Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Milano (l-Italja) fis-17 ta’ Mejju 2021 – PP vs Ministero dell’Interno, Dipartimento per le Libertà civili e l’Immigrazione – Unità Dublino

(Kawża C-315/21)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale di Milano

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: PP

Konvenut: Ministero dell’Interno, Dipartimento per le Libertà civili e l'Immigrazione – Unità Dublino

Domandi preliminari

L-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ksur tagħhom fih innifsu jrendi illegali deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, indipendentement mill-konsegwenzi speċifiċi ta’ dak il-ksur għall-kontenut tad-deċiżjoni u l-identifikazzjoni tal-Istat Membru responsabbli?

L-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 18(1)(a) jew mal-Artikoli 18(2)(b), (c) u (d) u mal-Artikolu 20(5) tar-Regolament ta’ Dublin III, għandu jiġi interpretat fis-sens li jidentifika suġġetti differenti ta’ appell, ilmenti differenti li għandhom jitqajmu fi proċedimenti ġudizzjarji u aspetti differenti ta’ ksur tal-obbligi li tiġi pprovduta informazzjoni u li titwettaq intervista personali skont l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013?

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affirmattiv, l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-garanziji dwar l-informazzjoni, ipprovduti hemmhekk, jiġu żgurati biss fix-xenarju stabbilit fl-Artikolu 18(1)(a) u mhux ukoll fil-proċedura ta’ teħid lura, jew għandhom jiġu interpretati fis-sens li f’dik il-proċedura l-obbligi li tingħata informazzjoni jiġu żgurati mill-inqas fir-rigward tal-waqfien tar-responsabbiltajiet imsemmija fl-Artikolu 19 jew tad-difetti sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea msemmija fl-Artikolu 3(2)?

L-Artikolu 3(2) għandu jkun interpretat fis-sens li ‘difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil’ jinkludi kull konsegwenza ta’ deċiżjonijiet finali li jiċħdu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali diġà adottati mill-qorti tal-Istat Membru li jwettaq it-teħid lura, fejn il-qorti adita skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tqis li hemm riskju reali li l-applikant jista’ jsofri trattament inuman u degradanti jekk huwa jew hija tintbagħat lura lejn il-pajjiż tiegħu jew tagħha ta’ oriġini mill-Istat Membru, filwaqt li titqies ukoll l-eżistenza preżunta ta’ kunflitt armat ġeneralizzat fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija? 2

____________

1  ĠU 2013, L 180, p. 31 u rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p.50.

2  ĠU 2011, L 337, p. 9.