Language of document : ECLI:EU:C:2017:376

Opinjoni 2/15

Opinjoni mogħtija bis-saħħa tal-Artikolu 218(11) TFUE

“Opinjoni mogħtija bis-saħħa tal-Artikolu 218(11) TFUE – Ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor – Ftehim ‘ġenerazzjoni l-ġdida’ innegozjat wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattati UE u FUE – Kompetenza sabiex jiġi konkluż il-ftehim – Artikolu 3(1)(e) TFUE – Politika kummerċjali komuni – Artikolu 207(1) TFUE – Kummerċ ta’ merkanzija u ta’ servizzi – Investiment barrani dirett – Kuntratti pubbliċi – Aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali – Kompetizzjoni – Kummerċ mal-Istati terzi u żvilupp sostenibbli – Protezzjoni soċjali tal-ħaddiema – Protezzjoni tal-ambjent – Artikolu 207(5) TFUE – Servizzi fil-qasam tat-trasport – Artikolu 3(2) TFUE – Ftehim internazzjonali li jista’ jaffettwa regoli komuni jew ibiddel il-portata tagħhom – Regoli ta’ dritt idderivat tal-Unjoni fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport – Investiment barrani li ma huwiex dirett – Artikolu 216 TFUE – Ftehim meħtieġ sabiex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet tat-Trattati – Moviment ħieles tal-kapital u tal-pagamenti bejn Stati Membri u Stati terzi – Suċċessjoni ta’ trattati fil-qasam tal-investiment – Sostituzzjoni ta’ ftehimiet ta’ investiment bejn Stati Membri u r-Repubblika ta’ Singapor – Dispożizzjonijiet istituzzjonali tal-ftehim – Riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn investituri u Stati – Riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn il-partijiet”

Sommarju – Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (Qorti Plenarja) tas‑16 ta’ Mejju 2017

1.        Politika kummerċjali komuni – Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Kompetenza sabiex jiġu konklużi ftehimiet dwar il-kummerċ ta’ merkanzija u ta’ servizzi – Portata – Ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor – Dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-moviment ħieles ta’ merkanzija jew li jawtorizzaw miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ – Inklużjoni

(Artikoli 3(1)(e) TFUE u 207(1) TFUE)

2.        Politika kummerċjali komuni – Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Portata – Issuġġettar tal-ftehimiet fil-qasam tat-trasport għas-sistema tal-politika komuni tat-trasport – Suġġett

(Artikoli 3(1)(e) TFUE u 207(5) TFUE)

3.        Politika kummerċjali komuni – Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Portata – Issuġġettar tal-ftehimiet fil-qasam tat-trasport għas-sistema tal-politika komuni tat-trasport – Inapplikabbiltà fil-każ ta’ ftehim dwar servizzi li ma għandhomx rabta intrinsika ma’ servizz ta’ trasport – Impenji dwar servizzi tat-tiswija u tal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru u dwar il-modi ta’ parteċipazzjoni fil-kuntratti pubbliċi ta’ servizzi ta’ trasport – Assenza ta’ rabta intrinsika ma’ servizz ta’ trasport – Kompetenza esklużiva tal-Unjoni

(Artikoli 3(1)(e) TFUE u 207(5) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/123, premessa 33)

4.        Politika kummerċjali komuni – Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Kompetenza sabiex jiġu konklużi ftehimiet dwar investiment barrani dirett – Portata – Limiti

(Artikoli 3(1)(e) TFUE u 207(1) TFUE)

5.        Politika kummerċjali komuni – Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Kompetenza sabiex jiġu konklużi ftehimiet dwar investiment barrani dirett – Portata – Ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor – Standards fil-qasam ta’ protezzjoni tal-investiment dirett – Inklużjoni

(Artikolu 207(1) TFUE)

6.        Unjoni Ewropea – Skemi ta’ proprjetà – Prinċipju ta’ newtralità – Applikazzjoni tar-regoli fundamentali tat-Trattat – Konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jillimita l-possibbiltà għall-Istati Membri li jinnazzjonalizzaw jew li jesproprjaw l-investiment imwettaq miċ-ċittadini ta’ Stat terz – Ksur tal-prinċipju ta’ newtralità – Assenza

(Artikolu 345 TFUE)

7.        Politika kummerċjali komuni – Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Kompetenza sabiex jiġu konklużi ftehimiet dwar l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali – Portata – Ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor – Dispożizzjonijiet li jfakkru l-obbligi internazzjonali eżistenti u li jiżguraw livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali – Inklużjoni

(Artikolu 207(1) TFUE)

8.        Politika kummerċjali komuni – Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Kompetenza sabiex jiġu konklużi ftehimiet intiżi għall-uniformizzazzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni – Portata – Ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor – Dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-attivitajiet antikompetitittivi u kontra l-konċentrazzjonijiet – Inklużjoni

(Artikolu 207(1) TFUE)

9.        Politika kummerċjali komuni – Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Obbligu ta’ eżerċizzju b’osservanza tal-prinċipji u tal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni – Portata

(Artikoli 3(5) TUE u 21(1) sa (3) TUE; Artikoli 9 TFUE, 11 TFUE, 205 TFUE u 207(1) TFUE)

10.      Politika kummerċjali komuni – Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Obbligu ta’ eżerċizzju b’osservanza tal-prinċipji u tal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni – Ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor – Impenji intiżi li jiżguraw l-osservanza tal-obbligi internazzjonali fil-qasam ta’ protezzjoni soċjali tal-ħaddiema u ta’ protezzjoni tal-ambjent – Eżistenza ta’ rabta speċifika mal-kummerċ bejn il-partijiet

(Artikoli 3(1)(e) TFUE u 207(1) TFUE)

11.      Politika kummerċjali komuni – Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Portata – Eżerċizzju sabiex jiġu rregolati l-livelli ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali tal-partijiet – Esklużjoni

(Artikoli 3(1)(d) u (e) u (2) TFUE, 4(2)(b) u (e) TFUE u 207(6) TFUE)

12.      Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Kompetenza esklużiva fir-rigward ta’ ftehim li jista’ jolqot regoli komuni jew ibiddel il-portata tagħhom – Ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor –Impenji li jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport marittimu, ferrovjarju u bit-triq – Impatt fuq ir-regoli previsti fir-Regolamenti Nru 4055/86, Nru 1071/2009, Nru 1072/2009 u Nru 1073/2009 u fid-Direttiva 2012/34

(Artikoli 3(2) TFUE u 216 TFUE; Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1071/2009, Nru 1072/2009 u Nru 1073/2009; Regolament tal-Kunsill Nru 4055/86; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2012/34)

13.      Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Kompetenza esklużiva fir-rigward ta’ ftehim li jista’ jolqot regoli komuni jew ibiddel il-portata tagħhom – Neċessità ta’ kontradizzjoni bejn ir-regoli komuni u l-ftehim maħsub – Assenza

(Artikoli 3(2) TFUE u 216 TFUE)

14.      Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Kompetenza esklużiva fir-rigward ta’ ftehim li jista’ jolqot regoli komuni jew ibiddel il-portata tagħhom – Neċessità ta’ verifika tar-riskju ta’ impatt fuq id-dispożizzjonijiet ta’ portata limitata tal-ftehim maħsub – Assenza

(Artikoli 3(2) TFUE u 216 TFUE)

15.      Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Kompetenza esklużiva fir-rigward ta’ ftehim li jista’ jolqot regoli komuni jew ibiddel il-portata tagħhom – Impatt tal-Protokolli Nru 21 u Nru 22 fuq il-pożizzjoni tar-Renju Unijt, tal-Irlanda u tad-Danimarka annessi mat-Trattati UE u FUE fir-rigward ta’ ftehim li ma jirrigwardax l-oqsma koperti mill-imsemmija protokolli – Assenza

(Artikoli 3(2) TFUE u 216 TFUE; Protokolli Nru 21 u Nru 22 annessi mat-Trattati UE u FUE)

16.      Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Kompetenza esklużiva fir-rigward ta’ ftehim li jista’ jolqot regoli komuni jew ibiddel il-portata tagħhom – Ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor –Dispożizzjonijiet li jkopru l-iżvolġiment tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Impatt fuq ir-regoli previsti fid-Direttivi 2014/24 u 2014/25

(Artikoli 3(2) TFUE u 216 TFUE; Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/24 u 2014/25)

17.      Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Kompetenza esklużiva fir-rigward ta’ ftehim li jista’ jolqot regoli komuni jew ibiddel il-portata tagħhom – Kunċett ta’ regoli komuni – Regoli tad-dritt primarju tal-Unjoni – Esklużjoni – Ftehimiet konklużi mill-Unjoni – Esklużjoni

(Artikoli 3(2) TFUE u 216 TFUE)

18.      Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Kompetenza esklużiva fir-rigward ta’ ftehim li jista’ jolqot regoli komuni jew ibiddel il-portata tagħhom – Portata – Ftehim fil-qasam tal-investiment barrani li ma huwiex dirett – Esklużjoni

(Artikoli 3(2) TFUE, 4(1) u (2)(a) TFUE, 63 TFUE u 216(1) TFUE)

19.      Politika kummerċjali komuni – Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Kompetenza sabiex jiġu konklużi ftehimiet dwar investiment barrani dirett – Portata – Ftehim li jinkludi dispożizzjoni li tipprevedi l-iskadenza tal-ftehimiet bilaterali ta’ investiment konklużi preċedentement mill-Istati Membri ma’ Stat terz – Inklużjoni

(Artikoli 2(1) TFUE u 207(1) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1219/2012)

20.      Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet bejn Stati Membri – Ftehimiet preċedenti għat-Trattat KE jew għall-adeżjoni ta’ Stat Membru – Osservanza tad-drittijiet u tal-obbligi relatati magħhom

(Artikolu 351 TFUE)

21.      Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Kompetenza sabiex fi ftehim jiġu previsti dispożizzjonijiet ta’ natura istituzzjonali – Portata – Stabbiliment ta’ sistema għar-riżoluzzjoni tat-tilwim li tippermetti lil ċittadin ta’ Stat terz ineħħi tilwima mill-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru – Esklużjoni – Kompetenza kondiviża tal-Unjoni u tal-Istati Membri

22.      Ftehimiet internazzjonali – Kompetenzi tal-Unjoni u tal-Istati Membri – Kompetenzi tal-Istati Membri fil-qasam ta’ proċedura amministrattiva u ġudizzjarja – Ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor – Impenji li jobbligaw lill-Unjoni u lill-Istati Membri josservaw il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Indħil fil-kompetenzi nazzjonali – Assenza

23.      Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Portata – Kreazzjoni ta’ qorti jew ta’ entità oħra kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq id-dispożizzjonijiet tal-ftehim – Inklużjoni


1.      Mill-Artikolu 207(1) TFUE, u b’mod partikolari mit-tieni sentenza tiegħu, li tipprovdi li l-politika kummerċjali komuni tagħmel parti mill-azzjoni esterna tal-Unjoni, jirriżulta li tali politika tirrigwarda l-kummerċ mal-Istati terzi. Att tal-Unjoni jaqa’ taħt din il-politika jekk jikkonċerna speċifikament dan il-kummerċ sa fejn ikun intiż essenzjalment li jinkoraġġixxih, jiffaċilitah jew jirregolah u jkollu effetti diretti u immedjati fuqu. Minn dan isegwi li huma biss dawk il-partijiet tal-ftehim previst li għandhom rabta speċifika mal-kummerċ bejn l-Unjoni u l-Istat terz ikkonċernat li jaqgħu taħt il-qasam tal-politika kummerċjali komuni.

Jaqa’ taħt din il-politika u, għaldaqstant, taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(1)(e) TFUE, il-Kapitolu Tnejn tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor, li jipprevedi li kull parti għandha tagħti trattament nondiskriminatorju lill-merkanzija mill-parti l-oħra u għandha tnaqqas jew telimina, skont l-impenji speċifiċi annessi ma’ dan il-kapitolu, id-dazji tagħha fuq l-importazzjoni u fuq l-esportazzjoni. Huwa jipprevedi wkoll li ebda parti ma għandha tadotta jew iżżomm fis-seħħ restrizzjonijiet mhux tariffarji fuq l-importazzjoni u fuq l-esportazzjoni tal-merkanzija. Għaldaqstant dan il-kapitolu huwa magħmul minn impenji tariffarji u kummerċjali rigward il-kummerċ ta’ merkanzija, fis-sens tal-Artikolu 207(1) TFUE. L-istess japplika għall-Kapitolu Tlieta tal-imsemmi ftehim, li jippreċiża l-modalitajiet sabiex kull parti tkun tista’, meta jkunu ssodisfatti r-rekwiżiti li jirriżultaw mir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, tadotta miżuri antidumping u ta’ kumpens kif ukoll miżuri ta’ salvagwardja dwar l-importazzjonijiet mill-parti l-oħra. Għaldaqstant dan il-kapitolu jirrigwarda miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ, fis-sens tal-Artikolu 207(1) TFUE.

Fir-rigward tal-Kapitoli Erbgħa u Ħamsa tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor, minnhom jirriżulta li, minn naħa, il-prodotti esportati minn parti għandhom jissodisfaw ir-regoli tekniċi u sanitarji previsti mill-parti li timportahom u, min-naħa l-oħra, li l-prodotti importati minn din tal-aħħar ma għandhomx ikunu suġġetti għal regoli diskriminatorji jew sproporzjonati meta mqabbla ma’ dawk li huma applikati għall-prodotti tagħha stess. Għaldaqstant, dawn il-kapitoli għandhom l-għan speċifiku li jiffaċilitaw il-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor. Il-Kapitolu Sitta tal-imsemmi ftehim jipprevedi li l-leġiżlazzjoni ta’ kull parti fil-qasam doganali għandha tkun nondiskriminatorja u li l-miżati u t-taxxi imposti għas-servizzi pprovduti mal-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ din il-merkanzija ma għandhomx jeċċedu l-ispiża approssimattiva ta’ dawn is-servizzi. Dan il-kapitolu għandu għalhekk l-għan essenzjali li jirregola u li jiffaċilita l-kummerċ ta’ merkanzija bejn il-partijiet.

Fir-rigward tal-Kapitolu Sebgħa tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor, dan għandu l-għan li jirregola u li jiffaċilita l-aċċess għas-suq fis-settur tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi mhux fossili u sostenibbli, mingħajr ma jistabbilixxi ebda regola ambjentali f’dan il-qasam. Intiż għaldaqstant li jiftaħ is-suq ta’ kull waħda mill-partijiet, dan il-kapitolu huwa wkoll ta’ natura li jkollu effett dirett u immedjat fuq il-kummerċ ta’ merkanzija u ta’ servizzi bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor fl-imsemmi settur. Għaldaqstant, huwa jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(1)(e) TFUE.

(ara l-punti 35‑37, 40‑47, 72‑74)

2.      Il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tapprova ftehim li jirrigwarda, inter alia, il-provvista ta’ servizzi fil-qasam tat-trasport, ma tistax taqa’ taħt l-Artikolu 3(1)(e) TFUE biss. Fil-fatt, dan il-qasam huwa eskluż mill-politika kummerċjali komuni permezz tal-Artikolu 207(5) TFUE, li jipprovdi li n-negozjati u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali fil-qasam tat-trasport jaqgħu taħt it-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE. Dan it-titolu jirrigwarda l-politika komuni tat-trasport.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 207(5) TFUE, li jikkorrispondi essenzjalment għat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 133(6) KE, huwa intiż li jżomm, fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali fis-servizzi tat-trasport, paralleliżmu fundamentali bejn il-kompetenza interna tal-Unjoni, li hija eżerċitata bl-adozzjoni unilaterali ta’ regoli tal-Unjoni, u l-kompetenza esterna tagħha, li topera permezz tal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, biż-żewġ kompetenzi jibqgħu, bħal qabel, taħt it-titolu tat-Trattat speċifikament dwar il-politika komuni tat-trasport.

(ara l-punti 56‑59)

3.      Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 207(5) TFUE, li jipprevedi l-esklużjoni tal-politika kummerċjali komuni mill-ftehimiet internazzjonali fil-qasam tat-trasport, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ servizzi fil-qasam tat-trasport, li ma jkoprix biss is-servizzi ta’ trasport bħala tali, iżda wkoll servizzi oħrajn sakemm, madankollu, dawn tal-aħħar ikunu intrinsikament marbuta mal-att fiżiku ta’ moviment ta’ persuni jew ta’ merkanzija minn post għal ieħor permezz ta’ mezz ta’ trasport.

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-impenji fil-Kapitolu Tmienja tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor, la s-servizzi tat-tiswija u tal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru li matulhom inġenju tal-ajru jiġi rtirat mis-servizz u lanqas is-servizzi ta’ bejgħ, ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ riżervazzjoni tas-servizzi tat-trasport bl-ajru, kemm jekk huma pprovduti mill-aġenziji tal-ivvjaġġar jew minn fornituri kummerċjali oħrajn, ma huma marbuta intrinsikament mat-trasport, fis-sens imsemmi iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-ewwel nett, is-servizzi tat-tiswija u tal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru li matulhom inġenju tal-ajru jiġi rtirat mis-servizz għandhom l-iktar l-iktar rabta mill-bogħod mal-att ta’ moviment tal-persuni jew tal-merkanzija minn post għal ieħor. It-tieni nett, fir-rigward tas-servizzi ta’ bejgħ, ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ riżervazzjoni ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru, mill-premessa 33 tad-Direttiva 2006/123, dwar is-servizzi fis-suq intern, jirriżulta li s-servizzi koperti minn din id-direttiva jinkludu wkoll l-aġenziji tal-ivvjaġġar li huma l-promoturi prinċipali ta’ tali servizzi. Peress li s-servizzi tat-tiswija u tal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru li matulhom inġenju tal-ajru jiġi rtirat mis-servizz, il-bejgħ jew il-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport bl-ajru kif ukoll is-servizzi ta’ sistema ta’ prenotazzjoni kompjuterizzata konsegwentement ma jaqgħux taħt l-Artikolu 207(5) TFUE, dawn jagħmlu parti mis-servizzi koperti mill-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

Bl-istess mod, fir-rigward tal-Kapitoli Għaxra tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor, dan għandu l-għan speċifiku li jiddetermina l-modi kif l-operaturi ekonomiċi ta’ kull parti jistgħu jipparteċipaw fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti organizzata mill-awtoritajiet pubbliċi tal-parti l-oħra. Peress li dawn il-modi huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet ta’ aċċess nondiskriminatorju, ta’ trasparenza u ta’ effikaċja, dawn huma ta’ natura li jkollhom effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ ta’ merkanzija u ta’ servizzi bejn il-partijiet. Il-Kapitolu Għaxra tal-imsemmi ftehim jaqa’, konsegwentement, taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(1)(e) TFUE, bla ħsara madankollu għall-kuntratti pubbliċi għal servizzi ta’ trasport marittimu internazzjonali, ta’ trasport ferrovjarju, ta’ trasport bit-triq u ta’ trasport fuq il-passaġġi tal-ilma interni, kif ukoll kuntratti pubbliċi għal servizzi marbuta intrinsikament ma’ dawn is-servizzi ta’ trasport, kif elenkati fil-punti 11 u 12 tal-appendiċi 8-A-1 u 8-B-1 kif ukoll fil-punti 16 u 17 tal-appendiċi 8-A-2 u 8-A-3 tal-annessi tal-Kapitolu Tmienja tal-imsemmi ftehim.

(ara l-punti 61, 66‑68, 76, 77)

4.      L-Artikolu 207(1) TFUE jipprevedi li l-atti tal-Unjoni fil-qasam ta’ investiment barrani dirett jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni. Minn dan isegwi li l-Unjoni għandha l-kompetenza esklużiva, skont l-Artikolu 3(1)(e) TFUE, sabiex tapprova kull impenn fil-konfront ta’ Stat terz dwar l-investiment magħmul minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ dan l-Istat terz fl-Unjoni u, viċe versa, li jagħti l-possibbiltà li jipparteċipaw effettivament fl-amministrazzjoni jew fil-kontroll ta’ kumpannija li teżerċita attività ekonomika.

L-użu, mill-awturi tat-Trattat FUE, tal-kliem “investiment barrani dirett” fl-Artikolu 207(1) TFUE, jesprimi mingħajr ambigwità r-rieda tagħhom li ma jinkludux investiment barrani ieħor fil-politika kummerċjali komuni. Għaldaqstant, għandu jitqies li impenji fil-konfront ta’ Stat terz dwar dan l-investiment ieħor ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(1)(e) TFUE.

Din id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni għal dak li jirrigwarda l-investiment barrani tirrifletti l-fatt li kull att tal-Unjoni li jippromwovi, jiffaċilita jew jirregola l-parteċipazzjoni, minn persuna fiżika jew ġuridika ta’ Stat terz fl-Unjoni u viċe versa, fl-amministrazzjoni jew fil-kontroll ta’ kumpannija li teżerċita attività ekonomika, huwa ta’ natura li jkollu effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ bejn dan l-Istat terz u l-Unjoni, filwaqt li ma hemmx rabta speċifika ma’ dan il-kummerċ fil-każ ta’ investiment li ma jwassalx għal tali parteċipazzjoni.

(ara l-punti 81‑84)

5.      Ir-regoli miftiehma bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor, fil-kuntest tal-Kapitolu Disgħa tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn dawn tal-aħħar, fil-qasam tal-protezzjoni tal-investiment dirett jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni meta dawn ikollhom rabta speċifika mal-kummerċ bejn l-Unjoni u dan l-Istat terz. Fil-fatt, l-Artikolu 207(1) TFUE jagħmel riferiment b’mod ġenerali għall-atti tal-Unjoni fil-qasam ta’ investiment barrani dirett, mingħajr ma jiddistingwi jekk humiex involuti atti intiżi għall-ammissjoni jew għall-protezzjoni tal-imsemmija investimenti.

F’dan ir-rigward, dawn l-impenji kollha ta’ “trattament mhux inqas favorevoli” u ta’ projbizzjonijiet ta’ trattament arbitrarju previsti fl-imsemmi Kapitolu Disgħa, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-isfruttament, iż-żieda u l-bejgħ, mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ta’ kull parti, tal-parteċipazzjonijiet tagħhom fil-kumpanniji li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi u li jinsabu fit-territorju tal-parti l-oħra, jikkontribwixxu għaċ-ċertezza legali tal-investituri. It-twaqqif ta’ tali qafas legali għandu l-għan li jippromwovi, li jiffaċilita u li jirregola l-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima A tal-Kapitolu Disgħa tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor, sa fejn dawn jirrigwardaw l-investiment dirett, huma ta’ natura li jkollhom effetti diretti u immedjati fuq dan il-kummerċ, sa fejn dawn jirrigwardaw l-ipproċessar tal-parteċipazzjonijiet tal-intraprendituri ta’ parti għall-ġestjoni jew għall-kontroll ta’ kumpanniji li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi fit-territorju tal-parti l-oħra.

(ara l-punti 87, 94, 95)

6.      L-Artikolu 345 TFUE jesprimi n-newtralità tal-Unjoni fir-rigward tas-sistemi ta’ proprjetà li jeżistu fl-Istati Membri, iżda ma għandux l-effett li jeżenta dawn is-sistemi mir-regoli fundamentali tal-Unjoni. Fir-rigward tal-Artikolu 9.6 tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor, li jistipula li ebda parti ma tista’ tinnazzjonalizza jew tesproprija l-investimenti inkwistjoni tal-investituri tal-parti l-oħra, jew tissuġġettahom għal miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal nazzjonalizzazzjoni jew esproprjazzjoni, ħlief meta dan jitwettaq għal raġunijiet ta’ interess pubbliku, dan ma jinkludi ebda impenn dwar is-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri. Huwa jirrifletti s-sempliċi fatt li, minkejja li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom fil-qasam tad-dritt dwar il-proprjetà u li konsegwentement ibiddlu s-sistema tal-proprjetà sa fejn tirrigwardahom, madankollu huma ma humiex meħlusa mill-osservanza ta’ dawn il-prinċipji u drittijiet fundamentali.

(ara l-punti 91, 107)

7.      Skont l-Artikolu 207(1) TFUE, il-politika kummerċjali komuni tinkludi l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali. L-impenji internazzjonali kkuntrattati mill-Unjoni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali jaqgħu taħt l-imsemmija aspetti kummerċjali meta jkollhom rabta speċifika mal-kummerċ internazzjonali sa fejn huma essenzjalment intiżi li jinkoraġġixxu, jiffaċilitaw jew jirregolaw dan il-kummerċ u għandhom effetti diretti u immedjati fuqu.

Fir-rigward tal-impenji fil-qasam ta’ proprjetà intellettwali stipulati fil-Kapitolu Ħdax tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor, id-dispożizzjonijiet kollha dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, dwar it-trade marks, dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi, dwar id-disinni, dwar il-privattivi, dwar id-data tat-testijiet u dwar il-varjetajiet tal-pjanti, ikkostitwiti minn tfakkira tal-obbligi internazzjonali multilaterali eżistenti, minn naħa, u minn impenji bilaterali, min-naħa l-oħra, għandhom l-għan essenzjali, konformement ma’ dak li jistabbilixxi l-Artikolu 11.1(1)(b) ta’ dan il-ftehim, li jiġi żgurat għall-intraprendituri tal-Unjoni u ta’ Singapor livell adegwat ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom. Dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-intraprendituri tal-Unjoni u ta’ Singapor sabiex igawdu, fit-territorju tal-parti l-oħra, minn standards ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li għandhom ċerta omoġenità u jikkontribwixxu għaldaqstant sabiex jipparteċipaw f’kundizzjonijiet ekwivalenti fil-moviment ħieles ta’ merkanzija u ta’ servizzi bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor. Dan japplika wkoll għall-Artikoli 11.36 sa 11.47 tal-imsemmi ftehim, li jobbligaw lil kull parti tipprevedi ċerti kategoriji ta’ proċeduri u ta’ miżuri ġudizzjarji ċivili li jippermettu lill-persuni kkonċernati jinvokaw u jinfurzaw ir-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħhom, kif ukoll għall-Artikoli 11.48 sa 11.50, li jobbligaw lil kull parti sabiex tistabbilixxi metodi ta’ identifikazzjoni mill-awtoritajiet doganali ta’ merkanzija ffalsifikata jew piratata u sabiex tipprevedi l-possibbiltà, għad-detenturi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, li jiksbu, fil-każ ta’ suspett ta’ ffalsifikar jew ta’ piraterija, is-sospensjoni tar-rilaxx ta’ din il-merkanzija.

Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Ħdax tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor huma intiżi effettivament, bħalma jistabbilixxi l-Artikolu 11(1) ta’ dan il-ftehim, li jiffaċilitaw il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti innovattivi u kreattivi u l-forniment ta’ servizzi bejn il-Partijiet u li jżidu l-benefiċċji mill-kummerċ u l-investiment. Dan il-kapitolu ma jidħol bl-ebda mod fil-qafas tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni, iżda għandu l-għan speċifiku li jirregola l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor. Minn dan isegwi li l-Kapitolu Ħdax tal-imsemmi ftehim jirrigwarda aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali, fis-sens tal-Artikolu 207(1) TFUE.

(ara l-punti 111‑113, 121‑126, 128)

8.      L-Artikoli 12.1 u 12.2 tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor jidħlu mingħajr dubju fil-qafas tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor. Fil-fatt, huma jirrigwardaw b’mod speċifiku l-ġlieda kontra l-attivitajiet antikompetittivi u kontra l-konċentrazzjonijiet li jkollhom l-għan jew l-effett li jostakolaw li l-kummerċ bejn l-Unjoni u dan l-Istat terz iseħħ f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni tajbin. L-imsemmija dispożizzjonijiet jaqgħu, għaldaqstant, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u mhux fil-qasam tas-suq intern. Il-Kapitolu Tnax tal-ftehim previst jinkludi wkoll dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ sussidji. Dawn ifakkru l-obbligi tal-partijiet skont il-Ftehim dwar sussidji u mezzi ta’ kontrobilanċ [miżuri ta’ kumpens], li jagħmel parti mill-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, jiddeterminaw liema sussidji marbuta mal-kummerċ ta’ merkanzija u ta’ servizzi bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor huma pprojbiti u jobbligaw lil kull parti tagħmel ħilitha sabiex tirrimedja jew tneħħi l-effetti tas-sussidji mhux ipprojbiti fuq il-kummerċ mal-parti l-oħra.

(ara l-punti 134, 135, 137)

9.      It-Trattat FUE huwa kunsiderevolment differenti mit-Trattat KE li kien fis-seħħ qabel, sa fejn jinkludi aspetti ġodda tal-kummerċ internazzjonali kontemporanju fil-politika kummerċjali komuni. L-estensjoni tal-qasam tal-politika kummerċjali komuni bit-Trattat FUE tikkostitwixxi evoluzzjoni sinjifikattiva tad-dritt primarju tal-Unjoni. Din l-evoluzzjoni hija kkaratterizzata, inter alia, mir-regola stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 207(1) TFUE, li tipprovdi li l-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni. Dawn il-prinċipji u dawn l-għanijiet huma speċifikati fl-Artikolu 21(1) u (2) TUE u jirrigwardaw b’mod partikolari, bħalma huwa indikat fl-Artikolu 21(2)(f) TUE, l-iżvilupp sostenibbli marbut mal-preservazzjoni u mat-titjib tal-kwalità tal-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali mondjali.

L-obbligu għall-Unjoni li tintegra l-imsemmija għanijiet u prinċipji fit-tmexxija tal-politika kummerċjali komuni tagħha jirriżulta minn qari flimkien tat-tieni sentenza tal-Artikolu 207(1) TFUE, tal-Artikolu 21(3) TUE u tal-Artikolu 205 TFUE. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(5) TUE jobbliga lill-Unjoni tikkontribwixxi, fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, għall-kummerċ liberu u ġust. Minn dan isegwi li l-għan tal-iżvilupp sostenibbli issa jagħmel parti integrali mill-politika kummerċjali komuni.

(ara l-punti 141‑143, 146, 147)

10.    Jaqa’ taħt il-politika kummerċjali komuni u, għaldaqstant, taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(e) TFUE, il-Kapitolu Tlettax tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor. Fil-fatt, permezz tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi kapitolu, l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor jimpenjaw ruħhom, essenzjalment, li jiżguraw li l-kummerċ bejniethom isir b’osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema u tal-protezzjoni tal-ambjent li huma parti għalihom. Dan il-Kapitolu Tlettax la jirrigwarda l-portata tal-konvenzjonijiet internazzjonali li jirreferi għalihom u lanqas il-kompetenzi tal-Unjoni jew tal-Istati Membri relatati ma’ dawn il-konvenzjonijiet. Min-naħa l-oħra, huwa għandu rabta speċifika mal-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor. Fil-fatt, l-imsemmi Kapitolu Tlettax jirregola dan il-kummerċ billi jiżgura li dan iseħħ b’osservanza tal-imsemmija konvenzjonijiet u li ebda miżura adottata skont dawn tal-aħħar ma tiġi applikata b’mod li tinħoloq diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux iġġustifikata, jew restrizzjoni moħbija fuq l-imsemmi kummerċ.

Dan il-kapitolu huwa wkoll ta’ natura li jkollu effetti diretti u immedjati fuq dan l-istess kummerċ. F’dan ir-rigward, fir-rigward b’mod partikolari tal-impenji li għandhom l-għan li jiġi miġġieled il-kummerċ fl-injam u fi prodotti tal-injam maqtugħ b’mod illegali u li jiġi miġġieled is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, imsemmija fl-Artikoli 13.7(b) u 13.8(b) tal-imsemmi ftehim, il-partijiet jobbligaw ruħhom, f’dan il-ftehim, li jimplementaw jew li jiffavorizzaw sistemi ta’ dokumentazzjoni, ta’ verifika u ta’ ċertifikazzjoni. Tali sistemi huma ta’ natura li jkollhom influwenza diretta fuq il-kummerċ tal-prodotti kkonċernati. Barra minn hekk, l-ispeċifiċità tar-rabta tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Tlettax tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor tirriżulta wkoll mill-fatt li ksur tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema u tal-protezzjoni tal-ambjent, li jinsabu f’dan il-kapitolu, jawtorizza, konformement mar-regola konswetudinarja ta’ dritt internazzjonali kkodifikata fl-Artikolu 60(1) tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tat-Trattati, li tapplika fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati terzi, lill-parti l-oħra twaqqaf il-liberalizzazzjoni ta’ dan il-kummerċ prevista f’dispożizzjonijiet oħrajn ta’ dan il-ftehim, jew li tissospendiha.

(ara l-punti 152, 155‑157, 160, 161, 167)

11.    Il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(e) TFUE ma tistax tiġi eżerċitata sabiex jiġu rregolati l-livelli ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali fit-territorju rispettiv tal-partijiet għal ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni ma’ Stat terz. L-adozzjoni ta’ tali regoli taqa’ taħt it-tqassim ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri previst, b’mod partikolari, fl-Artikolu 3(1)(d) u fl-Artikolu 3(2), kif ukoll fl-Artikolu 4(2)(b) u (e) TFUE. L-Artikolu 3(1)(e) TFUE ma huwiex prevalenti, fil-fatt, fuq dawn id-dispożizzjonijiet l-oħrajn tat-Trattat FUE, peress li l-Artikolu 207(6) TFUE jistipula barra minn hekk li l-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni m’għandux jolqot id-delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

(ara l-punt 164)

12.    L-Artikolu 216 TFUE jagħti lill-Unjoni l-kompetenza sabiex tikkonkludi, b’mod partikolari, ftehim internazzjonali li x’aktarx jolqot regoli komuni jew li jbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom. Ir-riskju li jintlaqtu xi regoli komuni jew jitbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom jeżisti meta l-impenji inklużi fi ftehim internazzjonali jaqgħu fil-qasam tal-applikazzjoni tal-imsemmija regoli. Il-konstatazzjoni ta’ tali riskju ma teħtieġx li l-qasam kopert bl-impenji internazzjonali u dak kopert mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jkunu jaqblu kompletament. Il-portata tar-regoli komuni tal-Unjoni tista’ tiġi affettwata jew mibdula permezz ta’ dawn l-impenji wkoll meta dawn tal-aħħar jaqgħu f’qasam diġà kopert fil-parti l-kbira tiegħu mill-imsemmija regoli.

Fir-rigward tal-impenji intiżi għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport marittimu internazzjonali inklużi fil-Kapitolu Tmienja tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor, il-qasam li jaqgħu fih dawn l-impenji huwa fil-parti l-kbira tiegħu kopert mir-regoli komuni stabbiliti mir-Regolament Nru 4055/86, li jirregola l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu bejn Stati Membri u bejn Stati Membri u Stati terzi. L-impenji inklużi fl-imsemmi ftehim jaffettwaw, jekk mhux ukoll ibiddlu, b’mod kunsiderevoli, għas-servizzi ta’ trasport marittimu bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor, il-portata ta’ dawn ir-regoli komuni stabbiliti bir-Regolament Nru 4055/86. Fil-fatt, mill-Artikolu 8.56(3) ta’ dan il-ftehim jirriżulta li l-fornituri ta’ servizzi ta’ trasport marittimu tal-Unjoni kif ukoll iċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jikkontrollaw kumpannija marittima stabbilita f’Singapor ser ikollhom aċċess liberu għat-traffiku lejn u minn dan l-Istat terz, u dan mingħajr ma jkun meħtieġ li l-vapuri ta’ dawn tal-aħħar itajru l-bandiera ta’ Stat Membru. Din is-sistema hija differenti sew minn dik stabbilita mir-Regolament Nru 4055/86. Il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tapprova dawn l-impenji hija, għaldaqstant, esklużiva skont l-Artikolu 3(2) TFUE.

Dan huwa l-każ ukoll għall-impenji li jirrigwardaw is-servizzi ta’ trasport ferrovjarju bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet mhux inqas favorevoli li l-fornituri minn Singapor ser igawdu minnhom, konformement ma’ dawn l-impenji, sabiex jaċċedu għan-netwerks u għall-attivitajiet ta’ trasport ferrovjarju fl-Unjoni, u sabiex jistabbilixxu ruħhom hemmhekk, jikkorrispondu għall-elementi rregolati mir-regoli taż-żona ferrovjarja unika Ewropea, previsti mid-Direttiva 2012/34, li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea. F’dak li jirrigwarda l-impenji dwar is-servizzi ta’ trasport bit-triq, dawn ukoll jaqgħu f’qasam fil-biċċa l-kbira tiegħu kopert mir-regoli komuni tagħha. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet mhux inqas favorevoli li l-fornituri minn Singapor ser igawdu minnhom, konformement ma’ dawn l-impenji, sabiex jipprovdu servizzi ta’ trasport bit-triq fl-Unjoni, jikkorrispondu fil-parti l-kbira tagħhom mal-elementi rregolati mir-regoli komuni stabbiliti fir-Regolamenti Nru 1071/2009, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq, Nru 1072/2009, dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija u Nru 1073/2009, dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank.

(ara l-punti 171, 180‑182, 189, 190, 193, 195, 198, 206, 207)

13.    Meta ftehim bejn l-Unjoni u Stat terz jipprevedi l-applikazzjoni, għar-relazzjonijiet internazzjonali koperti minn dan il-ftehim, ta’ regoli li jestendu ħafna fuq ir-regoli komuni tal-Unjoni applikabbli għas-sitwazzjonijiet intra-Komunitarji, dan il-ftehim għandu jitqies li jista’ jaffettwa jew ibiddel il-portata ta’ dawn ir-regoli komuni. Fil-fatt, minkejja l-assenza ta’ kontradizzjoni mal-imsemmija regoli komuni, is-sens, il-portata u l-effikaċja tagħhom jistgħu jiġu influwenzati.

(ara l-punt 201)

14.    Fl-eżami tan-natura tal-kompetenza għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim li għandhom portata limitata ħafna.

(ara l-punt 217)

15.    Fil-kuntest tal-eżami tal-kompetenza tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda impenji inklużi fi ftehim internazzjonali previst fil-qasam tat-trasport, peress li l-ftehim previst ma jirrigwardax l-aspetti rregolati mit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, il-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattati UE u FUE, huwa nieqes minn rilevanza. L-istess jista’ jingħad għall-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattati UE u FUE. Fil-fatt, minn naħa, il-politika kummerċjali komuni u l-politika komuni tat-trasport ma humiex koperti mill-Protokoll Nru 21. Min-naħa l-oħra, huma l-iskop u l-kontenut tal-att inkwistjoni li jiddeterminaw il-protokolli li jkunu eventwalment applikabbli, u mhux bil-kontra.

(ara l-punt 218)

16.    Il-Kapitolu Għaxra tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor għandu grupp ta’ regoli intiżi li joħolqu qafas regolatorju għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fl-Unjoni u f’Singapor b’mod li jiġi żgurat li l-proċeduri għall-għoti ta’ tali kuntratti jseħħu b’osservanza tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza. Id-Direttiva 2014/24, dwar l-akkwist pubbliku, kif ukoll id-Direttiva 2014/25, dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali, jistabbilixxu grupp ta’ regoli komuni intiżi, essenzjalment, li jiggarantixxu li l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, inter alia, fis-settur tat-trasport, ikun konformi, fi ħdan l-Unjoni, ma’ dawn l-istess prinċipji, bħalma ġie speċifikat fil-premessa 1 u fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24, u bl-istess mod fil-premessa 2 u fl-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/25.

Sa mid-dħul fis-seħħ tal-imsemmi ftehim, l-aċċess għall-fornituri minn Singapor għall-kuntratti pubbliċi tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport ser jaqa’ għaldaqstant taħt impenji li jkopru l-istess elementi bħal dawk irregolati mid-Direttivi 2014/24 u 2014/25. Għaldaqstant, l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva, skont l-Artikolu 3(2) TFUE, għall-impenji internazzjonali inklużi fil-Kapitolu Għaxra tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor dwar il-kuntratti pubbliċi għal servizzi fil-qasam tat-trasport, peress li dawn l-impenji jaqgħu taħt qasam diġà kopert fil-parti l-kbira tiegħu minn regoli komuni tal-Unjoni u jistgħu jaffettwaw jew ibiddlu l-portata tagħhom.

(ara l-punti 221‑224)

17.    Jikkostitwixxu regoli komuni li l-portata tagħhom tista’ tiġi affettwata jew mibdula b’impenji inklużi fi ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni d-dispożizzjonijiet ta’ dritt idderivat li l-Unjoni stabbilixxiet progressivament. Meta l-Unjoni tkun b’dan il-mod eżerċitat il-kompetenza interna tagħha, hija għandha, b’mod parallel, tgawdi minn kompetenza esterna esklużiva sabiex jiġi evitat li l-Istati Membri jieħdu impenji internazzjonali li jistgħu jolqtu dawn ir-regoli komuni jew ibiddlu l-portata tagħhom. Ikun imur kontra l-motivazzjoni inerenti għar-regola ta’ kompetenza esterna esklużiva jekk il-portata ta’ din ir-regola, bħalissa inkluża fl-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 3(2) TFUE, tiġi estiża għal sitwazzjoni li ma tkunx tirrigwarda regoli ta’ dritt idderivat stabbiliti mill-Unjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ kompetenza interna li ngħatatilha mit-Trattati, iżda regola ta’ dritt primarju tal-Unjoni adottata mill-awturi ta’ dawn it-trattati.

(ara l-punti 233, 234)

18.    Il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali fil-qasam ta’ investiment barrani li ma huwiex dirett ma hijiex, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, prevista f’att leġiżlattiv tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE. Bl-istess mod, il-konklużjoni ta’ tali ftehim ma tidhirx li hija meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Minn dan isegwi li l-Unjoni ma għandhiex il-kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali sa fejn dan jirrigwarda l-protezzjoni tal-investiment barrani li ma huwiex dirett.

Min-naħa l-oħra, il-konklużjoni mill-Unjoni ta’ ftehim internazzjonali relatat ma’ tali investiment tista’ tirriżulta meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politika tal-Unjoni, wieħed mill-objettivi stabbiliti mit-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 216(1) TFUE. B’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li l-moviment liberu tal-kapital u tal-pagamenti bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi, previst fl-Artikolu 63 TFUE, ma jistax jiġi invokat b’mod formali fil-konfront tal-Istati terzi, il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ dan il-moviment liberu fuq bażi reċiproka tista’ tiġi kklassifikata bħala meħtieġa sabiex dan il-moviment liberu jintlaħaq bis-sħiħ, li huwa wieħed mill-għanijiet tat-Titolu IV (Moviment liberu tal-persuni, servizzi u kapital) tat-Tielet Parti (Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni) tat-Trattat FUE. Dan it-Titolu IV jaqa’ taħt il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, skont l-Artikolu 4(2)(a) TFUE dwar is-suq intern. Il-kompetenza mogħtija lill-Unjoni mill-Artikolu 216(1) TFUE hija wkoll ta’ natura kondiviża, sa fejn l-Artikolu 4(1) TFUE jipprevedi li l-Unjoni għandha kompetenza kondiviża mal-Istati Membri fejn it-Trattati jagħtuha kompetenza li ma tirrigwardax l-oqsma previsti fl-Artikoli 3 u 6 TFUE.

(ara l-punti 236‑242)

19.    Il-fatt li l-Unjoni u Stat terz inkludew, fi ftehim internazzjonali, dispożizzjoni li minnha jirriżulta espressament li l-ftehimiet bilaterali ta’ investiment bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u dan l-Istat terz huma estinti u għaldaqstant ma humiex ser jibqgħu jipproduċu drittijiet u obbligi sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim konkluż mal-imsemmi Stat terz fuq il-livell tal-Unjoni ma jistax jitqies bħala li jidħol fuq kompetenza tal-Istati Membri, sakemm din id-dispożizzjoni tirrigwarda qasam li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tiegħu. Fil-fatt, meta l-Unjoni tinnegozja u tikkonkludi ma’ Stat terz ftehim dwar qasam li hija akkwistat kompetenza esklużiva fir-rigward tiegħu, hija tissostitwixxi ruħha għall-Istati Membri tagħha. F’dan ir-rigward, l-Unjoni tista’ tissuċċedi għall-Istati Membri fl-impenji internazzjonali tagħhom meta l-Istati Membri jkunu ttrasferixxew lill-Unjoni, permezz ta’ wieħed mit-Trattati fundaturi tagħha, il-kompetenzi tagħhom relatati ma’ dawn l-impenji u meta din tal-aħħar teżerċita dawn il-kompetenzi.

Minn dan isegwi li, fir-rigward tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam tal-investiment barrani dirett, sa mill‑1 ta’ Diċembru 2009, id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE, li jattribwixxi din il-kompetenza lill-Unjoni, din tal-aħħar hija kompetenti sabiex tapprova, waħedha, dispożizzjoni ta’ ftehim konkluż minnha ma’ Stat terz li jistipula li l-impenji fil-qasam ta’ investiment dirett inklużi fi ftehimiet bilaterali konklużi preċedentement bejn Stati Membri tal-Unjoni u dan l-Istat terz għandhom, sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim konkluż mill-Unjoni, jitqiesu li huma ssostitwiti minnu. F’dan ir-rigward, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) TFUE, ħlief fil-każ li jingħataw is-setgħa mill-Unjoni, l-Istati Membri huma pprojbiti milli jadottaw atti li jistgħu jipproduċu effetti legali fl-oqsma li jaqgħu taħt kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Issa, huwa minnu li r-Regolament Nru 1219/2012, li jistabbilixxi arranġamenti transizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta’ investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, jagħti s-setgħa lill-Istati Membri, taħt kundizzjonijiet stretti, sabiex iżommu fis-seħħ, jew anki sabiex jikkonkludi, ftehimiet bilaterali fil-qasam tal-investiment dirett ma’ Stat terz sakemm ma jkunx hemm ftehim fil-qasam tal-investiment dirett bejn l-Unjoni u dan l-Istat terz. Min-naħa l-oħra, malli tali ftehim bejn l-Unjoni u l-imsemmi Stat terz jidħol fis-seħħ, din is-setgħa tispiċċa.

Konsegwentement, l-argument li l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jadottaw, wara d-dħul fis-seħħ ta’ impenji fil-qasam tal-investiment barrani dirett inklużi fi ftehim konkluż mill-Unjoni, atti li jiddeterminaw it-tip ta’ impenji fil-qasam inklużi fil-ftehimiet bilaterali li huma kkonkludew preċedentement mal-istess Stat terz, ma jistax jirnexxi.

(ara l-punti 247‑251)

20.    L-Artikolu 351 TFUE huwa intiż li jippermetti lill-Istat Membri jirrispettaw id-drittijiet li l-Istati terzi jieħdu, konformement mad-dritt internazzjonali, minn konvenzjonijiet preċedenti konklużi qabel l‑1 ta’ Jannar 1958 jew, għall-Istati aderenti, qabel id-data tal-adeżjoni tagħhom.

(ara l-punt 254)

21.    Il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tikkuntratta impenji internazzjonali tinkludi dik li tagħmel dispożizzjonijiet istituzzjonali flimkien ma’ dawn l-impenji. L-inklużjoni tagħhom fil-ftehim ma taffettwax in-natura tal-kompetenza għall-konklużjoni tiegħu. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom natura awżiljarja u għaldaqstant jaqgħu taħt l-istess kompetenza bħal dik li jaqgħu taħtha d-dispożizzjonijiet sostantivi relatati magħhom.

Madankollu, huwa differenti fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet li jistabbilixxu sistema ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn ċittadin ta’ Parti għall-ftehim u l-Parti l-oħra għall-ftehim rigward trattament li r-rikorrent iqis kuntrarju għall-ftehim u li allegatament ikkawża telf jew ħsara lil dan ir-rikorrent jew lill-kumpanija tiegħu stabbilita lokalment. Fil-fatt, sa fejn investitur rikorrent jista’ jiddeċiedi li jissuġġetta tilwima għal proċedura ta’ arbitraġġ, mingħajr l-imsemmi Stat Membru ma jkun jista’ jopponi għal dan, tali sistema, li tneħħi xi tilwim mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri, ma tistax tkun ta’ natura purament awżiljarja u għaldaqstant ma tistax tinħoloq mingħajr il-kunsens tagħhom. L-approvazzjoni ta’ tali sistema ma taqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, iżda taħt kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

(ara l-punti 276, 285, 291‑293)

22.    Ma jistgħux jitqiesu li jidħlu fuq il-kompetenzi li jappartjenu għall-Istati Membri biss l-impenji inklużi fil-Kapitolu Erbatax tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor, li jobbligaw lill-awtoritajiet fl-Unjoni, inklużi dawk tal-Istati Membri, josservaw il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, ir-regoli inklużi fl-imsemmi kapitolu ma jinkludu ebda impenn dwar l-organizzazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja tal-Istati Membri, iżda jirriflettu l-fatt li kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri ser ikollhom, fl-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim, josservaw il-prinċipji ġenerali u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, bħal dawk ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

(ara l-punt 284)

23.    Il-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali u l-kapaċità tagħha sabiex tikkonkludi ftehimiet internazzjonali tinvolvi neċessarjament il-fakultà li tissuġġetta ruħha għad-deċiżjonijiet ta’ qorti maħluqa jew innominata taħt dawn il-ftehimiet, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l‑applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħhom. Bl-istess mod, il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tikkonkludi ftehimiet internazzjonali tinkludi neċessarjament il-fakultà li tissuġġetta ruħha għad-deċiżjonijiet ta’ korp li, filwaqt li ma huwiex qorti b’mod formali, essenzjalment jissodisfa funzjonijiet ġudizzjarji, bħall-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim maħluq fil-kuntest tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(ara l-punti 298, 299)