Language of document : ECLI:EU:T:2015:241

Kawża T‑470/11

Total SA

u

Elf Aquitaine SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni – Suq tal-metakrilati – Multi – Responsabbiltà in solidum ta’ kumpanniji parent u tas-sussidjarja tagħhom għall-aġir ta’ ksur ta’ din tal-aħħar – Ħlas immedjat u sħiħ tal-multa mis-sussidjarja – Tnaqqis tal-ammont tal-multa tas-sussidjarja wara sentenza tal-Qorti Ġenerali – Ittri tal-Kummissjoni li jeżiġu mill-kumpanniji parent il-ħlas tas-somma rrimborsata minnha lis-sussidjarja, miżjuda bl-interessi moratorji – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Ammissibbiltà – Interessi moratorji”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tad-29 ta’ April 2015

1.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Atti li jbiddlu s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent – Ittra tal-Kummissjoni li teżiġi l-ħlas ta’ multa imposta in solidum fuq diversi kumpanniji, flimkien mal-interessi moratorji, wara r-rimbors parzjali tal-multa lil waħda mill-kumpanniji responsabbli in solidum, li ħallset il-multa inizjali kollha – Inammissibbiltà tar-rikors li jipprevedi l-ammont prinċipali tal-multa u ammissibbiltà fir-rigward tal-obbligu ta’ ħlas tal-interessi moratorji

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Motiv imressaq għall-ewwel darba fil-kuntest tal-osservazzjonijiet fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(c))

3.      Kompetizzjoni – Multi – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Portata – Setgħa ta’ stabbiliment tal-modalitajiet ta’ ħlas tal-multi – Impożizzjoni ta’ interessi moratorji – Portata – Multa imposta in solidum fuq diversi kumpanniji u mħallsa kompletament minn waħda minnhom għan-nom ta’ kollha – Applikazzjoni tal-interessi moratorji fil-konfront tal-kumpanniji l-oħra responsabbli in solidum, wara t-tnaqqis u r-rimbors parzjali tal-multa fir-rigward tal-kumpannija li ħallsitha inizjalment – Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

1.      Jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu l-pożizzjoni legali tiegħu b’mod sinjifikattiv, il-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali. Sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura tistax tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, wieħed għandu jiffoka fuq is-sustanza tal-miżura li tagħha qed jintalab l-annullament, peress li l-forma li biha din tkun ġiet adottata hija, fil-prinċipju, irrilevanti.

F’dan ir-rigward, ittri tal-Kummissjoni li jitolbu lil kumpanniji parent li jħallsu multi li ġew imposti fuqhom in solidum mas-sussidjarji tagħhom għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, wara t-tnaqqis u r-rimbors parzjali ta’ dawn il-multi fir-rigward tas-sussidjarja li inizjalment ħallsithom, jipproduċu effetti legali vinkolanti sa fejn dawn jiddeterminaw b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni u jistgħu jiġu eżegwiti b’mod sfurzat.

Madankollu, rikors għal annullament ippreżentat kontra dawn l-ittri huwa inammissibbli sa fejn dan huwa intiż kontra l-ammonti prinċipali tal-multi, peress li s-sitwazzjoni legali tal-kumpanniji parent baqgħet ma nbidlitx f’dan ir-rigward. Madankollu, peress li tali ittri jeħtieġu l-ħlas tal-interessi moratorji, dawn jibdlu s-sitwazzjoni legali tal-kumpanniji parent, li ma kinux preċedentement marbuta b’tali interessi, peress li s-sussidjarja tagħhom kienet ħallset malajr il-multa inizjali dovuta in solidum. F’dan ir-rigward, dawn l-ittri jistgħu, għalhekk, ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament.

(ara l-punti 73, 74, 82, 83, 95, 96, 99, 101)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 107)

3.      Is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tinkludi l-fakultà li tiddetermina d-data ta’ eżiġibbiltà tal-multa u dik tad-dekorrenza tal-interessi moratorji, li tiffissa r-rata ta’ dawn l-interessi u li tiddeċiedi l-modalitajiet tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tagħha billi teżiġi, fejn applikabbli, il-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja li tkopri l-ammont prinċipali u l-interessi tal-multa imposta, ladarba, fl-assenza ta’ tali setgħa, il-vantaġġ li l-impriżi jistgħu jiksbu mill-ħlas tardiv tal-multi jkollu l-effett li jdgħajjef is-sanzjonijiet imposti mill-Kummissjoni fl-ambitu tal-funzjoni, mogħtija lilha, li tiżgura l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni.

L-applikazzjoni tal-interessi moratorji għall-multi hija ġġustifikata sabiex jiġi evitat li l-effett utli tat-trattat jingħeleb permezz ta’ prattiki implementati unilateralment minn impriżi li jdumu ma jħallsu l-multi li għalihom ikunu ġew ikkundannati. B’mod ġenerali, l-interessi moratorji għandhom il-funzjoni unika li jikkumpensaw għad-dewmien subit mill-kreditur fil-ħlas ta’ dejn pekunjarju, peress li ċ-ċaħda minn somma ta’ flus hija dejjem ta’ ħsara.

Fid-dawl ta’ din il-funzjoni, il-Kummissjoni ma tistax, korrettament, teżiġi l-interessi moratorji fir-rigward ta’ multa imposta in solidum fuq diversi kumpanniji, fejn il-multa tkun tħallset malajr u kompletament minn waħda mill-kumpanniji responsabbli għan-nom tal-kumpanniji kollha, iżda kellha tiġi parzjalment irrimborsata wara t-tnaqqis tal-multa fir-rigward tal-kumpannija li tkun ħallsitha. F’ċirkustanzi bħal dawn, ħlas tard min-naħa tal-kumpanniji responsabbli jikkostitwixxi inadempjenza.

F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li l-kumpannija li ħallset il-multa inizjali tkun għamlitha ċara li kienet qiegħda tħallas ukoll għan-nom ta’ kumpanniji oħra responsabbli in solidum, mingħajr ma huwa indispensabbli li hija tagħmel dikjarazzjoni ta’ ħlas komuni mitluba mill-Kummissjoni.

(ara l-punti 109-113, 115, 116)