Language of document : ECLI:EU:T:2020:199

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

13 ta’ Mejju 2020 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea BIO-INSECT Shocker – Raġuni assoluta għal rifjut – Trade mark ta’ natura li tfixkel lill-pubbliku – Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑86/19,

SolNova AG, stabbilita fi Zollikon (l-Isvizzera), irrappreżentata minn P. Lee, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Söder, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Canina Pharma GmbH, stabbilita fi Hamm (il-Ġermanja), irrappreżentata minn O. Bischof, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑11 ta’ Diċembru 2018 (Każ R 276/2018-2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn SolNova u Canina Pharma,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

komposta minn M. J. Costeira, President, B. Berke (Relatur) u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Frar 2019,

wara li r-rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ April 2019,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ April 2019,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis‑26 ta’ Novembru 2015, l-intervenjenti, Canina Pharma GmbH, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali BIO-INSECT Shocker.

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 1, 5 u 31 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 1: “Preparazzjonijiet tal-bijoċidi għall-użu fil-manifattura; preparazzjonijiet kimiċi għall-użu fil-manifattura ta’ bijoċidi; sustanzi kimiċi miżjuda ma’ insettiċidi”;

–        Klassi 5: “Diżinfettanti; preparazzjonijiet għall-qirda tad-dud u l-parassiti; parassitiċidi; preparazzjonijiet batterjoloġiċi għal użu mediku u veterinarju; supplimenti ta’ nutrizzjoni; sprejs mediċinali; sprejs antibatteriċi; sprejs anti-infjammatorji; insettiċidi; sustanzi li jiġbdu l-insetti lejhom; sprejs ripellenti tal-insetti; ripellenti tal-insetti; preparazzjonijiet għall-qerda tal-insetti; regolaturi tat-tkabbir tal-insetti; tixus imxarrba b’sustanzi li jkeċċu l-insetti; trab tal-briegħed; sprejs tal-briegħed; kullari tal-briegħed; preparazzjonijiet kontra l-briegħed; kullari kontra l-briegħed tal-annimali; trab tal-briegħed għall-annimali; bijoċidi; elementi kimiċi li jbegħdu l-annimali; preparazzjonijiet veterinarji; reaġenti dijanjostiċi veterinarji; vaċċini veterinarji; supplimenti dijetetiċi għal skopijiet veterinarji; preparazzjonijiet tal-iġjene għal skopijiet veterinarji”;

–        Klassi 31: “Annimali ħajjin; frott u ħxejjex frisk; xgħir; xarbiet għall-annimali domestiċi; ikel u għalf għall-annimali”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 2015/229 tat‑2 ta’ Diċembru 2015 u t-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata fl‑10 ta’ Marzu 2016 bin-numru 014837553.

5        Fit‑12 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti, SolNova AG, ippreżentat osservazzjonijiet ta’ terzi kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, filwaqt li sostniet li l-Artikolu 7(1)(b)(c) u (f) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b)(c) u (f) tar-Regolament 2017/1001) kien jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark. Peress li dawn l-osservazzjonijiet ġew ippreżentati wara li t-trade mark ikkontestata kienet diġà ġiet irreġistrata, dawn ma ġewx ikkunsidrata mill-EUIPO.

6        Fil‑25 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament 2017/1001), skont l-Artikolu 7(1)(b)(c)(f) u (g) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(b)(c)(f) u (g) tar-Regolament 2017/1001), għall-prodotti kollha koperti mill-imsemmija trade mark.

7        Fl-20 ta’ Diċembru 2017, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità billi qieset, qabelxejn, li t-trade mark ikkontestata ma kinitx tiddeskrivi l-prodotti rreġistrati skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001 u, b’mod partikolari, li l-użu tat-terminu “shocker” kien inabitwali b’riferiment għal dawn il-prodotti.

8        Barra minn hekk, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkunsidrat li t-trade mark ikkontestata kellha karattru distintiv suffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001.

9        Fl-aħħar nett, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddeċidiet li t-trade mark ikkontestata ma kinitx tikser l-ordni pubbliku skont l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament 2017/1001 u li din ma kinitx tfixkel fis-sens tal-Artikolu 7(1)(g) tal-istess regolament.

10      Fis-7 ta’ Frar 2018, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament Nru 2017/1001, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell.

12      Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell ċaħad il-motiv ibbażat fuq l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 2017/1001, li skontu t-trade mark ikkontestata kienet tiddeskrivi prodotti koperti minnha. L-ewwel nett, hija kkunsidrat li l-pubbliku rilevanti kien parzjalment kompost mill-pubbliku ġenerali u speċjalisti u parzjalment kompost minn speċjalisti biss. Hija qieset ukoll li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumaturi kien medju għal għoli skont it-tip ta’ prodotti u li, sa fejn it-trade mark ikkontestata kienet komposta minn kliem Ingliż, il-konsumatur rilevanti li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni kien il-komsumatur Anglofonu.

13      It-tieni nett, il-Bord tal-Appell irrileva li ċerti prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata kellhom rabta mal-insettiċidi jew prodotti insettiċidi (iktar ’il quddiem il-“prodotti li għandhom rabta mal-insettiċidi”) filwaqt li prodotti oħrajn ma kellhom l-ebda rabta magħhom u li r-rikorrenti kienet naqset milli tinvoki motivi u tressaq argumenti favur il-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata għal dawn il-prodotti tal-aħħar.

14      It-tielet nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-kliem Ingliż “bio insect shocker” ma kienx jirrappreżenta deskrizzjoni diretta tal-karatteristiċi tal-prodotti li għandhom rabta mal-insettiċidi, li l-frażi kienet sempliċement evokattiva u allużiva u li, sabiex wieħed jasal għat-tifsira tat-trade mark ikkontestata li waslet għaliha r-rikorrenti, jiġifieri prodott ekoloġiku għall-qerda tal-insetti bit-tqegħid tagħhom fi stat ta’ xokk, il-konsumaturi rilevanti jkollhom jagħmlu riflessjoni li tinvolvi diversi stadji u jagħmlu sforz intellettwali. F’dan il-kuntest, il-Bord tal-Appell irrileva li l-kelma Ingliża “shocker” kienet tfisser “ħaġa li tixxokkja” u li din it-tifsira kienet differenti minn dik ta’ “qtil” jew ta’ “repellent”.

15      Ir-raba’ nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li r-rikorrenti ma kinitx uriet użu mifrux ħafna tal-kliem “insect shocker” fil-ħajja tan-negozju. F’dan ir-rigward, huwa qies li parti mill-provi prodotti mir-rikorrenti ma kinux rilevanti peress li din kienet tikkonċerna jew użu sussegwenti għall-applikazzjoni għal trade mark, jew impriżi li kienu jużaw it-trade mark ikkontestata bil-kunsens tal-intervenjenti u li l-provi rimanenti ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit użu komuni.

16      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ċaħad il-motiv ibbażat fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, li skontu t-trade mark ikkontestata ma kellhiex karattru deskrittiv, minħabba li dan kien ibbażat biss fuq l-allegat karattru deskrittiv tal-imsemmija trade-mark.

17      Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell ċaħad il-motiv ibbażat fuq l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament 2017/1001, li skontu t-trade mark ikkontestata kienet tmur kontra l-ordni pubbliku, minħabba li r-rikorrenti ma kinitx uriet li l-użu tal-imsemmija trade mark kienet neċessarjament fil-mument tal-applikazzjoni għal trade mark tikser ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU 2012, L 167, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 280, p. 1).

18      Fir-raba’ lok, il-Bord tal-Appell ċaħad il-motiv ibbażat fuq l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament 2017/1001, li skontu t-trade mark ikkontestata kienet ta’ natura li tfixkel lill-pubbliku, minħabba li r-rikorrenti ma kinitx uriet li t-trade mark setgħet tiġi kklassifikata bħala ta’ tfixkil, li huwa kien iddeduċa minn allegat ksur tar-Regolament Nru 528/2012, u li l-użu mingħajr tfixkil tat-trade mark ikkontestata kien possibbli.

 It-talbiet tal-partijiet

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Frar 2019, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti minnha quddiem il-Bord tal-Appell.

21      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

22      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq id-dritt applikabbli

23      Qabel kollox, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dipartimenti tal-EUIPO għandhom, sabiex jeżaminaw jekk il-motivi assoluti indikati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprekludux ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark jew għandhomx iwasslu għad-dikjarazzjoni tal-invalidità ta’ trade mark irreġistrata preċedentement, jikkunsidraw il-kwistjoni fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 2013, Heede vs UASI (Matrix-Energetics), T‑313/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:603, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Mejju 2019, VI.TO. vs EUIPO – Bottega (Forma ta’ flixkun kulur id-deheb), T‑324/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:297, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Ir-Regolament 2017/1001 huwa applikabbli, skont l-Artikolu 212 tiegħu, mill‑1 ta’ Ottubru 2017 u mill-kliem tiegħu, mill-għan tiegħu u mill-istruttura tiegħu jirriżulta li l-Artikolu 7 tiegħu għandu japplika għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

25      F’dan il-każ, peress li r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata ntalbet fis‑26 ta’ Novembru 2015, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009 huwa applikabbli.

26      Issa, kif jirriżulta mill-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2017/1001, kif għamlet ukoll ir-rikorrenti li invokat dan ir-regolament fir-rikors.

27      Madankollu, peress li l-Artikolu 7(1)(b)(c)(f) u (g) tar-Regolament Nru 207/2009 ma ġiex emendat bir-Regolament 2017/1001, il-fatt li l-Bord tal-Appell u r-rikorrenti invokaw l-Artikolu 7 tar-Regolament 2017/1001 ma għandu l-ebda effett fuq din il-kawża. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata u r-rikors għandhom jinqraw bħala li jagħmlu riferiment għar-Regolament 207/2009.

 Fuq il-mertu

28      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(f) ta’ dan ir-regolament u t-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(g) tal-imsemmi regolament.

29      Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li l-ewwel tittratta l-ewwel motiv, sussegwentement it-tielet motiv.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009

30      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-assenza ta’ karattru distintiv u dwar il-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009, fir-rigward tal-prodotti li għandhom rabta mal-insettiċidi.

31      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

32      Skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodott jew ta’ meta s-servizz ġie pprovdut jew karatteristiċi oħrajn ta’ dawn. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, il-paragrafu 1 huwa applikabbli anki jekk ir-raġunijiet għal rifjut ikunu jeżistu f’parti biss tal-Unjoni Ewropea.

33      Għalhekk, l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprojbixxi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet koperti minnu jkunu riżervati għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark. Din id-dispożizzjoni ssegwi, għalhekk, għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li tali sinjali jew indikazzjonijiet jistgħu jiġu użati liberament minn kulħadd (sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, EU:C:2003:579, punt 31 u tas‑27 ta’ Frar 2015, Universal Utility International vs UASI (Greenworld), T‑106/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:123, punt 14).

34      Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, minn naħa, fid-dawl tal-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat għandu tiegħu u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2017, Klassisk investment vs EUIPO (CLASSIC FINE FOODS), T‑194/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:498, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Minn dan jirriżulta li, sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament 207/2009, huwa neċessarju li jkollu rabta suffiċjentement diretta u konkreta mal-prodotti jew mas-servizzi inkwistjoni b’mod li tippermetti li l-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi mill-ewwel, u mingħajr l-ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi jew ta’ xi waħda mill-karatteristiċi tagħhom (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2017, Klassisk investment vs EUIPO (CLASSIC FINE FOODS), T‑194/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:498, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan ir-rigward, qabelxejn, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-pubbliku rilevanti kien ikkostitwit parzjalment mill-pubbliku ġenerali u speċjalisti u kien parzjalment kompost minn speċjalisti biss, li l-livell ta’ attenzjoni kien medju għal għoli skont it-tip ta’ prodotti u li, sa fejn it-trade mark ikkontestata kienet komposta minn kliem Ingliż, wieħed kellu jibbaża ruħu fuq il-pubbliku Anglofonu.

37      Dawn l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti.

38      Sussegwentement, il-Bord tal-Appell irrileva li, skont l-Oxford English Dictionary, il-kelma Ingliża “shocker” kienet tfisser, essenzjalment, ħaġa li tixxokkja, speċjalment peress li hija inaċċettabbli jew sensazjonali u li l-verb Ingliż relatat “to shock” kien ifisser “twassal lil xi ħadd iħossu sorpriż jew imħarbat” jew “taffettwa lil xi ħadd permezz ta’ xokk psikoloġiku jew elettriku”.

39      Wara li kkonstata, essenzjalment, li l-prodotti li għalihom it-trade mark ikkontestata kienet irreġistrata u li għandhom rabta mal-insettiċidi kellhom il-funzjoni li joqtlu l-insetti jew li jirripellawhom u mhux li jagħtuhom xokk elettriku jew li jqegħduhom fi stat ta’ xokk, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li diversi stadji intellettwali kienu neċessarji sabiex tiġi stabbilita rabta bejn il-kliem “bio insect shocker” u t-tifsira preżunta tar-rikorrenti u, għaldaqstant, li t-trade mark ma kinitx sinjal deskrittiv, iżda sinjal evokattiv jew allużiv.

40      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li r-rikorrenti ma kinitx uriet użu mifrux ħafna tal-kliem “insect shocker” fil-ħajja tan-negozju. F’dan ir-rigward, huwa qies li parti mill-provi prodotti mir-rikorrenti ma kinux rilevanti peress li din kienet tikkonċerna jew użu sussegwenti għall-applikazzjoni għal trade mark, jew impriżi li kienu jużaw it-trade mark ikkontestata bil-kunsens tal-intervenjenti u li ż-żewġ provi rimanenti ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit użu komuni.

41      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kelma “shocker” tiddeskrivi mod ta’ azzjoni ta’ repellent tal-insetti evidenti, possibbli jew mixtieq u li jista’ faċilment jinftiehem li prodotti kimiċi ta’ repellent tal-insetti jipprovokaw għall-insetti stat ta’ xokk jew jirripellawhom, b’tali mod li l-konsumatur jistabbilixxi, mingħajr riflessjoni ulterjuri, rabta diretta u konkreta bejn it-trade mark ikkontestata u l-prodotti koperti mill-applikazzjoni.

42      Ir-rikorrenti ma tikkontestax it-tifsira tal-kelma “shocker” stabbilita mill-Bord tal-Appell, li abbażi tagħha din il-kelma tagħti l-idea ta’ ħaġa li tixxokkja, iżda żżid li l-imsemmija kelma tista’ faċilment tinftiehem ukoll bħala li tagħti l-idea ta’ prodott repellent jew repellent tal-insetti.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat madankollu li, fid-dawl tad-definizzjoni tal-Oxford English Dictionary, xejn ma jippermetti li jiġi stabbilit li l-pubbliku rilevanti ser jagħmel konnessjoni bejn il-kelma “shocker” u prodotti repellenti jew repellenti tal-insetti.

44      Fil-fatt, peress li t-tifsira tal-kelma tagħti l-idea ta’ ħaġa li tixxokkja u mhux ta’ qtil jew ta’ repellent, huma neċessarji diversi stadji intellettwali sabiex il-pubbliku rileventi jipperċepixxi t-trade mark ikkontestata bħala deskrizzjoni tal-prodotti kkonċernati jew ta’ waħda jew iktar mill-karatteristiċi tagħhom.

45      Għalhekk ma teżistix rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejniethom, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq, ta’ natura li wieħed immedjatament jipperċepixxi, mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti inkwistjoni jew ta’ waħda jew iktar mill-karatteristiċi tagħhom.

46      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kliem “shocker” u “insect shocker” intużaw qabel id-data tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata sabiex jiddeskrivu diversi prodotti tal-kategorija ġenerali tal-prodotti ta’ repellent tal-insetti. Konsegwentement, il-konsumatur rilevanti ma jassoċjax il-kelma ma’ oriġini partikolari tad-diversi prodotti, iżda unikament ma’ terminu ġeneriku li jindika prodotti ta’ repellent tal-insetti.

47      Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, prodotti ta’ repellent tal-insetti ta’ diversi produtturi huma kkummerċjalizzati taħt id-denominazzjoni Bio Insect Shocker u l-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat li tnejn mill-provi prodotti kienu jikkonċernaw kumpanniji li kienu użaw it-trade mark ikkontestata bil-kunsens tal-invervenjenti.

48      Insostenn tal-prova tal-karattru komuni tal-kelma “shocker” għal prodotti ta’ repellent tal-insetti, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tipproduċi tliet provi fl-Annessi L 5, L 6 u L 7 tar-rikors.

49      Kif isostni l-EUIPO, dawn id-dokumenti ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali.

50      Issa, l-azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali hija intiża sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO fis-sens tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 2017/1001, b’tali mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għalhekk id-dokumenti msemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu skartati mingħajr ma huwa meħtieġ li tiġi eżaminata s-saħħa probatorja tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, EU:T:2005:420, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      It-tieni nett, ir-rikorrenti ppoduċiet quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kopja tas-sit internet “amazon.co.uk” tal‑11 ta’ Marzu 2017 li turi ġeranju repellent tal-insetti bl-isem “Mosquito-Shocker”. Minn dan id-dokument jirriżulta li l-prodott kien disponibbli fuq dan is-sit mill‑31 ta’ Marzu 2014.

52      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kopja ta’ avviż pubbliċitarju tal‑11 ta’ Marzu 2017 għal prodott bl-isem “Dr. Obermann’s Insect shocker spray for dogs and cats”.

53      Ir-rikorrenti ppreżentat ukoll quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kopja tal-paġna tal-internet “sk-snakes.de” tal‑11 ta’ Marzu 2017 li turi l-“Bio Insect Shocker 150 ml – Milbenspray” tal-produttur Dragon.

54      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kopja tal-paġna tal-internet “www.aponeo.de” tal‑11 ta’ Marzu 2017 li turi l-“Bio Insect Shocker flüssig” tal-produttur organicVet GmbH, stabbilit f’Gutenbergstr. 11, 26632 Ihlow.

55      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kopja tal-paġna tal-internet “www.canina.de” tal‑14 ta’ Marzu 2017 dwar il-“Petvital Bio-Insect-Shocker”, aerosol antiparassitiku bijoloġiku kontra l-briegħed, il-qamel, il-qamel li jigdem, id-dud u l-qurdien.

56      It-tielet nett, quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti ppreżentat ritratt tal-iskrin mingħajr data tal-paġna tal-internet “Dr. Obermann’s”, u tal-paġna tal-internet “Dr. Obermann’s”, li fih “Dr. Obermann’s Insect shocker spray for dogs and cats” ritratt tal-iskrin mingħajr data tal-paġna tal-internet “Amazon” li fiha kien hemm suġġerimenti tal-prodotti tat-trade mark Dr. Obermann’s u ritratt tal-iskrin mingħajr data tat-tfittxija fuq Google abbażi tal-kelma prinċipali “Fahrrad (rota)”.

57      Il-Bord tal-Appell qies li l-provi prodotti ma kinux suffiċjenti, minħabba li, bl-eċċezzjoni tal-kopja tal-paġna tal-internet “amazon.co.uk” prodott fl-Anness L2 tal-fajl tal-EUIPO, il-provi proposti kellhom dati sussegwenti għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew ma kellhomx data, li tnejn mill-erba’ eżempji kienu ġejjin minn impriżi li jużaw is-sinjal Bio Insect Shocker bil-kunsens tal-intervenjenti u li t-tielet eżempju kien ġej minn impriża li fil-konfront tagħha l-intervenjenti kienet ressqet azzjoni għall-ksur tat-trade mark ikkontestata.

58      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dipartimenti tal-EUIPO għandhom, sabiex jeżaminaw jekk il-motivi assoluti indikati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprekludux ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark jew għandhomx iwasslu għad-dikjarazzjoni tal-invalidità ta’ trade mark irreġistrata preċedentement, jikkunsidraw il-kwistjoni fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 2013, Matrix-Energetics, T‑313/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:603, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑8 ta’ Mejju 2019, VI.TO vs EUIPO – Bottega (Forma ta’ flixkun kulur id-deheb), T‑324/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:297, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Tali obbligu, madankollu, ma jeskludix li d-dipartimenti tal-EUIPO jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, provi sussegwenti għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, sa fejn dawn jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet fir-rigward tas-sitwazzjoni hekk kif kienet teżisti f’din fl-istess data (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Pi-Design et vs Yoshida Metal Industry, C‑337/12 P sa C‑340/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:129, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Il-provi tal-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata għandhom għalhekk ikunu relatati mal-mument tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jiġifieri s‑26 ta’ Novembru 2015, jew jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet fir-rigward tas-sitwazzjoni hekk kif kienet teżisti f’din l-istess data.

61      Huwa biss l-Anness L2 prodott quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li jindika l-użu tal-element “shocker” għal prodott ta’ repellent tal-insetti mill-2014, li jippermetti li jinsiltu konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni hekk kif kienet teżisti fid-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

62      Għandu għalhekk jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell seta’, mingħajr ma jwettaq żball ta’ evalwazzjoni, jikkunsidra li l-provi prodotti ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit użu ġenerali tal-kelma “shocker” għall-indikazzjoni ta’ prodotti ta’ repellent tal-insetti.

63      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma wettaq l-ebda żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata konformement mal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

64      Fit-tielet lok, fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark ikkontestata hija nieqsa minn karattru distintiv, minħabba li l-pubbliku rilevanti ma jkollux iwettaq diversi stadji intellettwali sabiex jifhem il-mod ta’ azzjoni mfittex.

65      Peress li l-argument tagħha dwar l-assenza allegata ta’ karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa bbażat esklużivament fuq il-karattru allegatament deskrittiv u li t-trade mark ikkontestata ma tiddeskrivix il-prodotti kkonċernati, dan ma jistax jintlaqa’.

66      L-ewwel motiv huwa għaldaqstant infondat u għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009

67      Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li t-trade mark ikkontestata hija ta’ natura li tfixkel lill-konsumatur fir-rigward tan-natura jew tal-kwalità tal-prodotti, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn hija tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala li tirrigwarda prodotti bijoloġiċi jew relatati mar-rispett tal-ambjent.

68      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta biss l-evalwazzjoni tan-natura li tfixkel tat-trade mark f’dak li jirrigwarda l-prodotti li l-Bord tal-Appell identifikat bħala bijoċidi fil-punti 48 u 49 tad-deċiżjoni kkontestata.

69      L-EUIPO u l-intervenjenti jsostnu, essenzjalment, li ma jeżistix riskju suffiċjenti ta’ tfixkil, minn naħa, minħabba li l-pubbliku rilevanti ma huwiex ser jassoċja l-kelma “bijo” mal-fatt li l-prodotti jirrispettaw l-ambjent jew is-saħħa u, min-naħa l-oħra, minħabba li użu li ma jfixkilx tas-sinjal huwa possibbli.

70      Skont l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jistgħux jiġu rreġistrati t-trade marks li huma ta’ natura li jfixklu lill-pubbliku, pereżempju fir-rigward tan-natura, tal-kwalità jew l-oriġini ġeografika tal-prodott jew tas-servizz.

71      Minn ġurisprudenza stabblita jirriżulta li l-każijiet ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009 jippreżupponu li jista’ jkun hemm tfixkil effettiv jew riskju suffiċjentement serju ta’ tfixkil tal-konsumatur (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, Khadi and Village Industries Commission vs EUIPO – BNP Best Natural Products (Khadi Ayurveda), T‑683/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:860, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan essenzjali ta’ trade mark huwa l-provvista ta’ garanzija għall-konsumatur jew għall-utent finali dwar l-identità ta’ oriġini tal-prodott jew tas-servizz indikat mit-trade mark, billi dan ikun jista’ jagħmel distinzjoni mingħajr konfużjoni possibbli bejn dan il-prodott jew bejn dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini differenti. Fil-fatt, sabiex it-trade mark tkun tista’ taqdi r-rwol tagħha ta’ element essenzjali fis-sistema ta’ kompetizzjoni ġusta li t-Trattat għandu l-għan li jistabbilixxi u jżomm fis-seħħ, din għandha tikkostitwixxi l-garanzija li l-prodotti jew is-servizzi kollha koperti minnha ġew immanifatturati jew ipprovduti taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà għall-kwalità tagħhom. Issa, trade mark titlef dan ir-rwol ta’ garanzija meta l-informazzjoni inkluża fiha hija ta’ natura li tfixkel lill-pubbliku (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, Khadi Ayurveda, T‑683/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:860, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Fil-punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, f’dak li jirrigwarda l-prodotti li huwa identifika bħala bijoċidi, li, sa fejn ir-rikorrenti ma wrietx li t-trade mark ikkontestata kisret l-Artikolu 69(2) u l-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 528/2012, ma setax ikun hemm ksur tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009.

74      Huwa speċifika wkoll li ksur tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009 kien eskluż, peress li użu li ma jfixkilx tas-sinjal kien possibbli.

75      Skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012, prodott bijoċidali huwa ddefinit bħala kwalunkwe sustanza jew taħlita, fl-għamla li tiġi pprovduta lill-utent, li tikkonsisti minn, li fiha jew li tiġġenera sustanza attiva waħda jew iktar, intiża sabiex teqred, tirrepella jew sabiex tirrendi mhux dannuż l-organiżmi ta’ ħsara, sabiex tipprevjeni l-azzjoni tagħhom jew li teżerċita b’mod ieħor effett ta’ kontroll fuqhom bi kwalunkwe mezz minbarra b’azzjoni sempliċiment fiżika jew mekkanika.

76      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 528/2012, huwa previst dan li ġej:

“[B]arra mill-konformità mal-paragrafu 1, id-detenturi ta’ awtorizzazzjoni għandhom jiżguraw li t-tikketti ma għandhomx iqarrqu fir-rigward tar-riskji tal-prodott għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew tal-effikaċja tiegħu u, fi kwalunkwe każ, ma għandhomx isemmu l-indikazzjonijiet ‘prodott bijoċidali ta’ riskju baxx’, ‘mhux tossiku’, ‘ma jagħmilx ħsara’, ‘naturali’, “favur l-ambjent”, ‘favur l-annimali’ jew indikazzjonijiet simili […]”

77      Barra minn hekk l-Artikolu 72(3) tar-Regolament Nru 528/2012 huwa fformulat kif ġej:

“3. Ir-reklami għall-prodotti bijoċidali ma għandhomx jirriferu għall-prodott b’manjiera li tqarraq fir-rigward tar-riskji mill-prodott għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent jew tal-effikaċja tiegħu. Fi kwalunkwe każ, ir-reklamar ta’ prodott bijoċidali ma għandux isemmi ‘prodott bijoċidali ta’ riskju baxx’, ‘mhux tossiku’, ‘mhux ta’ ħsara’, ‘naturali’, ‘favur l-ambjent’, ‘favur l-annimali’ jew kwalunkwe indikazzjoni simili.”

78      Qabel kollox, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-eżistenza ta’ kliem fuq prodott bijoċidu bħal dawk li għalihom it-trade mark ikkontestata hija rreġistrata li jistgħu jindikaw li dan il-prodott huwa naturali, li ma huwiex ta’ ħsara għas-saħħa jew li jirrispetta l-ambjent hija ta’ natura li tqarraq u tfixkel lill-konsumatur.

79      Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ kliem ta’ dan it-tip fuq prodott bijoċidu hija suffiċjenti għall-istabbiliment ta’ riskju suffiċjentement serju ta’ tfixkil tal-konsumatur fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 71 iktar ’il fuq.

80      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-element verbali “bijo” illum kiseb portata evokattiva ħafna, li tista’ possibbilment tiġi pperċepita b’mod differenti skont il-prodott imqiegħed għall-bejgħ li huwa relatat miegħu, iżda li, b’mod ġenerali, jagħmel riferiment għall-idea ta’ rispett tal-ambjent, tal-użu ta’ materji naturali, saħansitra ta’ proċessi ta’ manifattura ekoloġiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2010, Kerma vs UASI (BIOPIETRA), T‑586/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:171, punt 25; tal‑21 ta’ Frar 2013, Laboratoire Bioderma vs UASI – Cabinet Continental (BIODERMA), T‑427/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:92, punti 45 u 46, u tal‑10 ta’ Settembru 2015, Laverana vs UASI (BIO FLUIDE DE PLANTE PROPRE FABRICATION), T‑568/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:625, punt 17).

81      Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU 2007, L 189, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 300, p. 72), jirriżulta li l-kelma “organiku” tfisser prodotti li jirriżultaw mill-produzzjoni bijoloġika jew relatati magħha. Mill-premessa 1 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-imsemmija kelma hija relatata ma’ kunċetti bħar-rispett tal-ambjent, il-bijodiversità u l-prodotti minn sustanzi jew proċessi naturali. L-Artikolu 23(1) tal-imsemmi regolament jindika li din id-definizzjoni tikkonċerna wkoll id-diminuttivi bħal “bio” (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2019, Biolatte vs EUIPO (Biolatte), T‑229/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:375, punt 49).

82      Tali konstatazzjonijiet jistgħu jitwettqu wkoll, f’dan il-każ, fir-rigward tal-perċezzjoni tal-element verbali “bijo” mill-pubbliku Anglofonu rilevanti.

83      Il-preżenza tal-kelma “bijo” fuq il-prodotti bijoloġiċi li għalihom it-trade mark ikkontestata hija rreġistrata hija għalhekk suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit riskju ta’ tfixkil suffiċjentement serju għall-konsumatur.

84      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 207/2009 japplika anki meta użu wieħed li ma jfixkilx tat-trade mark inkwistjoni jkun possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Caffè Nero Group vs EUIPO (CAFFÈ NERO), T‑29/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:635, punti 48 u 49).

85      Il-possibbiltà ta’ użu li ma jfixkilx tat-trade mark, jekk jiġi preżunt li huwa stabbilit, ma tistax għalhekk teskludi ksur tal-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament 207/2009.

86      Fl-aħħar nett, il-fatt li l-intervenjenti ma hijiex detentriċi ta’ awtorizzazzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 528/2012 huwa irrilevanti, peress li ma huwiex ta’ natura li jċaħħad il-kelma “bijo” imqiegħda fuq prodotti bijoċidali min-natura li tfixkel li tirriżulta minn dan ir-regolament.

87      Minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li t-trade mark ikkontestata ma kinitx tfixkel fir-rigward tal-prodotti li huwa kien identifika bħala prodotti bijoċidali.

88      Konsegwentement, hemm lok li jintlaqa’ t-tielet motiv u li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tikkonċerna l-“[p]reparazzjonijiet tal-bijoċidi għall-użu fil-manifattura; preparazzjonijiet kimiċi għall-użu fil-manifattura ta’ bijoċidi; sustanzi kimiċi miżjuda ma’ insettiċidi”, inklużi fil-Klassi 1, u d-“[d]iżinfettanti; preparazzjonijiet għall-qirda tad-dud u l-parassiti; parassitiċidi; preparazzjonijiet batterjoloġiċi għal użu mediku u veterinarju; sprejs mediċinali; sprejs antibatteriċi; insettiċidi; sustanzi li jiġbdu l-insetti lejhom; sprejs ripellenti tal-insetti; ripellenti tal-insetti; tixus imxarrba b’sustanzi li jkeċċu l-insetti; trab tal-briegħed; sprejs tal-briegħed; kullari tal-briegħed; preparazzjonijiet kontra l-briegħed; kullari kontra l-briegħed tal-annimali; trab tal-briegħed għall-annimali; bijoċidi; elementi kimiċi li jbegħdu l-annimali; preparazzjonijiet veterinarji; vaċċini veterinarji; preparazzjonijiet tal-iġjene għal skopijiet veterinarji”, inklużi fil-Klassi 5.

89      Fid-dawl tal-konklużjoni preċedenti u sa fejn it-tieni motiv ikopri l-istess prodotti bħat-tielet motiv, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminiat it-tieni motiv.

 Fuq l-ispejjeż

90      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 134(2) tal-istess regolament, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

91      F’dan il-każ, l-EUIPO u l-intervenjenti tilfu l-biċċa l-kbira tat-talbiet tagħhom, iżda r-rikorrenti talbet biss il-kundanna tal-intervenjenti għall-ispejjeż.

92      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha iżda li għandha tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, f’dan il-każ, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-intervenjenti għandha tbati nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrenti għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha. L-EUIPO għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

93      Ir-rikorrenti talbet ukoll il-kundanna tal-intervenjenti għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell huma kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. Madankollu, ma huwiex l-istess fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti għall-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Għaldaqstant, l-intervenjenti għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal-11 ta’ Diċembru 2018 (Każ R 276/2018-2) hija annullata sa fejn hija tikkonċerna l-“[p]reparazzjonijiet tal-bijoċidi għall-użu fil-manifattura; preparazzjonijiet kimiċi għall-użu fil-manifattura ta’ bijoċidi; sustanzi kimiċi miżjuda ma’ insettiċidi”, inklużi fil-Klassi 1, u d-“[d]iżinfettanti; preparazzjonijiet għall-qirda tad-dud u l-parassiti; parassitiċidi; preparazzjonijiet batterjoloġiċi għal użu mediku u veterinarju; sprejs mediċinali; sprejs antibatteriċi; insettiċidi; sustanzi li jiġbdu l-insetti lejhom; sprejs ripellenti tal-insetti; ripellenti tal-insetti; tixus imxarrba b’sustanzi li jkeċċu l-insetti; trab tal-briegħed; sprejs tal-briegħed; kullari tal-briegħed; preparazzjonijiet kontra l-briegħed; kullari kontra l-briegħed tal-annimali; trab tal-briegħed għall-annimali; bijoċidi; elementi kimiċi li jbegħdu l-annimali; preparazzjonijiet veterinarji; vaċċini veterinarji; preparazzjonijiet tal-iġjene għal skopijiet veterinarji”, inklużi fil-Klassi 5.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Canina Pharma GmbH għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, nofs l-ispejjeż sostnuti minn SolNova AG quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll l-ispejjeż indispensabbli sostnuti minnha għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem l-EUIPO.

4)      SolNova għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali.

5)      L-EUIPO għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Costeira

Berke

Perišin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Mejju 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.