Language of document : ECLI:EU:T:2013:424

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

13 ta’ Settembru 2013 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja verbali CASTEL — Raġuni assoluta għal rifjut — Karattru deskrittiv — Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Ammissibbiltà — Raġuni assoluta għal rifjut invokata quddiem il-Bord tal-Appell — Eżami ex officio tal-fatti — Artikolu 76(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑320/10,

Fürstlich Castell’sches Domänenamt Albrecht Fürst zu Castell-Castell, stabbilita f’Castell (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. Kunze, G. Würtenberger u T. Wittmann, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn P. Geroulakos u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Castel Frères SAS, stabbilita fi Blanquefort (Franza), irrappreżentata minn A. von Mühlendahl u H. Hartwig, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tal-4 ta’ Mejju 2010 (Każ R 962/2009-2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Fürstlich Castell’sches Domänenamt Albrecht Fürst zu Castell-Castell et Castel Frères SAS,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Labucka u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Awwissu 2010,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Novembru 2010,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Novembru 2010,

wara l-emenda tal-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali,

wara s-seduta tat-8 ta’ Novembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 It-talbiet tal-partijiet

9        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-UASI jħallas l-ispejjeż tal-kawża.

10      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

11      Waqt is-seduta, l-intervenjenti kkomunikat li tirrinunzja għall-Annessi I. 9 u I. 10 tar-risposta tagħha, ippreżentati l-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Id-dritt

[omissis]

 Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(d) u tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009

[omissis]

24      Mill-eżami tal-fajl amministrattiv jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 207/2009 ma tqajjimx quddiem il-Bord tal-Appell u li għaldaqstant ġie ppreżentat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali.

25      Fi kwalunkwe każ, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, din ir-raġuni assoluta għal rifjut ma kellhiex tiġi eżaminat ex officio mill-Bord tal-Appell fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

26      Skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, waqt l-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut, l-eżaminaturi tal-UASI u, fuq appell, il-Bordijiet tal-Appell tal-UASI għandhom jeżaminaw ex officio l-fatti sabiex jiddeterminaw jekk it-trade mark li għaliha qed tintalab ir-reġistrazzjoni taqax jew le taħt waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni li jissemmew fl-Artikolu 7 tal-istess regolament. Minn dan isegwi li l-korpi kompetenti tal-UASI jistgħu jitwasslu li jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq fatti rilevanti li ma jkunux tqajmu mill-applikant. L-UASI għandu l-obbligu li jeżamina ex officio l-fatti rilevanti li jistgħu jwassluh li japplika raġuni assoluta għal rifjut [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, Ġabra p. I‑5719, punt50 ; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, Develey vs UASI (Forma ta’ flixkun tal-plastik), T‑129/04, Ġabra p. II‑811, punt 16, u tat-12 ta’ April 2011, Fuller & Thaler Asset Management vs UASI (BEHAVIOURAL INDEXING u BEHAVIOURAL INDEX), T‑310/09 u T‑383/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 29].

27      Madankollu, fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-UASI ma jistax jiġi obbligat li jwettaq mill-ġdid l-eżami ex officio tal-fatti rilevanti, imwettaq mill-eżaminatur, li jistgħu jwassluh li japplika r-raġunijiet assoluti għal rifjut. Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 52 u 55 tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li t-trade mark Komunitarja hija kkunsidrata bħala valida sakemm tiġi ddikjarata invalida mill-UASI wara l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Għaldaqstant hija tibbenefika minn preżunzjoni ta’ validità, li tikkostitwixxi l-konsegwenza loġika tal-kontroll imwettaq mill-UASI fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

28      Din il-preżunzjoni ta’ validità tillimita l-obbligu tal-UASI, li jinsab fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li jeżamina ex officio l-fatti rilevanti li jistgħu jwassluh li japplika r-raġunijiet assoluti għal rifjut għall-eżami tal-applikazzjoni ta’ trade mark Komunitarja mwettaq mill-eżaminaturi tal-UASI u, fuq appell, mill-Bordijiet tal-Appell waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark. Fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, peress li huwa preżunt li t-trade mark Komunitarja rreġistrata hija valida, huma l-persuna li ppreżentaw it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandhom jinvokaw quddiem l-UASI l-elementi konkreti li jikkontestaw il-validità tagħha.

29      Minn dak li ntqal preċedentement, fil-kuntest tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, il-Bord tal-Appell ma kienx obbligat li jeżamina ex officio l-fatti rilevanti li setgħu jwassluh li japplika r-raġuni assoluta għal rifjut li tirriżulta mill-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 207/2009.

30      Għaldaqstant dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-4 ta’ Mejju 2010 (Każ R 962/2009-2) hija annullata.

2)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn Fürstlich Castell’sches Domänenamt Albrecht Fürst zu Castell-Castell.

3)      Castel Frères SAS għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Kanninen

Labucka

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Settembru 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 –      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat utli għall-pubblikazzjoni.