Language of document : ECLI:EU:T:2009:314

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

9 ta’ Settembru 2009(*)

“Għajnuna mill-Istat – Vantaġġi fiskali mogħtija minn entità territorjali ta’ Stat Membru – Eżenzjonijiet fiskali – Deċiżjonijiet li jiddikjaraw l-iskemi ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li jordnaw l-irkupru tal-għajnuna mħallsa – Klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida jew għajnuna eżistenti – Għajnuna għat-tħaddim – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Fil-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01, T‑86/02 sa T‑88/02,

Territorio Histórico de Álava – Diputación Foral de Álava (Spanja), irrappreżentat minn M. Morales Isasi u I. Sáenz-Cortabarría Fernández, avukati,

rikorrent fil-Kawżi T‑30/01 u T‑86/02,

Territorio Histórico de Guipúzcoa – Diputación Foral de Guipúzcoa (Spanja), irrappreżentat minn M. Morales Isasi u I. Sáenz-Cortabarría Fernández, avukati,

rikorrent fil-Kawżi T‑31/01 u T‑88/02,

Territorio Histórico de Vizcaya – Diputación Foral de Vizcaya (Spanja), irrappreżentat minn M. Morales Isasi u I. Sáenz-Cortabarría Fernández, avukati,

rikorrent fil-Kawżi T‑32/01 u T‑87/02,

sostnuti minn

Comunidad autónoma del País Vasco – Gobierno Vasco (Spanja), irrappreżentata minn M. Morales Isasi u I. Sáenz-Cortabarría Fernández, avukati,

u minn

Confederación Empresarial Vasca (Confebask), stabbilita f’Bilbao (Spanja), irrappreżentata minn M. Araujo Boyd, L. Ortiz Blanco u V. Sopeña Blanco, avukati,

intervenjenti fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02,

vs

Il‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata inizjalment, fil-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01, minn J. Flett, S. Pardo u J. L. Buendía Sierra u, fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02, minn Buendía Sierra u F. Castillo de la Torre, sussegwentement minn Castillo de la Torre u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti

konvenuta

sostnuta minn

Comunidad autónoma de La Rioja (Spanja), irrappreżentata, fil-Kawżi T‑86/02 u T‑87/02, minn J. M. Criado Gámez u, fil-Kawża T‑88/02, minn I. Serrano Blanco, avukati,

intervenjenti fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02,

li għandha bħala suġġett, fil-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2000 li tinbeda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tal-benefiċċji fiskali mogħtija permezz ta’ dispożizzjonijiet adottati mid-Diputación Foral de Álava, mid-Diputación Foral de Guipúzcoa u mid-Diputación Foral de Vizcaya, taħt forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji lil ċerti impriżi ġodda, u, fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02, talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2003/28/KE, 2003/86/KE u 2003/192/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 dwar skema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja fl-1993 favur ċerti impriżi ġodda fil-provinċja ta’ Álava (T‑86/02), ta’ Vizcaya (T‑87/02) u ta’ Guipúzcoa (T‑88/02) (rispettivament ĠU 2003, L 17, p. 20, ĠU 2003, L 40, p. 11, u ĠU 2003, L 77, p. 1), taħt forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, E. Martins Ribeiro, F. Dehousse (Relatur), D. Šváby u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

I –  Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

1        L-Artikolu 87 KE jipprovdi:

“1.      Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkomaptibbli mas-suq komuni.

[…]

3.      It-tipi ta’ għajnuna li ġejja tista’ tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni:

[…]

ċ)      għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni:

[…]”

2        L-Artikolu 88 KE jipprovdi:

“1. Il‑Kummissjoni għandha teżamina kostantement ma’ l-Istati Membri is-sistemi kollha ta’ għajnuna li jeżiżtu f’dawk l-Istati. Hija għandha tipproponi lil dawn tal-aħħar kull miżura xierqa meħtieġa għall-iżvilupp progressiv [jew] għall-funzjonament tas-suq komuni.

2. Jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, mhijiex kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87, jew li dik l-għajnuna tkun applikata b’mod [abbużiv], hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritti mill-Kummissjoni.

[…]

3. Il‑Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett biex tiġi mogħtija jew biex tiġi modifikata għajnuna. Jekk tikkunsidra li proġett bħal dak ma jkunx kompatibbli mas-suq komuni skond it-termini tal-Artikolu 87, hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu qabel dan. L-Istat Membru interessat ma jistgħax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma dik il-proċedura ikollha deċiżjoni finali.”

3        Il-premessa 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jipprovdi:

“[S]abiex tkun assigurata ċertezza legali, huwa xieraq li jkunu definiti ċ-ċirkostanzi li fihom l-għajnuna tkun ikkunsidrata li hija għajnuna eżistenti; [...] t-tlestija u t-tkabbir tas-suq intern huwa proċess gradwali, li huwa rifless fl-iżvilupp permanenti tal-politika tal-għajnuna Statali; [...] wara li jsiru dawn l-iżviluppi, ċerti miżuri, li meta daħlu fis-seħħ ma kkostitwixxewx għajnuna Statali, minn dak iż-żmien ‘l hawn setgħu saru għajnuna.”

4        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[…]

b)      ‘għajnuna eżistenti’ għandha tfisser:

i)      [...] l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fi Stati Membri rispettivi, li jfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat;

ii)      għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

[…]

v)      għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżisteni minħabba li jista’ [jiġi stabbilit] li meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Memrbu. Billi ċerti miżuri jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni ta’ attività mill-liġi tal-Komunità, dawn il-miżuri ma għandhomx ikunu kkunsidrati li huma għajnuna eżistenti wara d-data ffissata għall-liberalizzazzjoni;

ċ)      ‘għajnuna ġdida’ għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li mhijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti;

[…]

f)      ‘għajnuna kontra l-liġi’ għandha tfisser għajnuna ġdida li tiddaħħal fis-seħħ f’kontravenzjoni tal-Artikolu [88](3) [KE];

[…]”

5        Skont l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 659/1999, “kull pjan għall-għoti ta’ għajnuna ġdida għandu jkun mgħarraf lill-Kummissjoni f’biżżejjed żmien mill-Istat Membru konċernat” u ma għandhiex tiġi implementata “qabel ma’ l-Kummissjoni ma tkun ħadet, jew tinftiehem li tkun ħadet, deċiżjoni li tawtorizza din l-għajnuna”.

6        L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999, dwar il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jipprovdi:

“1. Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet relevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru [natura ta’ għajnuna] tal-miżura proposta u għandha tqiegħed id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. Id-deċiżjoni għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra sabiex jissottomettu l-kummenti f’perijodu preskritt li normalment ma għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni għandha testendi l-perijodu preskritt.

2. Il-kummenti riċevuti għandhom ikunu sottomessi lill-Istat Membru kkonċernat. Jekk parti interessata titlob dan, fuq raġunijiet ta’ ħsara potenzali, l-identità tagħha għandha tinżamm mill-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrispondi għall-kummenti sottomessi f’perijodu preskritt li normalment ma għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ testendi l-perijodu preskritt.”

7        Fir-rigward tal-miżuri mhux notifikati, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li “[f]ejn il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni minn kwalunkwe sors li jirrigwarda allegata għajnuna kontra l-liġi, għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien”.

8        Fl-Artikolu 13(1) tal-istess regolament huwa previst li dan l-eżami għandu jwassal, jekk ikun il-każ, għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali. L-Artikolu 13(2) tal-imsemmi regolament jipprovdi li, f’każijiet ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni mhijiex marbuta mit-termini applikabbli fil-każ ta’ eżami preliminari u ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali f’każ ta’ għajnuna nnotifikata.

9        L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi:

“Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna [i]llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju [...]. Il‑Kummissjoni ma għandhiex teħtieġ ir-rkupru tal-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.”

10      Permezz tal-komunikazzjoni tagħha dwar l-iskemi ta’ għajnuna għal użu reġjonali, indirizzata lill-Istati Membri fil-21 ta’ Diċembru 1978 (ĠU 1979, C 31 p. 9, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-1978 dwar l-iskemi ta’ għajnuna għal użu reġjonali”), il-Kummissjoni stabbilixxiet il-prinċipji ta’ koordinazzjoni applikabbli għall-iskemi ta’ għajnuna għal użu reġjonali, u fid-daħla tagħha, semmiet “riżervi ta’ prinċipju fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għat-tħaddim mas-suq komuni”. Barra minn hekk, din il-komunikazzjoni tistabbilixxi limiti massimi differenzjati ta’ intensità ta’ din l-għajnuna, f’perċentwali tal-investiment inizjali u f’unitajiet tal-kont Ewropej għal kull impjieg maħluq mill-investiment inizjali (ara punti 2 u 3 tal-komunikazzjoni).

11      Permezz tal-komunikazzjoni tagħha dwar l-għajnuna mogħtija illegalment (ĠU 1983, C 318, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-1983 dwar l-għajnuna illegali”), il-Kummissjoni fakkret l-obbligu ta’ notifika tal-għajnuna, previst fl-Artikolu 88(3) KE, u informat lill-benefiċjarji potenzjali tal-għajnuna mill-Istat bin-natura prekarja tal-għajnuna li kienet ser tingħatalhom illegalment, fis-sens li kull benefiċjarju ta’ għajnuna mogħtija illegalment, jiġifieri mingħajr ma l-Kummissjoni tkun waslet għal deċiżjoni definittiva dwar il-kompatibbiltà, jista’ jiġi ordnat jagħti lura l-għajnuna. F’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tindika wkoll li, hekk kif issir taf li Stat Membru jkun adotta miżuri ta’ għajnuna mingħajr ma jkunu ġew rispettati r-rekwiżiti tal-Artikolu 88(3) KE, hija tippubblika avviż speċifiku fil-Ġurnal uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fejn twissi lill-benefiċjarji potenzjali tal-għajnuna bil-prekarjetà tal-għajnuna.

12      Il-Linji ta’ gwida dwar għajnuna nazzjonali reġjonali (ĠU 1998, C 74, p. 9), kif emendati (ĠU 2000, C 258, p. 5, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-1998”), jissostitwixxu b’mod partikolari l-Komunikazzjoni tal-1978 dwar l-iskemi ta’ għajnuna għal użu reġjonali. Fil-punt 2, intitolat “Ambitu”, dawn jipprovdu li l-Kummissjoni ser tapplika dawn il-Linji Gwida għall-għajnuna reġjonali mogħtija fis-setturi kollha tal-ekonomija ħlief fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-marketing tal-prodotti agrikoli mniżżla fl-Anness II tat-Trattat, fis-Sajd u fl-industrija tal-faħam.

13      Il-punt 6.1 tal-Linji Gwida tal-1998 jipprovdi:

“[…]il-Kummissjoni għandha tagħmel stima tal-kompatibbiltà tal-għajnuna reġjonali mas-suq komuni fuq il-bażi ta’ dawn il-Linji Gwida hekk kif dawn ikunu applikabbli. Madankollu, proposti għall-għajnuna li huma notifikati qabel ma’ dawn il-Linji Gwida jiġu komunikati lill-Istati Membri u li fuqhom il-Kummissjoni ma tkunx għadha adottat deċiżjoni finali għandhom jkunu stmati fuq il-bażi ta’ kriterji li jkunu fis-seħħ fiż-żmien tan-notifika.”

14      Rigward l-għajnuna għat-tħaddim, il-Linji Gwida tal-1998 isemmu b’mod partikolari:

“4.15. L-għajnuna reġjonali li għandha l-iskop li tnaqqas l-ispejjeż kurrenti ta’ ditta (għajnuna għat-tħaddim) hija normalment projbita. Eċċezzjonalment,, madankollu, l-għajnuna ta’ din ix-xorta tista’ tingħata f’reġjuni eligibbli taħt id-deroga fl-Artikolu 87(3)(a) [KE] tat-Trattat sakemm dan huwa ġustifikat fit-termini tal-kontribuzzjonijiet tagħha għall-iżvilupp reġjonali u n-natura tagħha u l-livell tagħha huwa proporzjonali għan-nuqqasijiet li tfittex biex ittaffi(36). Huwa d-dmir ta’ l-Istat Membru li juri l-eżistenza ta’ kwalunkwe nuqqasijiet u jkejjel l-importanza tagħhom. L-għajnuna għat-tħaddim għandha tkun limitata biż-żmien u mnaqqsa progressivament”

15      Fir-rigward tal-għajnuna marbuta mal-investiment, din hija definita fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 46 tal-Linji Gwida tal-1998:

“Għajnuna tat-taxxa tista’ tkun kunsidrata bhala għajnuna konnessa ma investiment f’kazi fejn ikun bazat fuq ammont investit fir-regjun. Minbarra dan, kwalunkwe għajnuna tat-taxxa tista’ tkun konnessa ma’ l-investiment jekk wieħed jistipula limitu bhala percentwali tal-ammont investit fir-regjun […]”

II –  Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

16      Is-sistema fiskali fis-seħħ fil-Pajjiż Bask ta’ Spanja hija rregolata mis-sistema tal-ftehim ekonomiku, stabbilita mill-Ley 12/1981 (Liġi Spanjola Nru 12/1981), tat-13 ta’ Mejju 1981, li sussegwentement ġiet emendata bil-Ley 38/1997 (Liġi Spanjola Nru 38/1997), tal-4 ta’ Awwissu 1997.

17      Abbażi ta’ din il-liġi, it-Territorios Históricos ta’ Álava, ta’ Vizcaya u ta’ Guipúzcoa (Spanja) jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jorganizzaw is-sistema fiskali applikabbli fit-territorji rispettivi tagħhom. F’dan il-kuntest, huma adottaw diversi miżuri ta’ tnaqqis fiskali, u b’mod partikolari l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-kumpanniji favur impriżi ġodda, inkwistjoni f’dawn ir-rikorsi.

18      Fl-1993, it-Territorios Históricos ta’ Álava, ta’ Vizcaya u ta’ Guipúzcoa stabilixxew, permezz tal-Artikolu 14 tan-Normas Forales, rispettivament Nru 18/1993, Nru 5/1993 u Nru 11/1993 (iktar ’il quddiem, flimkien, in-“Normas Forales tal-1993”), eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal perijodu ta’ għaxar snin, favur impriżi stabbiliti bejn id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-31 ta’ Diċembru 1994. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu:

“1. Il-kumpanniji li jibdew l-attività kummerċjali tagħhom bejn id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din in-[Norma Foral] u l-31 ta’ Diċembru 1994, huma eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal perijodu ta’ għaxar snin ta’ stima fiskali konsekuttivi mid-data ta’ meta jiġu fformati, kemm-il darba jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt segwenti.

2. Sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni stabbilita b’dan l-Artikolu, il-persuni taxxabbli għandhom jissodisfaw is-segwenti kundizzjonijiet:

a)      jibdew l-attività tagħhom b’kapital imħallas minimu ta’ 20 miljun Peseta Spanjola […]:

[...]

f)      ikollhom investimenti attivi tanġibbli fissi bejn id-data tal-istabbiliment tal-kumpannija u l-31 ta’ Diċembru 1995, għal ammont minimu ta’ 80 miljun Peseta Spanjola, fejn l-investimenti kollha għandhom jirrigwardaw beni intiżi għall-attività li ma jkunux is-suġġett ta’ kirja jew ta’ ċessjoni lil terzi:

ġ)      joħolqu mill-inqas għaxar impjiegi fis-sitt xhur li jsegwu l-bidu tal-attività tagħhom, u jżommu n-numru annwali medju ta’ impjegati f’dan il-livell sat-tmiem tal-perijodu ta’ eżenzjoni:

[...]

i)      ikollhom pjan strateġiku għall-impriża li jkun mifrux fuq mill-inqas ħames snin […]

6. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu mhumiex kompatibbli ma’ xi vantaġġ fiskali ieħor.

7. L-eżenzjoni fiskali tranżitorja għandha tintalab fid-dipartiment tat-taxxi, tal-finanzi u tal-baġit tal-gvern provinċjali […], li wara li jkun ivverifika li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet inizjali meħtieġa, għandu jikkomunika lill-impriża benefiċjarja, jekk ikun il-każ, l-awtorizzazzjoni provviżorja, li għandha tiġi adottata mill-Kunsill tad-deputati tal-gvern provinċjali.”

19      Permezz ta’ tliet digrieti b’kontenut identiku, adottati fit-30 ta’ Lulju 1997, it-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco (Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Pajjiż Bask, Spanja), fuq talba tal-administración del Estado f’Ġunju u f’Ottubru 1994, għamlet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tan-Normas Forales tal-1993 mad-dritt Komunitarju. L-Avukat Ġenerali Saggio ppreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi korrispondenti fl-1 ta’ Lulju 1999. Madankollu, wara l-irtirar min-naħa tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, dawn il-kawżi kienu s-suġġett ta’ digriet li ordna t-tħassir tagħhom (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Frar 2000, Juntas Generales de Guipúzcoa et, C‑400/97 sa C‑402/97, Ġabra p. I-1073, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saggio f’dan id-digriet, Ġabra p. I-1074).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

20      In-Normas Forales tal-1993 li jistabbilixxu l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-kumpanniji inkwistjoni f’dan il-każ, kienu s-suġġett ta’ lment tal-14 ta’ Marzu 1994, li ġie rreġistrat fit-28 ta’ April 1994 (iktar ’il quddiem l-“ilment tal-1994”), min-naħa tal-Cámara de Comercio e Industria de la Rioja (Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ La Rioja, Spanja), tal-Federación de empresas de La Rioja (Federazzjoni tal-impriżi ta’ La Rioja) u ta’ ċerti kumpanniji.

21      Fl-10 ta’ Mejju 1994, il-Kummissjoni laqgħet lill-President tal-Gvern Bask, u fid-19 ta’ Mejju 1994, lill-Kunsillier Bask tal-Ekonomija u tal-Finanzi.

22      B’ittra tal-25 ta’ Mejju 1994, il-Kummissjoni sejjħet lir-Renju ta’ Spanja jissottomettilha l-kummenti tiegħu fir-rigward tal-ilment tal-1994 f’terminu ta’ ħmistax-il jum. F’din l-ittra l-Kummissjoni qalet ukoll li fin-nuqqas ta’ risposta jew f’każ ta’ risposta mhux sodisfaċenti meta jkun skada t-terminu, hija tkun marbuta li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE. F’din l-ittra, il-Kummissjoni fakkret ukoll l-obbligi ta’ notifika tal-Istati Membri u l-fatt li għajnuna illegali setgħet tkun is-suġġett ta’ talba għall-ħlas lura.

23      Fis-27 ta’ Lulju 1994, il-Kummissjoni laqgħet lill-Viċi Ministru tal-Finanzi tal-Gvern Bask.

24      B’ittra tat-30 ta’ Settembru 1994, ir-Renju ta’ Spanja bagħat risposta lill-Kummissjoni, fejn b’mod partikolari enfasizza li l-iskemi ta’ eżenzjoni inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, peress li kienu miżuri ġenerali.

25      Fil-15 ta’ Diċembru 1994, il-Kummissjoni laqgħet lill-President u lill-Ministru tal-Industrija tal-Gvern Bask, u fl-1 ta’ Ġunju 1995, lill-Viċi President ta’ Interbask, SA.

26      B’ittra tat-18 ta’ Lulju 1995, il-Kummissjoni informat lill-persuni li lmentaw li hija kienet qedha twettaq l-evalwazzjoni tagħha tas-sistema fiskali Spanjola u tas-sistemi ta’ awtonomija fiskali fis-seħħ fl-Istati Membri, filwaqt li b’mod partikolari kienet qedha tieħu inkunsiderazzjoni “l-iżvilupp federali li kien qiegħed iseħħ f’diversi Stati Membri”. Hija indikat li d-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu qegħdin jiġbru flimkien l-informazzjoni neċessarja, ħaġa li kienet tinvolvi xogħol kunsiderevoli ta’ ġbir u ta’ evalwazzjoni. Hija żiedet tgħid li kienet ser tiddeċiedi dwar is-segwitu li kellu jingħata lill-ilment tagħhom meta dawn il-kwistjonijiet jiġu ċċarati, u li kienet ser tibgħatilhom id-deċiżjoni tagħha.

27      B’ittra tad-19 ta’ Jannar 1996, il-Kummissjoni informat lir-Renju ta’ Spanja li hija kienet qed teżamina l-impatt tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni, u talbitu sabiex jipprovdilha xi informazzjoni fir-rigward tal-benefiċarji tal-miżuri inkwistjoni.

28      Fis-7 ta’ Frar 1996, il-Kummissjoni laqgħet lill-President tal-Gvern Bask.

29      B’ittri tad-19 ta’ Frar u tal-21 ta’ Marzu 1996, ir-Renju ta’ Spanja talab lill-Kummissjoni testendi t-terminu sabiex jirrispondi għall-ittra tagħha tad-19 ta’ Jannar 1996.

30      Fis-17 ta’ Marzu 1997, il-Kummissjoni rċeviet rappreżentanti tal-Gvern ta’ La Rioja u xi msieħba soċjali ta’ La Rioja.

31      Fil-5 ta’ Jannar 2000, il-Kummissjoni rċeviet ilment ġdid li kien jirrigwarda l-eżenzjoni fiskali ta’ għaxar snin mit-taxxa fuq il-kumpanniji, previst mill-Artikolu 14 tan-Norma Foral Nru 18/1993, li kienet ibbenefikat minnha kumpannija stabbilita f’Álava. Dan l-ilment sar minn impriża kompetitriċi ta’ din l-impriża li bbenefikat mill-eżenzjoni fiskali inkwistjoni.

32      B’ittra tat-3 ta’ Frar 2000, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Spanjoli jipprovdulha xi informazzjoni fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lill-impriża benefiċjarja.

33      B’ittra tat-8 ta’ Marzu 2000, l-awtoritajiet Spanjoli pprovdew l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni.

34      Fit-28 ta’ Novembru 2000, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Spanjoli bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE f’dak li jirrigwarda l-vantaġġi fiskali mogħtija permezz tad-dispożizzjonijiet adottati mid-Diputación Foral de Álava, mid-Diputación Foral de Guipúzcoa u mid-Diputación Foral de Vizcaya, taħt forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji lil ċerti impriżi ġodda.

35      B’ittra tal-14 ta’ Diċembru 2000, irreġistrata fid-19 ta’ Diċembru 2000, l-awtoritajiet Spanjoli talbu lill-Kummissjoni testendi t-terminu għas-sottomissjoni tal-kummenti tagħhom fir-rigward ta’ kull waħda mit-tliet skemi ta’ eżenzjoni fiskali inkwistjoni.

36      B’ittri tal-5 ta’ Frar 2001, irreġistrati fit-8 ta’ Frar 2001, l-awtoritajiet Spanjoli ssottomettew il-kummenti tagħhom għal kull waħda mit-tliet skemi inkwistjoni.

37      Wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-Ġurnal Uffiċjali, f’Marzu 2001, il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti ta’ terzi li hija bagħtet lill-awtoritajiet Spanjoli.

38      B’ittra tas-17 ta’ Settembru 2001, l-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw il-kummenti tagħhom b’reazzjoni għall-kummenti tat-terzi.

39      Fl-20 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjonijiet 2003/28/KE, 2003/86/KE, u 2003/192/KE, dwar skemi ta’ għajnuna mill-Istat adottati minn Spanja fl-1993 favur ċerti impriżi ġodda rispettivament fil-provinċja ta’ Álava, ta’ Vizcaya u ta’ Guipúzcoa, taħt forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji (rispettivament, ĠU 2003 L 17, p. 20, ĠU 2003, L 40, p. 11, u ĠU 2003, L 77, p. 1, iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet finali kkontestati”). Permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni qieset li l-iskemi ta’ eżenzjoni inkwistjoni ma kinux kompatibbli mas-suq komuni.

 Id-deċiżjonijiet ikkontestati

I –  Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tat-28 ta’ Novembru 2000 (Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01)

40      Fl-ewwel lok, fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni qieset li l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-kumpanniji inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, peress li dawn jiffavorixxu lil ċerti impriżi u mhumiex iġġustifikati min-natura u mill-istruttura tas-sistema.

41      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu bħala għajnuna “de minimis”, u li għalhekk, dawn kellhom jiġu nnotifikati bil-quddiem. Għalhekk, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni tindika li dawn jistgħu jitqiesu bħala għajnuna illegali.

42      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tqis li, għalkemm l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni huwa suġġett għar-realizzazzjoni ta’ investiment minimu u għall-ħolqien ta’ numru minimu ta’ impjiegi, is-sistemi fiskali inkwistjoni ma jiggarantixxux l-osservanza tar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-investiment jew fuq l-impjieg għal użu reġjonali. Min-naħa l-oħra, f’dan l-istadju tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni tqis li dawn jikkostitwixxu għajnuna għat-tħaddim, peress li dawn jeħilsu lill-impriżi mill-ispejjeż li normalment kien ikollhom jinkorru fil-kuntest tat-tmexxija ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħhom. Il‑Kummissjoni tfakkar li bħala prinċipju, l-għajnuna għat-tħaddim hija pprojbita, u tikkonstata li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma jistgħux jibbenefikaw mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 87(3)(a) KE. Barra minn hekk, hija tesprimi dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat għal użu reġjonali u mad-dispożizzjonijiet settorjali.

43      Fl-aħħar, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri inkwistjoni ma jistgħux jibbenefikaw mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 87(2) u (3) KE. B’hekk, hija ddeċidiet li tibda l-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tat-tliet skemi ta’ eżenzjoni, u stiednet lill-awtoritajiet Spanjoli jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha f’terminu ta’ xahar.

II –  Id-deċiżjonijiet finali kkontestati (Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02)

44      Fl-ewwel lok, fid-deċiżjonijiet finali kkontestati tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, peress li jagħtu lill-benefiċjarji tagħhom vantaġġ li jikkonsisti fit-tnaqqis tal-ispejjeż li normalment jitħallsu mill-baġit tagħhom, vantaġġ li jaffettwa l-kompetizzjoni u joħloq distorsjoni tal-kummerċ bejn Stati Membri. F’dan ir-rigward hija tenfasizza li l-awtoritajiet Spanjoli ma pprovdew l-ebda informazzjoni dwar il-każijiet ta’ applikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni.

45      Il‑Kummissjoni tqis li dawn il-miżuri għandhom natura selettiva, peress li “b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet marbuta mal-għoti tal-għajnuna jeskludu mill-vantaġġ lill-impriżi fformati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tan-Norma Foral inkwistjoni, lil dawk li jagħmlu investimenti inferjuri mil-livell ta’ 80 miljun Peseta Spanjola (EUR 480 810), lil dawk li ma għandhomx kapital imħallas minimu li jaqbeż l-20 miljun Peseta Spanjola (EUR 120 202) u lil dawk li joħolqu inqas minn għaxar impjiegi”. Hija żżid li mill-ġurisprudenza jirriżulta li din is-selettività mhijiex ikkonfutata mil-natura oġġettiva tal-livelli msemmija iktar ’il fuq.

46      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjonijiet mit-taxxa inkwistjoni ma jistgħux jiġu ġġustifikati min-natura u mill-istruttura tas-sistema fiskali Spanjola, peress li l-awtoritajiet Spanjoli ma ppreżentaw l-ebda informazzjoni f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-proċeduri dwar in-Normas Forales Nru 18/1993 (Álava) u Nru 11/1993 (Guipúzcoa). Min-naħa tiegħu, it-Territorio Histórico de Vizcaya, osserva li n-Norma Foral Nru 5/1993 ser twassal għal żieda fin-numru ta’ kontribwenti, u b’hekk fid-dħul fiskali, peress li din tħeġġeġ il-ħolqien ta’ impriżi ġodda. Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza li dan l-argument mhuwiex sostnut minn studju fil-fond, u li ma jispjegax ir-raġuni għalfejn l-eżenzjoni tirrigwarda biss numru żgħir ħafna ta’ impriżi. Barra minn hekk, in-natura tranżitorja tal-miżura turi li din issegwi għan ekonomiku.

47      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li l-iskemi ta’ eżenzjoni fiskali inkwistjoni huma għajnuna ġdida u mhux għajnuna eżistenti fis-sens tar-Regolament Nru 659/1999. Qabel kollox, hija tosserva li dawn ma ġewx adottati qabel l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja fl-1 ta’ Jannar 1986, u li ma kienu s-suġġett tal-ebda awtorizzazzjoni espressa jew taċita. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li qatt ma indikat li l-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna. Fl-aħħar, il-Kummissjoni tippreċiża li hija ma tistax tiġi kkritikatha minħabba l-fatt li ma fetħitx il-proċeduri ta’ investigazzjoni formali mingħajr dewmien, peress li l-għajnuna inkwistjoni ma ġietx notifikata lilha.

48      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni teżamina n-natura illegali tal-eżenzjonijiet fiskali, u tosserva li l-awtoritajiet Spanjoli ma impenjawx ruħhom li jagħtu dawn l-eżenzjonijiet fl-osservanza tal-kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-għajnuna “de minimis”. Konsegwentement, l-iskemi ta’ eżenzjoni inkwistjoni kienu suġġetti għall-obbligu ta’ notifika bil-quddiem stabbilit mill-Artikolu 88(3) KE. Fin-nuqqas ta’ notifika, il-Kummissjoni tqis li din l-għajnuna hija illegali.

49      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika li, fin-nuqqas ta’ notifika tal-miżuri inkwistjoni, l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali ma jistgħux jiġu invokati. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tippreċiża li qatt ma approvat l-allegata “sistema fiskali Baska” fid-deċiżjoni tagħha 93/337/KEE tal-10 ta’ Mejju 1993 dwar skema ta’ għajnuna fiskali għall-investiment fil-Pajjiż Bask (ĠU L 134, p. 25), fir-rigward ta’ miżuri fiskali stabbiliti fl-1988.

50      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tqis li d-derogi msemmija fl-Artikolu 87(3) KE ma japplikawx f’dan il-każ. Hija tikkonstata li t-Territorios Históricos ikkonċernati “qatt ma kienu eliġibbli għad-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(a) KE” minħabba prodott gross domestiku per capita għoli ħafna. Hija tqis ukoll li, minkejja kundizzjonijiet fir-rigward tal-investiment minimu u tal-ħolqien ta’ numru minimu ta’ impjiegi, l-iskemi ta’ eżenzjoni inkwistjoni ma għandhomx in-natura ta’ għajnuna għall-investiment jew għall-impjieg. Hija tindika li l-għajnuna inkwistjoni ma għandhiex bħala bażi ta’ stima l-ammont tal-investiment, u lanqas in-numru ta’ impjiegi jew l-ispejjeż tal-pagi relatati miegħu, iżda l-bażi taxxabbli. Barra minn hekk, l-għajnuna kkonċernata ma titħallasx meta jintlaħaq limitu massimu espress f’perċentwali tal-ammont tal-investiment, tan-numru ta’ impjiegi u tal-ispejjeżż tal-pagi relatati miegħu, iżda meta jintlaħaq limitu massimu espress f’perċentwali tal-bażi taxxabbli.

51      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tippreċiża li, peress li l-għajnuna inkwistjoni tagħti lill-impriżi benefiċjarji tnaqqis parzjali tat-taxxa fuq il-kumpanniji, din tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna għat-tħaddim. Madankollu, fid-deċiżjonijiet finali kkontestati, il-Kummissjoni tenfasizza li tali għajnuna hija bħala prinċipju pprojbita u li t-Territorios Históricos ikkonċernati ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjonijiet f’dan il-qasam.

52      Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-iskemi ta’ eżenzjoni ma jistgħux jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq komuni skont id-derogi previsti fl-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE.

53      Wara, il-Kummissjoni teżamina jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jistgħux ikunu ġġustifikati abbażi tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, sa fejn dawn jirrigwardaw il-miżuri ta’ promozzjoni ta’ ċerti attivitajiet. Madankollu, hija tosserva li l-iskemi ta’ eżenzjoni kkontestati ma jinvolvux miżuri favur impriżi żgħar u ta’ daqs medju, tar-riċerka u tal-iżvilupp, tal-protezzjoni tal-ambjent, tal-ħolqien tal-impjiegi jew ta’ taħriġ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li, fin-nuqqas ta’ restrizzjonijiet settorjali, l-eżenzjonijiet fiskali jistgħu jingħataw lil impriżi li joperaw fis-setturi sensittivi tal-agrikoltura, tas-sajd, tal-industrija tal-faħam, tal-azzar, tat-trasport, tal-kostruzzjoni ta’ bastimenti, tal-fibri sintetiċi u tal-industrija tal-karozzi, mingħajr ma jiġu osservati r-regoli li japplikaw għalihom.

54      Fl-aħħar, il-Kummissjoni teskludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet derogatorji l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 87(2) u (3) KE.

55      Fil-ħames lok, il-Kummissjoni tevalwa jekk hemmx lok li jiġi ordnat l-irkupru tal-għajnuna li diġà tħallset. Hija tqis li l-impriżi benefiċjarji setgħu kienu jafu bil-vantaġġ li kienu jinvolvu l-eżenzjonijiet fiskali. Barra minn hekk, hija tfakkar li l-iskemi ta’ eżenzjoni ma ġewx implementati fl-osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(3) KE, u li f’każ simili, l-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna ma jistgħux, bħala prinċipju, ikollhom aspettattivi leġittimi li dawn huma regolari.

56      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-ebda waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fil-kummenti tat-terzi ma tista’ titqies bħala eċċezzjonali. Fil-fatt, il-Kummissjoni tosserva li t-termini previsti mir-Regolament Nru 659/1999 ma japplikawx għall-għajnuna illegali. Apparti dan, hija tenfasizza li wissiet lill-awtoritajiet Spanjoli dwar l-eventwali natura illegali tal-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni, kif ukoll dwar il-possibbiltà li jkollhom iħallsuwhom lura, u dan sa mill-ittra tagħha tal-25 ta’ Mejju 1994. Hija tindika wkoll li, sussegwentement, qatt ma kklassifikat, la direttament u lanqas indirettament, l-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni bħala miżuri kompatibbli mas-suq komuni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-eżistenza ta’ miżuri fiskali oħra fis-seħħ fil-bqija tar-Renju ta’ Spanja ma setgħetx ħolqot aspettattivi leġittimi li l-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq komuni, u dan fid-dawl tal-karatteristiċi differenti ħafna tagħhom. Fl-aħħar, il-Kummissjoni tgħid li “l-perijodu twil” li għadda bejn l-ewwel ittra tagħha tal-25 ta’ Mejju 1994 u d-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jirriżulta fil-parti l-kbira min-nuqqas ta’ kollaborazzjoni tal-awtoritajiet Spanjoli. F’dan ir-rigward, hija tinvoka n-nuqqas ta’ risposta għall-ittra tagħha tad-19 ta’ Jannar 1996.

57      Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li l-iskemi ta’ eżenzjoni inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni (ara l-Artikolu 1 tad-deċiżjonijiet finali kkontestati). Konsegwentement, hija timponi t-tneħħija tal-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni sa fejn għadhom fis-seħħ (ara l-Artikolu 2 tad-deċiżjonijiet finali kkontestati).

58      L-Artikolu 3 tad-deċiżjonijiet finali kkontestati jipprevedi l-irkupru tal-għajnuna fit-termini segwenti:

“1. Spanja għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra mill-benefiċjarji l-għajnuna prevista fl-Artikolu 1 u diġà mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom illegalment. Fir-rigward tal-għajnuna li għadha ma tħallsitx, Spanja għandha tissospendi kull ħlas.

2. L-irkupru tal-għajnuna għandu jsir mingħajr dewmien, skont il-proċeduri nazzjonali, sa fejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni effettiva u immedjata ta’ din id-deċiżjoni. L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi l-interessi mid-data ta’ meta l-għajuna illegali ngħatat lill-benefiċjarji sad-data tal-ħlas lura effettiv tagħha. Dawn l-interessi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rata ta’ referenza użata sabiex jiġi kkalkolat is-sussidju ekwivalenti tal-għajnuna reġjonali.”

59      L-Artikolu 4 tad-deċiżjonijiet finali kkontestati jistabbilixxi li r-Renju ta’ Spanja għandu jinforma lill-Kummissjoni, f’terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika ta’ dawn id-deċiżjonijiet, bil-miżuri li jkun adotta sabiex jikkonforma ruħu magħhom, u l-Artikolu 5 tad-deċiżjonijiet imsemmija jippreċiża li r-Renju ta’ Spanja huwa d-destinatarju ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

60      Fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tar-Renju ta’ Spanja għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet finali kkontestati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑177/06, Ġabra p. I-7689).

 Il-proċedura

61      Permezz ta’ tliet atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-9 ta’ Frar 2001, ir-rikorrenti, it-Territorio Histórico de Álava – Diputación Foral de Álava, it-Territorio Histórico de Guipúzcoa – Diputación Foral de Guipúzcoa u t-Territorio Histórico de Vizcaya – Diputación Foral de Vizcaya, ippreżentaw dawn ir-rikorsi, fil-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01, għall-annullament tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-iskemi ta’ eżenzjoni.

62      Permezz ta’ att separat irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Mejju 2001, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza kontra r-rikorsi msemmija iktar ’il fuq. Permezz ta’ digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla Estiża) tat-22 ta’ April 2002, l-eċċezzjoni ġiet magħquda mal-mertu u l-ispejjeż ġew irriżervati.

63      Permezz ta’ tliet atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-26 ta’ Marzu 2002, ir-rikorrenti ppreżentaw dawn it-tliet rikorsi fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02, għall-annullament tad-deċiżjonijiet finali li jirrigwardaw l-iskemi ta’ eżenzjoni fiskali msemmija iktar ’il fuq.

64      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Mejju 2002, il-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02 ġew magħquda għall-finijiet tal-bqija tal-proċedura, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

65      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ Lulju 2002, il-Comunidad autónoma del País Vasco talbet tintervjeni fil-proċedura li tirrigwarda r-rikorsi fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02 insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. B’digriet tal-10 ta’ Settembru 2002, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza ppermetta dan l-intervent. L-intervenjent ippreżenta n-nota ta’ osservazzjonijiet tiegħu u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuqha fit-termini mogħtija.

66      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-9 ta’ Lulju 2002, il-Comunidad autónoma de La Rioja talbet sabiex tintervjeni fil-proċedura li tirrigwarda r-rikorsi fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. B’digriet tat-12 ta’ Settembru 2005, il-President tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza ppermetta dan l-intervent. L-intervenjenti ppreżentat in-noti tagħha u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuqhom fit-termini mogħtija.

67      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Lulju 2002, il-Confederación Empresarial Vasca (Confebask) talbet tintervjeni fil-proċeduri li jirrigwardaw ir-rikorsi T‑86/02 sa T‑88/02 insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. B’digriet tad-9 ta’ Settembru 2005, il-President tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza ppermetta dan l-intervent. L-intervenjenti ppreżentat in-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuqha fit-termini mogħtija.

68      Permezz ta’ digriet tat-10 ta’ Settembru 2002, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċieda li jissospendi l-proċeduri fil-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01 u T‑86/02 sa T‑88/02 sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-appelli kontra s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni (T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, Ġabra p. II-1275, iktar ’il quddiem is-“sentenza Demesa”), u Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni (T‑92/00 u T‑103/00, Ġabra p. II-1385). F’dawn iż-żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fuq ir-rikorsi ppreżentati kontra żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li kklassifikaw bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni, l-għoti lil Daewo Electronics Manufacturing España SA (Demesa) u lil Ramondín SA u Ramondín Cápsulas SA ta’ vantaġġi fiskali fit-territorju storiku ta’ Álava [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/718/KE tal-24 ta’ Frar 1999 dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur Demesa (ĠU L 292, p. 1), u Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/795/KE tat-22 ta’ Diċembru 1999 dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Spanja favur Ramondín SA u Ramondín Cápsulas SA (ĠU 2000, L 318, p. 36)].

69      Billi nbidlet il-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ħames Awla. Għalhekk, il-kawżi preżenti ġew assenjati lill-Ħames Awla Estiża.

70      Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 2004, Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il‑Kummissjoni (C‑183/02 P u C‑187/02 P, Ġabra p. I-10609), u Ramondín et vs Il‑Kummissjoni (C‑186/02 P u C‑188/02 P, Ġabra p. I-10653), li jiċħdu l-appelli mis-sentenzi Demesa u Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, temmew is-sospensjoni tal-proċedura.

71      Fis-6 ta’ Jannar 2005, il-Qorti tal-Prim’Istanza staqsiet lill-partijiet dwar il-konsegwenzi li dawn is-sentenzi jista’ jkollhom fuq il-preżenti rikorsi.

72      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Frar 2005, wara li esprimew l-opinjoni tagħhom fuq dawn is-sentenzi, ir-rikorrenti kkonfermaw ir-rikorsi tagħhom. Madankollu, huma rtiraw l-ewwel motiv tar-rikorsi fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02.

73      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Novembru 2005, il-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01 ġew magħquda għall-finijiet tal-bqija tal-proċedura, mal-Kawżi magħquda T‑86/02 sa T‑88/02, wara li nstemgħu l-partijiet, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

74      Fl-20 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti talbu, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li l-Kawżi magħquda T‑30/01 sa T‑32/01 u T‑86/02 sa T‑88/02 jinstemgħu, u jekk ikun il-każ, jiġu deċiżi qabel il-Kawżi T‑227/01 sa T‑229/01 u T‑230/01 sa T‑232/01.

75      Fl-14 ta’ Frar 2007, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lir-rikorrenti fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02, sabiex jippreżentawla xi informazzjoni dwar il-benefiċjarji tas-sistemi fiskali inkwistjoni.

76      Ir-rikorrenti rrispondew permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Marzu 2007, fejn staqsew dwar ir-rilevanza ta’ din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ Marzu 2007, Confebask talbet ir-reviżjoni ta’ din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

77      Fit-22 ta’ Marzu 2007, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-14 ta’ Frar 2007, u r-risposta tar-rikorrenti ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ April 2007.

78      Fit-30 ta’ Lulju 2007, fil-kuntest tal-miżuri għall-organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet xi mistoqsijiet lill-partijiet u dawn irrispondewhom f’Ottubru 2007.

79      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tibda l-proċedura orali. It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu matul is-seduta tal-15 ta’ Jannar 2008.

80      Waqt din is-seduta, ir-rikorrenti ġew awtorizzati jippreżentaw dokument, li ġie kkomunikat lill-Kummissjoni, hekk kif tniżżel fil-proċess verbali tas-seduta.

81      Waqt din is-seduta, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonċediet ukoll lir-rikorrenti u lil Confebask terminu li jiskadi fit-28 ta’ Jannar 2008 sabiex jippreżentaw ċerta informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni. Dan il-fatt tniżżel fil-proċess verbali tas-seduta.

82      Fi tmiem is-seduta, il-President tal-Ħames Awla Estiża ddeċieda li jissospendi l-għeluq tal-proċedura orali.

83      Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-24 ta’ Jannar 2008, mit-Territorio Histórico de Vizcaya u, fit-28 ta’ Jannar 2008, mit-Territorios Históricos ta’ Álava u ta’ Guipúzcoa, ir-rikorrenti ppreżentaw dokumenti li jirrigwardaw l-informazzjoni mitluba. Confebask għamlet l-istess ħaġa permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Jannar 2008. Fis-6 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni, wara estensjoni tat-terminu mogħti mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dokumenti li ġew ippreżentati.

84      Il-President tal-Ħames Awla Estiża għalaq il-proċedura orali fit-12 ta’ Marzu 2008. Il-partijiet ġew informati permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Marzu 2008.

85      Wara li nstemgħu l-osservazzjonijiet tal-partijiet dwar it-tgħaqqid, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra, skont l-Artikolu 50(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li hemm lok li l-Kawżi T‑30/01, T‑31/01, T‑32/01, T‑86/02, T‑87/02 u T‑88/02 jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza finali.

 It-talbiet tal-partijiet

I –  Fil-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01

86      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2000 li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tat-tliet skemi ta’ eżenzjoni inkwistjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

87      Il‑Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        prinċipalment, tiddikjara li r-rikorsi huma mingħajr skop;

–        sussidjarjament, tiddikjara r-rikorsi inammissibbli;

–        iktar sussidjarjament, tiċħadom bħala infondati;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

II –  Fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02

88      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjonijiet finali kkontestati;

–        sussidjarjament, tannulla l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3 ta’ dawn id-deċiżjonijiet;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

89      Confebask u l-Comunidad autónoma del País Vasco, intervenjenti insostenn tar-rikorrenti, jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–      prinċipalment, tannulla d-deċiżjonijiet finali kkontestati;

–      sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 3 tagħhom;

–      tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

90      Il‑Kummissjoni u l-Comunidad autónoma de La Rioja, intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni, jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–      tiċħad ir-rikorsi bħala infondati;

–      tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

91      Inizjalment, għandhom jiġu eżaminati r-rikorsi fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02, kontra d-deċiżjonijiet finali kkontestati, u wara, ir-rikorsi fil-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01, kontra d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tat-28 ta’ Novembru 2000.

I –  Fuq ir-rikorsi, fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02, intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet finali li jikkonstataw l-inkompatibbiltà tal-iskemi inkwistjoni u li jordnaw l-irkupru tal-għajnuna mħallsa

A –  Fuq l-ammissibbiltà tal-intervent ta’ Confebask fil-kuntest tar-rikorsi fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02

1.     L-argumenti tal-partijiet

92      Fil-kuntest tal-proċedura orali, il-Kummissjoni invokat l-inammissibbiltà tal-intervent ta’ Confebask, minħabba li hija ma pprovatx l-eżistenza, minn fost il-membri tagħha, ta’ benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni.

93      Wara l-mistoqsijiet li saru matul is-seduta, Confebask ippreżentat ċerti dokumenti. Għalhekk, hija ppreżentat dokument, maħruġ mid-direttur ġenerali tal-finanzi (Director General de Hacienda) ta’ kull wieħed mit-Territorios Históricos, li jiddikjara li ċerti impriżi kienu bbenefikaw mill-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni. Dawn id-dokumenti jiddikjaraw li dawn l-impriżi huma kkonċernati mid-deċiżjonijiet finali kkontestati u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 3 ta’ dawn id-deċiżjonijiet, li jordnaw l-irkupru tal-għajnuna. Barra minn hekk, fil-preżentata tat-talbiet għal intervent, dikjarazzjoni ffirmata mis-segretarju ġenerali u mill-president ta’ Confebask ikkonfermat il-kwalità ta’ kull waħda minn dawn l-impriżi bħala membru ta’ Confebask.

94      Dawn id-dokumenti ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni, li ssostni li Confebask ma pprovatx l-ammissibbiltà tagħha sabiex tintervjeni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

95      Għandu jitfakkar li d-Digriet tad-9 ta’ Settembru 2005 tal-President tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li permezz tiegħu Confebask ġiet awtorizzata tintervjeni fil-kuntest tar-rikorsi fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02, ma jipprekludix li jsir eżami ġdid tal-ammissibbiltà tal-intervent tagħha fis-sentenza li taqta l-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I-4287, punt 52).

96      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti tal-Prim’Istanza skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, kull persuna li turi li jkollha interess fl-eżitu tal-kawża għandha d-dritt għal intervent.

97      Skont ġurisprudenza stabbilita, assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-membri tagħhom huma awtorizzati jintervjenu f’kawżi li jqajmu kwistjonijiet ta’ prinċipju li jistgħu jaffettwaw lil dawn tal-aħħar [digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 1997, National Power u PowerGen, C‑151/97 P(I) u C‑157/97 P(I), Ġabra p. I-3491, punt 66, u tat-28 ta’ Settembru 1998, Pharos vs Il‑Kummissjoni, C‑151/98 P, Ġabra p. I-5441, punt 6; digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ April 2007, MAAB vs Il‑Kummissjoni, T‑24/06, Ġabra p. II-198, punt 10].

98      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-adozzjoni ta’ interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt ta’ intervent fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet hija intiża li tippermetti li jiġi evalwat aħjar il-kuntest tal-kawżi filwaqt li jiġu evitati numru ta’ interventi individwali li jistgħu jaffettwaw l-effettività u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (digriet National Power u PowerGen, punt 97 iktar ’il fuq, punt 66; digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Lulju 2004, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑20l/04 R, Ġabra p. II-2977, punt 38).

99      F’dan il-każ, Confebask hija organizzazzjoni professjonali konfederattiva intersettorjali, li għandha bħala skop ir-rappreżentazzjoni, il-koordinazzjoni, l-informazzjoni u d-difiża tal-interessi ġenerali u komuni tal-imprendituri tal-organizzazzjonijiet tal-Pajjiż Bask Spanjol li jifformawha. B’mod partikolari, għandha bħala skop ir-rappreżentanza u d-difiża tal-interessi tal-impriżi Baski fil-konfront tal-amministrazzjoni u tal-organizzazzjonijiet soċjali u professjonali.

100    Mhuwiex ikkontestat li din hija organizzazzjoni li tirrappreżenta lil impriżi tal-Pajjiż Bask Spanjol.

101    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mid-dokumenti ppreżentati fil-kuntest tal-proċedura orali, ċerti impriżi, li kienu membri ta’ Confebask meta din resqet it-talba tagħha sabiex tintervjeni, ibbenefikaw minn għajnuna mogħtija abbażi tas-sistemi fiskali inkwistjoni f’din il-kawża.

102    B’hekk, l-interessi ta’ dawn l-impriżi, li fl-istess ħin huma membri ta’ Confebask u benefiċjarji effettivi tal-miżuri fiskali inkwistjoni, jistgħu jintlaqtu mir-riżultat ta’ dawn ir-rikorsi.

103    Barra minn hekk, Confebask ħadet sehem fil-proċedura amministrattiva li waslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet finali kkontestati.

104    B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li Confebask tiġġustifika interess fis-soluzzjoni tal-kawża u li l-intervent tagħha insostenn tar-rikorrenti huwa ammissibbli.

B –  Fuq il-fondatezza tar-rikorsi fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02

105    Ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi fir-rikorsi tagħhom. Madankollu, huma rtiraw l-ewwel motiv, li kien jirrigwarda n-natura ġenerali tal-miżuri inkwistjoni u n-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (ara l-punt 72 iktar ’il fuq).

106    Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħhom, huma jsostnu li l-iskemi ta’ eżenzjoni inkwistjoni kellhom jitqiesu bħala għajnuna eżistenti u mhux bħala għajnuna ġdida. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 88(1) KE, u tal-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 659/1999, minħabba li l-Kummissjoni kellha tapplika l-proċedura dwar l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, minħabba li l-iskemi inkwistjoni ma kinux għajnuna għat-tħaddim inkompatibbli mas-suq komuni, iżda għajnuna għall-investiment jew għall-ħolqien ta’ impjiegi. Fil-kuntest tal-ħames motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni huwa vvizzjat minn difett proċedurali, mill-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali. Fl-aħħar, fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, minħabba li fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali l-Kummissjoni kellha ssemmi l-eżistenza ta’ laqgħat mal-awtoritajiet Spanjoli.

1.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-natura allegatament eżistenti tal-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni

107    It-tieni motiv jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999; it-tieni parti hija bbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999.

a)     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999

 L-argumenti tal-partijiet

108    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-iskemi ta’ eżenzjoni kienu għajnuna eżistenti, peress li, skont l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, dawn ma kinux jikkostitwixxu skemi ta’ għajnuna meta daħlu fis-seħħ, u saru skemi ta’ għajnuna sussegwentement, minħabba l-iżvilupp tas-suq komuni, mingħajr ma ġew emendati mill-Istat Membru.

109    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod taċitu li l-iskemi ta’ eżenzjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fil-mument tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

110    Skont ir-rikorrenti, meta l-Kummissjoni saret taf b’dawn l-iskemi, fl-1994, din ma kellha l-ebda obbligu li tagħlaq il-fażi ta’ eżami preliminari b’deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 249 KE, u permezz tas-skiet tagħha setgħet tesprimi l-pożizzjoni favorevoli tagħha li tgħid li l-miżuri eżaminati ma kinux jikkostitwixxu għajnuna.

111    Il-ġurisprudenza żviluppata f’dan is-sens fir-rigward tal-miżuri notifikati tapplika wkoll f’każ ta’ eżami preliminari ta’ dispożizzjonijiet mhux notifikati li tkun taf bihom il-Kummissjoni. Il-ġurisprudenza li timponi l-obbligu fuq il-Kummissjoni li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali f’każ ta’ dubju dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ miżura nazzjonali timplika wkoll li n-nuqqas ta’ tali deċiżjoni jfisser, bħala prinċipju, li l-Kummissjoni tqis li l-miżura inkwistjoni hija konformi mad-dritt Komunitarju.

112    Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri tal-4 ta’ Marzu 1991 dwar il-metodi ta’ notifika tal-għajnuna u l-metodi proċedurali applikabbli għall-għajnuna awtorizzata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [88](3) KE (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tal-1991”), tikkonferma, barra minn hekk, li l-Kummissjoni ma tqisx ruħha obbligata li tadotta deċiżjoni wara l-eżami preliminari, meta l-Istat Membru jirrispondi b’mod sodisfaċenti għat-talba għal informazzjoni tagħha. Barra minn hekk, minn din l-istess komunikazzjoni jirriżulta li l-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni ppropona biss li l-Kummissjoni ma tiħux passi kontra l-miżura eżaminata, biss meta ma jkollu l-ebda dubju dwar il-kompatibbiltà tagħha. Dan l-“għeluq tal-proċedura mingħajr konsegwenzi” huwa kkaratterizzat min-nuqqas ta’ deċiżjoni formali.

113    L-Artikolu 232 KE ma jipprekludix dan il-metodu proċedurali. Skont ir-rikorrenti, l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx il-kapaċità proċedurali li jaġixxu abbażi ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni sabiex jobbligaw lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni fuq ilment li ma tressaqx minnhom.

114    Wara, ir-rikorrenti jippreċiżaw minn meta l-Kummissjoni titqies li tkun għalqet il-proċedura ta’ eżami preliminari mingħajr konsegwenzi. F’dan ir-rigward, huma jindikaw li qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 659/1999, l-ebda dispożizzjoni ma kienet timponi xi terminu fuq il-Kummissjoni. Madankollu, abbażi tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-ġurisprudenza adottat l-obbligu li l-Kummissjoni tieħu pożizzjoni f’terminu raġonevoli. Konsegwentement, fid-dawl tan-natura tal-proċedura ta’ eżami preliminari, it-terminu għall-egħluq tal-proċedura għandu jkun qasir. Il‑Kummissjoni stess ammettiet dan. Skont ir-rikorrenti, l-obbligu li l-Kummissjoni taġixxi b’mod diliġenti japplika anki fil-każijiet fejn il-miżuri nazzjonali ma ġewx notifikati abbażi tal-Komunikazzjoni tal-1983 dwar l-għajnuna illegali.

115    F’tali kuntest, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ammettiet, kemm impliċitament kif ukoll espliċitament, li l-iskemi ta’ eżenzjoni ma jistgħux jiġu kklassifikati, bħala għajnuna mill-Istat.

116    Huma josservaw li, fit-talba għal informazzjoni tagħha tal-25 ta’ Mejju 1994, il-Kummissjoni wissiet lill-awtoritajiet Spanjoli li hija tkun obbligata tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali f’każ ta’ nuqqas ta’ risposta jew ta’ risposta mhux suffiċjenti. Għandu jingħad li l-Kummissjoni ma bdietx din il-proċedura wara li rċeviet, fit-30 ta’ Settembru 1994, ir-risposta li permezz tagħha r-Renju ta’ Spanja kkontesta l-klassifikazzjoni tal-iskemi ta’ eżenzjoni bħala għajnuna mill-Istat. Minn dan, ir-rikorrenti jikkonkludu li l-Kummissjoni qieset li din ir-risposta kienet sodisfaċenti u li l-iskemi inkwistjoni ma kinux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87 KE.

117    Ir-rikorrenti jqisu li dak li ntqal iktar ’il fuq jista’ jiġi kkonfermat permezz tal-ittra tat-18 ta’ Lulju 1995, li l-Kummissjoni bagħtet lil min ressaq l-ilment tal-1994 sabiex tinformhom dwar is-segwitu li kellu jingħata lill-ilment, u li, skont ir-rikorrenti, turi li l-iskemi ta’ eżenzjoni inkwistjoni ma kinux għajnuna mill-Istat.

118    Elementi oħra ta’ prova jippermettu li jitqies ukoll li l-Kummissjoni taċitament ammettiet li l-iskemi ta’ eżenzjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma ppubblikatx avviż fil-Ġurnal Uffiċjali li jinforma lit-terzi bin-natura prekarja tal-iskemi ta’ eżenzjoni. Fit-tieni lok, fil-kitbiet tagħha, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-eżami tal-iskemi ta’ eżenzjoni dam fit-tul. Għandu jingħad li fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali jew fid-deċiżjonijiet finali kkontestati ma tressaq l-ebda lment f’dan ir-rigward kontra l-awtoritajiet nazzjonali. Fit-tielet lok, it-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Frar 2000, lill-awtoritajiet Spanjoli ma tirreferix għall-ilment tal-1994. Bil-kontra ta’ dan, minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li teżamina l-iskema ta’ eżenzjoni tal-provinċja ta’ Álava permezz tad-Deċiżjoni 1999/718 (ara l-punt 68 iktar ’il fuq). Mill-bqija, din l-ittra ma tikkostitwixxix ordni sabiex tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni; barra minn hekk, din l-informazzjoni ma għandha l-ebda rilevanza fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna allegata li l-evalwazzjoni tagħha ssir in abstracto. Fir-raba’ lok, wara kollox, id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali mhijiex marbuta mal-ilment tal-1994. Bil-kontra ta’ dan, din hija bbażata fuq l-Avviż tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna tal-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett (ĠU 1998, C 384, p. 3, iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-1998 fuq l-għajnuna fiskali”).

119    Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni adottat deċiżjonijiet dwar skemi fiskali oħra fit-Territorios Históricos ta’ Álava, ta’ Vizcaya u ta’ Guipúzcoa wara l-1994, ma jibdel xejn mill-fatt li inizjalment hija qieset li l-iskemi ta’ eżenzjoni ma kinux għajnuna mill-Istat. Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali u d-deċiżjonijiet finali kkontestati juru n-natura arbitrarja tal-Kummissjoni li, barra minn hekk, ma tiġġustifikax il-prijorità ta’ trattament li ngħatat lill-iskemi tal-1996, li jistabbilixxu vantaġġi fiskali oħra bħall-krediti ta’ taxxa u t-tnaqqis tal-bażi taxxabbli, minkejja li kienet tqis li dawn kienu inqas “agressivi” minn dawk tal-1993, inkwistjoni f’din il-kawża.

120    Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jressqu sensiela ta’ provi li minnhom jirriżulta li l-Kummissjoni ċaħdet b’mod espliċitu l-ilment tal-1994, minħabba li l-iskemi ta’ eżenzjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

121    Għalhekk, mid-dibattiti tas-Senat Spanjol tat-22 ta’ April 1997 (Boletín Oficial de las Cortes Generales tat-28 ta’ April 1997, Nru 204, 681/000550) jirriżulta li, waqt laqgħa tas-17 ta’ Marzu 1997, il-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni kkonferma lil delegazzjoni tal-Comunidad autónoma de La Rioja li l-ilment tal-1994 “ma kienx fil-kompetenza tal-Unjoni Ewropea, iżda f’dik tal-Istat Membru inkwistjoni”. Barra minn hekk, minn artikolu tal-istampa ppubblikat fuq l-Internet fl-24 ta’ Ottubru 2002, jirriżulta wkoll li dan l-ilment ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni. Minn dawn iż-żewġ elementi r-rikorrenti jiddeduċu li l-Comunidad autónoma de La Rioja interveniet fil-kuntest tal-ilment tal-1994, u li l-Kummissjoni ċaħdet dan l-ilment espressament minħabba li, peress li l-iskemi ta’ eżenzjoni ma kinux għajnuna mill-Istat, dan l-ilment ma kienx jidħol fl-ambitu tad-dritt Komunitarju. Mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mogħtija lil Ramondín, ir-rikorrenti jiddeduċu li fil-kuntest tal-ilment kontra din l-għajnuna, il-Comunidad autónoma de La Rioja kienet irrinunzjat li tikkontesta l-kompatibbiltà tan-Norma Foral Nru 22/1994 (Álava), ikkunsidrata waħedha, mad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat. Huma jqisu li dan il-bdil fl-attitudni huwa spjegat mill-imsemmi tiċħid tal-ilment tal-1994. Fl-aħħar, il-Kummissjoni qatt ma għamlet riferenza għal dan l-ilment, jew għall-fatt li l-eżami tagħha jiġi differit għal raġunijiet ta’ opportunità, fil-proċeduri li adottat sa mill-1997 kontra d-diversi skemi fiskali tat-Territorios Históricos ta’ Álava, ta’ Vizcaya u ta’ Guipúzcoa. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma semmietx dan fin-noti li ppreżentat fir-rigward tad-domandi preliminari mressqa minn qorti Spanjola fil-kuntest tal-kawżi li wasslu għad-Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Frar 2000, Juntas Generales de Guipúzcoa et (C‑400/97 sa C‑402/97, Ġabra p. I-1073), dwar it-tliet skemi ta’ eżenzjoni inkwistjoni. Bl-istess mod, id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tagħhom tirreferi biss għall-ilment imressaq fil-5 ta’ Jannar 2000.

122    Konsegwentement, la l-ittra tat-18 ta’ Lulju 1995, mibgħuta mill-Kummissjoni lil min ressaq l-ilment tal-1994, u lanqas dik tad-19 ta’ Jannar 1996, li permezz tagħha din talbet informazzjoni ġdida lill-awtoritajiet Spanjoli, ma jistgħu jipprekludu lill-Qorti tal-Prim’Istanza milli tikkonstata li l-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni kkonferma, fl-1997, iċ-ċħid tal-ilment imsemmi iktar ’il fuq. Bil-kontra ta’ dan, l-ittra tat-18 ta’ Lulju 1995 tħabbar b’mod espress li kellha tittieħed deċiżjoni, u li din kellha tiġi kkomunikata lil min ressaq l-ilment.

123    B’hekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fil-mument tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

124    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati jistgħu jiġu spjegati biss minn żvilupp fil-politika dwar l-għajnuna mill-Istat, li wasslet għal bdil tal-kriterji fl-eżami ta’ ċerti miżuri fiskali. B’hekk, huma jallegaw li jeżisti żvilupp tas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

125    Huma jenfasizzaw li l-proposta li waslet għar-Regolament Nru 659/1999 ma kinitx tipprevedi l-kategorija ta’ għajnuna eżistenti li llum tinsab fl-Artikolu 1(b)(v) tagħha. Ir-rikorrenti jqisu li din id-dispożizzjoni ġiet inserita a posteriori preċiżament sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-bdil li seħħ fil-politika tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Mill-bqija, mill-premessa 4 tal-imsemmi Regolament jirriżulta li effettivament, din id-dispożizzjoni tirreferi għall-iżviluppi fil-politika tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, u minn dan, ir-rikorrenti jiddeduċu li l-iżvilupp tas-suq komuni huwa sinonimu mal-iżvilupp fil-kuntest tal-politika dwar l-għajnuna mill-Istat.

126    Skont ir-rikorrenti, mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, miġbura fi ħdan il-Kunsill, tal-1 ta’ Diċembru 1997 dwar kodiċi ta’ mġieba fil-qasam tat-tassazzjoni tal-impriżi (ĠU 1998, C 2, p. 1), jirriżulta li l-Kummissjoni weriet ir-rieda tagħha li twettaq eżami mill-ġdid tas-sistemi fiskali fis-seħħ fl-Istati Membri, u b’hekk ħabbret bdil fil-kriterju ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwardhom. L-Avviż tal-1998 fuq l-għajnuna fiskali jikkonferma dan, peress li fih il-Kummissjoni tindika li hija kienet ser “terġa teżamina każ b’każ” l-iskemi fiskali “fuq il-bażi ta’” dan l-Avviż. Jgħidu wkoll li d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tirreferi espressament għal din il-komunikazzjoni.

127    Barra minn hekk, huma jqisu li d-Deċiżjoni 93/337 invokata mill-Kummissjoni mhijiex referenza valida. Fil-fatt, skonthom, il-Kummissjoni kklassifikat il-krediti ta’ taxxa tal-1988, inkwistjoni fid-Deċiżjoni 93/337, bħala miżuri selettivi, għaliex kienu japplikaw biss għal ċerti attivitajiet. Il‑Kummissjoni ma applikatx kriterju marbut mal-ammont minimu tal-investiment. Min-naħa l-oħra, il-miżuri ta’ eżenzjoni inkwistjoni f’dan il-każ ma jeskludu l-ebda attività, u b’hekk jistgħu b’mod leġittimu jitqiesu bħala miżuri ġenerali fl-1993.

128    Huma jinvokaw ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/755/KE tas-17 ta’ Frar 2003 dwar l-iskemi ta’ għajnuna implementati mill-Belġju favur ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju (ĠU L 282, p. 25), fejn il-Kummissjoni allegatament tammetti li l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 japplika fil-każ fejn, wara li inizjalment ikun ġie meqjus li miżura ma tikkostitwixxix għajnuna, hija tibdel l-evalwazzjoni tagħha u tqis li din tikkostitwixxi għajnuna.

129    B’hekk, ir-rikorrenti jqisu li kien hemm żvilupp fil-politika dwar l-għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

130    Fit-tielet lok, huma jenfasizzaw li l-miżuri fiskali inkwistjoni ma ġewx emendati.

131    Huma jikkonkludu li l-Kummissjoni wetqet żball ta’ dritt meta rrifjutat li tqis il-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

132    Il‑Kummissjoni, sostnuta mill-Comunidad autónoma de La Rioja, titlob sabiex l-ewwel parti tal-motiv tiġi miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

133    Preliminarjament, għandu jitfakkar li t-Trattat jistabbilixxi proċeduri distinti skont jekk l-għajnuna tkunx eżistenti jew ġdida. Filwaqt li l-għajnuna ġdida għandha, skont l-Artikolu 88(3) KE, tiġi notifikata bil-quddiem lill-Kummissjoni, u ma tistax tiġi implementata qabel ma l-proċedura tkun waslet għal deċiżjoni finali, l-għajnuna eżistenti tista’, skont l-Artikolu 88(1) KE, tiġi eżegwita b’mod regolari kemm-il darba l-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, Ġabra p. I-877, punt 20). Għaldaqstant, l-għajnuna eżistenti tista’ biss tkun is-suġġett, jekk ikun il-każ, ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà li toħloq effetti fil-ġejjieni (sentenza Demesa, punt 68 iktar ’il fuq, punt 172).

134    Mill-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, li daħal fis-seħħ fis-16 ta’ April 1999, u b’hekk applikabbli waqt l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet finali kkontestati, jirriżulta li tikkostitwixxi b’mod partikolari għajnuna eżistenti “[kull] għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżisteni minħabba li jista’ [jiġi stabbilit] li meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-iżvilupp tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Memrbu”.

135    Ir-rikorrenti josservaw li t-tliet kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 huma sodisfatti. Il‑Kummissjoni kkunsidrat li l-ewwel żewġ kundizzjonijiet, li jipprovdu li l-iskemi inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu skemi ta’ għajnuna fil-mument tal-implementazzjoni tagħhom, iżda saru hekk minħabba l-iżvilupp tas-suq komuni, ma kinux sodisfatti f’dan il-każ (ara l-punti 78 tad-Deċiżjoni 2003/28, 76 tad-Deċiżjoni 2003/86 u 74 tad-Deċiżjoni 2003/192).

136    Għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun meta kkunsidrat li dawn il-kundizzjonijiet ma kinux ġew sodisfatti f’dan il-każ.

137    Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ammettiet, impliċitament u espliċitament, li l-iskemi inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu skemi ta’ għajnuna mill-Istat fil-mument tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

138    Fl-ewwel lok, fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ċaħdet b’mod espliċitu l-ilment tal-1994.

139    Madankollu, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, wara l-ilment tal-1994, il-Kummissjoni kompliet bl-investigazzjonijiet tagħha (ara l-punt 21 u s-segwenti iktar ’il fuq), madankollu mingħajr ma adottat ebda deċiżjoni espliċita.

140    Għalhekk, b’ittra tat-18 ta’ Lulju 1995, il-Kummissjoni informat lil dawk li ressqu l-ilmenti li hija kienet qed tkompli l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tas-sistema fiskali Spanjola u tal-iskemi ta’ awtonomija fiskali fis-seħħ fl-Istati Membri, filwaqt li kienet qed tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-iżvilupp federali li kien qed iseħħ f’diversi Stati Membri. Hija indikat li d-dipartimenti tagħha kienu qedin jiġbru l-informazzjoni neċessarja, li hija kienet ser tieħu deċiżjoni dwar is-segwitu li kellu jingħata lill-ilment tagħhom meta dawn il-kwistjonijiet jiġu ċċarati, u li kienet ser tikkomunikalhom id-deċiżjoni tagħha. Minn dan jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni kienet qed tkompli l-eżami tal-ilment, u li sa dak iż-żmien, hija kienet għadha ma adottat l-ebda deċiżjoni.

141    Bl-istess mod, b’ittra tad-19 ta’ Jannar 1996, il-Kummissjoni informat lir-Renju ta’ Spanja li hija kienet qedha teżamina l-impatt tad-dispożizzjonijiet fiskali inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni, u talbitu jibgħatilha xi informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni. Issa, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk waslitx risposta għand il-Kummissjoni f’dan ir-rigward, punt li fuqu l-partijiet ma jaqblux, għandu jiġi kkonstatat li, f’kull każ, din l-ittra turi li sa dak iż-żmien, il-Kummissjoni kien għadha ma adottatx pożizzjoni fuq l-iskemi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, Gestevisión Telecinco vs Il‑Kummissjoni, T‑95/96, Ġabra p. II-3407, punt 88).

142    Fl-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-mistoqsija ta’ Senatur Spanjol, li saret lill-Gvern Spanjol, dwar il-laqgħa tas-17 ta’ Marzu 1997, mhuwiex provenjenti mill-Kummissjoni, u jikkonferma biss il-fatt li xi proposti, allegatament mogħtija mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni, ġew irrapurtati fil-kuntest ta’ dibattiti parlamentari nazzjonali. Tali prova ma tistax titqies bħala adozzjoni ta’ pożizzjoni espliċita min-naħa tal-Kummissjoni, u dan ikun xi jkun il-kontenut.

143    Bl-istess mod, la artikolu tal-istampa u lanqas deduzzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-attitudni ta’ dawk li ressqu l-ilmenti jew tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċeduri oħra, ma jistgħu jipprovaw l-eżistenza ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni f’dan il-każ.

144    Konsegwentament, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda wieħed mid-dokumenti ppreżentati ma jikkostitwixxi deċiżjoni indirizzata lill-Istat Membru, u li l-ebda waħda mill-provi mressqa ma tista’ twassal sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ adozzjoni ta’ pożizzjoni ċara u espliċita mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il‑Kummissjoni, T‑351/02, Ġabra p. II-1047, punti 46 sa 49).

145    Konsegwentament, l-eżistenza ta’ deċiżjoni espliċita tal-Kummissjoni, li tiddikjara li l-iskemi inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu skemi ta’ għajnuna mill-Istat fil-mument tad-dħul fis-seħħ tagħhom, mhijiex stabbilita.

146    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tagħlaq il-fażi preliminari ta’ eżami b’deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 249 KE, u setgħet tesprimi, esklużivament bis-skiet tagħha, l-pożizzjoni tagħha li tgħid li l-miżuri fiskali inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna.

147    Tali interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata.

148    Fil-fatt, għandu jitfakkar li s-sempliċi skiet ta’ istituzzjoni ma jistax joħloq effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, ħlief meta din il-konsegwenza tkun espressament prevista minn dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju. F’ċerti każijiet speċifiċi, id-dritt Komunitarju jipprevedi li s-skiet ta’ istituzzjoni għandu l-valur ta’ deċiżjoni meta din l-istituzzjoni ġiet mitluba tadotta pożizzjoni u din ma tkunx adottat tali pożizzjoni sa l-iskadenza tat-terminu previst. Fin-nuqqas ta’ tali dispożizzjonijiet espressi, li jistabbilixxu terminu li meta jiskadi jitqies li tkun ittieħdet deċiżjoni impliċita, u li jiddefinixxu l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni, in-nuqqas ta’ azzjoni ta’ istituzzjoni ma jistax jiġi pparagunat ma’ deċiżjoni, mingħajr ma titqiegħed indiskussjoni s-sistema ta’ rimedji stabbilita mit-Trattat (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 1999, Sodima vs Il‑Kummissjoni, T‑190/95 u T‑45/96, Ġabra p. II-3617, punti 31 u 32).

149    F’dan il-każ, huwa kostanti li s-sistemi fiskali inkwistjoni, stabbiliti fl-1993, ma ġewx notifikati lill-Kummissjoni.

150    Issa, ir-regoli li japplikaw fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ma jipprevedux li s-skiet tal-Kummissjoni jiswa daqs deċiżjoni impliċita ta’ nuqqas ta’ għajnuna, b’mod partikolari meta l-miżuri inkwistjoni ma ġewx notifikati lill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni, li għandha kompetenza esklużiva f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà eventwali ta’ għajnuna mas-suq komuni, għandha l-obbligu, fi tmiem il-fażi preliminari ta’ eżami li tirrigwarda miżura Statali, li tadotta deċiżjoni fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat li tikkonstata jew in-nuqqas ta’ għajnuna, jew l-eżistenza ta’ għajnuna kompatibbli, jew il-ħtieġa li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 88(2) KE (sentenza Gestevisión Telecinco vs Il‑Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, punti 53 sa 55).

151    Għaldaqstant, tali deċiżjoni, li għandha wkoll tiġi notifikata lill-Istat Membru, ma tistax tkun taċita u tirriżulta mis-skiet tal-Kummissjoni għal ċertu żmien.

152    Għaldaqstant, f’dan il-każ, ma jistax jiġi aċċettat li l-Kummissjoni setgħet tadotta deċiżjoni impliċita li abbażi tagħha, is-sistemi fiskali inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu skemi ta’ għajnuna meta daħlu fis-seħħ.

153    Is-sempliċi fatt li, għal perijodu relattivament twil, il-Kummissjoni ma bdietx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura Statali partikolari, ma jistax minnu nnifsu jikkonferixxi lil din il-miżura n-natura oġġettiva ta’ għajnuna eżistenti, jekk din tkun għajnuna. L-inċertezzi li setgħu kienu jeżistu f’dan ir-rigward jistgħu, l-iktar l-iktar, jitqiesu li ħolqu aspettattivi leġittimi fil-benefiċjarji li l-irkupru tal-għajnuna mħallsa fil-passat kien prekluż (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il‑Kummissjoni, T‑195/01 u T‑207/01, Ġabra p. II-2309, punt 129).

154    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma talbux lill-Kummissjoni tadotta pożizzjoni dwar l-ilment tal-1994, ħaġa li kienet tagħmilha possibbli li , fl-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn, li jiġi ppreżentat rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni skont l-Artikolu 232 KE, peress li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti (ara l-punt 113 iktar ’il fuq), kien ikun ammissibbli li huma jagħmlu hekk, hekk kif inhu ammissibbli, fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi, li jaġixxu għall-annullament tad-deċiżjonijiet finali adottati mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1996, T. Port, C‑68/95, Ġabra p. I-6065, punt 59).

155    Konsegwentement, l-ebda deċiżjoni taċita ta’ nuqqas ta’ għajnuna ma tista’ titqies li ġiet adottata abbażi tas-skiet tal-Kummissjoni f’dan il-każ.

156    L-argumenti tar-rikorrenti, li huma bbażati, fl-ewwel lok, fuq il-ġurisprudenza, fit-tieni lok, fuq l-aġir tal-Kummissjoni f’dan il-każ u, fit-tielet lok, fuq ċerti dispożizzjonijiet tal-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, ma jistgħux ibiddlu din l-evalwazzjoni.

157    Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 45; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ġunju 1999, ARAP et vs Il‑Kummissjoni, T‑82/96, Ġabra p. II-1889, punt 28), kienet tirrigwarda sitwazzjonijiet fejn id-deċiżjonijiet espliċiti tal-Kummissjoni kienu ġew adottati, u għalhekk mhijiex rilevanti f’dan il-każ. Bl-istess mod, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz (120/73, Ġabra p. 1471), applikabbli fil-qasam tal-għajnuna notifikata, ma tapplikax fil-qasam ta’ għajnuna mhux notifikata, kif inhu l-każ f’din il-kawa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, Ġabra p. I-3547, punti 46 sa 48, u tal-15 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il‑Kummissjoni, C‑99/98, Ġabra p. I-1101, punt 32; ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Gestevisión Telecinco vs Il‑Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, punti 77 u 78, u tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autónoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra p. II-2123, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

158    Fit-tieni lok, anki l-argumenti dwar l-aġir tal-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda.

159    B’hekk, in-nuqqas ta’ reazzjoni wara r-risposta tar-Renju ta’ Spanja tat-30 ta’ Settembru 1994, jew il-fatt li fil-kitbiet tagħha, il-Kummissjoni rrikonoxxiet id-dewmien tal-eżami tas-sistemi fiskali inkwistjoni f’dan il-każ, ma jistgħux jiġu invokati b’mod utli sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta n-nuqqas ta’ għajnuna f’dan il-każ. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-ittra tat-18 ta’ Lulju 1995, mibgħuta mill-Kummissjoni lil min ressaq l-ilmenti (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), tikkonferma li l-Kummissjoni kienet qedha tkompli l-evalwazzjoni tagħha, u ma tistax twassal sabiex tiġi stabbilita l-adozzjoni ta’ deċiżjoni impliċita li abbażi tagħha s-sistemi fiskali inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu skemi ta’ għajnuna meta daħlu fis-seħħ.

160    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jinvokaw il-fatt li d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tirreferi biss għall-ilment tal-5 ta’ Jannar 2000 (ara l-punt 31 iktar ’il fuq), u mhux għal dak tal-1994.

161    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tirrigwarda t-tliet skemi fiskali kkontestati, madankollu mingħajr ma ssemmi l-ilment tal-1994. Fil-fatt, din id-deċiżjoni ġiet adottata mill-Kummissjoni wara l-ilment tal-5 ta’ Jannar 2000, li tressaq minn kompetituri ta’ impriża li bbenefikat mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji.

162    Madankollu, il-fatt li l-ilment tal-1994 ma ssemmiex fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma jistax jimplika l-eżistenza ta’ deċiżjoni taċita tal-Kummissjoni li taċċetta li l-iskemi inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, peress li, hekk kif ġie mfakkar (ara l-punt 152 iktar ’il fuq), tali deċiżjoni ma tistax tkun impliċita.

163    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-adozzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ deċiżjonijiet dwar skemi fiskali oħra stabbiliti mir-rikorrenti wara l-ilment tal-1994, u fuq in-natura arbitrarja tad-deċiżjonijiet ikkontestati, dan ukoll għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti fir-rigward tal-motiv invokat, dwar il-kunċett ta’ għajnuna eżistenti.

164    Barra minn hekk, fit-tielet lok, l-ebda argument ma jista’ jiġi bbażat fuq il-Komunikazzjoni tal-1983 dwar l-għajnuna illegali u fuq il-Komunikazzjoni tal-1991.

165    Fil-fatt, bil-kontra ta’ dan, il-Komunikazzjoni tal-1983 dwar l-għajnuna illegali tfakkar l-obbligu li jiġu notifikati l-proġetti ta’ għajnuna, u b’mod partikolari, tindika li kull benefiċjarju ta’ għajnuna mogħtija illegalment, “jiġifieri mingħajr ma l-Kummissjoni tkun waslet għal deċiżjoni definittiva dwar il-kompatibbiltà tagħha” jista’ jiġi ordnat jagħti lura l-għajnuna. Ċertament, din il-komunikazzjoni ssemmi wkoll li, minn meta ssir taf bl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ għajnuna illegali minn Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż speċifiku fil-Ġurnal Uffiċjali li jwissi lill-benefiċjarji potenzjali tal-għajnuna bil-prekarjetà ta’ din l-għajnuna (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, ma jistax jiġi dedott li n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ tali avviż jista’ jiġi pparagunat mal-adozzjoni ta’ deċiżjoni taċita ta’ nuqqas ta’ għajnuna (sentenza Sodima vs Il‑Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq).

166    Barra minn hekk, l-ebda argument ma jista’ jiġi bbażat fuq il-Komunikazzjoni tal-1991, imsemmija mir-rikorrenti (ara l-punt 112 iktar ’il fuq). Fil-fatt, din il-komunikazzjoni tipprovdi b’mod partikolari li, f’każ ta’ risposta mhux sodisfaċenti min-naħa tal-Istat Membru, il-Kummissjoni “tirriżerva” l-possibiltà li tuża ċerti setgħat (ordni ta’ sospensjoni tal-miżuri inkwistjoni jew sejħa sabiex jiġu sottomessi l-kummenti u l-informazzjoni meħtieġa sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni) u tikkonkludi li “l-Kummissjoni hija intenzjonata tuża s-setgħat imsemmija fil-każijiet kollha fejn dan ikun meħtieġ sabiex jitwaqqaf kull ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat”. Għaldaqstant, minn din il-komunikazzjoni ma jirriżulta mkien li nuqqas ta’ risposta formali tal-Kummissjoni huwa ekwivalenti għal deċiżjoni taċita tagħha li taċċetta n-nuqqas ta’ klassifikazzjoni bħala għajnuna tal-miżuri inkwistjoni.

167    Konsegwentement, l-argument li jgħid li l-Kummissjoni ċaħdet b’mod taċitu l-ilment tal-1994 u ammettiet li l-iskemi inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu skemi ta’ għajnuna mill-Istat għandu jiġi miċħud.

168    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-eżistenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tammetti li l-iskemi inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu skemi ta’ għajnuna mill-Istat meta daħlu fis-seħħ, ma ġietx stabbilita.

169    Peress li din l-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 mhijiex sodisfatta, il-miżuri inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu bħala għajnuna eżistenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

170    Konsegwentement, l-argument dwar it-tieni kundizzjoni, intiż sabiex juri li l-miżuri inkwistjoni saru għajnuna minħabba l-iżvilupp tas-suq komuni, huwa irrilevanti.

171    F’kull każ, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar it-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jiġi kkunsidrat li dan ma jistax jiġi aċċettat.

172    Fil-fatt, ir-rikorrenti jsostnu li mill-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 u mill-premessa (4) tiegħu jirriżulta li l-kunċett ta’ żvilupp tas-suq komuni huwa sinonimu għal dak tal-iżvilupp tal-politika dwar l-għajnuna mill-Istat (ara l-punt 125 iktar ’il fuq).

173    Issa, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “evoluzzjoni tas-suq komuni” jista’ jinftiehem bħala bdil tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku fis-settur ikkonċernat mill-miżura inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I-5479, punt 71). B’mod partikolari, tali bdil jista’ jirriżulta mil-liberalizzazzjoni ta’ suq li inizjalment kien magħluq għall-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ April 2001, Regione autónoma Friuli-Venezia Giulia vs Il‑Kummissjoni, T‑288/97, Ġabra p. II-1169, punt 89).

174    Min-naħa l-oħra, dan il-kunċett ma jirrigwardax il-każ fejn il-Kummissjoni tibdel l-evalwazzjoni tagħha biss abbażi ta’ applikazzjoni iktar rigoruża tar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat (sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, punt 173 iktar ’il fuq, punt 71). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni ta’ miżura Statali bħala għajnuna eżistenti jew bħala għajnuna ġdida ma tistax tiddependi fuq evalwazzjoni suġġettiva tal-Kummissjoni, u għandha tiġi stabbilita indipendentement minn kull prassi amministrattiva preċedenti tal-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Government of Gibraltar vs Il‑Kummissjoni, punt 153 iktar ’il fuq, punt 121, u tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il‑Kummissjoni, T‑269/99, T‑271/99 u T‑272/99, Ġabra p. II-4217, punt 80, u Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, T‑346/99 sa T‑348/99, Ġabra p. II-4259 punt 84).

175    Isegwi li s-sempliċi konstatazzjoni ta’ żvilupp tal-politika dwar l-għajnuna mill-Istat ma tistax, minnha nnifisha, tkun biżżejjed sabiex tikkostitwixxi “evoluzzjoni tas-suq komuni” fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, sakemm il-kunċett oġġettiv ta’ għajnuna mill-Istat innifsu, kif jirriżulta mill-Artikolu 87 KE, ma jiġix emendat.

176    F’dan il-każ, l-ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti dwar l-iżvilupp tal-politika dwar l-għajnuna mill-Istat ma jista’ jikkaratterizza “l-evoluzzjoni tas-suq komuni” fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

177    Fil-fatt, insostenn tal-argumenti tagħhom dwar l-iżvilupp tal-politika dwar l-għajnuna mill-Istat, ir-rikorrenti jinvokaw l-adozzjoni, fl-1 ta’ Diċembru 1997, min-naħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ta’ kodiċi ta’ mġieba fil-qasam tat-tassazzjoni tal-impriżi (ara l-punt 126 iktar ’il fuq).

178    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-Istati Membri impenjaw ruħhom li progressivament ineħħu ċerti miżuri fiskali li ġew ikklassifikati bħala dannużi, filwaqt li l-Kummissjoni esprimiet l-intenzjoni tagħha li teżamina jew li terġa teżamina s-sistemi fiskali fis-seħħ fl-Istati Membri, fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (punti D u J tal-kodiċi ta’ mġieba).

179    Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, l-ebda bdil ta’ kriterju ta’ evalwazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma tħabbar f’dan il-kodiċi ta’ mġieba, u barra minn dan, ir-rikorrenti ma jressqu l-ebda element insostenn tal-affermazzjoni tagħhom f’dan ir-rigward.

180    Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll l-Avviż tal-1998 fuq l-għajnuna fiskali, li skonthom jħabbar eżami mill-ġdid każ b’każ tas-sistemi fiskali (ara l-punt 126 iktar ’il fuq).

181    Madankollu, f’dan l-Avviż tal-1998 fuq l-għajnuna fiskali, li huwa bbażat ħafna fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza, u jistabbilixxi kjarifiki fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 87 KE u 88 KE għall-miżuri fiskali, il-Kummissjoni ma tħabbarx bdil fil-kriterji ta’ evalwazzjoni dwar il-miżuri fiskali fir-rigward tal-Artikoli 87 KE u 88 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il‑Kummissjoni, punt 174 iktar ’il fuq, punt 79, u tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, punt 174 iktar ’il fuq, punt 83).

182    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jenfasizzaw li fid-Deċiżjoni 93/337, il-Kummissjoni applikat kriterju ta’ selettività differenti minn dak użat f’dan il-każ (ara l-punt 127 iktar ’il fuq).

183    B’mod partikolari, fid-Deċiżjoni 93/337, il-Kummissjoni enfasizzat li l-miżuri fiskali kienu japplikaw biss għal ċerti impriżi u li ċerti attivitajiet ma kinux jibbenefikaw minnhom (punt III tad-deċiżjoni). Fid-deċiżjonijiet finali kkontestati, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq kriterju ta’ selettività differenti, relattiv għall-investiment minimu superjuri għal ċertu ammont.

184    L-Artikolu 87(1) KE jimponi li jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest ta’ sistema ġuridika partikolari, miżura nazzjonali tkunx kapaċi li tiffavorixxi lil “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn. Dan huwa kunċett oġġettiv, li jista’ jiġi evalwat skont kriterji ta’ selettività differenti, madankollu mingħajr ma għandu jiġi dedott minnu bdil fil-kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura selettiva tal-għajnuna mill-Istat.

185    Għaldaqstant, l-argumenti invokati ma jippermettux li jiġi konkluż li, wara l-adozzjoni tal-miżuri fiskali kkontestati, kien hemm bdil fil-kriterji ta’ selettività applikati mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-miżuri fiskali mill-aspett tal-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il‑Kummissjoni, punt 174 iktar ’il fuq, punt 79).

186    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li r-rikorrenti stabbilixxew li kien hemm bdil tal-kriterji fl-evalwazzjoni tal-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Kummissjoni, l-argument dwar in-natura eżistenti tal-miżuri fiskali inkwistjoni ma jistax jintlaqgħa. Fil-fatt, bl-ebda mod ma ġie pprovat li dan il-bdil allegat tal-kriterji ta’ selettività applikati mill-Kummissjoni jirriżulta mill-“evoluzzjoni tas-suq komuni” fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan il-kunċett ma jirrigwardax il-każ fejn il-Kummissjoni tibdel l-evalwazzjoni tagħha biss abbażi ta’ applikazzjoni iktar rigoruża tar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat (sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, punt 173 iktar ’il fuq, punt 71).

187    Fl-aħħar, fir-rigward tad-Deċiżjoni 2003/755, invokata mir-rikorrenti, għandu jiġi rilevat li din mhijiex prova rilevanti. Fil-fatt, il-miżura inkwistjoni f’din id-deċiżjoni kienet għajnuna eżistenti, peress li kienet ġiet notifikata u awtorizzata preċedentement, u peress li, fil-kuntest tal-eżami permanenti tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, previst mill-Artikolu 88(1) KE, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li twettaq eżami mill-ġdid tal-iskema inkwistjoni. Huwa proprju fir-rigward ta’ din id-Deċiżjoni 2003/755 li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kunċett ta’ “evoluzzjoni tas-suq komuni” ma kienx jirrigwarda l-każ fejn il-Kummissjoni tibdel l-evalwazzjoni tagħha biss abbażi ta’ applikazzjoni iktar rigoruża tar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat (sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, punt 173 iktar ’il fuq, punt 71). B’hekk, din id-deċiżjoni bl-ebda mod ma ssostni t-teżi tar-rikorrenti.

188    Konsegwentement, l-ebda waħda mill-provi mressqa mir-rikorrenti ma turi l-eżistenza ta’ żvilupp tas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

189    Minn dak li ntqal jirriżulta li s-sistemi fiskali inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu bħala skemi ta’ għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

190    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999

 L-argumenti tal-partijiet

191    Anki jekk jitqies li l-Qorti tal-Prim’Istanza tirrifjuta li tammetti li l-Kummissjoni qieset li l-iskemi ta’ eżenzjoni ma kinux għajnuna mill-Istat, madankollu, ir-rikorrenti josservaw li ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ juru li hija qiesithom bħala kompatibbli mas-suq komuni, u li awtorizzathom fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda b’mod partikolari l-miżuri adottati qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, u li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ma qajjmitx oġġezzjonijiet.

192    F’dan il-każ, l-awtorizzazzjoni tirriżulta mill-ittra tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Mejju 1994 u mill-attitudni ulterjuri tagħha. B’hekk, il-Kummissjoni ma bdietx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali f’terminu raġonevoli wara li rċeviet ir-risposti tal-awtoritajiet Baski għal din l-ittra, filwaqt li hija kienet marbuta li tibda din il-proċedura li kieku kellha l-iċken dubju fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-iskemi inkwistjoni mas-suq komuni. Barra minn hekk, la l-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 2000 u lanqas id-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Novembru 2000 li tinbeda l-proċedura formali ma jirreferu għall-eżami li sar fl-1994. Apparti dan, minkejja l-impenn tagħha li tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali l-miżuri ta’ għajnuna mhux notifikati minn meta ssir taf bihom, il-Kummissjoni ma ppubblikat l-ebda avviż qabel l-imsemmija deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Novembru 2000.

193    Il‑Kummissjoni, sostnuta mill-Comunidad autónoma de La Rioja, issostni li din it-tieni parti tat-tieni motiv hija infondata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

194    L-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li, għajnuna eżistenti għandha tfisser “[kull] għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill”.

195    Għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-miżuri ta’ għajnuna li kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà min-naħa tal-Kummissjoni.

196    Tali deċiżjoni hija neċessarjament espliċita. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 87 KE, u abbażi tal-Artikolu 253 KE, għandha timmotiva tali deċiżjoni f’dan ir-rigward.

197    Barra minn hekk, meta jkun allegat li xi miżuri individwali jingħataw abbażi ta’ skema awtorizzata bil-quddiem, il-Kummissjoni għandha, qabel ma tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, tiddetermina jekk dawn il-miżuri humiex koperti jew le mill-iskema inkwistjoni, u jekk dan ikun il-każ, jekk dawn jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni li tapprovhom. Huwa biss fil-każ fejn, wara dan l-eżami, il-Kummissjoni tasal għal konklużjoni negattiva li hija tista’ tqis li l-miżuri inkwistjoni huma għajnuna ġdida. Min-naħa l-oħra, f’każ ta’ konklużjoni pożittiva, il-Kummissjoni għandha titratta dawn il-miżuri bħala għajnuna eżistenti skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(1) u (2) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1994, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑47/91, Ġabra p. I-4635, punti 24 sa 26, u tal-10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑400/99, Ġabra p. I-3657, punt 57). Sabiex tkun tista’ tiddetermina jekk il-miżuri individwali jissodisfawx jew le l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-iskema inkwistjoni, din id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni għandha neċessarjament tkun espliċita.

198    Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, insostenn tal-affermazzjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti ma jressqu l-ebda deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni awtorizzat il-miżuri fiskali inkwistjoni, billi tikkunsidrhom bħala kompatibbli mas-suq komuni.

199    L-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-awtorizzazzjoni tirriżulta mill-ittra tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Mejju 1994, ma jistax jiġi ammess. Fil-fatt, l-ittra tal-25 ta’ Mejju 1994 tillimita ruħha li ssejjaħ lir-Renju ta’ Spanja jissottometti l-kummenti tiegħu dwar l-ilment tal-1994, mingħajr ma tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq komuni. B’hekk, din l-ittra ma tistax tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-iskemi inkwistjoni.

200    Bl-istess mod, l-attitudni ulterjuri tal-Kummissjoni ma tistax titqies bħala deċiżjoni ta’ approvazzjoni espliċita. Għaldaqstant, la n-nuqqas ta’ reazzjoni tal-Kummissjoni wara l-kummenti tar-Renju ta’ Spanja tat-30 ta’ Settembru 1994, u lanqas l-ittra tat-18 ta’ Lulju 1995 mibgħuta mill-Kummissjoni lil dawk li ressqu l-ilmenti, li ma tiddeċiedix dwar il-kompatibbiltà tal-iskemi inkwistjoni (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), ma jistgħu jikkostitwixxu deċiżjoni li tawtorizza s-sistemi fiskali inkwistjoni fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999.

201    Finalment, ir-rikorrenti jinvokaw il-fatt li l-Kummissjoni ma semmietx l-investigazzjoni tal-ilment tal-1994, la fl-ittra tagħha tat-3 ta’ Frar 2000, li permezz tagħha talbet lill-awtoritajiet Spanjoli għal informazzjoni dwar l-ilment tal-5 ta’ Jannar 2000 (ara l-punt 32 iktar ’il fuq), u lanqas fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Huma jinvokaw ukoll in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, kuntrarjament għall-impenn li l-Kummissjoni adottat fil-Komunikazzjoni tal-1983 dwar l-għajnuna illegali.

202    Madankollu, l-ebda waħda minn dawn il-provi ma tista’ twassal għall-konklużjoni li teżisti deċiżjoni espliċita ta’ awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999.

203    Isegwi li t-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999, għandha wkoll tiġi miċħuda bħala infondata.

204    Konsegwentement, it-tieni motiv, li jgħid li s-sistemi fiskali inkwistjoni għandhom jitqiesu bħala skemi ta’ għajnuna eżistenti, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tar-regoli proċedurali applikabbli għall-għajnuna eżistenti

205    Ir-rikorrenti, sostnuti mill-Comunidad autónoma del País Vasco, iqisu li, inkwantu l-iskemi ta’ eżenzjoni għandhom jitqiesu bħala għajnuna eżistenti, id-deċiżjonijiet finali kkontestati jiksru l-Artikolu 88(1) KE u l-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 659/1999, peress li dawn ġew adottati fit-tmiem ta’ proċedura rigwardanti għajnuna ġdida.

206    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, inkwantu l-klassifikazzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna eżistenti ma tistax tiġi aċċettata f’dan il-każ (ara l-punt 204 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kellha raġun meta kkunsidrat li l-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida. Billi għamlet dan, il-Kummissjoni ma kisritx ir-regoli proċedurali invokati mir-rikorrenti.

207    Isegwi li t-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tar-regoli proċedurali, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE

a)     L-argumenti tal-partijiet

208    Ir-rikorrenti josservaw li skont l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet finali kkontestati, l-iskemi ta’ eżenzjoni ma għandhomx “in-natura ta’ għajnuna għall-investiment jew għall-impjieg [għaliex] din l-għajnuna fiskali ma għandhiex bħala bażi l-ammont tal-investiment, u lanqas in-numru ta’ impjiegi u l-ispejjeż tal-pagi relatati miegħu, iżda l-bażi taxxabbli”.

209    Ir-rikorrenti jikkontestaw il-ħtieġa ta’ tali rabta u jikkontestaw li l-iskemi inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna għat-tħaddim biss minħabba l-fatt li jipprovdu għat-tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul tal-impriżi benefiċjarji. L-eżistenza ta’ tali tnaqqis mhijiex raġuni suffiċjenti sabiex jiġi miċħud li l-iskemi ta’ eżenzjoni għandhom in-natura ta’ għajnuna għall-investiment jew għall-ħolqien ta’ impjiegi.

210    Skont ir-rikorrenti, fid-deċiżjonijiet finali kkontestati l-Kummissjoni ammettiet li l-iskemi inkwistjoni jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ impriżi ġodda. Barra minn hekk, il-ħtieġa msemmija, li tgħid li l-iskemi ta’ għajnuna jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna għall-investiment biss jekk ikunu espressi f’perċentwali tal-investiment, ma tidhirx b’dan il-mod fil-Komunikazzjoni tal-1978 dwar l-iskemi ta’ għajnuna bi skop reġjonali. L-espressjoni tal-ammont tal-għajnuna f’perċentwali tal-investiment isservi biss sabiex jiġi ddeterminat jekk l-għajnuna inkwistjoni kinitx tirrispetta l-limitu massimu ta’ għajnuna awtorizzata fir-reġjun. Issa, il-Kummissjoni kellha tirreferi għal din il-komunikazzjoni peress li din kienet tiddetermina l-pożizzjoni tagħha fil-mument tal-adozzjoni tal-iskemi ta’ eżenzjoni inkwistjoni. Din ma setgħetx, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, tibbaża ruħha fuq il-linji gwida tal-1998. Il-Comunidad autónoma del País Vasco tikkondividi din l-opinjoni.

211    F’kull każ, ir-rikorrenti jsostnu li l-iskemi ta’ eżenzjoni inkwistjoni kienu għajnuna għall-ħolqien ta’ impjiegi. Fil-fatt, il-vantaġġ tagħhom kien jiddependi fuq il-ħolqien ta’ mill-inqas għaxar impjiegi, u fuq iż-żamma, bħala medja, ta’ tali numru ta’ postijiet tax-xogħol għal għaxar snin. Barra minn hekk, il-fatt li l-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni mhumiex espressi f’perċentwali tal-ispejjeż tal-pagi huwa importanti biss, fl-imsemmija komunikazzjoni, sabiex jiġi kkalkolat jekk l-għajnuna kinitx tirrispetta l-intensità awtorizzata.

212    Il‑Kummissjoni, sostnuta mill-Comunidad autónoma de La Rioja, titlob sabiex ir-raba’ motiv jiġi miċħud.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

213    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jinvokaw il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, minħabba li l-Kummissjoni applikat il-linji gwida tal-1998 li daħlu fis-seħħ wara d-dispożizzjonijiet fiskali tal-1993 inkwistjoni.

214    Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni hija marbuta mill-linji gwida jew mill-komunikazzjonijiet li tadotta fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, kemm-il darba dawn ma jmorrux kontra r-regoli tat-Trattat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑351/98, Ġabra p. I-8031, punt 53).

215    Wara, għandu jiġi rilevat li l-Linji Gwida tal-1998 jipprovdu, fil-punt 6.1 tagħhom, li “il-Kummissjoni għandha tagħmel stima tal-kompatibbiltà tal-għajnuna reġjonali mas-suq komuni fuq il-bażi ta’ dawn il-Linji Gwida hekk kif dawn ikunu applikabbli”. B’hekk, mill-Linji Gwida tal-1998 jirriżulta b’mod ċar li dawn japplikaw sa mill-adozzjoni tagħhom, inkluż għas-sitwazzjonijiet li jkunu seħħew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-linji gwida. B’hekk, l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-1998 f’dan il-każ ma tistax tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

216    Huwa minnu li l-punt 6.1 jipprovdi riżerva li tgħid li “[il-]proposti għall-għajnuna li huma notifikati qabel ma’ dawn il-Linji Gwida jiġu komunikati lill-Istati Membri u li fuqhom il-Kummissjoni ma tkunx għadha adottat deċiżjoni finali għandhom jkunu stmati fuq il-bażi ta’ kriterji li jkunu fis-seħħ fiż-żmien tan-notifika”.

217    Madankollu, huwa paċifiku li l-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni f’dan il-każ ġew implementati mingħajr ma ġew notifikati.

218    Għaldaqstant, dawn l-iskemi ta’ għajnuna ma jistgħux jiġu pparagunati ma’ “proposti għall-għajnuna li huma notifikati qabel ma’ [l-Linji Gwida tal-1998] jiġu komunikati lill-Istati Membri” fis-sens tar-riżerva msemmija, u għalhekk mhijiex applikabbli f’dan il-każ.

219    Barra minn hekk u f’kull każ, għandu jitfakkar li, anki jekk jitqies li jista’ jiġi kkunsidrat li irregolarità tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-1998, din ma twassalx għall-illegalità tad-deċiżjonijiet finali kkontestati, u għaldaqstant, għall-annullament tagħhom, ħlief jekk din l-irregolarità jista’ jkollha konsegwenzi fuq il-kontenut tagħhom. Fil-fatt, jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-Kummissjoni kienet tasal għal riżultat identiku, inkwantu l-vizzju inkwistjoni, f’kull każ, ma kienx tali li jinfluwenza l-kontenut tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ma jkunx hemm lok li dawn jiġu annullati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Settembru 2007, González y Díez vs Il‑Kummissjoni, T‑25/04, Ġabra p. II-3121, punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata).

220    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu, minn naħa, li d-definizzjoni tal-għajnuna għal investiment kif prevista fil-Linji Gwida tal-1998 u applikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet finali kkontestati, ma kinitx prevista fil-Komunikazzjoni tal-1978 dwar l-iskemi ta’ għajnuna bi skop reġjonali, u min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni żbaljat meta rrifjutat li tikkunsidra l-iskemi ta’ eżenzjoni bħala għajnuna għall-impjieg.

221    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċew l-ebda prova li tippermetti li jiġi konkluż li l-iskemi inkwistjoni kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-1978 dwar l-iskemi ta’ għajnuna bi skop reġjonali (ara l-punt 10 iktar ’il fuq) u li l-applikazzjoni tagħha waslet għal kwalifiki differenti tas-sistemi fiskali inkwistjoni. B’mod partikolari, kemm mill-Linji Gwida tal-1998, kif ukoll mill-Komunikazzjoni tal-1978 dwar l-iskemi ta’ għajnuna bi skop reġjonali, jirriżulta li l-għajnuna għat-tħaddim, bħala prinċipju, ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni, skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, peress li din tirriskja, min-natura tagħha stess, li tbiddel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tal-1978 dwar l-iskemi ta’ għajnuna bi skop reġjonali ma tipprovdix definizzjoni tal-kunċetti ta’ għajnuna għat-tħaddim, għal investiment jew għall-impjieg li tmur kontra l-interpretazzjonijiet li saru f’dan il-każ mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, din tistabbilixxi l-limiti massimi differenti ta’ intensità tal-għajnuna, f’perċentwali tal-investiment inizjali u f’unitajiet tal-kont Ewropej għal kull impjieg maħluq mill-investiment inizjali (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), u f’dan il-każ ma ġiex stabbilit li s-sistemi fiskali inkwistjoni ħaduhom inkunsiderazzjoni.

222    Għaldaqstant, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-1998 minflok il-Komunikazzjoni tal-1978 dwar l-iskemi ta’ għajnuna bi skop reġjonali hija żbaljata, f’kull każ, dan l-iżball ma jaffettwax il-kontenut tad-deċiżjonijiet finali kkontestati b’mod tali li tiġi stabbilita l-illegalità tagħhom.

223    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali kumplessi, li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Frar 1987, Deufil vs Il‑Kummissjoni, 310/85, Ġabra p. 901, punt 18). L-istħarriġ ġudizzjarju tal-mod ta’ kif din is-setgħa diskrezzjonali għandha tiġi eżerċitata huwa limitat għall-ivverifikar tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, kif ukoll għall-ivverifikar tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati u li ma kienx hemm żball ta’ dritt, żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew abbuż tal-poter (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑56/93, Ġabra p. I-723, punt 11, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑372/97, Ġabra p. I-3679, punt 83; is-sentenza Demesa, punt 68 iktar ’il fuq, punt 273).

224    F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjonijiet finali kkontestati, li s-sistemi fiskali inkwistjoni, li jipprevedu eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji, jeżentaw parzjalment lill-impriżi benefiċjarji mit-taxxa fuq id-dħul, u għandhom in-natura ta’ għajnuna għat-tħaddim.

225    Għandu jitqies li, b’dan, il-Kummissjoni ma wetqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni.

226    Fil-fatt, l-għajnuna għat-tħaddim hija intiża li teħles lil impriża mill-ispejjeż li hija kien ikollha normalment issostni fil-kuntest tat-tmexxija kurrenti jew tal-attivitajiet normali tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra p. I-6857, punt 30; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il‑Kummissjoni, T‑459/93, Ġabra p. II-1675, punt 48, u tas-27 ta’ Novembru 2003, Regione Siciliana vs Il‑Kummissjoni, T‑190/00, Ġabra p. II-5015, punt 130). Mill-Linji Gwida tal-1998 jirriżulta wkoll li l-għajnuna għat-tħaddim hija intiża li tnaqqas l-ispejjeż kurrenti tal-impriża (ara l-punt 14 iktar ’il fuq).

227    Issa, dan huwa eżattament il-każ tal-eżenzjonijiet fiskali f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 14 tan-Normas Forales Nru 18/1993, Nru 5/1993 u Nru 11/1993, li jipprevedu l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-kumpanniji inkwistjoni, jirriżulta li l-obbligi li jsir investiment minimu u li jinħoloq numru minimu ta’ impjiegi jikkostitwixxu biss kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-iskemi ta’ għajnuna, meħtieġa sabiex ikun jista’ jittieħed il-vantaġġ tal-eżenzjonijiet fiskali (ara l-punt 18 iktar ’il fuq). Meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, l-ammont tal-għajnuna jiddependi mill-bażi taxxabbli pożittiva li tikkorrispondi għar-riżultat tal-operat, u mhux mill-ammont tal-investiment. Għalhekk, minkejja dawn il-kundizzjonijiet dwar l-investiment minimu u l-ħolqien ta’ numru minimu ta’ impjiegi, l-eżenzjonijiet fiskali huma kkalkolati abbażi tad-dħul magħmul mill-kumpanniji, u mhux abbażi tal-ammont tal-investimenti jew tan-numru ta’ impjiegi maħluqa. B’hekk, b’mod partikolari, dawn mhumiex marbuta mal-investiment fis-sens tal-Linji Gwida tal-1998 (ara l-punt 15 iktar ’il fuq).

228    Għalhekk, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tqis li l-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni, li jeħilsu lill-impriżi benefiċjarji mill-ispejjeż li bħala prinċipju kien ikollhom iħallsu, kienu jikkostitwixxu għajnuna għat-tħaddim, u ma kellhomx in-natura ta’ għajnuna għall-investiment jew għall-impjieg.

229    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma jipproduċu l-ebda prova li turi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni filwaqt, li l-interpretazzjoni tagħha hija konformi mal-Artikolu 87 KE u mal-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta mfittex minn din id-dispożizzjoni.

230    Isegwi li r-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, għandu jiġi miċħud.

4.     Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq difett proċedurali, il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali

231    Ir-rikorrenti u l-partijiet intervenjenti insostenn tagħhom jitolbu, sussidjarjament, l-annullament tal-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3 tad-deċiżjonijiet finali kkontestati. Insostenn ta’ dawn it-talbiet, qabel kollox, huma jinvokaw difett proċedurali. Sussegwentement, huma jallegaw il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

a)     Fuq l-ilment ibbażat fuq difett proċedurali

 L-argumenti tal-partijiet

232    Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni injorat il-kummenti li r-Renju ta’ Spanja ssottometta fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Huma josservaw li permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Settembru 2001, ippreżentata bħala replika għall-kummenti tat-terzi, ir-Renju ta’ Spanja qajjem argument ibbażat fuq il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għall-finijiet li jikkontesta l-possibbiltà li tiġi rkuprata l-għajnuna diġà mogħtija. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni żbaljat meta qieset li dawn il-kummneti kienu ġew ippreżentati wara li skada t-terminu. Tali attitudni tal-Kummissjoni tista’ twassal, skonthom, għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru. Jgħidu wkoll li dan l-aġir ma jipprekludix lill-Qorti tal-Prim’Istanza milli teżerċita l-istħarriġ tagħha.

233    Il‑Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

234    L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li, fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lill-partijiet interessati l-oħra biex jissottomettu l-kummenti tagħhom f’perijodu preskritt li normalment ma għandux ikun ta’ iktar minn xahar u li jista’ jiġi estiż mill-Kummissjoni. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li l-kummenti mibgħuta għandhom ikunu sottomessi lill-Istat Membru kkonċernat, li jista’ jirrispondi għall-kummenti sottomessi f’perijodu preskritt li normalment ma għandux ikun ta’ iktar minn xahar, u li jista’ jiġi estiż mill-Kummissjoni (ara l-punt 6 iktar ’il fuq).

235    F’dan il-każ, għandu jiġi rilevat li, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tat-28 ta’ Novembru 2000, l-awtoritajiet Spanjoli ġew imsejħa jissottomettu l-kummenti tagħhom, u huma għamlu dan fil-5 ta’ Frar 2001. Wara, permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Settembru 2001, dawn esponew ir-reazzjoni tagħhom dwar il-kummenti sottomessi mit-terzi, u fformulaw kummenti fir-rigward tal-argument dwar l-aspettattivi leġittimi, f’parti intitolata “Kummenti kumplimentari: l-aspettattivi leġittimi jipprekludu deċiżjoni ta’ rkupru tal-għajnuna”.

236    Fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni qieset li dawn il-kummenti kumplimentari, flimkien ma’ dawk ippreżentati permezz tal-ittri tal-5 ta’ Frar 2001, ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li dawn kienu waslu għand il-Kummissjoni wara t-terminu ta’ xahar stabbilit bl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

237    Ir-rikorrenti jqisu li b’dan l-aġir, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru kkonċernat.

238    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li minnu nnifshu, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi illegalità suġġettiva (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II-2501, punt 425, u l-ġurisprudenza ċċitata), u għalhekk għandu jiġi invokata mill-Istat Membru kkonċernat stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, T‑198/01, Ġabra p. II-2717, punt 203).

239    Għaldaqstant, mhuwiex ammissibbli li r-rikorrenti f’din il-kawża jinvokaw l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru kkonċernat, f’dan il-każ, ir-Renju ta’ Spanja.

240    Fit-tieni lok, anki jekk jitqies li huwa ammissibbli li r-rikorrenti jinvokaw tali lment, dan ma jistax jintlaqgħa mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

241    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-Istat Membru inkwistjoni jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jesponi b’mod utli l-fehma tiegħu dwar il-kummenti ppreżentati minn terzi interessati, skont l-Artikolu 88(2) KE, u li fuqhom il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha, u li, inkwantu l-Istat Membru ma jkunx tqiegħed f’pożizzjoni li jikkummenta dwar dawn il-kummenti, il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidrahom fid-deċiżjoni tagħha kontra dan l-Istat. Madakollu, sabiex tali ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għal annullament, huwa meħtieġ li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1987, Franza vs Il‑Kummissjoni, 259/85, Ġabra p. 4393, punti 12 u 13, u tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑301/87, Ġabra p. I-307, punti 29 sa 31).

242    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jilmentaw preċiżament li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kummenti tar-Renju ta’ Spanja li jinsabu fl-ittra tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2001, li tirrispondi l-mistoqsija ta’ terz interessat mill-irkupru tal-għajnuna mogħtija indebitament, jiġifieri l-Unión General de Trabajadores de La Rioja.

243    Madankollu, għandu jiġi rilevat li d-deċiżjonijiet ikkontestati mhumiex ibbażati fuq l-imsemmi lment.

244    L-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna li jinsab fl-Artikolu 3 ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati huwa l-konsegwenza loġika, neċessarja u esklużiva tal-fatt li preċedentement, il-Kummissjoni wriet in-natura illegali u inkompatibbli mas-suq komuni tal-għajnuna inkwistjoni.

245    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jsemmu biss irregolarità proċedurali mingħajr lanqas ma jallegaw u a fortiori jipprovaw li fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti.

246    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru kkonċernat għandu jiġi miċħud.

b)     Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali

 L-argumenti tal-partijiet

247    Ir-rikorrenti u l-partijiet intervenjenti insostenn tagħhom iqisu li l-Kummissjoni ħolqot, fi ħdanhom u fi ħdan il-benefiċjarji, speranzi bbażati fuq il-fatt li l-miżuri fiskali inkwistjoni kienu “legali fid-dritt Komunitarju” u li ma kienx ser ikun hemm talba għall-ħlas lura.

248    Huma jippreċiżaw li, anki jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ għajnuna mhux notifikata, il-benefiċjarji tagħha jistgħu jinvokaw aspettattivi leġittimi f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Barra minn hekk, Confebask tqis li l-aspettattivi leġittimi tal-kummerċjanti fil-“legalità” tar-regoli ġenerali li jistabbilixxu tnaqqis fiskali għandha tiġi ammessa iktar faċilment milli kieku l-għajnuna tirriżulta minn att individwali.

249    Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward, huma jallegaw li l-ittra tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Mejju 1994 u l-imġieba sussegwenti tagħha, ikkonvinċewhom dwar il-konformità tal-iskemi inkwistjoni mad-dritt Komunitarju.

250    Fil-fatt, fl-ittra tagħha, il-Kummissjoni wissiet li hija setgħet tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE jekk ma tirċevix risposta sodisfaċenti għat-talba għal informazzjoni tagħha. Issa, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Kummissjoni ma bdietx din il-proċedura wara li rċeviet ir-risposta tal-awtoritajiet Baski. Barra minn hekk, kienet biss il-Comunidad autónoma de La Rioja li assistiet għall-laqgħat mal-“awtoritajiet Spanjoli” li l-Kummissjoni ssemmi fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Lulju 1995. L-awtoritajiet nazzjonali u l-awtoritajiet Baski ma pparteċipawx fiha. Konsegwentement, billi naqset milli tieħu miżuri li juru li kienet qed tkompli tevalwa l-iskemi ta’ eżenzjoni, u billi bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali biss fit-28 ta’ Novembru 2000, sadanittant, il-Kummissjoni kienet tagħat l-impressjoni li r-risposta tal-awtoritajiet Baski, ikkomunikata f’Settembru 1994, kienu sodisfaċenti u li l-iskemi inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat jew, jekk ikun il-każ, jikkostitwixxu għajnuna kompatibbli mas-suq komuni.

251    B’mod partikolari, ir-rikorrenti u l-Comunidad autónoma del País Vasco josservaw li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tieħu deċiżjoni f’terminu raġonevoli. B’hekk, fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il‑Kummissjoni (223/85, Ġabra p. 4617), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li terminu ta’ 26 xahar sabiex tittieħed deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kienx ammissibbli u li, skont il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, dan kien jirrendi impossibbli l-irkupru tal-għajnuna diġà mħallsa. Il-prassi tal-Kummissjoni hija ispirata minn din il-ġurisprudenza, u r-rikorrenti jallegaw ukoll il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha wkoll l-obbligu li tkun diliġenti fil-proċeduri ta’ eżami preliminari. Il‑Kummissjoni għanda tirrispetta dan l-obbligu saħansitra b’mod iktar strett milli fil-każ tad-deċiżjonijiet li jinbdew proċeduri ta’ evalwazzjoni peress li dawn ma jkunux jippreżentaw diffikultajiet serji minħabba li jkun fihom biss evalwazzjonijiet proviżorji. Fl-aħħar, il-fatt li għajnuna ma tkunx ġiet notifikata ma jeħlisx lill-Kummissjoni mill-obbligu li tibda mingħajr dewmien il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fil-fatt, ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali jipprekludiha milli ttawwal b’mod indefinit l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha anki f’każijiet simili.

252    Issa, f’dan il-każ, id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ttieħdet 79 xahar wara li tressaq, fit-28 ta’ April 1994, l-ilment tal-1994 mill-Kummissjoni. Eżami preliminari ta’ tali tul huwa irraġonevoli. Fid-dawl ta’ dan it-tul ta’ żmien, l-irkupru tal-għajnuna jmur ukoll kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba f’dan il-każ.

253    Barra minn hekk, f’dan il-każ, mill-ittra tal-25 ta’ Mejju 1994 jirriżulta li l-Kummissjoni kienet tiddisponi mill-elementi kollha neċessarji għad-deċiżjoni tagħha sa minn meta tressaq l-ilment tal-1994, fit-28 ta’ April 1994. Apparti dan, fl-ittra tagħha tad-19 ta’ Jannar 1996, il-Kummissjoni ma talbet l-ebda informazzjoni konkreta lill-awtoritajiet Spanjoli, u r-rikorrenti jippreżentaw ittra bil-letterhead tal-Gvern Bask, mhux iffirmata, tal-5 ta’ Frar 1996, li huma jsostnu li tikkostitwixxi r-risposta għall-ittra tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 1996. Din l-ittra tenfasizza n-natura ġenerali tal-miżuri inkwistjoni u tindika l-fatt li d-destinatarji ta’ dawn il-miżuri huma l-impriżi kollha li n-Normas Forales jistgħu jkunu jikkonċernaw. Apparti dan, id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma ssemmi l-ebda dewmien, ikkawżat mill-awtoritajiet Spanjoli fis-sottomissjoni tal-informazzjoni mitluba f’dan l-istadju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax b’mod validu tistaħba wara l-ħtieġa li skemi fiskali oħra jiġu eżaminati bi prijorità, peress li l-ġurisprudenza tirrifjuta li jittieħdu inkunsiderazzjoni sempliċi motivi ta’ konvenjenza amministrattiva. Fl-aħħar, fid-deċiżjonijiet finali kkontestati, il-Kummissjoni ammettiet li ma kienx meħtieġ li jiġi evalwat l-“impatt reali” tas-sistemi fiskali fil-kuntest tal-eżami ta’ skema ta’ għajnuna ġenerali.

254    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni ma ppubblikat l-ebda avviż fil-Ġurnal Uffiċjali, minkejja l-Komunikazzjoni tagħha tal-1983 dwar l-għajnuna illegali li speċifikatament tindika li hija kienet se tipproċedi b’dan il-mod minn meta hija ssir taf dwar miżuri ta’ għajnuna illegali.

255    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti josservaw li mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni jirriżulta li, inkluż f’każijiet ta’ għajnuna mhux notifikata, meta t-tul tal-eżami preliminari jkun eċċeda terminu raġonevoli, il-Kummissjoni ma ordnatx l-irkupru tal-għajnuna. Ir-rikorrenti, b’mod partikolari jirreferu għal ċerti deċiżjonijiet individwali tal-Kummissjoni [Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 92/329/KEE tal-25 ta’ Lulju 1990 dwar l-għajnuna mogħtija mill-Gvern Taljan lil manifattur ta’ prodotti oftalmiċi (Industrie ottiche riunite – IOR) (ĠU 1992, L 183, p. 30), u 2002/15/KE tat-8 ta’ Mejju 2001 dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Franza favur il-kumpannija “Bretagne Angleterre Irlande” (“BAI3” jew “Brittany Ferries”) (ĠU 2002, L 12, p. 33)], u għal deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar ċentri ta’ koordinazzjoni [b’mod partikolari, Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2003/81/KE tat-22 ta’ Awwissu 2002 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat li r-Renju ta’ Spanja japplika għaċ-“ċentri ta’ koordinazzjoni ta’ Biscaye” (ĠU 2003, L 31, p. 26 ); 2003/512/KE tal-5 ta’ Settembru 2002 dwar l-iskema ta’ għajnuna implementata mill-Ġermanja favur iċ-ċentri ta’ kontroll u ta’ koordinazzjoni (ĠU 2003, L 177, p. 17); 2003/438/KE tas-16 ta’ Ottubru 2002 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat C 50/2001 (ex Nru 47/2000) – Kumpanniji ta’ finanzjament – implementata mill-Lussemburgu (ĠU 2003, L 153, p. 40); 2004/76/KE tat-13 ta’ Mejju 2003 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata minn Franza favur il-kwartieri ġenerali u ċ-ċentri ta’ loġistika (ĠU 2004, L 23, p. 1); 2004/77/KE tal-24 ta’ Ġunju 2003 dwar l-iskema ta’ għajnuna implementata mill-Belġju taħt forma ta’ sistema fiskali ta’ “ruling” applikabbli lill-US Foreign Sales Corporations (ĠU 2004, L 23, p. 14)]. Jinvokaw ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/168/KEFA tal-31 ta’ Ottubru 2000 dwar il-liġijiet Spanjoli dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (ĠU 2001, L 60, p. 57). B’hekk, huma jallegaw ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali f’dan il-każ.

256    Fl-aħħar, skont Confebask, il-Kummissjoni bidlet l-evalwazzjoni tagħha tas-sistemi fiskali tal-Istati Membri bl-adozzjoni tal-Avviż tal-1998 fuq l-għajnuna fiskali. F’dan ir-rigward, mill-ewwel rapport annwali fuq l-implementazzjoni ta’ dan l-avviż [COM (1998) 595 finali] jirriżulta li l-Kummissjoni kellha bħala skop li “tiċċara l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat marbuta mal-fiskalità diretta tal-impriżi”. Confebask tenfasizza wkoll li ċ-ċħid tal-motiv dwar il-ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi fis-sentenza Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, ma jipprekludix l-annullament tal-obbligu li tiġi rkuprata l-għajnuna li diġà ngħatat f’dan il-każ.

257    Il‑Kummissjoni, sostnuta mill-Comunidad autónoma de La Rioja, titlob sabiex dan l-ilment jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, minħabba t-tul tal-eżami preliminari

258    Ir-rikorrenti jallegaw li, billi bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali biss fit-28 ta’ Novembru 2000, jiġifieri 79 xahar wara l-preżentata tal-ilment tal-1994, il-Kummissjoni qabżet it-terminu raġonevoli tal-proċedura ta’ eżami preliminari, u b’hekk kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba.

259    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, fiż-żmien ta’ meta sar l-ilment tal-1994, u sal-adozzjoni tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta b’termini speċifiċi. Madankollu, din kellha taċċerta ruħha li l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ma jittawwalx indefinitivament, u dan sabiex jiġi rrispettat ir-rekwiżit fundamentali taċ-ċertezza legali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 140, u tat-23 ta’ Frar 2006, Atzeni et, C‑346/03 u C‑529/03, Ġabra p. I-1875, punt 61).

260    Fil-fatt, peress li hija għandha kompetenza esklużiva sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, twettaq eżami diliġenti u imparzjali ta’ lment li jirrapporta l-eżistenza ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax ittawwal, indefinittivament, l-eżami preliminari ta’ miżuri Statali li kienu s-suġġett ta’ lment. In-natura raġonevoli tat-tul tal-eżami ta’ lment għandha tiġi eżaminata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, tal-kuntest tagħha, tal-istadji proċedurali differenti li l-Kummissjoni għandha ssegwi u tal-kumplessità tal-kawża. (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Mejju 2006, Air One vs Il‑Kummissjoni, T‑395/04, Ġabra p. II-1343, punt 61).

261    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Kummissjoni saret taf bl-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni permezz tal-ilment tal-1994, imressaq fit-28 ta’ April 1994. Huwa wkoll paċifiku li fit-28 ta’ Novembru 2000, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Spanjoli bid-deċiżjoni tagħha li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-iskemi ta’ eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni.

262    B’hekk, kien hemm dewmien, li jista’ jiġi stmat għal iktar minn sitt snin u nofs, bejn il-mument ta’ meta l-Kummissjoni saret taf bl-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni u dak tal-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar dawn l-iskemi ta’ għajnuna.

263    Madankollu, fl-ewwel lok, għandu jiġi rilevat li l-miżuri fiskali inkwistjoni kienu jeħtieġu, min-naħa tal-Kummissjoni, eżami dettaljat tal-leġiżlazzjoni Spanjola. B’hekk, fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Lulju 1995 indirizzata lil dawk li ressqu l-ilmenti, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija kienet qedha tkompli l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tas-sistema fiskali Spanjol u tas-sistemi ta’ awtonomija fiskali fis-seħħ fl-Istati Membri, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, l-iżvilupp federali li kien qiegħed iseħħ f’diversi Stati Membri. Hija indikat li d-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu qed jiġbru l-informazzjoni neċessarja, ħaġa li tissuġġerixxi “xogħol kunsiderevoli ta’ ġbir u ta’ evalwazzjoni”. Għalkemm il-kumplessità tal-eżami li għandu jsir mhijiex, minnha nnifisha, tali li tiġġustifika t-tul tal-eżami preliminari f’dan il-każ, madankollu, din hija element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

264    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li t-tul tal-proċeduri huwa, f’parti kbira, imputabbli lill-awtoritajiet Spanjoli.

265    Fil-fatt, l-ittra tad-19 ta’ Jannar 1996, li permezz tagħha l-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Spanjoli għal informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni, baqgħet mingħajr risposta.

266    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kienet fondata li titlob din l-informazzjoni. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-għoti tal-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni kien, min-naħa waħda, limitat fiż-żmien, peress li kienu biss dawk il-kumpanniji stabbiliti sal-31 ta’ Diċembru 1994 li setgħu jibbenefikaw minnhom, u min-naħa l-oħra, kien suġġett għall-awtorizzazzjoni tal-Kunsill tad-deputati tal-gvern provinċjali, wara l-verifika tal-kundizzjonijiet meħtieġa (ara l-punt 18 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, mill-aspett ta’ deċiżjoni fuq il-kompatibbiltà tal-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni, il-kwistjoni tal-benefiċjarji setgħet tkopri importanza essenzjali, b’mod partikolari fir-rigward tal-portata tal-miżuri inkwistjoni.

267    Issa, l-unika ittra ppreżentata li l-awtoritajiet Spanjoli indirizzaw b’mod uffiċjali lill-Kummissjoni hija dik tat-30 ta’ Settembru 1994, li essenzjalment tenfasizza n-natura ġenerali tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni u tikkontesta l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

268    B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-mistoqsija tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Jannar 1996, dwar l-implementazzjoni tal-iskemi inkwistjoni u l-benefiċjarji tagħhom, baqgħet mingħajr tweġiba, u dan minkejja li l-awtoritajiet Spanjoli kienu talbu, permezz tal-ittri tad-19 ta’ Frar u tal-21 ta’ Marzu 1996, tiġdid tat-terminu sabiex jirrispondu fuq dan il-punt (ara l-punt 29 iktar ’il fuq).

269    Huwa minnu li r-rikorrenti jippreżentaw ittra bil-letterhead tal-Gvern Bask, mhux iffirmata, bid-data tal-5 ta’ Frar 1996, li jsostnu li tikkostitwixxi r-risposta għall-ittra tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 1996. Madankollu, huma ma jressqux il-prova li din ir-risposta ġiet ikkomunikata b’mod uffiċjali lill-Kummissjoni, u din issostni li ma rċevitiex.

270    Barra minn hekk, permezz ta’ ittri tad-19 ta’ Frar u tal-21 ta’ Marzu 1996, ir-Renju ta’ Spanja talab lill-Kummissjoni għal tiġdid tat-terminu sabiex jirrispondi għall-ittra tagħha tad-19 ta’ Jannar 1996 (ara l-punt 29 iktar ’il fuq), u dan jikkorrobora l-argument tal-Kummissjoni li tgħid li ma waslitilha l-ebda risposta għall-mistoqsijiet tagħha. Apparti dan, għandu jiġi kkonstatat li, f’kull każ, il-kontenut tal-ittra tal-5 ta’ Frar 1996, li jenfasizza n-natura ġenerali tal-miżuri inkwistjoni u li jindika l-fatt li d-destinatarji ta’ dawn il-miżuri huma l-impriżi kollha li dawn in-Normas Forales jistgħu jikkonċernaw, ma jipprovdix risposta preċiża għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni dwar il-benefiċjarji.

271    B’hekk, kien biss wara li rċeviet l-ilment il-ġdid tal-5 ta’ Jannar 2000, dwar l-għajnuna mogħtija lil impriża benefiċjarja abbażi tad-dispożizzjonijiet fiskali inkwistjoni f’Álava, min-naħa waħda, u l-kummenti tal-awtoritajiet Spanjoli f’dan ir-rigward, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni qieset li kellha biżżejjed informazzjoni sabiex tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fit-28 ta’ Novembru 2000, fir-rigward tal-miżuri fiskali inkwistjoni.

272    Finalment, mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li l-Kummissjoni ġiet intimata tadotta pożizzjoni dwar l-ilment tal-1994, bil-għan li tiċċara s-sitwazzjoni, jew inkella sabiex tippermetti, fid-dawl ta’ dak li hemm involut u jekk ikun il-każ, li jiġi kkonstatat l-eventwali nuqqas tagħha li tieħu azzjoni.

273    Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tul tal-proċedura preliminari huwa fil-parti l-kbira imputabbli lill-awtoritajiet nazzjonali li, minbarra li naqsu li jinnotifikaw l-iskemi inkwistjoni, irrifjutaw ukoll li jipprovdu l-informazzjoni utli lill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑303/88, Ġabra p. I-1433, punt 43).

274    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kuntest li jifformaw parti minnu l-miżuri fiskali, għandu jiġi rilevat li, matul il-perijodu ta’ bejn l-1996 u l-1999, il-Kummissjoni eżaminat sistemi fiskali oħra, implementati mir-rikorrenti f’dan il-perijodu (krediti ta’ taxxa implementati fl-1994, fl-1996 u fl-1997, u tnaqqis tal-bażi taxxabbli implementat fl-1996, li b’mod partikolari kienu indiskussjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Demesa u tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Álava vs Il‑Kummissjoni, punti 68 u 70 iktar ’il fuq). B’hekk, wara li tressqu quddiema lmenti f’Ġunju 1996 u f’Ottubru 1997, kontra l-applikazzjoni, fit-territorju storiku ta’ Álava, għall-impriżi Demesa u Ramondín, ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % u tat-tnaqqis tal-bażi taxxabbli tat-taxxa fuq il-kumpanniji, il-Kummissjoni bdiet diversi proċeduri, li wasslu għad-Deċiżjonijiet 1999/718 u 2000/795 (ara l-punt 68 iktar ’il fuq) u għad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Awwissu u tad-29 ta’ Settembru 1999 li jinbdew il-proċeduri ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-iskemi ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % u tat-tnaqqis tal-bażi taxxabbli tat-taxxa fuq il-kumpanniji, deċiżjonijiet ta’ bidu tal-proċeduri li wkoll kienu s-suġġetti ta’ rikorsi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenzi Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il‑Kummissjoni u Diputación Foral de Álava vs Il‑Kummissjoni et, punt 174 iktar ’il fuq). Għalkemm huwa minnu li dawn il-proċeduri ma jirrigwardawx l-eżenzjonijiet fiskali tal-1993 inkwistjoni f’dan il-każ, madankollu dawn ukoll kienu vantaġġi fiskali, adottati mill-istess awtoritajiet, li jistgħu jinvolvu l-istess tip ta’ problemi ġuridiċi, u li l-Kummissjoni setgħet, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, tqis li għandhom jiġu trattati b’mod iktar rapidu, b’mod partikolari b’kunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ risposta għall-mistoqsijiet tagħha dwar il-benefiċjarji tal-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni f’dan il-każ.

275    Minn dak li ntqal jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, it-tul tal-proċedura preliminari ma kisirx il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali.

276    Finalment, fir-rigward tal-argumenti dwar il-ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma essenzjalment marbuta mill-qrib mal-argument li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba t-tul tal-eżami preliminari, u b’hekk għandhom, fid-dawl ta’ dak li ntqal, jiġu miċħuda.

277    Bħala konklużjoni, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

278    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-aspettattivi leġittimi dwar il-legalità ta’ skema ta’ għajnuna tista’ tiġi invokata biss jekk din l-għajnuna tkun ingħatat fl-osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 1990, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑5/89, Ġabra p. I-3437, punt 14; u sentenza Regione autónoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq, punt 64).

279    Fil-fatt, awtorità reġjonali u operatur ekonomiku diliġenti għandhom, normalment, ikunu f’pożizzjoni li jiżguraw ruħhom li din il-proċedura ġiet osservata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 278 iktar ’il fuq, punt 14, u tal-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑169/95, Ġabra p. I-135, punt 51; is-sentenza Demesa, punt 68 iktar ’il fuq, punt 236).

280    Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 88 KE ma jgħamilx distinzjoni bejn jekk ikunx każ ta’ skemi ta’ għajnuna jew ta’ għajnuna individwali, dawn il-prinċipji japplikaw anki f’każ ta’ skemi ta’ għajnuna, kuntrarjament għal dak li ssostni Confebask (punt 248 iktar ’il fuq).

281    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-eżenzjonijiet fiskali, ikkunsidrati fid-deċiżjonijiet finali kkontestati, ġew implementati mingħajr notifika bil-quddiem, bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE.

282    Madankollu, il-ġurisprudenza ma teskludix il-possibbiltà li benefiċjarji ta’ għajnuna illegali, minħabba li ma tkunx ġiet notifikata, bħal fil-każ tal-iskemi inkwistjoni f’dan il-każ, jinvokaw ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu b’mod leġittimu jservu bħala bażi għall-aspettattivi tagħhom fuq in-natura regolari ta’ din l-għajnuna, sabiex jikkontestaw l-irkupru tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Ġunju 1993, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑183/91, Ġabra p. I-3131, punt 18; ara, f’dan is-sens, is-sentenza Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 51; ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, BFM u EFIM vs Il‑Kummissjoni, T‑126/96 u T‑127/96, Ġabra p. II-3437, punti 69 u 70; tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il‑Kummissjoni, T‑55/99, Ġabra p. II-3207, punt 122, u Regione autónoma Friuli-Venezia Giulia vs Il‑Kummissjoni, punt 173 iktar ’il fuq, punt 107).

283    Jekk jitqies li r-rikorrenti, li mhumiex operaturi ekonomiċi iżda entitajiet territorjali li implementaw l-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni, għandhom id-dritt li jinvokaw aspettattivi leġittimi (sentenza Regione autónoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq, punt 66), ikollu b’hekk jiġi eżaminat, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, jekk l-argumenti tagħhom jurux xi ċirkustanzi eċċezzjonali, li jistgħu jkunu ħolqu aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni.

284    Ir-rikorrenti u l-partijiet intervenjenti insostenn tagħhom josservaw li l-aġir tal-Kummissjoni jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ toħolqilhom aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni, fl-ewwel lok, minħabba t-tul ta’ żmien mhux raġonevoli tal-proċedura preliminari u n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni matul din il-proċedura, fit-tieni lok, minħabba n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tal-avviż lill-benefiċjarji potenzjali tal-għajnuna, kif prevista mill-Komunikazzjoni tal-1983 dwar l-għajnuna illegali, fit-tielet lok, minħabba l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, u fir-raba’ lok, minħabba l-bdil tal-politika tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

285    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li t-tul mhux raġonevoli tal-proċedura ta’ eżami preliminari ħolqotilhom aspettattivi leġittimi fir-regolarità ta’ din l-għajnuna, ħaġa li tipprekludi l-irkupru tagħha. B’mod partikolari, huma jinvokaw is-sentenza RSV vs Il‑Kummissjoni, punt 251 iktar ’il fuq (punt 17), li tgħid li dewmien min-naħa tal-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi li għajnuna hija illegali u li għandha titneħħa u tiġi rkuprata minn Stat Membru tista’, f’ċerti ċirkustanza, toħloq aspettattivi leġittimi fi ħdan il-benefiċjarji tal-għajnuna msemmija u dan jista’ jipprekludi lill-Kummissjoni milli tobbliga lill-Istat Membru jordna r-restituzzjoni ta’ din l-għajnuna.

286    Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li ċ-ċirkustanzi tal-kawża li wasslet għas-sentenza RSV vs Il‑Kummissjoni, punt 251 iktar ’il fuq, kienu eċċezzjonali, u bl-ebda mod ma jixxiebħu ma’ dawk ta’ dan il-każ. Fil-fatt, l-għajnuna inkwistjoni kienet is-suġġett, għalkemm wara l-ħlas tagħha lill-benefiċjarju, ta’ proċedura ta’ notifika formali lill-Kummissjoni. Din kienet relatata ma spejjeż supplimentari marbuta ma’ operazzjoni li kienet diġà s-suġġett ta’ għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni. Din kienet tirrigwarda settur li, sa mill-1977, kien irċieva għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni mingħand l-awtoritajiet nazzjonali. L-eżami tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni ma kienx jeħtieġ riċerka fil-fond. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti setgħet b’mod raġonevoli taħseb li ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ din l-għajnuna (sentenza RSV vs Il‑Kummissjoni, punt 251 iktar ’il fuq, punti 14 sa 16).

287    Tali elementi jiddiferenzjaw b’mod fundamentali lil dan il-każ mill-kawża preżenti. Fil-fatt, l-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni ma ġewx notifikati u ma jinsabu fl-ebda skema ta’ għajnuna preċedenti awtorizzata mill-Kummissjoni li ġiet imġedda. Dawn ma jirrigwardawx settur partikolari u, a fortiori, settur partikolari li bbenefika mill-għajnuna awtorizzata. Barra minn hekk, l-eżami tal-ilment dwar l-iskemi inkwistjoni kien jeħtieġ, skont kliem il-Kummissjoni fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Lulju 1995 indirizzata lil dawk li ressqu l-ilmenti, “xogħol kunsiderevoli ta’ ġbir u ta’ evalwazzjoni” (ara l-punt 26 iktar ’il fuq).

288    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jistax jinvokaw b’mod utli s-sentenza RSV vs Il‑Kummissjoni, punt 251 iktar ’il fuq.

289    Qabel kollox, iċ-ċirkustanzi tal-każ mhumiex paragunabbli ma’ dawk inkwistjoni fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Settembru 2007, Koninklijke Friesland Foods vs Il‑Kummissjoni (T‑348/03, Ġabra 2007, p. II‑101). Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kienet amettiet li l-iskema Olandiża inkwistjoni kellha ċertu xebħ mal-iskema Belġjana, li fir-rigward tagħha kienet ripetutament adottat pożizzjoni, u b’hekk ħolqot aspettattivi leġittimi fil-fatt li l-iskema Olandiża ma kinitx għajnuna (sentenza Koninklijke Friesland Foods vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 129). Dan mhuwiex il-każ f’din il-kawża, peress li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma adottat pożizzjoni dwar l-iskema inkwistjoni, jew dwar skema oħra li hija paragunabbli, b’tali mod li setgħu jinħolqu aspettattivi leġittimi fir-regolarità tagħhom.

290    Konsegwentement, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ, it-tul tal-proċedura preliminari ma jistax jitqies bħala eċċezzjonali, u b’hekk, bħala kapaċi li joħloq aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-iskemi inkwistjoni.

291    Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll l-attitudni tal-Kummissjoni, u b’mod partikolari n-nuqqas ta’ azzjoni tagħha matul il-proċedura preliminari li, skonthom, ħolqot speranzi fondati fir-regolarità tal-iskemi inkwistjoni (ara punti 249 u 250 iktar ’il fuq).

292    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, b’ittra tal-25 ta’ Mejju 1994, il-Kummissjoni sejjħet lir-Renju ta’ Spanja biex jissottomettilha l-kummenti tiegħu fuq l-ilment tal-1994 f’terminu ta’ ħmistax-il jum. F’din l-ittra, il-Kummissjoni qalet ukoll li fin-nuqqas ta’ risposta jew f’każ ta’ risposta mhux sodisfaċenti meta jkun skada dan it-terminu, hija kienet marbuta li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

293    Wara li rċeviet ir-risposta tal-awtoritajiet Spanjoli tat-30 ta’ Settembru 1994, mill-atti tal-proċess jirriżulta (ara punti 25 u s-segwenti iktar ’il fuq) li nżammu xi laqgħat dwar l-iskemi inkwistjoni, li juri li l-eżami tal-ilment kien qed ikompli.

294    Bl-istess mod, b’ittra tat-18 ta’ Lulju 1995, il-Kummissjoni informat lil dawk li ressqu l-ilmenti li hija kienet għadha qed tevalwa l-ilment tagħhom, li kienet ser tiddeċiedi dwar is-segwitu li kellu jingħata wara li ċerti kwistjonijiet ikunu ġew iċċarati, u li kienet ser tikkomunikalhom id-deċiżjoni tagħha.

295    Fl-aħħar, b’ittra tad-19 ta’ Jannar 1996, il-Kummissjoni informat lir-Renju ta’ Spanja li kienet qed teżamina l-impatt tal-miżuri fiskali inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni, u f’dan ir-rigward talbet xi informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ dawn il-miżuri.

296    B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni ma kinitx inattiva wara l-ilment tal-1994. Bil-kontra ta’ dan, hija kompliet l-investigazzjoni tagħha permezz ta’ skambji ta’ korrispondenza sakemm bgħatet lir-Renju ta’ Spanja l-ittra tagħha tad-19 ta’ Jannar 1996, li baqgħet mingħajr risposta. Għalhekk, il-korrispondenza u l-laqgħat mal-Kummissjoni matul il-proċedura preliminari juru li kien hemm djalogu, li matulu l-Kummissjoni pprovat b’mod partikolari tikseb informazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Spanjoli, sabiex tifforma opinjoni inizjali.

297    Barra minn hekk, l-ittra tad-19 ta’ Jannar 1996 turi li f’din id-data, il-Kummissjoni kienet tqis li ma kellhiex biżżejjed provi sabiex tadotta d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

298    Issa, minkejja t-talba għall-informazzjoni tad-19 ta’ Jannar 1996, dwar il-benefiċjarji tal-iskemi inkwistjoni, il-Kummissjoni ma rċevietx risposta mingħand l-awtoritajiet Spanjoli, minkejja t-talba tagħhom għal estensjoni tat-terminu stabbilit għal dan l-iskop (ara l-punt 29 iktar ’il fuq).

299    Barra minn hekk, mill-ittri li ntbgħatu jirriżulta li l-Kummissjoni rrepetiet, kemm lil dawk li ressqu l-ilmenti kif ukoll lir-Renju ta’ Spanja, li l-eżami tal-ilment kien għadu għaddej, mingħajr ma adottat pożizzjoni dwar ir-regolarità ta’ dawn l-iskemi.

300    Apparti dan, anki jekk jitqies li jista’ jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni baqgħet siekta wara li bgħatet l-ittra tad-19 ta’ Jannar 1996 lir-Renju ta’ Spanja sakemm irċeviet l-ilment il-ġdid fil-5 ta’ Jannar 2000, tali skiet ma jistax, fid-dawl tal-provi f’dan il-każ, jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ toħloq aspettattivi leġittimi fir-regolarità tas-sistemi fiskali inkwistjoni.

301    Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ risposta min-naħa tal-awtoritajiet Spanjoli għat-talba għal informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-iskemi, il-Kummissjoni setgħet tqis, hekk kif ippreċiżat fil-kitbiet tagħha, li ma kellhiex il-provi li jippermettulha tevalwa l-portata reali tal-iskemi inkwistjoni. B’mod partikolari, hija setgħet tqis li xejn ma kien jipprova li l-iskemi inkwistjoni, li ma baqgħux fis-seħħ lejn l-aħħar tal-1994, kienu bbenefikaw lil xi impriża.

302    Barra minn hekk, u f’kull każ, tali skiet ma jistax jiġi interpretat bħala li jiswa’ daqs approvazzjoni impliċita min-naħa ta’ din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Regione autónoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq, punt 69).

303    Għaldaqstant, l-argument dwar in-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni matul il-proċedura preliminari ma jistax jintlaqa, peress li l-attitudni tal-Kummissjoni ma tistax, f’dan il-każ, titqies bħala ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ toħloq aspettattivi leġittimi fir-regolarità tas-sistemi fiskali inkwistjoni.

304    Fit-tieni lok, insostenn tal-argument tagħhom ibbażat fuq l-aspettattivi leġittimi minħabba l-aġir tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti jinvokaw in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ avviż speċifiku li jwissi lill-benefiċjarji potenzjali tal-għajnuna bil-prekarjetà tagħha. Dawn jenfasizzaw li, permezz tal-Komunikazzjoni tagħha tal-1983 dwar l-għajnuna illegali, il-Kummissjoni tindika li, minn meta ssir taf bl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ għajnuna illegali minn Stat Membru, hija kienet ser tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali avviż speċifiku li jwissi lill-benefiċjarji potenzjali tal-għajnuna bil-prekarjetà tagħha, ħaġa li ma saritx f’dan il-każ.

305    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-Kummissjoni tista’ timponi fuqha nnifisha gwidi għall-eżerċizzju tas-setgħat diskrezzjonali tagħha, permezz ta’ atti bħal linji gwida, sa fejn dawn l-atti jinkludu regoli indikattivi fuq id-direzzjoni li għandha tiġi segwita minn din l-istituzzjoni u sa kemm dawn ma jmorrux kontra r-regoli tat-Trattat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑310/99, Ġabra p. I-2289, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni, punt 214 iktar ’il fuq, punt 53).

306    Għandu jiġi osservat li permezz tal-Komunikazzjoni tagħha tal-1983 dwar l-għajnuna illegali, il-Kummissjoni tieħu ħsieb li tfakkar l-obbligu ta’ notifika tal-għajnuna, previst bl-Artikolu 88(3) KE. Barra minn hekk, hija tinforma lill-benefiċjarji potenzjali ta’ għajnuna mill-Istat bin-natura prekarja tal-għajnuna li tingħatalhom illegalment, fis-sens li kull benefiċjarju ta’ għajnuna mogħtija illegalment, jiġifieri mingħajr ma l-Kummissjoni tkun waslet għal deċiżjoni definittiva fuq il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, jista’ jiġi ordnat iħallas lura l-għajnuna (ara l-punt 11 iktar ’il fuq).

307    Għalkemm in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-avviż previst mill-Komunikazzjoni tal-1983 dwar l-għajnuna illegali huwa kritikabbli, xorta jibqa’ l-fatt li l-informazzjoni li tinsab fil-komunikazzjoni msemmija, kif imfakkar fil-punt 306 iktar ’il fuq, hija nieqsa minn kull ekwivoku. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni mogħtija mir-rikorrenti twassal sabiex il-Komunikazzjoni tal-1983 dwar l-għajnuna illegali tingħata portata li tmur kontra l-Artikolu 88(3) KE. Fil-fatt, in-natura prekarja tal-għajnuna mogħtija illegalment tirriżulta mill-effett utli tal-obbligu ta’ notifika previst mill-Artikolu 88(3) KE, u ma tiddependix mill-pubblikazzjoni jew le fil-Ġurnal Uffiċjali tal-avviż previst mill-Komunikazzjoni tal-1983 dwar l-għajnuna illegali. B’mod partikolari, ma għandux ikun impossibbli li l-għajnuna mogħtija illegalment tiġi rkuprata biss minħabba n-nuqqas ta’ tali avviż mill-Kummissjoni, mingħajr ma tiġi ppreġudikata s-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilita mit-Trattat.

308    Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tal-avviż previst mill-Komunikazzjoni tal-1983 dwar l-għajnuna illegali ma jikkostitwixxix ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ toħloq xi aspettativa kwalunkwe fir-regolarità tal-għajnuna mogħtija illegalment.

309    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti josservaw li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni fiż-żmien meta seħħew il-fatti hija ċirkustanza li setgħet toħloq aspettattivi leġittimi.

310    Madankollu, għandu jitfakkar li għalkemm il-prinċipju tal-osservanza tal-aspettattivi leġittimi jinsab fost il-prinċipji fundamentali tal-Komunità, l-operaturi ekonomiċi mhumiex ġustifikati li jifformaw aspettattivi leġittimi fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti, li tista’ tiġi mibdula fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet Komunitarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il‑Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra p. I-395, punt 33). Dan il-prinċipju japplika b’mod ċar fil-kuntest tal-politika tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni (ara, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 172).

311    Issa, dan huwa b’mod partikolari l-każ fir-rigward tal-kwistjoni jekk jeżistux il-kundizzjonijiet kollha sabiex jiġi rrinunzjat l-irkupru tal-għajnuna mogħtija illegalment minħabba l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali. Għaldaqstant, deċiżjonijiet li jirrigwardaw kawżi oħra fuq is-suġġett għandhom biss natura indikattiva, u ma jistgħux joħolqu aspettattivi leġittimi, peress li ċ-ċirkustanzi huma differenti f’kull kawża.

312    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, invokati mir-rikorrenti, ma jistgħux jikkostitwixxu ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ toħloq tali aspettattivi leġittimi.

313    Fl-aħħar, fir-raba’ lok, Confebask issostni li l-Kummissjoni bidlet il-politika tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat fl-1998, u tinvoka aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-miżuri inkwistjoni meta ġew adottati.

314    Issa, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-fatt li l-Kummissjoni adottat l-Avviż tagħha tal-1998 fuq l-għajnuna fiskali ma jwassalx għal bdil fil-kriterji ta’ evalwazzjoni tagħha tas-sistemi fiskali tal-Istati Membri.

315    Fil-fatt, hekk kif ġie mfakkar iktar ’il fuq (ara l-punt 180), l-Avviż tal-1998 fuq l-għajnuna fiskali, li jibbaża ruħu ħafna fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jintroduċi kjarifiki fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 87 KE u 88 KE għall-miżuri fiskali. Madankollu, f’dan l-avviż il-Kummissjoni ma tħabbarx bdil f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-miżuri fiskali fir-rigward tal-Artikoli 87 KE u 88 KE (sentenzi Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il‑Kummissjoni, punt 174 iktar ’il fuq, punt 79, u tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, punt 174 iktar ’il fuq, punt 83).

316    Għaldaqstant, l-argument dwar il-bdil fil-politika tal-Kummissjoni ma jistax jitqies bħala ċirkustanza eċċezzjonali, li tista’ toħloq aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-għajnuna mogħtija illegalment.

317    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ilment li jgħid li l-aġir tal-Kummissjoni kien jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali li setgħet toħloq aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-għajnuna mogħtija illegalment, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

318    Fil-kuntest tal-motiv tagħhom ibbażat fuq l-aspettattivi leġittimi li nħolqu minħabba d-dewmien fl-eżami preliminari, ir-rikorrenti jallegaw ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali, sa fejn, f’xi wħud mid-deċiżjonijiet tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tul ta’ żmien tal-proċedura kien jiġġustifika li ma jiġix ordnat l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni.

319    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-osservanza ta’ dan il-prinċipju teħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun, C‑248/04, Ġabra p. I-10211, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

320    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jistabilixxux li s-sitwazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna kkontestati hija paragunabbli mas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fid-deċiżjonijiet li jinvokaw, u li fihom il-Kummissjoni qieset li l-irkupru tal-għajnuna ma kellux jiġi ordnat.

321    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjonijiet invokati mir-rikorrenti, b’mod partikolari dwar l-iskemi ta’ għajnuna, in-nuqqas ta’ rkupru tal-għajnuna kien iġġustifikat minn ċirkustanzi ta’ natura li joħolqu aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-iskemi eżaminati, u li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li n-nuqqas ta’ għajnuna kien ikkonstatat espressament f’deċiżjonijiet oħra li jikkonċernaw miżuri simili għall-iskemi eżaminati f’dawn id-deċiżjonijiet, u dan kien jiġġustifika n-nuqqas ta’ rkupru tal-għajnuna (ara d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fuq iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, punt 255 iktar ’il fuq). F’ċerti każijiet, hija ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li t-tul tal-proċedura inkwistjoni bl-ebda mod ma kien imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat (ara Deċiżjoni 2001/168, punt 255 iktar ’il fuq), jew il-fatt li l-uniku benefiċjarju tal-iskema inkwistjoni ma kienx ingħata l-vantaġġ ikkontestat u għalhekk ma kienx hemm lok għall-irkupru (ara Deċiżjoni 2003/81, punt 255 iktar ’il fuq).

322    Dan mhuwiex il-każ fid-deċiżjonijiet finali kkontestati, fejn il-Kummissjoni enfasizzat li, bil-kontra ta’ dan, il-kundizzjonijiet tad-dritt li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma kinux sodisfatti (ara punti 55 u 56 iktar ’il fuq), ħaġa li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, ġiet validata mill-Qorti tal-Prim’Istanza (ara punti 284 sa 317 iktar ’il fuq).

323    Isegwi li ċ-ċirkustanzi inkwistjoni f’dan il-każ mhuma bl-ebda mod paragunabbli ma dawk inkwistjoni fid-deċiżjonijiet invokati, li fihom il-Kummissjoni ma ordnatx l-irkupru tal-għajnuna.

324    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma stabilixxewx li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

325    Barra minn hekk, għandu jiġi rilevat li d-deċiżjonijiet finali kkontestati jistabbilixxu li huma bla ħsara għall-possibbiltà li xi għajnuna individwali, imħallsa fil-kuntest tal-iskemi ta’ eżenzjoni fiskali, jitqiesu, totalment jew parzjalment, bħala kompatibbli mas-suq komuni abbażi tal-karatteristiċi partikolari tagħhom, kemm jekk fil-kuntest ta’ deċiżjoni ulterjuri tal-Kummissjoni, jew b’applikazzjoni tar-regolamenti ta’ eżenzjoni (ara l-punt 103 tad-Deċiżjoni 2003/28, punt 101 tad-Deċiżjoni 2003/86, punt 99 tad-Deċiżjoni 2003/192).

326    Għaldaqstant, l-ilment li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jiġi miċħud bħala infondat.

327    Bħala konklużjoni, il-ħames motiv, ibbażat fuq difett proċedurali, ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali, għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

5.     Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999

a)     L-argumenti tal-partijiet

328    Ir-rikorrenti josservaw, wara li saru jafu bl-ittra tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 1995, li ġiet ippreżentata minnha bħala anness għan-nota tad-difiża tagħha, li l-kontenut ta’ din l-ittra kellu jissemma fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, sabiex huma jkunu jistgħu jissottomettu l-kummenti tagħhom fi żmien utli. Ir-rikorrenti jirreferu speċjalment għal-laqgħat li huma msemmija fiha u li assistiet għalihom biss il-Comunidad autónoma de La Rioja. Huma josservaw li, kieku ġew informati bil-kontenut ta’ din l-ittra, kienu jkunu jistgħu jistaqsu lill-awtoritajiet nazzjonali dwar il-laqgħat, u b’mod partikolari dwar il-kontenut tagħhom. Huma jqisu li ma kinux f’pożizzjoni li jissottomettu l-kummenti tagħhom fi żmien utli, u li b’hekk, inkisru d-drittijiet tagħhom bħala partijiet interessati.

329    Il‑Kummissjoni ssostni li dan is-sitt motiv huwa inammissibbli u f’kull każ infondat.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

330    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li “ebda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura”.

331    F’dan il-każ, dan il-motiv tqajjem mir-rikorrenti wara li l-Kummissjoni ppreżentat, fin-nota tad-difiża tagħha, l-ittra tat-18 ta’ Lulju 1995. Għaldaqstant, dan għandu jitqies bħala bbażat fuq elementi ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura, u bħala tali, għandu jitqies bħala ammissibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I-8375, punti 369 u s-segwenti).

332    Fir-rigward tal-fondatezza ta’ dan il-motiv, għandu jitfakkar li l-partijiet interessati, minbarra l-Istat Membru responsabbli mill-għoti tal-għajnuna, ma jistgħux jippretendu huma stess dibattitu kontradittorju mal-Kummissjoni, bħal dak miftuħ għall-vantaġġ tal-imsemmi Stat (ara sentenza Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, punt 238 iktar ’il fuq, punt 192, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Novembru 2004, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, T‑176/01, Ġabra p. II-3931, punt 74).

333    F’dan il-każ, apparti li ma intervenewx matul il-proċedura amministrattiv bħala terzi interessati, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma juru kif in-nuqqas ta’ riferiment, fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, għall-ittra tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 1995, li kienet tinforma lil dawk li ressqu l-ilmenti bit-tkomplija tal-evalwazzjoni tas-sistema fiskali Spanjola, kiser id-dritt tagħhom previst bl-Artikolu 88(2) KE, li jissottomettu kummenti matul il-fażi tal-eżami. F’dan ir-rigward, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali ta’ Stat Membru u l-kollettivitajiet territorjali, imsemmi mir-rikorrenti, jikkostitwixxi problema interna tal-Istat Membru u ma jistax jiġi attribwit lill-Kummissjoni.

334    Minn dak li ntqal jirriżulta li s-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

335    Konsegwentement, ir-rikorsi fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02, intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet finali kkontestati, għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

II –  Fuq ir-rikorsi fil-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01 intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali

336    Fil-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tat-28 ta’ Novembru 2000, minħabba li f’dan il-każ, l-iskemi ta’ għajnuna kienu eżistenti u li, meta evalwathom skont il-proċedura prevista għall-għajnuna ġdida, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 88 KE, l-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 659/1999, kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

337    Huma jsostnu wkoll li, kuntrarjament għal dak li tafferma l-Kummissjoni, ir-rikorsi tagħhom huma ammissibbli, peress li d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali timplika għażla tar-regoli tal-proċedura applikabbli, u b’hekk toħloq effetti ġuridiċi definittivi. F’dak li jirrigwarda l-għażla tal-proċedura ta’ eżami, id-deċiżjoni finali sempliċement tikkonferma d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li għalhekk hija kontestabbli.

338    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni qajmet, permezz ta’ atti separati tat-3 ta’ Mejju 2001 f’kull waħda mill-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01, eċċezzjonijiet formali ta’ inammissibbiltà. Fil-kuntest tan-noti tad-difiża tagħha tal-5 ta’ Lulju 2002, hija ssostni, b’mod prinċipali, li r-rikorsi fil-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01 ma għadx għandhom skop. B’mod sussidjarju, hija titlob sabiex dawn jiġu dikjarati inammissibbli, u f’kull każ, infondati.

339    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li jkun xieraq li qabel kollox tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk ir-rikorsi għadx għandhom skop.

A –  L-argumenti tal-partijiet

340    Fil-kuntest tan-noti tad-difiża tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorsi fil-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01 ma għadx għandhom skop.

341    Min-naħa tagħhom, ir-rikorrenti jqisu li l-motiv għall-annullament ta’ dawn il-kawżi, min-naħa waħda, u l-motivi fil-Kawżi magħquda T‑86/02 sa T‑88/02, dwar ir-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet finali kkontestati, min-naħa l-oħra, mhumiex identiċi, għalkemm it-tieni motiv imqajjem fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02 jirriproduċi l-motiv għall-annullament invokat fil-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01, hekk kif tippermetti l-ġurisprudenza. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li, fir-rigward tal-għażla tal-proċedura, id-deċiżjoni finali tista’ biss tikkonferma d-deċiżjoni preċedenti li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u ma tistax tikkoreġi ksur imwettaq minn din l-aħħar deċiżjoni.

342    Josservaw ukoll li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava vs Il‑Kummissjoni (T‑168/99, Ġabra p. II-1371), invokata mill-Kummissjoni, ma tistax tiġi trasposta għal dan il-każ, peress li f’din il-kawża, l-uniku argument tar-rikors kien jirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna tal-miżura kkontestata, u mhux difett tal-proċedura ta’ eżami.

343    Fl-aħħar, ir-rikorrenti jqisu li l-adozzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tad-deċiżjonijiet dwar l-iskemi ta’ eżenzjoni wara l-preżentata tar-rikorsi kontra d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, tikkostitwixxi prova ġdida li tippermettilhom jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra d-dispożittiv tar-rikorsi tagħhom għall-annullament bħala estiż għat-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet fuq l-iskemi ta’ eżenzjoni.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

344    Skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, f’kull mument, ex officio u wara li tisma’ lill-partijiet, tiddeċiedi li r-rikors ma għadx għandu skop u li ma għadx hemm lok għal deċiżjoni.

345    Rikors għal annullament isir mingħajr skop meta s-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent ma tkunx tista’ tinbidel mill-annullament jew le tal-att ikkontestat. Għalhekk, f’dan il-każ, ikollu jiġi dikjarat li ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Ġunju 2000, EPAC vs Il‑Kummissjoni, T‑204/97 u T‑270/97, Ġabra p. II-2267, punt 154).

346    F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2000, li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, tibqax toħloq effetti ġuridiċi fir-rigward tar-rikorrenti wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet finali tal-Kummissjoni, li jgħalqu l-proċedura ta’ investigazzjoni formali u li kontrihom ir-rikorrenti ressqu r-rikorsi fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02, eżaminati iktar ’il fuq u miċħuda (ara l-punt 335 iktar ’il fuq).

347    Għandu jiġi rilevat li d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tat-28 ta’ Novembru 2000 tikkonkludi b’mod provviżorju li hemm għajnuna mill-Istat illegali. Permezz ta’ tliet deċiżjonijiet tal-20 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni kkonstatat in-natura ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq komuni tat-tliet skemi fiskali inkwistjoni, u ordnat it-tneħħija tagħhom u l-irkupru tal-għajnuna mħallsa, bl-interessi jibdew jiddekorru mid-data li fiha l-għajnuna inkwistjoni tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji.

348    Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti ma tistax tiġi mibdula mill-eventwali annullament tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

349    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minnha nnifisha, id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma tipproduċi l-ebda effett irriversibbli fir-rigward tal-legalità tal-miżuri li tirrigwarda. Fil-fatt, hija biss id-deċiżjoni finali li, peress li tikklassifika b’mod definittiv lil dawn il-miżuri bħala għajnuna, għandha l-effett li tistabbilixxi n-natura illegali tagħhom (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Novembru 2002, Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, T‑90/99, Ġabra p. II-4535, punt 14).

350    Huwa minnu li d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tista’ toħloq effetti ġuridiċi awtonomi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għall-annullament, u l-ġurisprudenza aċċettat il-possibbiltà li jitressaq rikors kontra din id-deċiżjoni meta din tkun tinvolvi tali effetti ġuridiċi, awtonomi fil-konfront tad-deċiżjoni finali. Għalhekk, is-sospensjoni tal-implementazzjoni tal-miżura kkonċernata li tirriżulta fil-klassifikazzjoni provviżorja ta’ din il-miżura bħala għajnuna ġdida, għandha natura awtonoma fil-konfront tad-deċiżjoni finali, limitat fiż-żmien sakemm tintemm il-proċedura formali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑400/99, Ġabra p. I-7303, punti 56 sa 62 u 69; sentenzi Government of Gibraltar vs Il‑Kummissjoni, punt 153 iktar ’il fuq, punti 80 sa 86, u Regione Siciliana vs Il‑Kummissjoni, punt 226 iktar ’il fuq, punt 46).

351    Madankollu, f’dan il-każ, huwa stabbilit li s-sospensjoni tal-implementazzjoni tal-miżuri fiskali kkonċernati, li jirriżultaw, bis-saħħa tal-Artikolu 88(3) KE, mill-klassifikazzjoni provviżorja ta’ din il-miżura bħala għajnuna ġdida, ma ġietx implementata.

352    Barra minn hekk, jidher li minn meta daħlu fis-seħħ, l-effetti tad-deċiżjonijiet finali kkontestati ħadu post l-effetti tad-deċiżjoni proviżorja li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, min-naħa waħda, minħabba n-natura tal-miżuri ordnati minnhom u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-fatt li dawn ma kinux skemi ta’ għajnuna eżistenti. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ natura eżistenti tal-iskemi inkwistjoni jimplika l-irkupru tal-għajnuna mħallsa, u l-konsegwenzi tat-tneħħija u tal-irkupru tal-għajnuna jieħdu post dawk ta’ sempliċi sospensjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza EPAC vs Il‑Kummissjoni, punt 345 iktar ’il fuq, punt 156), peress li dawn jimplikaw il-ħlas lura tal-vantaġġi rċevuti illegalment ab initio.

353    Apparti dan, insostenn tar-rikorsi tagħhom fil-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01 kontra d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, għandu jiġi rilevat li r-rikorrenti josservaw li l-miżuri inkwistjoni kienu għajnuna eżistenti u li l-Kummissjoni, billi fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u billi kkwalifikathom bħala għajnuna ġdida, kisret ir-regoli proċedurali applikabbli għall-għajnuna eżistenti. Għandu jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti jingħaqdu ma dawk żviluppati insostenn tar-rikorsi għall-annullament fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02, diretti kontra d-deċiżjonijiet finali (ara t-tieni u t-tielet motivi tar-rikorsi fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02, eżaminati iktar ’il fuq, punti 108 u s-segwenti). Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha raġun meta kklassifikat l-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni bħala għajnuna ġdida (ara l-punt 204 iktar ’il fuq) u ċaħdet ir-rikorsi fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02 kontra d-deċiżjonijiet finali (ara l-punt 335 iktar ’il fuq).

354    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kontenut tal-argument ippreżentat mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikorsi kontra d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, dawn ma għadx għandhom skop.

355    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, li saru definittivi, li jimponu t-tneħħija tas-sistemi fiskali inkwistjoni u l-irkupru, tal-għajnuna, ir-rikorrenti ma għandhom l-ebda interess li jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

356    Barra minn hekk, fir-rigward tas-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 350 iktar ’il fuq, u tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Ġunju 2007, Tirrenia di Navigazione et vs Il‑Kummissjoni (T‑246/99, Ġabra 2007, p. II‑65), imsemmija mill-partijiet, għandu jiġi rilevat li s-sitwazzjoni ma kinitx l-istess bħal dik ta’ dan il-każ. Fil-fatt, id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li tikklassifika l-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna ġdida, wasslet għall-adozzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ deċiżjonijiet finali li jikklassifikaw il-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna ġdida, iżda kompatibbli mas-suq komuni, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet (sentenza Tirrenia di Navigazione et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 7 u 12).

357    Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, il-Kummissjoni adottat tliet deċiżjonijiet finali li jikklassifikaw it-tliet skemi inkwistjoni bħala għajnuna ġdida inkompatibbli mas-suq komuni.

358    Peress li din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, inkluż fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala skemi ta’ għajnuna ġodda, ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Prim’Istanza (ara punti 204, 207 u 335 iktar ’il fuq), isegwi li l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni għandhom jitwaqqfu u l-għajnuna għandha tiġi rkuprata ab initio, u li ma hemmx lok għalfejn tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk l-istess miżuri, li l-Kummissjoni ordnat is-sospensjoni tagħhom fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, kellhomx jiġu sospiżi jew le fl-istennija tad-deċiżjoni jew deċiżjonijiet li jtemmu l-proċedura li nfetħet mid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava vs Il‑Kummissjoni, punt 342 iktar ’il fuq, punti 23 sa 27).

359    Ir-rikorrenti jsostnu li s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava vs Il‑Kummissjoni, punt 342 iktar ’il fuq, mhijiex trasponibbli f’dan il-każ, peress li l-uniku argument tar-rikors kien jirrigwarda l-klassifikazzjoni bħala għajnuna tal-miżura kkontestata, filwaqt li f’dan il-każ, l-argument tagħhom jikkonsisti fl-invokazzjoni tal-fatt li din hija għajnuna eżistenti u li l-proċedura ta’ eżami kienet difettuża.

360    Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li dan l-argument ma jistax ixejjen il-konklużjoni li tgħid li r-rikorsi fil-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01 ma għadx għandhom skop.

361    Fil-fatt, għandu jitfakkar li s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava vs Il‑Kummissjoni, punt 342 iktar ’il fuq, tirrigwarda rikors dirett kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura prevista bl-Artikolu 88(2) KE, fir-rigward tal-kreditu ta’ taxxa u tat-tnaqqis tal-bażi taxxabbli li kienu jibbenefikaw minnha, rispettivament, Ramondín u Ramondín Cápsulas. Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li dan ir-rikors kontra d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kellux iktar skop, peress li r-rikors innifsu kontra d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, ibbażat fuq argument identika, kien inċaħad mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

362    B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li s-sitwazzjoni hija trasponibbli f’dan il-każ, minkejja l-argument imqajjem mir-rikorrenti. Fil-fatt, hekk kif diġà ġie mfakkar, l-argumenti li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni bħala skemi ta’ għajnuna eżistenti u l-allegat difett proċedurali ġew eżaminati mill-Qorti tal-Prim’Istanza u miċħuda. Għalhekk, fir-rigward tal-iskop tal-kawża, is-soluzzjoni tas-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava vs Il‑Kummissjoni, punt 342 iktar ’il fuq, hija trasponibbli f’dan il-każ.

363    Isegwi li, mingħajr ma hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni la fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, u lanqas fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet finali kkontestati mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tar-repliki tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorsi fil-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01 ma għadx għandhom skop, b’tali mod li ma għadx hemm lok għalfejn tittieħed deċiżjoni fir-rigward tagħhom.

 Fuq it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

364    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tordna lill-Kummissjoni tippreżenta ċerti dokumenti.

365    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-Kummissjoni ressqet, bħala anness man-noti tad-difiża tagħha, kopja tal-ilment tal-1994 u l-ittra tat-18 ta’ Lulju 1995 li hija bagħtet lil dawk li ressqu l-ilmenti.

366    Peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet teżamina l-motivi kollha tar-rikorrenti abbażi tal-provi mressqa fil-proċess u tal-ispjegazzjonijiet mogħtija waqt is-seduta, ma hemmx lok li l-Kummissjoni tintalab tippreżenta dokumenti supplimentari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il‑Kummissjoni, C‑260/05 P, Ġabra p. I-10005, punti 77 sa 79, li tikkonferma s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il‑Kummissjoni, T‑88/01, Ġabra p. II-1165, punt 81).

367    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza tevalwa u tiddeċiedi fuq ir-rikorsi mressqa fil-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01 u T‑86/02 sa T‑88/02 qabel ma tiddeċiedi fuq dawk imressqa mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑227/01 sa T‑229/01 u T‑230/01 sa T‑232/01, li għandhom bħala suġġett id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jqisu li l-iskemi fiskali li jistabbilixxu, min-naħa waħda, kreditu ta’ taxxa ta’ 45 % tal-investimenti u, min-naħa l-oħra, tnaqqis tal-bażi taxxabbli huma skemi ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni.

368    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-eżamijiet tal-kawżi msemmija mir-rikorrenti saru flimkien. B’hekk, f’dawn il-kawżi kollha, is-seduti seħħew fil-15, 16 u 17 ta’ Jannar 2008, u s-sentenzi ġew mogħtija fl-istess jum, b’tali mod li din it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ma għadx għandha skop.

369    B’hekk, it-talbiet tar-rikorrenti għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

I –  Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01

370    Skont l-Artikolu 87(6) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma hemmx lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Peress li r-rikorrenti tilfu r-rikorsi li ressqu kontra d-deċiżjonijiet finali fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02, li ttieħdu wara d-deċiżjoni kkontestata li tinbeda l-proċedura fil-kuntest tal-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/02, hemm lok li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż fil-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/02 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava vs Il‑Kummissjoni, punt 342 iktar ’il fuq, punt 28).

II –  Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02

371    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu r-rikorsi tagħhom fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02, hemm lok li, minbarra l-ispejjeż tagħhom, jiġu kkundannati jħallsu dawk tal-Kummissjoni u tal-Comunidad autónoma de La Rioja, hekk kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

372    Il-Comunidad autónoma del País Vasco u Confebask għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01, T‑86/02 sa T‑88/02 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Fil-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01:

–        ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikorsi;

–        It-Territorio Histórico de Álava – Diputación Foral de Álava, it-Territorio Histórico de Guipúzcoa – Diputación Foral de Guipúzcoa u t-Territorio Histórico de Vizcaya – Diputación Foral de Vizcaya għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

3)      Fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02:

–        ir-rikorsi huma miċħuda;

–        It-Territorio Histórico de Álava – Diputación Foral de Álava, it-Territorio Histórico de Guipúzcoa – Diputación Foral de Guipúzcoa u t-Territorio Histórico de Vizcaya – Diputación Foral de Vizcaya għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni u tal-Comunidad autónoma de La Rioja;

–        Il-Comunidad autónoma del País Vasco – Gobierno Vasco u l-Confederación Empresarial Vasca (Confebask) għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Vilaras

Martins Ribeiro

Dehousse

Šváby

 

       Jürimäe

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fid-9 ta’ Settembru 2009.

Firem

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

I – Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

II – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-deċiżjonijiet ikkontestati

I – Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tat-28 ta’ Novembru 2000 (Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01)

II – Id-deċiżjonijiet finali kkontestati (Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02)

Il-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

I – Fil-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01

II – Fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02

Id-dritt

I – Fuq ir-rikorsi, fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02, intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet finali li jikkonstataw l-inkompatibbiltŕ tal-iskemi inkwistjoni u li jordnaw l-irkupru tal-għajnuna mħallsa

A – Fuq l-ammissibbiltà tal-intervent ta’ Confebask fil-kuntest tar-rikorsi fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B – Fuq il-fondatezza tar-rikorsi fil-Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02

1. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-natura allegatament eżistenti tal-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni

a) Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

b) Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tar-regoli proċedurali applikabbli għall-għajnuna eżistenti

3. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE

a) L-argumenti tal-partijiet

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

4. Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq difett proċedurali, il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali

a) Fuq l-ilment ibbażat fuq difett proċedurali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

b) Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, minħabba t-tul tal-eżami preliminari

– Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

– Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

5. Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999

a) L-argumenti tal-partijiet

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

II – Fuq ir-rikorsi fil-Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01 intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali

A – L-argumenti tal-partijiet

B – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

Fuq l-ispejjeż

I – Kawżi T‑30/01 sa T‑32/01

II – Kawżi T‑86/02 sa T‑88/02


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.