Language of document : ECLI:EU:T:2013:372

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

11 ta’ Lulju 2013 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja verbali GRUPPO SALINI — Mala fide — Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑321/10,

SA.PAR. Srl, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn A. Masetti Zannini de Concina, M. Bussoletti u G. Petrocchi, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Mannucci u P. Bullock, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Salini Costruttori SpA, stabbilita f’Ruma, irrappreżentata minn C. Bellomunno u S. Troilo, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat mid-deċiżjoni tal-Ewwel Awla tal-Bord tal-Appell tal-UASI tal-21 ta’ April 2010 (Każ R 219/2009‑1), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Salini Costruttori SpA u SA.PAR. Srl,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, S. Soldevila Fragoso u G. Berardis (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Awwissu 2010,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Novembru 2010,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Novembru 2010,

wara s-seduta tad-19 ta’ April 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-12 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti SA.PAR. Srl, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal‑20 ta’ Diċembru 1994, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas‑26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali GRUPPO SALINI.

3        Is-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il‑klassijiet 36, 37 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u ta’ servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 36: “assigurazzjonijiet; affarijiet finanzjarji; affarijiet monetarji; affarijiet ta’ proprjetà immobbli”;

–        klassi 37: “il-kostruzzjoni ta’ bini; tiswija; servizzi ta’ installazzjoni”;

–        klassi 42: “servizzi xjentifiċi u teknoloġiċi u riċerka u disinn relatati mal-istess; servizzi ta’ analiżi u riċerki industrijali; id-disinn u l-iżvilupp ta’ ħardwer u softwer tal-kompjuter; servizzi legali”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 7/2005, tal-14 ta’ Frar 2005. It-trade mark ġiet irreġistrata fit-12 ta’ Settembru 2005, taħt ir-reġistrazzjoni Nru 3831161.

5        Fil-5 ta’ Ottubru 2007, l-intervenjenti Salini Costruttori SpA, ressqet quddiem l-UASI talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade mark għas-servizzi kollha li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata. Il-motivi għall-invalidità li ġew invokati insostenn ta’ din it-talba kienu dawk imsemmija l-ewwel nett, fl-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009], it-tieni nett, fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009], moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009], u t-tielet nett, fl-Artikolu 52(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009], moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009]. In sostenn ta’ din it-talba, l-intervenjenti invokat is-sinjal SALINI użat fl-Italja u li huwa magħruf li jirrappreżenta s-servizzi “affarijiet ta’ proprjetà immobbli; il-kostruzzjoni ta’ bini; tiswija; servizzi ta’ installazzjoni; servizzi ta’ disinn”.

6        Fis-17 ta’ Diċembru 2008, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kollha kemm hi. B’mod iktar speċifiku, peress li t-talba kienet ibbażata fuq l-Artikolu 52(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) ta’ dan l-istess regolament, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sabet li d-dokumentazzjoni prodotta mill-intervenjenti ma kinitx biżżejjed sabiex turi l-eżistenza ta’ “użu preċedenti” tas-sinjal verbali SALINI. Peress li t-talba kienet ibbażata fuq l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan l-istess regolament, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sabet li l-intervenjenti kienet ippreżentat insostenn ta’ dan il-motiv l-istess dokumentazzjoni bħal dik mibgħuta insostenn tal-motiv preċedenti u kkonkludiet li s-sinjal tal-intervenjenti ma kienx laħaq il-livell minimu mitlub ta’ għarfien tat-trade mark. Fl-aħħar nett, billi t-talba kienet ibbażata fuq l-Artikolu 51(1)(b) ta’ dan ir-regolament, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni essenzjalment sabet li l-intervenjenti ma kinitx f’pożizzjoni li tipproduċi l-prova ta’ mala fide tar-rikorrenti.

7        Fid-9 ta’ Frar 2009, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l-UASI mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

8        Permezz tad-deċiżjoni tal-21 ta’ April 2010 (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell, billi annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u billi ddikjara invalida t-trade mark Komunitarja inkwistjoni.

9        L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li minħabba l-fatt li f’din il-kawża dawn kienu attivitajiet kummerċjali li jikkonsistu fit-twettiq ta’ xogħlijiet kbar ta’ inġinerija, kien żbaljat għad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li tikkunsidra li l-provi prodotti mill-intervenjenti, sabiex juru l-użu mogħti mir-reputazzjoni ġenerali fl-Italja lis-sinjal SALINI, ma kinux biżżejjed. Fil-fehma tiegħu, il-pubbliku kkonċernat minn dawn is-servizzi huwa magħmul mill-iżviluppaturi, jiġifieri entitajiet pubbliċi jew privati klijenti fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti. Għalhekk, li sempliċement turi t-twettiq tax-xogħlijiet jipprova li dan il-pubbliku kien ġie espost għas-sinjal tal-intervenjenti. Id-dokumenti ppreżentati mill-intervenjenti fil-proċess, inklużi dawk prodotti quddiem il-Bord tal-Appell u ddikjarati ammissibbli minn din tal-aħħar, jipprovaw suffiċjentement li l-kunjom “Salini” huwa użat bħala trade mark mill-intervenjenti fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha bħala impriża u li hija kienet magħrufa fl-Italja fis-sens tal-Artikolu 6a tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, tal-20 ta’ Marzu 1883, kif rivedut u emendat. Madankollu hija qieset li l-provi wrew l-użu tas-sinjal biss għal parti mis-servizzi mitluba u l-użu ma setax jiġi pprovat għas-servizzi “assigurazzjonijiet; affarijiet finanzjarji; affarijiet monetarji; affarijiet ta’ proprjetà immobbli”.

10      It-tieni nett, fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjal preċedenti SALINI, waħdu jew flimkien mat-terminu “costruttori” u t-trade mark Komunitarja kkontestata GRUPPO SALINI, il-Bord tal-Appell, wara li kkunsidra l-element komuni “salini” bħala l-element dominanti u l-kliem “gruppo” u “costruttori” bħala elementi deskrittivi u ġeneriċi, ikkonkluda li kien jeżisti bejn is-sinjali kunfliġġenti probabbiltà ta’ konfużjoni fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti jekk kienu użati sabiex jirrappreżentaw servizzi u attivitajiet identiċi jew simili, b’mod partikolari għas-servizzi “il-kostruzzjoni ta’ bini; tiswija; servizzi ta’ installazzjoni” li jaqgħu taħt il-klassi 37 u għal “servizzi xjentifiċi u teknoloġiċi u riċerka u disinn relatati mal-istess; servizzi ta’ analiżi u riċerki industrijali” li jaqgħu taħt il-klassi 42. Madankollu, eskluda kull probabbiltà ta’ konfużjoni għas-servizzi “assigurazzjonijiet; affarijiet finanzjarji; affarijiet monetarji; affarijiet ta’ proprjetà immobbli” li jaqgħu taħt il-klassi 36, u għas-servizzi tad-“disinn u l-iżvilupp ta’ ħardwer u softwer tal-kompjuter; servizzi legali” li jaqgħu wkoll taħt il-klassi 42.

11      It-tielet nett, wara li l-Bord tal-Appell ippreċiża li applikant għal trade mark jista’ jiġi kkunsidrat f’mala fide fejn jippreżenta applikazzjoni għal trade mark meta jaf li qed jikkawża dannu lil terz u li dan id-dannu jirriżulta minn imġieba oġġezzjonabbli moralment u kummerċjalment, huwa qies li l-intervenjenti kellha, f’din il-kawża, il-prova ta’ tali mala fide mir-rikorrenti. B’mod iktar partikolari, skont il-Bord tal-Appell, il-mala fide ġiet stabbilita mill-fatt li fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni:

–        ir-rikorrenti kellha sehem sinjifikattiv fil-kapital azzjonarju tal-intervenjenti u li d-diretturi tagħha kienu fuq il-bord tad-diretturi ta’ din tal-aħħar;

–        ir-rikorrenti għalhekk ma setgħetx tinjora l-eżistenza tas-sinjal SALINI u tal-użu tiegħu mill-intervenjenti u, konsegwentement, il-fatt li jittieħdu passi bi ksur tad-drittijiet ta’ din tal-aħħar;

–        kien hemm sitwazzjonijiet kontenzjużi bejn l-intervenjenti u r-rikorrenti, li jikkonfermaw l-intenzjoni minn naħa ta’ din tal-aħħar li tieħu f’idejha d-drittijiet tal-intervenjenti fuq is-sinjal preċedenti.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

13      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

14      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati rispettivament fuq il-ksur tal-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2)(c) tal-istess regolament, il-ksur tal-Artikolu 53(1)(a) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2)(b) ta’ dan l-istess regolament, u l-ksur tal-Artikolu 52(1)(b) ta’ dan ir-regolament. Fil-kuntest ta’ dawn il-motivi, ir-rikorrenti tinvoka wkoll, flimkien ma’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, nuqqas ta’ motivazzjoni.

15      Il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-ewwel nett it-tielet motiv li permezz tiegħu, ir-rikorrenti essenzjalment tikkontesta lill-Bord tal-Appell li wettaq żball ta’ liġi meta kkonkluda li aġixxiet b’mala fide meta ippreżentat applikazzjoni quddiem l-UASI sabiex tirreġistra t-trade mark ikkontestata bħala trade mark Komunitarja. Il-Bord tal-Appell ibbaża l-konklużjoni tiegħu fuq l-eżistenza ta’ mala fide tar-rikorrenti billi kkunsidra biss ir-relazzjoni bejn id-diretturi ta’ din tal-aħħar u dawk tal-intervenjenti kif ukoll fil-kuntest tal-kawża bejniethom quddiem il-qrati Taljani, mingħajr ma l-allegat għarfien tad-dannu kkawżat lill-intervenjenti mir-rikorrenti ma jirriżulta minn argument jew huwa sostnut bil-provi.

16      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

17      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ “l-ewwel applikant”, stabbilit fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Skont dan il-prinċipju, sinjal jista’ biss jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja sa fejn trade mark preċedenti ma tkunx tostakolah, kemm jekk din tkun trade mark Komunitarja, trade mark irreġistrata fi Stat Membru jew mill-Uffiċċju tal-Benelux dwar il-proprjetà intellettwali jew inkella trade mark li kisbet reġistrazzjoni internazzjonali li għandha effett fi Stat Membru jew trade mark li kienet is-suġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li għandha effett fl-Unjoni. Madankollu, bla ħsara għall-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, l-użu uniku minn terz ta’ trade mark mhux irreġistrata ma jipprekludix lil trade mark identika jew simili milli tkun irreġistrata bħala trade mark Komunitarja għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Frar 2012, Peeters Landbouwmachines vs UASI – Fors MW (BIGAB), T‑33/11, punt 16, u tal-21 ta’ Marzu 2012, Feng Shen Technology vs UASI – Majtczak (FS), T‑227/09, punt 31].

18      L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija kkwalifikata, b’mod partikolari, mill-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li skont tali artikolu, l-invalidità tat-trade mark Komunitarja għandha tiġi ddikjarata, fuq talba mressqa quddiem l-UASI jew fuq kontrotalba fi proċedimenti ta’ invalidità, fil-każ fejn l-applikant kien f’mala fide fil-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark. Min iressaq it-talba għall-invalidità u biħsiebu jinvoka din ir-raġuni, għandu jipprova ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-konklużjoni li l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja kien f’mala fide meta ppreżenta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ din tal-aħħar (sentenzi BIGAB, punt 17 iktar ’il fuq, punt 17, u FS, punt 17 iktar ’il fuq, punt 32).

19      Il-kunċett ta’ mala fide, imsemmi fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, hekk kif stabbilit mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C‑529/07, Ġabra p. I‑4893, I‑4896, iktar ’il quddiem is-“sentenza Lindt Goldhase”), la huwa definit, la huwa delimitat u lanqas huwa deskritt b’xi mod fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

20      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li fis-sentenza Lindt Goldhase, punt 19 supra, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’talba għal deċiżjoni preliminari, ippreċiżat il-mod kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ mala fide kif imsemmi fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

21      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-mala fide tal-applikant, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha relatati mal-każ ineżami u eżistenti fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, u b’mod partikolari, l-ewwel nett, il-fatt li l-applikant jaf jew għandu jkun jaf li terz juża, tal-inqas fi Stat Membru wieħed, sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodott jew servizz identiku jew li jixxiebah li jista’ jwassal għal konfużjoni mas-sinjal li għalih qed issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni, it-tieni nett, l-intenzjoni tal-applikant li jipprekludi lil dan it-terz milli jkompli juża tali sinjal, kif ukoll, it-tielet nett, il-livell ta’ protezzjoni ġuridika li jgawdu minnha s-sinjal tat-terz u s-sinjal li għalih qed issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni (sentenza Lindt Goldhase, punt 19 iktar ’il fuq, punt 53).

22      Madankollu, huwa ċar mill-kliem użat f’din is-sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-fatturi elenkati hawn huma mogħtija biss bħala eżempji fost ġabra ta’ elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biex tippronunzja ruħha fuq l-eventwali mala fide ta’ applikant għal reġistrazzjoni, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark (sentenzi tal-Qorti Ġenerali BIGAB, punt 17 iktar ’il fuq, punt 20, u tat-13 ta’ Diċembru 2012, pelicantravel.com vs UASI – Pelikan (Pelikan), T‑136/11, punt 26).

23      Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest tal-analiżi globali mwettqa skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni l-loġika kummerċjali li ntużat fil-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal bħala trade mark Komunitarja (sentenza BIGAB, punt 17 iktar ’il fuq, punt 21), kif ukoll tas-sekwenza ta’ avvenimenti kkaratterizzati minn din il-preżentata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Ġunju 2010, Internetportal und Marketing, C‑569/08, Ġabra p. I‑4871, punt 52).

24      Huwa partikolarment fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u sal-punt li japplikaw għal din il-kawża li huwa meħtieġ li tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, billi l-Bord tal-Appell wasal għall-konklużjoni tal-eżistenza ta’ mala fide mir-rikorrenti fil-mument tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata.

25      F’din il-kawża, jirriżulta mill-proċess u ma jistax jiġi serjament ikkontestat li r-rikorrenti ma setgħetx tinjora, jew tkun taf, li l-intervenjenti ilha tuża fl-Italja kif ukoll barra mill-pajjiż, is-sinjal SALINI, waħdu jew flimkien ma’ “costruttori” fl-oqsma tal-kostruzzjoni u tad-disinn ta’ xogħlijiet pubbliċi ta’ infrastruttura kbar, tal-kostruzzjoni tal-bini u tas-servizzi ta’ disinn fis-settur tal-inġinerija ċivili. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, skont l-UASI, li l-għarfien li r-rikorrenti kellha tas-sitwazzjoni kummerċjali u fi ħdan l-intervenjenti, inkluż il-fatt li, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark, din kienet qed tesperjenza perijodu ta’ tkabbir qawwi u kienet fil-proċess li ssaħħaħ ir-reputazzjoni tagħha u s-sehem tagħha fis-suq kemm fl-Italja u barra mill-pajjiż, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 31 u 35 tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jitqies li huwa għarfien “kwalifikat”, miksub minn persuni li mhux biss huma parti mill-familja Salini bħala membri tal-intervenjenti, iżda kellhom sehem finanzjarju maġġuri fil-kapital azzjonarju ta’ din tal-aħħar jew li joperaw fi ħdanha permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-amministrazzjoni tagħha, hekk kif jirriżulta wkoll mill-punti 70 sa 72 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li fid-dawl tal-pożizzjonijiet ta’ livell għoli li membri tar-rikorrenti għandhom fit-tmexxija tal-intervenjenti jew il-parteċipazzjoni tagħhom fuq bordijiet tad-diretturi ta’ din tal-aħħar, dawn kienu f’pożizzjoni li tista’ tinfluwenza l-għażliet tal-intervenjenti, inklużi dawk tal-eventwali reġistrazzjoni tas-sinjal li din tal-aħħar kienet ilha tagħmel użu minnu għal żmien twil. F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, jirriżulta mill-fajl amministrattiv quddiem l-UASI li wieħed mill-membri F. S. S., kien, mill-2000 sal-2003, president tal-bord tad-diretturi tal-intervenjenti.

26      Tali għarfien minn naħa tal-applikant għal trade mark, għalkemm “ikkwalifikat” bħal dak tar-rikorrenti f’din il-kawża, madankollu, ma huwiex waħdu suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-mala fide ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-intenzjoni tal-applikant fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (sentenza Lindt Goldhase, punt 19 iktar ’il fuq, punti 40 u 41).

27      L-intenzjoni tal-applikant fil-mument rilevanti huwa element suġġettiv li għandu jiġi stabbilit b’referenza għaċ-ċirkustanzi oġġettivi tal-każ ineżami (sentenza Lindt Goldhase, punt 19 iktar ’il fuq, punt 42).

28      Għalhekk, kif issuġġerit mill-UASI, sabiex tevalwa eventwali mala fide tagħha, għandhom jiġu eżaminati l-intenzjonijiet tal-applikanti għal trade mark hekk kif jistgħu jiġu dedotti miċ-ċirkustanzi oġġettivi u mill-azzjonijiet konkreti tagħha, mir-rwol tagħha jew mill-pożizzjoni tagħha, mill-għarfien li għandha fir-rigward tal-użu tas-sinjal preċedenti, mir-rabtiet ta’ natura kuntrattwali, prekuntrattwali jew postkuntrattwali li kellha mal-applikanti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, mill-eżistenza ta’ dmirijiet jew obbligi reċiproċi, inklużi d-dmirijiet ta’ lealtà u ta’ onestà li jirriżultaw mill-mandati fil-kumpannija jew mill-funzjonijiet ta’ tmexxija mwettqa jew li għad għandhom jitwettqu fl-impriża tal-applikanti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, u, b’mod iktar ġenerali, mis-sitwazzjonijiet oġġettivi kollha ta’ kunflitt ta’ interessi fejn l-applikanti għal trade mark opera.

29      Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma llimitax ruħu li jieħu inkunsiderazzjoni l-għarfien li kellha din tal-aħħar tal-użu tas-sinjal mill-intervenjenti bis-saħħa tal-pożizzjoni privileġġata tagħha bħala azzjonista tagħha, li fil-fatt ir-rikorrenti ma tikkontestax, iżda kkonstata wkoll il-mala fide tagħha billi bbaża ruħu fuq sett ta’ ċirkustanzi oġġettivi li jistgħu jiċċaraw l-intenzjonijiet tagħha jew dawk tad-diretturi tagħha.

30      Fl-ewwel lok, hekk kif imfakkar mill-ġurisprudenza, il-kronoloġija tal-avvenimenti li wasslu għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata tista’ tikkostitwixxi element rilevanti għall-evalwazzjoni tal-mala fide (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Internetportal und Marketing, punt 23 iktar ’il fuq, punt 52). F’dan il-każ, il-fatt li r-rikorrenti applikat għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, li għaliha l-ebda użu minn qabel ma kien ipprovat, biss ftit xhur wara l-bidu ta’ kontenzjuż mal-intervenjenti u li kien ħoloq fażi ta’ inċertezza fir-rigward tal-ekwilibriju intern ta’ din, jistħoqqlu attenzjoni speċjali, hekk kif il-Bord tal-Appell ġustament qies fil-punt 74 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ eventwali mala fide min-naħa tar-rikorrenti. Barra minn hekk, jirriżulta mill-proċess li matul il-perijodu ta’ qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, l-intervenjenti żiedet b’mod sinjifikattiv id-dħul mill-bejgħ tagħha kif ukoll il-grad ta’ reputazzjoni tagħha, li wassalha sabiex tingħadd fost l-ikbar operaturi fis-settur tal-inġinerija ċivili fl-Italja, hekk kif jirriżulta mill-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, bis-saħħa tal-pożizzjoni tagħha bħala azzjonista b’sehem sinjifikattiv tal-kapital azzjonarju tal-intervenjenti, ir-rikorrenti ma setatx tinjora r-riskju tad-dannu li r-reġistrazzjoni f’isimha ta’ sinjal li jagħmel użu minn kunjom kważi identiku għal dak li kien ilu użat għal żmien twil mill-intervenjenti, b’din tal-aħħar imbagħad tkun qed tesperjenza tkabbir qawwi fl-oqsma kkonċernati, kien ta’ dannu għaliha.

31      Fit-tieni lok, il-fatt li r-rikorrenti kienet taf jew li kienet tallega li taf, li l-intervenjenti ma kinitx interessata mir-reġistrazzjoni tas-sinjal li jagħmel użu mill-kunjom SALINI jamplifika, fid-dawl tal-kuntest fattwali partikolari li kien deskritt iktar ’il fuq, il-kunflitt ta’ interessi potenzjali li fih kienet tinsab ir-rikorrenti fir-rigward tal-intervenjenti. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż, li l-ebda element imsemmi mir-rikorrenti ma jeskludi li l-intervenjenti kienet għażlet li ma tirreġistrax dan is-sinjal fir-rigward tal-pubbliku speċifiku li jindirizza s-servizzi tiegħu jew saħansitra taħt l-allegat ftehim taċitu, li l-eżistenza tiegħu ġiet invokata mir-rikorrenti, fost il-membri kollha tal-familja Salini għall-użu tal-kunjom fl-attivitajiet rispettivi tagħhom, filwaqt li xorta tintalab il-kisba ta’ protezzjoni ġuridika u reputazzjoni irrispettivament mir-reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal distintiv. Għalhekk, fil-punt 71 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li l-fatt li r-rikorrenti, fid-dawl tas-sehem sinjifikattiv fil-kapital azzjonarju tal-intervenjenti, aġixxiet f’isimha minflok f’isem din tal-aħħar, kien indikazzjoni tal-mala fide tagħha.

32      Fit-tielet lok, in-natura tat-trade mark tista’ tkun rilevanti wkoll għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ imġieba f’mala fide (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lindt Goldhase, punt 19 iktar ’il fuq, punt 50). F’dan ir-rigward, il-fatt li saret applikazzjoni għal trade mark verbali li tikkonsisti sempliċement fil-kunjom “Salini” flimkien mal-kelma “gruppo”, li tradizzjonalment jindika l-preżenza ta’ grupp ta’ impriżi li joperaw taħt l-istess isem, mhux biss ma jsegwi l-ebda loġika kummerċjali, iżda huwa probabbli li jikkonferma l-intenzjoni li ser isir użu tad-drittijiet tat-trade mark tal-intervenjenti, li bħala kumpannija parent ta’ grupp li fil-mument tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħmel parti minnu numru ta’ impriżi, kienet l-unika waħda li tuża’, jekk ikun meħtieġ, l-espressjoni “gruppo salini” hekk kif essenzjalment jirriżulta mill-analiżi mwettqa mill-Bord tal-Appell fil-punti 70 u 71 tad-deċiżjoni kkontestata. Jirriżulta wkoll mill-fajl amministrattiv quddiem l-UASI li, b’mod partikolari, hemm referenza għal din l-espressjoni fil-kodiċi ta’ etika adottat mill-bord tad-diretturi tal-intervenjenti fl-2003, jiġifieri qabel l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. B’mod iktar speċifiku, fil-punt 2 ta’ dan il-kodiċi, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, huwa indikat li “ġie miktub għall-Gruppo Salini kollu kemm huwa” u li “bil-Gruppo Salini jinftiehem Salini Costruttori SpA u kwalunkwe kumpanija kkontrollata minn din”. Madankollu, ir-rikorrenti ma tistax issostni li hija ma kinitx taf bl-eżistenza tal-kodiċi ta’ etika u bid-definizzjoni tal-espressjoni “gruppo salini” preżenti fih billi hija ppreżentat l-applikazzjoni għal trade mark.

33      Għandu jingħad ukoll, li għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-mala fide tal-applikant għal trade mark, jista’ fl-aħħar nett jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ reputazzjoni li jgawdi minnha sinjal fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha, u dan peress li tali livell ta’ reputazzjoni jista’ preċiżament jiġġustifika l-interess tal-applikant sabiex jiżgura protezzjoni ġuridika iktar estiża tas-sinjal tiegħu (sentenza Lindt Goldhase, punt 19 iktar ’il fuq, punti 51 u 52). F’din il-kawża, għandu jitqies li mkien fil-proċess ma jirriżulta li fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, it-trade mark ikkontestata kienet diġà intużat, waqt li huwa stabbilit li s-sinjal tal-intervenjenti kien użat għal diversi għexieren ta’ snin u li matulhom din tal-aħħar esperjenzat tkabbir sinjifikattiv fl-attività tagħha fl-Italja matul snin reċenti, li saħħaħ ir-reputazzjoni tagħha fost il-pubbliku kkonċernat.

34      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-analiżi mwettqa mill-Bord tal-Appell, li tikkonkludi li kien hemm mala fide mir-rikorrenti fil-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark, għandha tiġi kkonfermata. Ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jippreġudika din il-konklużjoni.

35      L-ewwel nett, il-fatt diġà msemmi fil-punt 31 iktar ’il fuq, li jgħid li l-intervenjenti ma wrietx interess fil-protezzjoni tas-sinjal preċedenti fl-Unjoni Ewropea qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark, u dan minkejja l-allegat użu tiegħu fl-Italja mill-1940, ma jippermettix li jiġi stabbilit li r-rikorrenti ma kinitx f’mala fide matul din il-preżentata, għalhekk tali ċirkustanza taqa’ fl-isfera suġġettiva tal-intervenjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza FS, punt 17 iktar ’il fuq, punt 51). Barra minn hekk, il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li tiddikjara invalida trade mark meta l-applikant tagħha qed jaġixxi f’mala fide fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, mingħajr ma tasal għad-dekadenza minħabba tolleranza sabiex tibda azzjoni bħal din, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 207/2009, jindirizza speċifikament ir-rekwiżit li tiġi żgurata protezzjoni wiesgħa lil kull impriża li tagħmel użu minn sinjal li għadu ma ġiex irreġistrat. Barra minn hekk, ir-rikorrenti, fil-kapaċità tagħha ta’ azzjonista u li għandha sehem sinjifikattiv fil-kapital azzjonarju tal-intervenjenti, kif ukoll fid-dawl tal-funzjonijiet u tal-mandati li wħud mid-diretturi tagħha jeżerċitaw jew kienu jeżerċitaw fl-istruttura ta’ din il-kumpannija, għandha tkun taf il-motivi ta’ dan l-allegat nuqqas ta’ interess tal-intervenjenti għall-protezzjoni tas-sinjal inkwistjoni li jagħmel użu minn kunjom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq l-allegata sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ interess tal-intervenjenti, li seta’ jikkontribwixxi għall-identifikazzjoni jew li għall-kuntrarju u fi kwalunkwe każ, setgħat topponi, sabiex issostni l-assenza ta’ mala fide min-naħa tagħha fil-preżentata tal-applikazzjoni tat-trade mark.

36      Dan huwa l-istess f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-intervenjenti ħalliet iktar minn tliet snin jgħaddu qabel ma fetħet azzjoni quddiem l-UASI. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ reazzjoni immedjata mill-intervenjenti għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, li, barra minn hekk, lanqas ma kienet ġiet ippreċeduta mill-użu ta’ din it-trade marka, fir-rigward ta’ element li jaqa’ fl-isfera suġġettiva tal-intervenjenti, ma jistax ikollu influwenza fuq il-kwalifika tal-intenzjonijiet li mmotivaw lir-rikorrenti fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

37      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-kunjom Salini jintuża ħafna mill-kumpanniji l-oħra, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, hekk kif ikkunsidra l-UASI, li f’din il-kawża, dan jirrigwarda impriżi mmexxija minn persuni li għandhom l-istess kunjom, li l-użu tagħhom bl-ebda mod ma seta’ jiġi ostakolat mill-intervenjenti, u mhux minn trade marks li ġew irreġistrati u li huma komposti minn dan l-istess kunjom.

38      It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-eżistenza ta’ allegat ftehim taċitu bejn il-membri tal-familja Salini, li permezz tiegħu dawn kienu ġew awtorizzati jagħmlu użu minn dan il-kunjom għall-attivitajiet professjonali tagħhom (ara, ukoll, punt 31 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkunsidrat li tali ftehim, minflok juri l-assenza ta’ mala fide min-naħa tar-rikorrenti, juri fil-fatt in-nuqqas ta’ lealtà tal-imġieba tagħha. Fil-fatt, jekk huwa minnu, tali ftehim ma jestendix għall-użu tal-kunjom bħala trade mark Komunitarja, u fi kwalunkwe każ, lanqas ma jagħti lil min għandu dan il-kunjom id-dritt li jirreġistra dan bħala trade mark Komunitarja. B’kuntrast u kuntrarjament għal dak li jidher li tallega r-rikorrenti, huwa possibbli li tiġi pprojbita r-reġistrazzjoni ta’ tali trade mark, anki jekk l-applikant għar-reġistrazzjoni effettivament għandu dan il-kunjom, jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tikser dritt preċedenti.

39      F’dan ir-rigward, għandu fil-fatt jitfakkar li, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009, it-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju dritt esklużiv, li jagħtih id-dritt li jipprojbixxi lil kull terz milli juża’ sinjal, li minħabba li huwa identiku jew li jixbah din it-trade mark u minħabba li huwa identiku jew li jixbah prodotti jew servizzi li huma koperti minn din it-trade mark u mis-sinjal ikkonċernat, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku [sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Jannar 2012, Hell Energy Magyarország vs UASI – Hansa Mineralbrunnen (HELL), T‑522/10, punt 73]. Madankollu, tali dritt esklużiv imur kontra l-istess għan tal-allegat ftehim taċitu invokat mir-rikorrenti.

40      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jirriżulta mill-fatt li l-kontenzjuż quddiem il-qrati Taljani, li għalih isir riferiment ripetutament fl-atti tal-partijiet kif ukoll, b’mod partikolari, fil-punti 3, 4 u 74 tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa bbażat fuq motivi purament interni għall-intervenjenti u jikkonċerna biss lill-membri tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li minħabba fl-istruttura tal-kumpannija tal-intervenjenti, li l-ishma tagħha huma essenzjalment maqsuma bejn żewġ fergħat tal-familja Salini, li waħda minnhom tikkorrispondi għar-rikorrenti, dan l-argument huwa irrilevanti. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ tali kontenzjuż huwa biss rilevanti għall-finijiet li jiġi stabbilit il-kuntest li fih il-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark ġiet magħmula, irrispettivament minn jekk il-kwistjoni li wasslet għal dan il-kontenzjuż seħħx fi ħdan l-intervenjenti jew kienx jaffettwa lil din tal-aħħar u lir-rikorrenti. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif ikkunsidrat mill-UASI, li għall-inqas F. S. S. kien fil-mument tal-fatti f’pożizzjoni oġġettiva ta’ kunflitt ta’ interessi minħabba fir-rwol doppju tiegħu bħala membru ta’ kull kumpannija, li ma jistax jiġi injorat fid-dawl tar-rwol li huwa lagħab fl-istruttura tal-kumpannija tal-intervenjenti, li tagħha huwa kien president tal-bord tad-diretturi bejn l-2000 u l-2003 (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), kif ukoll direttur tekniku tagħha iktar wara.

41      F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni invokata mir-rikorrenti fit-titolu tat-tielet motiv, kif ukoll b’mod inċidentali u ġeneriku, fit-test tiegħu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-ewwel frażi tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, li għandha l-istess portata bħal dik stabbilita fl-Artikolu 296 TFUE, għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att. Dan l-obbligu għandu għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati jsiru jafu bil-ġustifikazzjoni tal-miżura li ttieħdet sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u min-naħa l-oħra, lill-Qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ April 2009, Zuffa vs UASI (ULTIMATE FIGHTING CHAMPIONSHIP), T‑118/06, Ġabra p. II‑841, punt 19, u tal-14 ta’ Lulju 2011, Winzer Pharma vs UASI – Alcon (OFTAL CUSI), T‑160/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 35]. Il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha, kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza ULTIMATE FIGHTING CHAMPIONSHIP, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’din il-kawża, l-eżami tad-deċiżjoni kkontestata jippermetti li jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell qies, fil-punti 68 sa 74 ta’ din id-deċiżjoni, il-motivi li għalihom hija tqis, fid-dawl tal-elementi differenti tal-proċess, li l-prova ta’ mala fide mir-rikorrenti fil-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġiet prodotta mill-intervenjenti.

43      Fil-fatt, dawn l-argumenti, minn naħa ppermettew lir-rikorrenti ssir taf bil-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni li ttieħdet sabiex tiddefendi d-drittijiet tagħha, u min-naħa l-oħra ppermettew ukoll lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti tallega, ma jistax jiġi kkontestat lill-Bord tal-Appell li ma ġġustifikax id-deċiżjoni tiegħu f’dan ir-rigward.

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda l-invalidità tat-trade mark ikkontestata fuq il-bażi tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, meta jitqies li din ġiet ippreżentata bi ksur tal-prinċipji ta’ lealtà u ta’ onestà, li fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, kien ir-rikorrenti li kellu jissodisfa dawn fir-rigward tal-intervenjenti.

45      Għalhekk, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

46      Fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni motivi, jirriżulta mill-Artikoli 52 u 53 tar-Regolament Nru 207/2009, li huwa biżżejjed li waħda mill-kawżi ta’ invalidità elenkati f’dawn id-dispożizzjonijiet tapplika sabiex tintlaqa’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta tasal għall-konklużjoni li waħda mill-kawżi ta’ invalidità invokati mill-applikant għal talba ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità hija fondata, il-Qorti Ġenerali tista’ tillimita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ motiv tar-rikors li jirrigwarda din il-kwistjoni, li huwa suffiċjenti sabiex id-deċiżjoni li tilqa’ t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun fondata fid-dritt [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 2008, Indorata-Serviços e Gestão vs UASI, C‑212/07 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 27 u 28; ara is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Marzu 2007, Sigla vs UASI – Elleni Holding (VIPS), T‑215/03, Ġabra p. II‑711, punt 100; u tas-7 ta’ Diċembru 2010, Nute Partecipazioni u La Perla vs UASI – Worldgem Brands (NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC), T‑59/08, Ġabra p. II‑5595, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Dan huwa iktar u iktar minnu, bħal f’din il-kawża, fejn waħda mill-kawżi ta’ invalidità kkunsidrata mill-Bord tal-Appell hija dik relatata mal-mala fide tal-applikant għal trade mark taħt l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

48      Fil-fatt, hekk kif ġie ġustament irrilevat mill-UASI, l-eżistenza tal-mala fide fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni iwassal fih innifsu għall-invalidità tat-trade mark ikkontestata kollha. Barra minn hekk, meta l-Bord tal-Appell jikkunsidra, bħal f’din il-kawża, li waħda mill-kawżi ta’ invalidità invokati mill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija fondata, iżda jiddeċiedi li jeżamina u fejn ikun xieraq, li jikkunsidra wkoll il-kawżi l-oħra ta’ invalidità invokati eventwalment, dik il-parti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tiegħu ma tikkostitwixxix il-bażi neċessarja tad-dispożittiv li jilqa’ t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li hija fondata, skont il-liġi, fuq il-kawża ta’ invalidità li twassal għall-invalidità tat-trade mark ikkontestata kollha, li f’din il-kawża hija dik relatata mal-mala fide tal-applikant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC, punt 47 iktar ’il fuq, punt 70).

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-ewwel u t-tieni motivi, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm huwa.

 Fuq l-ispejjeż

50      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

51      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      SA.PAR. Srl hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Soldevila Fragoso

Berardis

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Lulju 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.