Language of document :

Appell ippreżentat fil-11 ta’ Frar 2022 minn HC mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fl-1 ta’ Diċembru 2021 fil-Kawża T-804/19, HC vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-102/22 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: HC (rappreżentanti: D.Rovetta, V. Villante, avvocati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Diċembru 2021 fil-Kawża T-804/19, HC vs Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI:EU:2021:849, innotifikata lil HC fl-1 ta’ Diċembru 2021;

tiddikjara l-eċċezzjoni ta’ illegalità taħt l-Artikolu 277 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tal-avviż ta’ kompetizzjoni inkwistjoni dwar ir-reġim lingwistiku tagħha bħala ammissibbli u fondata;

tannulla t-“tieni deċiżjoni kkontestata” fl-ewwel istanza, jiġifieri l-ittra/deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2019 li fiha EPSO ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid, billi informa lir-rikorrent li l-Bord tal-Għażla kien ikkonferma d-deċiżjoni tiegħu li ma jistiednux għaċ-ċentru ta’ evalwazzjoni;

tagħti lill-appellant EUR 50.000 bħala kumpens għad-dannu mġarrab.

sussidjarjament, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali taħt appell u tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-appellant kemm tal-ewwel istanza kif ukoll ta’ dawn il-proċeduri ta’ appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan l-appell, l-appellant jinvoka żewġ aggravji prinċipali:

L-ewwel aggravju: Klassifikazzjoni żbaljata tal-fatti u distorsjoni tal-provi mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-evalwazzjoni u tal-ġudizzju tagħha tat-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem mill-appellant fl-ewwel istanza – ksur tal-avviż ta’ kompetizzjoni. L-appellant jallega li l-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat il-fatti, wettqet distorsjoni tal-provi u kisret l-avviż ta’ kompetizzjoni applikabbli għalih fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali u tal-kwalifiki akkademiċi tiegħu.

It-tieni aggravju: Ksur u interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 277 TFUE. Ksur tal-Artikoli 1 sa 4 tar-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 1 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunitá Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ attwalment. Ksur tal-Artikolu 1d u tal-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III tiegħu. L-appellant jallega li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod strett ħafna r-rekwiżit relatat ma’ “konnessjoni mill-qrib” bejn l-avviż ta’ kompetizzjoni inkwistjoni u d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali għall-finijiet tal-eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE kontra tali avviż ta’ kompetizzjoni. L-appellant huwa tal-fehma li hemm tali “konnessjoni mill-qrib” u għalhekk li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tiegħu kontra r-restrizzjoni tal-użu tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni tal-Franċiż u tal-Ingliż hija ammissibbli u fondata.

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 5