Language of document : ECLI:EU:T:2013:424

Kawża T‑320/10

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Fürstlich Castell’sches Domänenamt Albrecht Fürst zu Castell-Castell

vs

Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern
(Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja verbali CASTEL — Raġuni assoluta għal rifjut — Karattru deskrittiv — Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Ammissibbiltà — Raġuni assoluta għal rifjut li ma hijiex invokata quddiem il-Bord tal-Appell– Eżami ex officio tal-fatti — Artikolu 76(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla)
tat-13 ta’ Settembru 2013

Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Eżami ex officio tal-fatti — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li tikkonċerna r-raġunijiet assoluti għal rifjut– Eżami limitat għall-motivi invokati

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7(1), 52, 55 u 76(1))

Skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) u, fuq appell, il-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju għandhom jeżaminaw ex officio l-fatti sabiex jiddeterminaw jekk it-trade mark li għaliha qed tintalab ir-reġistrazzjoni taqax jew le taħt waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni li jissemmew fl-Artikolu 7 tal-istess regolament. Minn dan isegwi li l-korpi kompetenti tal- Uffiċċju jistgħu jitwasslu li jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq fatti rilevanti li ma jkunux tqajmu mill-applikant. L-Uffiċċju għandu l-obbligu li jeżamina ex officio l-fatti rilevanti li jistgħu jwassluh li japplika raġuni assoluta għal rifjut.

Madankollu, fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-Uffiċċju ma jistax jiġi obbligat li jwettaq mill-ġdid l-eżami ex officio tal-fatti rilevanti, imwettaq mill-eżaminatur, li jistgħu jwassluh li japplika r-raġunijiet assoluti għal rifjut. Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 52 u 55 tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li t-trade mark Komunitarja hija kkunsidrata bħala valida sakemm tiġi ddikjarata invalida mill-Uffiċċju wara l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Għaldaqstant hija tibbenefika minn preżunzjoni ta’ validità, li tikkostitwixxi l-konsegwenza loġika tal-kontroll imwettaq mill-Uffiċċju fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

Din il-preżunzjoni ta’ validità tillimita l-obbligu tal-Uffiċċju, li jinsab fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li jeżamina ex officio l-fatti rilevanti li jistgħu jwassluh li japplika r-raġunijiet assoluti għal rifjut għall-eżami tal-applikazzjoni ta’ trade mark Komunitarja mwettaq mill-eżaminaturi tal-Uffiċċju u, fuq appell, mill-Bordijiet tal-Appell waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark. Fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, peress li huwa preżunt li t-trade mark Komunitarja rreġistrata hija valida, huma l-persuna li ppreżentaw it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandhom jinvokaw quddiem l-Uffiċċju l-elementi konkreti li jikkontestaw il-validità tagħha.

(ara l-punti 26-28)