Language of document : ECLI:EU:T:2012:326

Kawża T-523/10

Interkobo sp. z o.o.

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern

(Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva my baby — Trade marks nazzjonali u internazzjonali verbali preċedenti MYBABY u trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti mybaby — Raġuni relattiva għal rifjut — Nuqqas ta’ produzzjoni ta’ provi bil-lingwa tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni — Aspettattivi leġittimi — Regola 19(3), Regola 20(1) u Regola 98(1) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95”

Sommarju tas-sentenza

Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Nuqqas li tiġi prodotta, fit-terminu stabbilit, it-traduzzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali preċedenti — Effett fuq il-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regoli 19(1) sa (3) u 98(1))

Meta l-informazzjoni u l-provi insostenn tal-oppożizzjoni previsti fir-Regola 19(1) u (2) tar-Regolament Nru 2868/95 li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja huma ppreżentati b’lingwa li ma hijiex dik tal-proċedimenti, il-parti li qed topponi hija obbligata tipproduċi, fl-istadju tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, fit-terminu mogħti għall-produzzjoni ta’ din l-informazzjoni u ta’ dawn il-provi, traduzzjoni tagħhom, li għandha tissodisfa rekwiżiti preċiżi fir-rigward tal-forma u tal-kontenut tagħha.

L-ewwel nett, ir-Regola 19(3) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li l-informazzjoni u l-provi li ma ġewx prodotti bil-lingwa tal-proċedimenti għandhom ikunu akkumpanjati bi traduzzjoni. Fir-rigward tar-Regola 98(1) ta’ dan ir-regolament, din tipprevedi li t-traduzzjoni għandha tidentifika d-dokument li għalih hija tirreferi u għandha b’mod partikolari tirriproduċi l-istruttura tiegħu. Moqrija flimkien, dawn iż-żewġ regoli jindikaw, b’mod partikolari, li t-traduzzjoni ta’ informazzjoni jew ta’ waħda mill-provi msemmija fir-Regola 19(1) u (2) tar-Regolament Nru 2868/95 għandha tiġi ppreżentata fil-forma, mhux ta’ sempliċi annotazzjonijiet fid-dokument oriġinali, iżda ta’ dokument bil-miktub wieħed jew iktar separat minnu. Fil-każ fejn dan ir-rekwiżit formali ma huwiex osservat, l-informazzjoni u l-provi msemmija iktar ’il fuq, prodotti mill-parti li qed topponi, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

Dan ir-rekwiżit formali huwa intiż, minn naħa, sabiex il-parti l-oħra fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, kif ukoll id-dipartimenti tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), ikunu jistgħu faċilment jiddistingwu bejn id-dokument oriġinali u t-traduzzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi żgurat li din tal-aħħar hija suffiċjentement ċara. Fi kliem ieħor, l-għan, b’mod partikolari, huwa li jiġi permess li d-dibattitu bejn il-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni jseħħ fuq bażijiet iggarantiti, skont il-prinċipju ta’ kontradittorju u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

It-tieni nett, mir-Regola 98(1) tar-Regolament Nru 2868/95, interpretata fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, jirriżulta li t-traduzzjoni, ippreżentata hekk kif għadu kif issemma fil-forma ta’ dokument bil-miktub separat, għandha tirriproduċi kelma b’kelma l-kontenut tad-dokument oriġinali. F’każ ta’ dubju dwar in-natura fidila tagħha, id-dipartimenti tal-UASI għandhom id-dritt jeħtieġu lill-parti kkonċernata tipproduċi attestazzjoni ta’ konformità tat-traduzzjoni tat-test oriġinali.

(ara l-punti 23-26)