Language of document : ECLI:EU:T:2009:314

Kawżi T-30/01 sa T-32/01 u T-86/02 sa T-88/02

Territorio Histórico de Álava – Diputación Foral de Álava et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat — Vantaġġi fiskali mogħtija minn entità territorjali ta’ Stat Membru — Eżenzjonijiet fiskali — Deċiżjonijiet li jiddikjaraw l-iskemi ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li jordnaw l-irkupru tal-għajnuna mħallsa — Klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida jew għajnuna eżistenti — Għajnuna għat-tħaddim — Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Prinċipju ta’ ċertezza legali — Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura — Intervent — Ammissibbiltà — Eżami mill-ġdid wara digriet preċedenti li rrikonoxxa l-ammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40)

2.      Proċedura — Intervent — Persuni interessati — Assoċjazzjoni rappreżentattiva li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-membri tagħha — Ammissibbiltà f’kawżi li jqajmu kwistjonijiet ta’ prinċipju tali li jaffettwaw lil dawn il-membri

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida — Klassifikazzjoni bħala għajnuna eżistenti — Kriterji — Miżura li ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna fil-mument meta daħlet fis-seħħ

(Artikoli 87 KE u 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(b)(v))

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida — Klassifikazzjoni bħala għajnuna eżistenti — Kriterji — Żvilupp tas-suq komuni

(Artikoli 87 KE u 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(b)(v))

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida — Klassifikazzjoni bħala għajnuna eżistenti — Kriterji — Skema ġenerali ta’ għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni

(Artikoli 87 KE, 88 KE u 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(b)(ii))

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni

(Artikoli 87 KE u 88 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 74/06)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Artikolu 87(3) KE)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE — Għajnuna għat-tħaddim — Esklużjoni

(Artikolu 87(3)(ċ) KE)

9.      Rikors għal annullament — Motivi — Ksur tad-drittijiet tad-difiża

(Artikolu 230 KE)

10.    Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Applikazzjoni għall-proċeduri amministrattivi mibdija mill-Kummissjoni — Eżami tal-proġetti ta’ għajnuna — Portata

(Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 6(1))

11.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Proċedura ta’ eżami qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 659/1999 — Nuqqas ta’ suġġettar għal termini speċifiċi — Limitu — Osservanza tar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali — Obbligu li l-eżami preliminari mibdi wara lment jiġi konkluż f’terminu raġonevoli

(Artikolu 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999)

12.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli proċedurali tal-Artikolu 88 KE — Aspettattivi leġittimi possibbli min-naħa tal-benefiċjarji — Protezzjoni — Kundizzjonijiet u limiti

(l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE)

13.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli proċedurali tal-Artikolu 88 KE — Aspettattivi leġittimi possibbli min-naħa tal-benefiċjarju — Protezzjoni — Kundizzjonijiet u limiti — Ċirkustanzi eċċezzjonali

(Artikolu 88 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 83/C 318/03)

14.    Dritt Komunitarju — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Limiti

(l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE)

15.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proċedura amministrattiva — Dritt għal smigħ tal-partijiet interessati

(Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 6(1))

16.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ miżura statali — Effetti

(Artikolu 88(2) KE)

1.      Il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza, permezz ta’ digriet preċedenti, awtorizzat lil persuna sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ parti f’kawża, ma jipprekludix li jsir eżami ġdid tal-ammissibbiltà tal-intervent tagħha.

(ara l-punt 95)

2.      L-adozzjoni ta’ interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt ta’ intervent tal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-membri tagħhom f’kawżi li jqajmu kwistjonijiet ta’ prinċipju li jistgħu jaffettwaw lil dawn tal-aħħar, hija intiża li tippermetti li jiġi evalwat aħjar il-kuntest tal-kawżi filwaqt li jiġu evitati numru ta’ interventi individwali li jistgħu jaffettwaw l-effettività u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura.

Organizzazzjoni professjonali konfederattiva intersettorjali li għandha bħala għan, b’mod partikolari, ir-rappreżentanza u l-protezzjoni tal-interessi ta’ impriżi li xi wħud minnhom huma l-benefiċjarji effettivi ta’ għajnuna mogħtija abbażi ta’ dawn is-sistemi fiskali u li, barra minn hekk, ħadet sehem fil-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet inkwistjoni, hija ġġustifikata li tintervjeni fil-kuntest ta’ rikorsi għal annullament ippreżentati kontra deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiddikjaraw l-skemi ta’ eżenzjoni fiskali illegali u inkompatibbli mas-suq komuni u li jordnaw l-irkupru tal-għajnuna mħallsa f’dan ir-rigward.

(ara l-punti 97-104)

3.      It-Trattat jistabbilixxi proċeduri distinti skont jekk l-għajnuna hijiex eżistenti jew ġdida. Filwaqt li l-għajnuna ġdida għandha, skont l-Artikolu 88(3) KE, tiġi notifikata bil-quddiem lill-Kummissjoni, u ma tistax tiġi implementata qabel ma l-proċedura tkun waslet għal deċiżjoni finali, l-għajnuna eżistenti tista’, skont l-Artikolu 88(1) KE, tiġi eżegwita b’mod regolari kemm-il darba l-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha. Għaldaqstant, l-għajnuna eżistenti tista’ biss tkun is-suġġett, jekk ikun il-każ, ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà li toħloq effetti fil-ġejjieni.

Skont l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE], tikkostitwixxi b’mod partikolari għajnuna eżistenti “[kull] għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżistenti minħabba li jista’ [jiġi stabbilit] li meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-iżvilupp tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Memrbu”.

Ma jistax, fil-kuntest tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat kif stabbilit mit-Trattat u mir-Regolament Nru 659/1999, jiġi ammess, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna eżistenti, li l-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni impliċita, tadotta pożizzjoni li tgħid li miżura determinata, li ma kinitx is-suġġett ta’ notifika, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fil-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha.

Fil-fatt, is-sempliċi skiet ta’ istituzzjoni jista’ joħloq effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi ta’ individwu biss meta din il-konsegwenza tkun espressament prevista minn dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju. F’ċerti każijiet speċifiċi, id-dritt Komunitarju jipprevedi li s-skiet ta’ istituzzjoni għandu l-valur ta’ deċiżjoni meta din l-istituzzjoni tkun ġiet mitluba tadotta pożizzjoni u din ma tkunx adottat tali pożizzjoni sa l-iskadenza tat-terminu previst. Fin-nuqqas ta’ tali dispożizzjonijiet espressi, li jistabbilixxu terminu li meta jiskadi jitqies li tkun ittieħdet deċiżjoni impliċita, u li jiddefinixxu l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni, in-nuqqas ta’ azzjoni ta’ istituzzjoni ma jistax jiġi assimilat għal deċiżjoni, mingħajr ma titqiegħed indiskussjoni s-sistema ta’ rimedji stabbilita mit-Trattat.

Issa, ir-regoli li japplikaw fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ma jipprevedux li s-skiet tal-Kummissjoni jiswa daqs deċiżjoni impliċita ta’ nuqqas ta’ għajnuna, b’mod partikolari meta l-miżuri inkwistjoni ma ġewx notifikati lilha. Fil-fatt, il-Kummissjoni, li għandha kompetenza esklużiva f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà eventwali ta’ għajnuna mas-suq komuni, għandha l-obbligu, fi tmiem il-fażi preliminari ta’ eżami li tirrigwarda miżura Statali, li tadotta deċiżjoni fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat li tikkonstata jew in-nuqqas ta’ għajnuna, jew l-eżistenza ta’ għajnuna kompatibbli, jew il-ħtieġa li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Tali deċiżjoni ma tistax tkun taċita u tirriżulta mis-skiet tal-Kummissjoni.

Is-sempliċi fatt li, għal perijodu relattivament twil, il-Kummissjoni ma bdietx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura Statali partikolari, ma jistax minnu nnifsu jikkonferixxi lil din il-miżura n-natura oġġettiva ta’ għajnuna eżistenti, jekk din tkun għajnuna. L-inċertezzi li setgħu kienu jeżistu f’dan ir-rigward jistgħu, l-iktar l-iktar, jitqiesu li ħolqu aspettattivi leġittimi fil-benefiċjarji li l-irkupru tal-għajnuna mħallsa fil-passat kien prekluż.

(ara l-punti 133, 134, 148-153)

4.      Il-kunċett ta’ “evoluzzjoni tas-suq komuni”, li jinsab fl-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE], jista’ jinftiehem bħala bidla fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku fis-settur ikkonċernat mill-miżura inkwistjoni. Tali bidla tista’ b’mod partikolari, tirriżulta mil-liberalizzazzjoni ta’ suq inizzjalment magħluq għall-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, dan il-kunċett ma jirrigwardax il-każ fejn il-Kummissjoni tibdel l-evalwazzjoni tagħha biss abbażi ta’ applikazzjoni iżjed stretta tar-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, il-klassifikazzjoni ta’ miżura Statali bħala għajnuna eżistenti jew bħala għajnuna ġdida ma tistax tiddependi fuq evalwazzjoni suġġettiva tal-Kummissjoni, u għandha tiġi stabbilita indipendentement minn kull prassi amministrattiva preċedenti tal-Kummissjoni.

Isegwi li s-sempliċi konstatazzjoni ta’ żvilupp tal-politika dwar l-għajnuna mill-Istat ma tistax, minnha nnifisha, tkun biżżejjed sabiex tikkostitwixxi “evoluzzjoni tas-suq komuni” fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, sakemm il-kunċett oġġettiv ta’ għajnuna mill-Istat innifsu, kif jirriżulta mill-Artikolu 87 KE, ma jiġix emendat.

(ara l-punti 173-175, 186)

5.      L-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE], li jipprovdi li l-frażi għajnuna eżistenti tfisser “[kull] għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill”, jirrigwarda b’mod partikolari l-miżuri ta’ għajnuna li kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà min-naħa tal-Kummissjoni, deċiżjoni li hija neċessarjament espliċita. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 87 KE u, abbażi tal-Artikolu 253 KE, għandha timmotiva tali deċiżjoni.

Barra minn hekk, meta jkun allegat li miżuri individwali jingħataw abbażi ta’ skema awtorizzata bil-quddiem, il-Kummissjoni għandha, qabel ma tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, tiddetermina jekk dawn il-miżuri humiex koperti jew le mill-iskema inkwistjoni, u jekk dan ikun il-każ, jekk dawn jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni li tapprovhom. Huwa biss fil-każ fejn, wara dan l-eżami, il-Kummissjoni tasal għal konklużjoni negattiva li hija tista’ tqis li l-miżuri inkwistjoni huma għajnuna ġdida. Min-naħa l-oħra, f’każ ta’ konklużjoni pożittiva, il-Kummissjoni għandha titratta dawn il-miżuri bħala għajnuna eżistenti skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(1) u (2) KE. Sabiex tkun tista’ tiddetermina jekk il-miżuri individwali jissodisfawx jew le l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-iskema inkwistjoni, din id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni għandha neċessarjament tkun espliċita.

(ara l-punti 194-197)

6.      Il-Kummissjoni hija marbuta mill-linji gwida jew mill-komunikazzjonijiet li tadotta fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, kemm-il darba dawn ma jmorrux kontra r-regoli tat-Trattat.

Peress li l-linji ta’ gwida dwar għajnuna nazzjonali reġjonali tal-1998 jipprovdu li l-Kummissjoni għandha tagħmel stima tal-kompatibbiltà tal-għajnuna reġjonali mas-suq komuni abbażi tagħhom sa mill-adozzjoni tagħhom, ħlief f’dak li jirrigwarda l-proġetti ta’ għajnuna nnotifikati qabel il-komunikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida lill-Istati Membri u li fuqhom il-Kummissjoni tkun għadha ma adottatx deċiżjoni finali, l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-linji gwida msemmija f’deċiżjonijiet li jikkonstataw l-illegalità u l-inkompatibbiltà mas-suq komuni ta’ skemi ġenerali ta’ għajnuna li ġew implementati, mingħajr ma jkunu ġew innotifikati, qabel din l-adozzjoni, ma tistax tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

F’kull każ, anki jekk jitqies li jista’ jiġi kkunsidrat li irregolarità tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni tal-linji gwida msemmija, din twassal għall-illegalità tad-deċiżjonijiet inkwistjoni, u għaldaqstant, għall-annullament tagħhom biss jekk din l-irregolarità jista’ jkollha konsegwenzi fuq il-kontenut tagħhom. Fil-fatt, jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-Kummissjoni kienet tasal għal riżultat identiku, inkwantu l-vizzju inkwistjoni, f’kull każ, ma kienx tali li jinfluwenza l-kontenut tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ma jkunx hemm lok li dawn jiġu annullati.

(ara l-punti 214-220)

7.      Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3) KE, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali kumplessi, li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju. L-istħarriġ ġudizzjarju tal-mod ta’ kif din is-setgħa diskrezzjonali għandha tiġi eżerċitata huwa limitat għall-ivverifikar tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, kif ukoll għall-ivverifikar tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati u li ma kienx hemm żball ta’ dritt, żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew abbuż tal-poter.

(ara l-punt 223)

8.      L-għajnuna għat-tħaddim hija intiża sabiex teħles lil impriża mill-ispejjeż li hija kien ikollha normalment issostni fil-kuntest tat-tmexxija jew tal-attivitajiet normali tagħha. Skemi fiskali li jeżentaw parzjalment lill-impriżi benefiċjarji mit-taxxa fuq id-dħul għandhom in-natura ta’ għajnuna għat-tħaddim, u mhux in-natura ta’ għajnuna għall-investiment jew għax-xogħol, minkejja l-fatt li l-aċċess għall-iskemi msemmija huwa suġġett għal obbligi li jsir investiment minimu u li jinħoloq numru minimu ta’ impjiegi, peress li l-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni huma kkalkulati abbażi tad-dħul imwettaq mill-impriżi benefiċjarji, u mhux skont l-ammont tal-investimenti mwettqa jew tan-numru ta’ impjiegi maħluqa.

(ara l-punti 226-229)

9.      Peress li jikkostitwixxi illegalità suġġettiva min-natura tiegħu stess, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Stat Membru, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament dirett kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-illegalità u l-inkompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq komuni, u indirizzata lill-Istat Membru msemmi, jista’ jiġi invokat minn dan l-Istat Membru biss.

(ara l-punti 238, 239)

10.    Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami ta’ proġetti ta’ għajnuna mill-Kummissjoni, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-Istat Membru inkwistjoni jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jesponi b’mod utli l-fehma tiegħu dwar il-kummenti ppreżentati minn terzi interessati, skont l-Artikolu 88(2) KE, u li fuqhom il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha, u li, sa fejn l-Istat Membru ma jkunx tqiegħed f’pożizzjoni li jikkummenta dwar dawn il-kummenti, il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidrahom fid-deċiżjoni tagħha kontra dan l-Istat. Madankollu, sabiex tali ksur iwassal għal annullament, huwa meħtieġ li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti.

Ma jistax jikkostitwixxi tali irregolarità l-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni kummenti ta’ Stat Membru, b’risposta għal domanda, magħmula minn terz interessat, intiża għall-irkupru tal-għajnuna mogħtija b’mod indebitu, peress li d-deċiżjoni msemmija mhijiex ibbażata fuq l-ilment imressaq mill-kummenti msemmija u peress li l-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna hija l-konsegwenza loġika, neċessarja u esklużiva tal-fatt li preċedentement, il-Kummissjoni wriet in-natura illegali u inkompatibbli mas-suq komuni tal-għajnuna inkwistjoni.

(ara l-punti 241-244)

11.    Għalkemm, sal-adozzjoni tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE], il-Kummissjoni ma kinitx suġġetta għal termini speċifiċi għall-eżami tal-miżuri ta’ għajnuna, hija kellha madankollu taċċerta ruħha li l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ma jittawwalx indefinittivament, u dan sabiex jiġi rrispettat ir-rekwiżit fundamentali taċ-ċertezza legali.

Fil-fatt, sa fejn hija għandha kompetenza esklużiva sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, il-Kummissjoni hija obbligata, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, twettaq eżami diliġenti u imparzjali ta’ lment li jirraporta l-eżistenza ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax ittawwal, indefinittivament, l-eżami preliminari ta’ miżuri Statali li kienu s-suġġett ta’ lment. In-natura raġonevoli tat-tul tal-eżami ta’ lment għandha tiġi eżaminata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, tal-kuntest tagħha, tal-istadji proċedurali differenti li l-Kummissjoni għandha ssegwi u tal-kumplessità tal-kawża.

Terminu ta’ sitt snin u nofs bejn meta l-Kummissjoni saret taf bl-iskemi ta’ għajnuna u l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE ma jikkostitwixxix, fid-dawl tal-kuntest li fih jidħlu dawn l-iskemi, terminu mhux raġonevoli li jivvizja l-proċedura ta’ eżami preliminari bi ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, peress li, minn naħa, il-miżuri inkwistjoni jeħtieġu eżami fil-fond tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll xogħol kunsiderevoli ta’ ġbir u ta’ evalwazzjoni kemm tas-sistema fiskali tal-Istat Membru kkunsidrat kif ukoll tal-iskemi ta’ awtonomija fiskali fis-seħħ fi Stati Membri oħra u, min-naħa l-oħra, peress li t-tul tal-proċedura huwa fil-parti l-kbira imputabbli lill-awtoritajiet nazzjonali li, minbarra li naqsu li jinnotifikaw l-iskemi inkwistjoni, irrifjutaw ukoll li jipprovdu l-informazzjoni utli lill-Kummissjoni, u peress li l-Kummissjoni setgħet, matul dan il-perijodu, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, tqis li kellha titratta b’mod iktar mgħaġġel proċeduri oħra li jikkonċernaw miżuri, ċertament differenti, iżda adottati mill-istess awtoritajiet, u li jistgħu jippreżentaw l-istess tip ta’ problemi legali.Terminu ta’ tmienja u tletin xahar bejn meta l-Kummissjoni ġiet informata dwar l-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni u l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE ma jikkostitwixxix, fid-dawl tal-kuntest li fih jidħlu dawn l-iskemi, terminu mhux raġonevoli li jivvizzja l-proċedura ta’ eżami preliminari bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jew, b’konsegwenza ta’ dan, bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjon tajba, ladarba, minn naħa, il-miżuri inkwistjoni jeħtieġu eżami fil-fond tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata u, min-naħa l-oħra, it-tul tal-proċedura huwa, minn tal-inqas parzjalment, imputabbli fuq l-awtoritajiet nazzjonali, li b’mod partikolari talbu estensjoni tat-terminu mogħti sabiex iwieġbu t-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 259-277)

12.    Aspettattivi leġittimi dwar il-legalità ta’ skema ta’ għajnuna jistgħu jiġu invokati biss jekk din l-għajnuna ngħatat fl-osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE. Fil-fatt, awtorità reġjonali u operatur ekonomiku diliġenti għandhom, normalment, ikunu f’pożizzjoni li jiżguraw ruħhom li din il-proċedura ġiet osservata. Dawn il-prinċipji japplikaw anki f’każ ta’ skemi ta’ għajnuna, peress li l-Artikolu 88 KE ma jgħamilx distinzjoni bejn jekk ikunx każ ta’ skemi ta’ għajnuna jew ta’ għajnuna individwali.

Madankollu, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li benefiċjarji ta’ għajnuna illegali, minħabba li ma tkunx ġiet innotifikata, jinvokaw ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu b’mod leġittimu jservu bħala bażi għall-aspettativi tagħhom fuq in-natura regolari ta’ din l-għajnuna, sabiex jikkontestaw il-ġbir lura tagħha.

(ara l-punti 278-282)

13.    In-nuqqas ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ avviż speċifiku li javża lill-benefiċjarji ta’ għajnuna allegatament mogħtija illegalment, jiġifieri mingħajr ma l-Kummissjoni tkun waslet għal deċiżjoni definittiva fuq il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, hekk kif previst mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna illegali tal-1983, ma jikkostitwixxix ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ toħloq xi aspettattiva kwalunkwe fir-regolarità tal-għajnuna mogħtija illegalment mingħajr notifika bil-quddiem.

Kull interpretazzjoni differenti twassal sabiex din il-komunikazzjoni tingħata portata li tmur kontra l-Artikolu 88(3) KE.

Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni tista’ timponi fuqha nnifisha gwidi għall-eżerċizzju tas-setgħat diskrezzjonali tagħha, permezz ta’ atti bħal linji gwida, dan japplika sa fejn dawn l-atti jinkludu regoli indikattivi fuq id-direzzjoni li għandha tiġi segwita minn din l-istituzzjoni u sakemm dawn ma jmorrux kontra r-regoli tat-Trattat.

In-natura prekarja tal-għajnuna mogħtija illegalment tirriżulta mill-effett utli tal-obbligu ta’ notifika previst mill-Artikolu 88(3) KE, u ma tiddependix mill-pubblikazzjoni jew le fil-Ġurnal Uffiċjali tal-avviż previst mill-komunikazzjoni msemmija. B’mod partikolari, ma għandux ikun impossibbli li l-għajnuna mogħtija illegalment tiġi rkuprata biss minħabba n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ tali avviż mill-Kummissjoni, mingħajr ma tiġi ppreġudikata s-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilita mit-Trattat.

(ara l-punti 305-308)

14.    Għalkemm il-prinċipju tal-osservanza tal-aspettattivi leġittimi jinsab fost il-prinċipji fundamentali tal-Komunità, l-operaturi ekonomiċi mhumiex ġustifikati li jifformaw aspettattivi leġittimi fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti, li tista’ tiġi mibdula fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet Komunitarji. Dan il-prinċipju japplika b’mod ċar fil-kuntest tal-politika tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni. Dan huwa l-każ tal-kwistjoni dwar jekk jeżistux il-kundizzjonijiet kollha sabiex jiġi rrinunzjat l-irkupru tal-għajnuna mogħtija illegalment minħabba l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali. Għaldaqstant, deċiżjonijiet li jirrigwardaw kawżi oħra fuq is-suġġett għandhom biss natura indikattiva u ma jistgħux joħolqu aspettattivi leġittimi, peress li ċ-ċirkustanzi huma differenti f’kull kawża.

(ara l-punti 310-312)

15.    Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-partijiet interessati skont l-Artikolu 88(2) KE ma jistgħux jippretendu huma stess dibattitu kontradittorju mal-Kummissjoni, bħal dak miftuħ għall-vantaġġ tal-Istat Membru responsabbli mill-għoti tal-għajnuna.

(ara l-punt 332)

16.    Minnha nnifisha, id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista mill-Artikolu 88(2) KE ma tipproduċi l-ebda effett irriversibbli fir-rigward tal-legalità tal-miżuri li tirrigwarda. Fil-fatt, hija biss id-deċiżjoni finali li, peress li tikklassifika b’mod definittiv lil dawn il-miżuri bħala għajnuna, għandha l-effett li tistabbilixxi n-natura illegali tagħhom.

(ara l-punt 349)