Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Settembru 2021 – Bastion Holding et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-513/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Bastion Holding BV (Amsterdam, il-Pajjiżi Baxxi) u 35 rikorrent ieħor (rappreżentant: B. Braeken, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 4735 final tat-22 ta’ Ġunju 2021 fil-każ ta’ għajnuna mill-Istat SA.63257 (2021/N) – il-Pajjiżi l-Baxxi COVID-19: Ir-raba’ emenda għall-iskema ta’ sussidji diretti għall-appoġġ tal-ispejjeż fissi tal-impriżi affettwati mill-firxa tal-COVID 19 (emendi għal SA.57712, SA.59535, SA.60166, SA.62241);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma tatx bidu għal proċedura formali ta’ investigazzjoni billi ddeċidiet b’mod żbaljat li l-miżura ta' għajnuna mill-Istat ma tqajjem l-ebda dubju dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

Huma jsostnu li l-miżura ta’ għajnuna mill-Istat tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, peress li ma hijiex adatta li tilħaq l-għan tagħha u sproporzjonata għal dak l-għan.

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-miżura ta’ għajnuna mill-Istat hija sproporzjonata għall-għan li hija tfittex li tikseb. L-iskema attwali tmur lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jiġi evitat in-nuqqasijiet ta’ likwidità li jiffaċċjaw l-SMEs u sabiex jiġu mgħejjuna l-ispejjeż fissi tagħhom. Fil-fatt, l-ammont sproporzjonat mogħti lill-SMEs jippermettilhom ikunu aktar kompetittivi minħabba li ma humiex limitati mill-ispejjeż fissi tagħhom. Barra minn hekk, l-SMEs li rċevew għajnuna huma marbuta inqas mir-rikorrenti sabiex iduru għall-fondi tagħhom stess sabiex jibqgħu kompetittivi. Ir-rikorrenti huma eliġibbli biss għal ammont massimu ta’ EUR 1 200 000 b’kollox sabiex iħaddmu tlieta u tletin lukanda. Ħafna mill-kompetituri ta’ Bastion huma eliġibbli għal għajnuna li tista’ titla’ sa EUR 550 000 għal kull lukanda individwali taħt l-iskema attwali sempliċement għax huma konċessjonarji u/jew għax jissottokuntrattaw bosta servizzi relatati mal-lukandi lil impriżi oħra u għandhom inqas flus fil-karti tal-bilanċ tagħhom. Il-miżura tal-għajnuna mill-Istat għaldaqstant tagħti ammont komparattivament ħafna ogħla ta’ għajnuna mill-Istat lill-impriżi kklassifikati bħala SMEs mill-ammont mogħti lill-impriżi l-kbar, minkejja l-fatt li l-impriżi l-kbar għandhom spejjeż fissi sostanzjament ikbar u telf (relattivament) ogħla ta’ dħul mill-bejgħ. Dan jagħti lill-SMEs vantaġġ kompetittiv inġust imqabbel ma’ kumpaniji kbar bħar-rikorrenti.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-miżura ta’ għajnuna mill-Istat ma hijiex xierqa għall-għan li hija ssegwi, li huwa li tirrimedja tfixkil serju fl-ekonomija Olandiża billi tikkumpensa l-ispejjeż fissi tal-impriżi li batew telf ta’ 30 % fid-dħul mill-bejgħ minħabba l-firxa tal-COVID-19 u l-miżuri tal-gvern imposti sussegwentement. L-ammont massimu tal-għajnuna ma huwiex xieraq sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-miżura ta’ għajnuna mill-Istat. Il-miżura tal-għajnuna mill-Istat tagħti massimu ta’ EUR 1 200 000 lill-impriżi l-kbar. Ammont bħal dan ma huwiex biżżejjed sabiex jirrimedja tfixkil serju fl-ekonomija Olandiża billi jiżgura li n-negozji jibqgħu ekonomikament vijabbli. B’mod partikolari għall-impriżi l-kbar, bħar-rikorrenti, dan l-ammont massimu ta’ EUR 1 200 000 ma huwiex biżżejjed sabiex jirrimedja b’mod effettiv għat-telf tad-dħul mill-bejgħ li batew bħala riżultat tat-tixrid tal-COVID-19.

B’mod partikolari, l-iskema attwali huwa, fil-fehma tar-rikorrenti, mhux xierqa sabiex tindirizza t-tfixkil fil-qasam tal-lukandi. Kif tenfasizza bosta riċerka internazzjonali u nazzjonali, il-qasam tal-lukandi huwa wieħed mis-setturi li l-iktar intlaqat b’mod sever mill-firxa tal-COVID-19 u l-miżuri stretti governattivi li segwew. It-tnaqqis medju tad-dħul mill-bejgħ fis-setturi tal-akkomodazzjoni u l-ikel huwa ogħla ħafna minn dak f’setturi oħra. It-tnaqqis medju fid-dħul mill-bejgħ fis-setturi tas-servizzi tal-akkomodazzjoni u l-ikel tela’ għal 33.9 % fl-2020, filwaqt li d-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti naqas b’60 % fit-tieni kwart tal-2021 imqabbel mat-tieni kwart tal-2019. Ir-rikorrenti, peress li huma impriża kbira, b’hekk sofrew telf ta’ dħul mill-bejgħ sinjifikattivament ogħla mit-telf ta’ dħul mill-bejgħ li batew l-impriżi attivi fil-qasam (diġà) l-iktar affettwat ħażin tal-akkomodazzjoni u l-ikel. Il-miżura tal-għajnuna mill-Istat bl-ebda mod ma tieħu dan inkunsiderazzjoni. Minflok, tapplika sistema waħda għal kulħadd li ovvjament ma hijiex xierqa għas-sitwazzjoni kumplessa ħafna.

It-tieni motiv, ibbażat fuq difetti proċedurali tal-Kummissjoni, billi d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata biżżejjed.

It-tieni motiv ta’ annullament huwa bbażat fuq allegati irregolaritajiet proċedurali fid-deċiżjoni kkontestata. Huwa sostnut li dik id-deċiżjoni ma hijiex motivata biżżejjed, peress li ma tittrattax (il-ġustifikazzjoni għad-) differenza sproporzjonata fl-għajnuna massima bejn l-SMEs u l-kumpanniji kbar fi kwalunkwe forma li tkun. Ma tindirizzax ukoll jekk miżura nnifisha hijiex xierqa jew jekk l-SMEs setgħux jibbenefikaw minn għajnuna taħt żewġ miżuri ta’ għajnuna preċedenti. Bid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għalhekk ma ħallietx lir-rikorrenti jkunu jafu r-raġunijiet għaliex il-miżura ta’ għajnuna mill-Istat tqieset kompatibbli mas-suq intern. Dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 296 TFUE.

____________