tista’ twassal li tindika annimal sħiħ, sakemm wieħed ma kellux joħloq tawtoloġija, fejn l-annimali sħaħ huma “iżolati minn” annimali sħaħ.

35      Barra minn hekk, din l-espressjoni hija distinta b’mod ċar, fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, mill-kliem “li jikkonsistu fi”, li l-portata tagħhom hija usa’, li jinsabu fl-Artikolu 1(2)(d) u (e) tar-Regolament Nru 258/97, meta l-kategoriji tal-ikel ikkonċernati jaqgħu taħt “pjanti”, “mikro-organiżmi”, “fungi” jew “alka”, u li jippermettu li jiġi inkluż ikel kompost minn ħaġa waħda (pereżempju “pjanta” sħiħa). F’dan ir-rigward, ir-Regolament 2015/2283 jinkludi l-annimali sħaħ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, meta huwa jagħmel riferiment għall-“ikel li jikkonsisti minn, annimali jew mill-partijiet tagħhom”.

36      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li l-espressjoni “ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem [annimali]” għandha sens ċar u preċiż. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 258/97 ma tkoprix l-“annimali sħaħ” u, minħabba dan il-fatt, ma tinkludix l-insetti sħaħ.

37      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni hija koerenti kemm mal-kuntest li tidħol fih kif ukoll mal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 258/97.

38      F’dan ir-rigward, għandu, qabelxejn, jiġi osservat, bħalma l-Kummissjoni tindika fl-osservazzjonijiet tagħha, li ma jidhirx li, billi uża l-kelma “bhejjem [annimali]”, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jkopri speċifikament l-insetti u lanqas li kellu f’moħħu r-riskji li jġib il-konsum tagħhom. Fil-fatt, jidher li, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 258/97, huwa ddeċieda li jirregola biss il-prodotti li huwa antiċipa, fl‑1997, it-tqegħid fis-suq tagħhom. Issa, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 45 sa 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-użu ta’ insetti fl-industrija tal-ikel huwa fenomenu relattivament reċenti u, bħalma jsegwi mill-premessa 8 tar-Regolament 2015/2283, huwa preċiżament fid-dawl tal-“[i]żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi li seħħew mill-1997” li l-imsemmi leġiżlatur iddeċieda fl‑2015, bl-adozzjoni tar-Regolament 2015/2283, li “jiġu riveduti, iċċarati u aġġornati l-kategoriji tal-ikel li jikkostitwixxu ikel ġdid” u li jinkludi espliċitament “l-insetti sħaħ u l-partijiet tagħhom”.

39      Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-Regolament Nru 258/97 isegwi għan doppju li jikkonsisti f’li jiżgura l-funzjonament tas-suq intern tal-ikel ġdid u li jipproteġi s-saħħa pubblika kontra r-riskji li dan jista’ jikkawża (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Davitas, C‑448/14, EU:C:2016:839, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fir-rigward tal-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, bħalma argumentaw il-Gvern Franċiż u dak Taljan fl-osservazzjonijiet tagħhom, ċertament jista’ jidher illoġiku, minn perspettiva sanitarja, li wieħed ikun irid jissuġġetta għal-leġiżlazzjoni l-ingredjenti tal-ikel iżolati minn insetti, filwaqt li jiġu esklużi l-insetti sħaħ, sa fejn insett sħiħ huwa kompost mill-partijiet kollha tiegħu u li l-insett sħiħ, bħall-partijiet tiegħu, huwa maħsub li jiġi inġestit mill-konsumatur, li jista’ jkollu, għalhekk, l-istess riskji mill-perspettiva tas-saħħa pubblika.

41      Madankollu, tali argument, ibbażat fuq wieħed miż-żewġ għanijiet tar-Regolament Nru 258/97, ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġġustifika interpretazzjoni estensiva tal-kliem inekwivokabbli “iżolati mill-bhejjem [annimali]” li għandu bħala effett li l-“annimali sħaħ” jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

42      Minn naħa, bħalma jsegwi mill-punti 30 sa 36 ta’ din is-sentenza, is-sens normali fil-lingwa kurrenti tal-kliem “iżolati mill-bhejjem [annimali]” li jinsab fl-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 258/97, li huwa barra minn hekk l-istess fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, iwassal sabiex jiġi kkonstatat li dan il-kliem ma jinkludix manifestament fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-annimali sħaħ. Issa, bħalma rrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-formulazzjoni ċara ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax bħala prinċipju tiġi kkontestata b’interpretazzjoni teleoloġika tal-imsemmija dispożizzjoni li twassal sabiex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li huwa l-kompitu biss tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiddeċiedi.

43      Fil-fatt, bħalma rrileva wkoll l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 72 u 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali interpretazzjoni ma tistax tmur contra legem. Tali limitu, li mingħajr ebda dubju jissodisfa r-rekwiżit taċ-ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà tad-dritt, ġie barra minn hekk irrikonoxxut fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali (sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 100, u tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44      Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, interpretazzjoni li twassal li jiġu esklużi l-annimali sħaħ, bħall-insetti, mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 258/97 ma tikkompromettix fiha nnifisha l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Fil-fatt, bħalma jsegwi mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, iċ-ċirkustanza li l-insetti sħaħ ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament timplika biss nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni tal-kundizzjonijiet tat-tqegħid tagħhom fis-suq, u, għaldaqstant, li ebda notifika jew awtorizzazzjoni ma jkunu meħtieġa skont l-imsemmi regolament. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni u sa fejn jibqa’ jkun hemm inċertezzi, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu dwar il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni li huma għandhom l-intenzjoni li jiżguraw u dwar il-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-ikel, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2010, Solgar Vitamin’s France et, C‑446/08, EU:C:2010:233, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-fatt li l-insetti sħaħ ikunu eżentati mill-evalwazzjoni ta’ innokwità prevista mir-Regolament Nru 258/97 ma jeskludix il-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprevedu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom li l-eventwalità ta’ perikolu għas-saħħa pubblika li jista’ jkollhom insetti sħaħ kellha tkun is-suġġett ta’ tali evalwazzjoni.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 258/97 għandu jiġi interpretat fis-sens li ikel kompost minn annimali sħaħ intiżi li jiġu kkonsmati bħala tali, inklużi insetti sħaħ, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda tal-ikel, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 596/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li ikel kompost minn annimali sħaħ intiżi li jiġu kkonsmati bħala tali, inklużi insetti sħaħ, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.