Language of document : ECLI:EU:T:2004:317

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla Estiża)

28 ta’ Ottubru 2004 (*)

“Dumping – Impożizzjoni ta’ dazji ta' kontra d-dumping definittivi – Imwieżen elettroniċi li joriġinaw miċ-Ċina – Status ta’ impriża li topera f'ekonomija tas-suq – Determinazzjoni tal-ħsara – Rabta ta' kawżalità – Drittijiet tad-difiża”

Fil-kawża T-35/01,

Shanghai Teraoka Electronic Co. Ltd, stabbilita f'Shanghai (iċ-Ċina), irrappreżentata minn P. Waer, Avukat,

rikorrenti

vs

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Marquardt, bħala aġent, assistit inizjalment minn G. Berrisch u P. Nehl, wara minn G. Berrisch, Avukati,

konvenut

sostnut mill-

Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Kreuschitz, S. Meany u T. Scharf, bħala aġenti, b'domiċilju għas-servizz fil-Lussemburgu,

parti intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2605/2000, tas-27 ta’ Novembru 2000, illi jimponi dazji ta' kontra d-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti mwieżen elettroniċi illi joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan (ĠU L 301, p. 42),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla Estiża),

komposta minn V. Tiili, President, J. Pirrung, P. Mengozzi, A. W. H. Meij u Vilaras, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta' Marzu 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest leġiżlattiv

1        L-Artikolu 1(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett [is-suġġett] ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 56, 1996, p.1, iktar ’il quddiem “ir-Regolament Bażiku”), jipprovdi li:

“Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu "prodott simili" għandu jiġi interpretat biex ifisser prodott li jkun identiku, jiġifieri, l-istess f'kull lat, bħall-prodott taħt kunsiderazzjoni, jew fin-nuqqas ta' prodott bħal dan, prodott ieħor li għalkemm ma jkunx l-istess f'kull lat, ikollu karatteristiċi li jixbhu mill-qrib dawk tal-prodott ikkunsidrat.” 

2        L-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 905/98, tas-27 ta’ April 1998 (ĠU L 128, p. 18, korrett fil-ĠU L 263, 2000, p. 34) jipprovdi li:

“a)      Fil-każ ta' l-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx l-ekonomija tas-suq [...], il-valur normali għandu jiġi stabilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn dan il-pajjiż terz għall-pajjiżi l-oħra, inkluża l-Komunità, jew fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kull bażi oħra raġjonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew li jrid jitħallas fil-Komunità għal prodott simili, aġġustat kif xieraq jekk meħtieġ għalbiex jinkludi marġni ta' profitt raġjonevoli.

Għandu jiġi magħżul pajjiż terz xieraq b'ekonomija tas-suq b'manjiera li ma tkunx irraġjonevoli, filwaqt jitqies kull tagħrif [informazzjoni] ta' min joqgħod fuqu li jkun disponibbli fiż-żmien ta[’ ]l-għażla. Għandhom jitqiesu wkoll il-limiti taż-żmien; fejn xieraq, għandu jiġi wżat pajjiż terz b'ekonomija tas-suq li huwa bla ħsara għall-istess investigazzjoni.

Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jiġu mgħarrfa ftit wara l-bidu tagħha (l-investigazzjoni) bil-pajjiż terz b'ekonomija tas-suq previst u għandhom jingħataw għaxart ijiem żmien sabiex jikkommentaw.

b)      Fl-investigazzjonijiet kontra dumping li jirrigwardaw l-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-valur normali irid jiġi stabilit skond il-paragrafi 1 u 6, jekk ikun muri, fuq il-bażi tal-pretensjonijiet issostanzjati kif xieraq minn produttur jew iktar bla ħsara għall-investigazzjoni u skond il-kriterji u l-proċeduri stabiliti fis-subparagrafu (ċ) illi jipprevalu l-kondizzjonijiet ta' l-ekonomija tas-suq għal dan il-produttur jew dawn il-produtturi rigward il-fabbrikazzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili interessat. Meta dan ma jkunx il-każ, għandhom japplikaw ir-regoli stabiliti fis-subparagrafu (a).

ċ)      Pretensjoni skond is-subparagrafu (b) trid issir bil-kitba u jkun fiha biżżejjed evidenza illi l-produttur jopera skond il-kondizzjonijiet ta' l-ekonomija tas-suq, jiġifieri jekk:

-      id-deċiżjonijiet tad-ditti rigward il-prezzijiet, l-infiq u inputs oħra, li jinkludu per eżempju l-materja prima, l-ispejjeż fuq it-teknoloġija u tax-xogħol, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-investimenti, isiru bi tweġiba għas-sinjali tas-suq filwaqt li jirriflettu l-provvista u d-domanda, u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat f'dan ir-rigward, u n-nefqiet fuq inputs maġġuri jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq,

-      id-ditti jkollhom sett ċar ta' reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabilità li jiġu verifikati indipendentement skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-għanijiet kollha,

-      l-ispejjeż tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tad-ditti mhumiex soġġetti għal distorsjoni sinjifikanti miġrur mis-sistema ekonomika ta' qabel li ma kienitx tas-suq, b'mod partikolari fejn għandhom x'jaqsmu l-iżvalutar tal-beni, qtugħ ieħor mill-kontijiet, in-negozju bl-iskambju ta' l-oġġetti u l-ħlas permezz ta' kumpens għad-djun,

-      id-ditti interessati huma bla ħsara għall-falliment u għal-liġijiet tal-proprjetà li jiggarantixxu ċ-ċertezza u l-istabilità legali għall-operazzjoni tad-ditti, u

-      il-konversjonijiet tar-rati tal-kambju jitwettqu bir-rata tas-suq.

Għandu jiġi stabilit jekk il-produttur jilħaqx il-kriterja msemmija hawn fuq fi żmien tliet xhur mill-bidu ta' l-investigazzjoni, wara konsultazzjoni speċifika tal-Kontea Konsultattivi u wara li l-industrija tal-Komunità tkun ingħatat l-opportunità li tikkommenta. Din id-deċiżjoni għandha tibqa' fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha.”

3        L-Artikolu 3 tar-Regolament Bażiku jipprovdi:

“Tistabbilixxi l-ħsara

1.      Skond ir-Regolament [Bażiku], it-terminu "ħsara" għandu, sakemm mhux speċifikat b'mod ieħor, jittieħed li jfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità, theddida ta' ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità jew dewmien materjali ta' l-istabbiliment ta' industrija bħal din u għandu jiġi interpretat skond id-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

2.      Il-ħsara trid tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżaminazzjoni objettiva kemm ta' (a) il-volum ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping u l-effett ta' l-importazzjonijiet mibjugħin taħt il-prezz fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għall-prodotti simili; u kemm (b) l-impatt konsegwenti ta' dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija Komunitarja.

3.      Fejn għandu x'jaqsam il-volum ta' l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, għandu jingħata kas ta' jekk kienx hemm żjieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, jew f'termini assoluti jew imqabbla mal-produzzjoni u l-konsum fil-Komunità. Fejn għandu x'jaqsam l-effett ta' l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping fuq prezzijiet, għandu jingħata każ ta' jekk kienx hemm waqgħat sinifikanti fil-prezzijiet mix-xiri taħt il-prezz ta' l-importazzjonijiet meta mqabbla mal-prezz ta' prodott simili ta' l-industrija Komunitarja, jew jekk l-effett ta' importazzonijiet bħal dawn huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żjidiet fil-prezz, li setgħu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.

4.      Fejn l-importazzjonijiet ta' prodott minn iktar minn pajjiż wieħed huma fl-istess ħin soġġetti għal investigazzjonijiet kontra l-bejgħ taħt il-prezz [d-dumping], l-effetti ta' importazzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu stmati b'mod kumulattiv biss jekk huwa stabbilit li (a) il-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz stabbilit fejn jidħlu l-importazzjonijiet minn kull pajjiż huwa iktar minn de minimis kif definit fl-Artikolu 9(3) u li l-volum ta' l-importazzjonijiet minn kull pajjiż mhuwiex negleġibbli; u (b) stima kumulattiva ta' l-effetti ta' l-importazzjonijiet hija xierqa fid-dawl tal-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn prodotti impurtati u l-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn il-prodotti impurtati u l-prodott Komunitarju simili.

5.      L-eżaminazzjoni ta' l-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta' dumping fuq l-industrija tal-Komunità konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat ta' l-industrija, inkluż il-fatt li l-industrija għadha fi proċess ta' rkuprar mill-effetti ta' xiri taħt il-prezz jew sussidju fil-passat, il-kobor tal-marġini attwali tax-xiri taħt il-prezz, it-tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, il-profitti, il-produzzjoni, is-sehem mis-suq, il-produttività, ir-redditu fuq l-investimenti, l-utilizzazzjoni tal-volum; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet Komunitarji; effetti negattivi attwali u potenzjali fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-flus, l-inventarji, il-pagi, it-tkabbir, l-abilità li l-kapital jew investimenti jiġu mgħollija. Il-lista ma ttemx kollox, u lanqas ma jistgħu, wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi, neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva.

6.      Għandu jiġi muri, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata fejn jidħol il-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping qegħdin jikkawżaw ħsara skond it-tifsira ta' dan ir-Regolament. B'mod speċifiku, dan għandu jinvolvi dimostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skond il-paragradfu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija Komunitarja kif stabbilita fil-paragrafu 5, u li dan l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklasifikat bħala materjali.

7.      Fatturi magħrufa għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping li fl-istess ħin qegħdin jagħmlu ħsara lill-industrija Komunitarja għandhom ukoll jiġu eżaminati sabiex jiżguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra mhix attribwita għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping taħt paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati f'dan ir-rigward jinkludu l-volum u l-prezzijiet ta' importazzjonijiet mhux mibjugħin bi prezzijiet taħt il-prezz tagħhom, tnaqqis fid-domanda jew tibdiliet fil-mudelli tal-konsum, prattiċi restritti tal-kummerċ, u kompetizzjoni bejn, produtturi Komunitarji u ta' pajjiżi terzi, żviluppi fit-teknoloġija u l-atteġġament ta' l-esportazzjoni u l-produttività ta' l-industrija Komunitarja.

8.      L-effett ta' l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping għandu jiġi stmat fejn tidħol il-produzzjoni ta' l-industrija Komunitarja ta' prodott simili meta figuri disponibbli jippermettu l-identifikazzjoni separata ta' dik il-produzzjoni fuq il-bażi ta' kriterji bħall-proċess tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-produtturi u l-profitti. Jekk identifikazzjoni separata bħal din ta' dik il-produzzjoni ma tkunx possibbli, l-effetti ta' l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping għandhom jiġu stmati b’eżaminazzjoni tal-produzzjoni ta' l-idjaq grupp jew firxa ta' prodotti, li jinkludu l-prodott simili, li għalih l-informazzjoni neċessarja tista tiġi pprovduta.

9.      Theddida ta' ħsara materjali għandha tkun tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq fatti u mhux biss fuq allegazzjoni, tbassir jew possibilità remota. Il-bidla fiċ-ċirkustanzi li kieku toħloq sitwazzjoni fejn il-bejgħ taħt il-prezz kien jikkawża ħsara għandha tkun imbassra b'mod ċar u imminenti.

Meta qed ikun stabbilit teżistix theddida ta' ħsara materjali, għandha tingħata attenzjoni għal fatturi bħal:

a)      rata sinifikanti ta' żjieda fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping fis-suq tal-Komunità li tindika ż-żjieda x'aktarx sostanzjali ta' importazzjonijiet;

b)      kapaċità libera biżżejjed ta' l-esportatur jew żjieda imminenti u sostanzjali f'kapaċità bħal din li tindika ż-żjieda ta' xiri taħt il-prezz ta' esportazzjonijiet x'aktarx sostanzjali lejn il-Komunità, jingħata kas tad-disponnibiltà tas-swieq l-oħra għall-esportazzjoni biex jassorbu kwalunkwe esportazzjonijiet addizzjonali;

ċ)      jekk l-importazzjonijiet jkunu qegħdin jidħlu bi prezzijiet li kienu, sa grad sin[j]ifikati, jnaqqsu l-prezzijiet jew iżommu ż-żjiediet fil-prezzijiet li f'każ ieħor xorta kienu jiġru, u kienu probabbilment iżidu d-domanda għal aktar importazzjonijiet; u

d)      inventarji tal-prodott li jkun qiegħed jiġi investigat.

Ebda wieħed mill-fatturi elenkat hawn fuq waħdu ma jista’ neċessarjament jagħti gwida deċiżiva iżda t-totalità tal-fatturi kkunsidrati għandha twassal għall-konklużjoni li aktar esportazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping huma imminenti u li, jekk ma tiġix meħuda azzjoni ta' protezzjoni, sejra tiġri ħsara materjali.”

4        Skond l-Artikolu 6(9) tar-Regolament Bażiku:

“Għall-proċeduri mibdija skond l-Artikolu 5(9), investigazzjoni għandha, kull fejn possibbli, tiġi konkluża fi żmien sena. Fi kwalunkwe każ, investigazzjonijiet bħal dawn għandhom fil-każijiet kollha jiġu konklużi fi żmien 15-il xahar mill-bidu, skond is-sejbiet magħmula skond l-Artikolu 8 għall-attivitajiet jew is-sejbiet magħmula skond l-Artikolu 9 għal azzjoni definittiva.” 

5        Fl-aħħar nett, l-Artikolu 20 tar-Regolament Bażiku jipprovdi li:

“[...]

2.      Il-partijiet msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitolbu żvelar [informazzjoni] finali tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali fuq il-bażi li fuqha huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, jew it-terminazzjoni ta' investigazzjoni jew proċeduri mingħajr impożizzjoni tal-miżuri, b'attenzjoni partikolari mogħtija lill-iżvelar ta' kwalunkwe fatti jew kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk użati għal kwalunkwe miżuri proviżjonali.

3.      Talbiet għal żvelar finali, kif definit fil-paragrafu 2, għandhom jiġu indirizzati lill-Kummissjoni bil-miktub u riċevuti, f'każijiet fejn ġie applikat dazju proviżjonali, mhux iktar tard minn xahar wara l-pubblikazzjoni ta' l-impożizzjoni ta' dak id-dazju. Fejn ma jkunx ġie applikat dazju proviżjonali, il-partijiet għandhom jiġu mogħtija opportunità li jitolbu żvelar finali fi żmien limiti ta' żmien stabbiliti mill-Kummissjoni.

4.      Żvelar finali għandu jiġi mogħti bil-miktub. Għandu jsir, filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, kemm jista’ jkun malajr u, normalment, mhux iktar tard minn xahar qabel deċiżjoni definittiva jew mis-sottomissjoni mill-Kummissjoni ta' kwalunkwe proposta għal azzjoni finali skond l-Artikolu 9. Fejn il-Kummissjoni ma tkunx fil-pożizzjoni li tiżvela xi fatti jew kunsiderazzjonijiet f'dak il-ħin, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista jkun malajr wara. L-iżvelar ma għandux jippreġudika kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li tista’ tittieħed mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill imma, fejn deċiżjoni bħal din tkun ibbażata fuq kwalunkwe fatti u kunsiderazzjonijiet differenti, dawn għandhom jiġu mikxufa kemm jista jkun malajr.

5.      Rappreżentazzjonijiet magħmula wara li jingħata t-tagħrif finali għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk riċevuti fi żmien perijodu li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f'kull każ, li għandu jkun mill-inqas 10 t'ijiem, waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta lill-urġenza tal-kwistjoni.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Wara lment li ġie ppreżentat fit-30 ta’ Lulju 1999, mill-produtturi ta’ mwieżen elettroniċi tal-Komunità Ewropea li jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-produzzjoni Komunitarja totali tal-prodott in kwistjoni, il-Kummissjoni, fetħet, skond l-Artikolu 5 tar-Regolament Bażiku, permezz ta’ avviż ippubblikat fis-16 ta’ Settembru 1999 (ĠU C 262, p. 8), proċedura kontra d-dumping fir-rigward ta' l-importazzjonijiet ta’ ċerti mwieżen elettroniċi li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mir-Repubblika tal-Korea u mit-Tajwan.

7        Żewġ produtturi Komunitarji ta’ mwieżen elettroniċi, Avery Berkel Ltd u Bizerba GmbH, li flimkien jirrappreżentaw 39% mill-produzzjoni Komunitarja ta’ dak iż-żmien, ipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

8        Fl-istess żmien, tmien produtturi esportaturi tal-pajjiżi kkonċernati, fosthom l-impriża rikorrenti, erba’ importaturi li l-attività tagħhom kienet marbuta mal-produzzjoni in kwistjoni kif ukoll il-produttur kooperanti tal-pajjiż analogu, jiġifieri l-Indoneżja, irrispondew għall-kwestjonarji mibgħuta mill-Kummissjoni.

9        L-investigazzjoni relattiva għad-dumping u għall-ħsara li tirriżulta minnu kienet tkopri l-perijodu bejn l-1 ta’ Settembru 1998 u l-31 ta’ Awwissu 1999 (iktar ’il quddiem “il-perijodu ta’ investigazzjoni”) L-eżami tat-tendenzi utli għad-determinazzjoni ta’ l-imsemmija ħsara kien ikopri l-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1995 u l-aħħar tal-perijodu ta' investigazzjoni (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta' analiżi”).

10      Shanghai Teraoka Electronic Co. Ltd (iktar ’il quddiem “ir-rikorrenti” jew “Shanghai Teraoka”) hija kumpannija stabbilita taħt id-dritt Ċiniż, imwaqqfa fl-1992 u li l-kapital tagħha huwa miżmum esklużivament minn investituri barranin, li tipproduċi u tesporta, partikolarment lejn il-Komunità, imwieżen elettroniċi.

11      Fil-11 ta’ Ottubru 1999, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tawtorizzaha tibbenefika, fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni, mill-istatus ta’ impriża li topera f'ekonomija tas-suq, skond l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku. B’faks iddatata s-17 ta’ Diċembru 1999, il-Kummissjoni infurmat lir-rikorrenti li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku sabiex tibbenefika mill-għoti ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f'ekonomija tas-suq.

12      B’risposta għar-rifjut tat-talba tagħha, ir-rikorrenti ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni permezz ta’ żewġ ittri, iddatati s-27 ta’ Diċembru 1999 u l-11 ta’ Jannar 2000.

13      Fl-4 ta’ Jannar u fit-3 ta’ Frar 2000, il-Kummissjoni kkonfermat ir-rifjut tagħha li tagħti lir-rikorrenti l-istatus ta’ impriża li topera f'ekonomija tas-suq.

14      Wara li fis-6 ta’ April 2000 inżammet laqgħa bejn il-Kummissjoni u xi rappreżentanti ta’ l-industrija Komunitarja in kwistjoni, żewġ produtturi Komunitarji, fl-10 u fl-14 ta’ April 2000, issottomettew lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konklużjonijiet preliminari ta’ l-istess Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ ħsara li taffettwa l-imsemmija industrija Komunitarja.

15      Fl-1 ta’ Awwissu 2000, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni osservazzjonijiet relattivi għall-kwistjoni tal-ħsara u għal dik tar-rabta ta' kawżalità.

16      B’faks tal-21 ta’ Settembru 2000, il-Kummissjoni infurmat lir-rikorrenti bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom hija kienet qiegħda tikkontempla li tirrakkomanda l-impożizzjoni ta’ dazju kontra d-dumping definittiv ta’ 13.1% fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti mwieżen elettroniċi manufatturati mir-rikorrenti.

17      B’faks tad-29 ta’ Settembru 2000, ir-rikorrenti talbet informazzjoni ulterjuri dwar l-eżistenza tad-dumping u d-determinazzjoni tal-ħsara allegata li tirriżulta minnu.

18      Il-Kummissjoni rrispondiet għal din it-talba b’żewġ ittri ddatati rispettivament, id-29 ta’ Settembru 2000 u l-4 ta’ Ottubru 2000.

19      B’faks ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000, ir-rikorrenti talbet iktar żmien sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. B’faks tal-5 ta’ Ottubru 2000, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba, għal raġunijiet ta’ urġenza., ir-rikorrenti

20      Fl-10 ta’ Ottubru 2000, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-informazzjoni li hija kienet irċeviet.

21      B’faks tal-11 ta’ Ottubru 2000, il-Kummissjoni wieġbet għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti u rriduċiet il-marġni ta’ dumping minn 13.1 għal 12.8%.

22      B’faks tat-23 ta’ Ottubru 2000, il-Kummissjoni lestiet ir-risposta tagħha għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti.

23      Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2605/2000, tas-27 ta’ Novembru 2000, illi jimponi dazji ta' kontra d-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti mwieżen elettroniċi illi joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan (ĠU L 301, p. 42, iktar ’il quddiem “ir-Regolament ikkontestat”) il-Kunsill impona dazji ta’ kontra d-dumping ta’ 12.8% fuq il-prodotti esportati mir-rikorrenti u ddefiniti hawn taħt. Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat:

“1.      Qegħda tiġi hawnhekk imposta rata ta' dazju definittiva fuq l-importazzjonijiet ta' mwieżen elettroniċi illi għandhom kapaċità ta' użin massima illi ma taqbiżx it-30kg, għall-użu fin-negozju bl-imnut illi jinkorporaw viżwal diġitali ta' l-użin, il-prezz ta' l-unità u l-prezz illi għandu jitħallas (kemm jekk jinkludi sistemi sabiex tiġi stampata din id-[d]ata kemm jekk ma jkun[x] jinkludi din is-sistema) illi fil-preżent hija klassifikabbli fil-Kodiċi CN ex84238150 (Kodiċi TARIC 8423815010) u illi joriġinaw [m]ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Korea u t-Tajwan.

2.      Id-dazju, kalkolat fuq il-bażi tal-prezz nett illi jkun ħieles minn kwalunkwe piż fuq il-fruntiera tal-Komunità tal-prodotti qabel id-dazju ser ikunu [fir-rigward tar-rikorrenti] ta’ : [...] 12.8% [...]” 

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-16 ta’ Frar 2001, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

25      Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-12 ta’ Ġunju 2001, il-Kummissjoni talbet tintervjeni f'dawn il-proċedimenti b'sostenn għat-talbiet tal-parti konvenuta. B’digriet tal-11 ta’ Settembru 2001, il-President tar-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti Prim'Istanza aċċetta dan l-intervent. 

26      Peress li l-Kummissjoni rrinunzjat li tippreżenta nota ta’ intervent, il-proċedura bil-miktub ingħalqet fit-28 ta’ Novembru 2001.

27      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (ir-Raba’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

28      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet lill-partijiet iwieġbu għal xi domandi bil-miktub kif ukoll jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet laqgħu parzjalment dawn it-talbiet.

29      Is-sottomissjonijiet orali u t-tweġibiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll tal-parti intervenjenti għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza instemgħu waqt is-seduta pubblika tas-6 ta’ Marzu 2003.

30      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–        tannulla l-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat in kwantu dan jimponi dazju ta’ kontra d-dumping definittiv fuq l-imwieżen elettroniċi li hija tesporta;

–        tikkundanna titikkundanna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż.

31      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti sabiex tħallas l-ispejjeżtikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq il-mertu

32      Ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, erba’ motivi b'sostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 3(2), (3), (5) u (8) tar-Regolament Bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-ħsara. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 3(6) tar-Regolament Bażiku. Fl-aħħar nett, ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tar-regoli tal-proċedura previsti mir-Regolament Bażiku.

A –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku

1.     Introduzzjoni

33      Skond ir-rikorrenti, l-Istituzzjonijiet Komunitarji kkunsidraw b'mod żbaljat illi hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku, li jirregola l-għoti ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f'ekonomija tas-suq. Hija ssostni li kienet ġabet prova suffiċjenti li hija kienet intitolata tibbenefika mill-istatus iċċitat iktar ’il fuq.

34      Il-Kunsill iġġustifika r-rifjut ta’ l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq billi indika, fil-premessa 46 tar-Regolament ikkontestat:

“Il-Kummissjoni sabet illi [...] żewġ kumpanniji [fosthom ir-rikorrenti] fir-RPĊ kienu qegħdin ibiegħu bi prezzijiet bejn wieħed u ieħor uniformi u illi jħallu t-telf għal numru kbir ta' snin. Barra minn hekk, iż-żewġ kumpanniji ma k[i]nux liberi illi jiddeċiedu jekk u sa liema limitu setgħu jbigħu l-prodott tagħhom fis-suq intern. Kienet il-prattika tal-Kummissjoni illi tiċħad it-talba għall-iSES meta l-bejgħ intern huwa ristrett u meta m'hemmx varjazzjonijiet fil-prezzijiet bejn il-klijenti il-prezzijiet simili jistgħu jirriżultaw minn kontrolli imposti fuq il-prezzijiet. Barra minn hekk, il-provi indikaw illi dawn il-prezzijiet kienu f'livelli illi jħallu telf għal numru kbir ta' snin u dan minnu nnifsu jindika illi []l-produtturi ma k[i]nux qegħdin joperaw taħt il-k[u]ndizzjonijiet ta' l-ekonomija tas-suq.” 

35      Il-Kunsill konsegwentement irritjena, fis-47 premessa tar-Regolament ikkontestat, li “il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku ma ntlaħqux” mir-rikorrenti.

36      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, kif osservat il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 11 u 13 hawn fuq, kienet ċaħdet it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex tikseb l-istatus ta’ impriża li topera f'ekonomija tas-suq, b’faks tas-17 ta’ Diċembru 1999 u kienet ikkonfermat ir-rifjut tagħha b’faks ta’ l-4 ta’ Jannar u tat-3 ta’ Frar 2000. Il-Kummissjoni, wara li aċċertat ir-riżultati ta’ l-investigazzjoni, kienet ibbażat l-analiżi tagħha fuq is-segwenti tliet kunsiderazzjonijiet. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti kkonformat ruħha mal-liġi Ċiniża fir-rigward ta’ l-iffissar tal-prezzijiet tad-29 ta’ Diċembru 1997 (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-prezzijiet”), li obbligata tbigħ il-prodotti tagħha b' telf, bi prezzijiet bejn wieħed u ieħor identiċi, fis-suq intern Ċiniż. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma kinitx kompletament libera li tiddeċiedi li tbigħ il-prodotti tagħha fis-suq intern Ċiniż jew fis-swieq barranin, lanqas li tiddeċiedi f’liema ammonti. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti kienet ipprovdiet informazzjoni falza lill-Kummissjoni jew naqset li tipprovdi d-dokumenti rilevanti u, minħabba dan il-fatt, hija ostakolat l-investigazzjoni.

37      Fil-kuntest ta’ dan l-motiv, ir-rikorrenti tikkontesta, fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni mħaddna mill-Kummissjoni, imbagħad mill-Kunsill, ta’ l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku.

38      Fit-tieni lok, hija tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li wasslu lil dawn l-Istituzzjonijiet iqisu li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku ma kinux intlaħqu. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tikkontesta l-konstatazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet fil-parti intitolata “Riżultati ta’ l-investigazzjoni” tal-faks tagħha tas-17 ta’ Diċembru 1999, dwar in-nuqqas ta’ obbligu fir-rigward tar-rikorrenti li tniżżel bħala telf fil-bilanċ is-somom relatati mad-djun dubjużi, il-limitu tal-kont tagħha fi flus barranin b'referenza għall-ammont tal-kapital tal-kumpannija, il-bejgħ b'telf sistematiku kkonstatat fis-suq intern Ċiniż, il-projbizzjoni imposta fuq ir-rikorrenti, bis-saħħa tal-liġi dwar il-prezzijiet, li tipprattika prezzijiet differenti fiċ-Ċina fir-rigward ta’ klijenti simili, ir–restrizzjonijiet imposti fuq il-libertà tal-bejgħ fis-suq intern Ċiniż u l-fatt li r-rikorrenti kienet ipprovdiet lill-Kummissjoni b’informazzjoni ingannuża waqt l-investigazzjoni.

39      Jeħtieġ li jiġu skartati mill-ewwel l-argumenti tar-rikorrenti li jrrigwardaw l-ewwel żewġ elementi ċċitati fil-punt preċedenti. Fil-fatt, peress li la l-Kunsill u lanqas il-Kummissjoni ma bbażaw il-konklużjoni tagħhom fuq dawn l-elementi, l-argumenti relatati magħhom huma rrilevanti.

40      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Istituzzjonijiet Komunitarji naqsu milli jissottomettulha d-dokumenti li fuqhom huma sussegwentement irrifjutaw, li jagħtuha l-istatus ta’ impriża li topera f'ekonomija tas-suq. Dan l-ilment għandu wkoll jiġi skartat, peress li l-Istituzzjonijiet Komunitarji wettqu l-evalwazzjoni tagħhom f’dan ir-rigward abbażi tad-dokumenti li r-rikorrenti nnifisha kienet bagħtet lill-Kummissjoni fil-kuntest tar-risposta tagħha għall-parti D tal-kwestjonarju ta’ investigazzjoni, kif ukoll abbażi tad-dokumenti li l-Kummissjoni ħadet konjizzjoni tagħhom waqt il-verifika fuq il-post.

41      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ppreċiżatx x’kienet id-“data l-ġdida” u limitat ruħha biex tagħmel riferenza għall-informazzjoni misjuba fid-dokumenti tagħha stess. B’hekk fir-replika tagħha hija rrikonoxxiet li “l-fatturi kollha relattivi għat-transazzjonijiet kollha individwali fis-suq intern (Ċiniż kienu) tqegħdu għad-dispożizzjoni ta’ l-investigaturi matul il-verifika tagħhom fuq il-post, bħal ma’ ġara bl-informazzjoni l-oħra kollha li tirrigwarda l-kontabbiltà u l-ispejjeż ta' produzzjoni.” Għaldaqstant, ma kienx l-obbligu ta' l-Istituzzjonijiet Komunitarji, wara li kienu wasslu għal ċerti konklużjonijiet, li jibagħtu d-dokumenti in kwistjoni lil Shanghai Teraoka, li kienu kollha magħrufa mir-rikorrenti peress li ġew mingħandha stess.

42      Huwa opportun li jingħad ukoll li, f’dan il-kuntest, l-argument il-ġdid ippreżentat fir-replika mir-rikorrenti, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Bażiku, li l-Kunsill ipproduċa, matul il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, data li ma kinitx ġiet ikkomunikata lilu fil-kors tal-proċedura amministrattiva, huwa nieqes minn kull rilevanza. Fil-fatt, argument bħal dan juri konfużjoni bejn il-proċedura ta’ l-għoti ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f'ekonomija tas-suq u dik relattiva għat-teħid ta’ miżuri kontra d-dumping definittivi. Safejn l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Bażiku relattiv għal din il-proċedura msemmija, m’għandu ebda konnessjoni ma’ l-għoti ta’ l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq, il-ksur tiegħu ma jistax, konsegwentement, jiġi utilment invokat mir-rikorrenti fir-rigward ta’ dokumenti intiżi proprju biex jippermettu l-akkwist ta’ l-imsemmi status.

2.     Rigward il-kliem ta’ l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku

a)     L-argumenti tal-partijiet

43      Ir-rikorrenti tikkontesta l-interpretazzjoni mogħtija mill-Istituzzjonijiet Komunitarji ta' l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku, partikolarment f’dak li jirrigwarda l-oneru tal-prova. Hija ssostni li l-Kunsill injora r-ratio legis ta’ l-emenda li saret lill-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku, jiġifieri l-volontà li tittieħed in kunsiderazzjoni l-bidla fundamentali ta’ l-istruttura ekonomika taċ-Ċina.

44      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tistrieħ fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il-Kunsill (T-80/97, Ġabra p. II-3099, punt 112), li minnha jirriżulta li l-fatt li esportatur jiġi obbligat jipprovdi prova li mhijiex aċċessibbli għalih jikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta' ċertezza legali u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

45      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li, meta l-Istituzzjonijiet Komunitarji jinvokaw l-eżistenza ta’ ċerti fatti, huma għandhom jippruvaw li t-tali fatti jeżistu verament u li l-konstatazzjoni ta’ dawn il-fatti saret b’mod korrett. Ir-rikorrenti tistrieħ f’dan ir-rigward fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 2001, Brunnhofer (C-381/99, Ġabra p. I-4961, punt 52). , jispetta

46      Il-Kunsill isostni li r-raġunament tar-rikorrenti huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku. Mill-preambolu tar-Regolament Numru 905/98 jirriżulta partikolarment li d-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tistabbilixxi, fir-rigward taċ-Ċina u tar-Russja, preżunzjoni sempliċi ta' nuqqas tal-kundizzjonijiet li jikkaratterizzaw ekonomija tas-suq u li għalhekk huwa l-produttur esportatur ikkonċernat u, f’dan il-każ ir-rikorrenti, li għandhom irressqu l-prova kuntrarja. Skond il-Kunsill, l-argument żviluppat mir-rikorrenti huwa bbażat fuq inversjoni ta’ l-oneru tal-prova. Barra minn hekk, l-Istituzzjonijiet Komunitarji għandhom, f'dan ir-rigward, marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni, kif jirriżulta, minn naħa, mill-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Lulju 1998, Thai Bicycle vs Il-Kunsill, T-118/96, Ġabra p. II-2991, punt 32) u, min-naħa l-oħra, mill-kliem “talbiet immotivati kif xieraq” u “provi biżżejjed” li jinsab fl-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament Bażiku.

47      Il-Kunsill isostni fl-aħħar nett li, bħala regola ġenerali, il-ħames kundizzjonijiet imsemmija fid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq huma ta' natura kumulattiva. Madankollu, huwa jinsisti fuq il-fatt li dawn il-kundizzjonijiet mhumiex kollha ta’ l-istess importanza. L-ewwel kundizzjoni, li titlob li d-deċiżjonijiet ta' l-impriżi dwar il-prezzijiet, l-infiq u l-inputs għandhom jittieħdu abbażi ta’ l-indikazzjonijiet tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda mingħajr interferenza sinjifikanti mill-Istat, hija, f’dan ir-rigward, ta’ importanza kbira. Is-sempliċi konstatazzjoni tan-nuqqas tar-rikorrenti li tissodisfa l-kundizzjoni ċċitata iktar ’il fuq hija għaldaqstant biżżejjed sabiex tiġġustifika ċ-ċaħda tat-talba tagħha għall-għoti ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f'ekonomija tas-suq.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

48      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, fil-qasam tal-miżuri li jipproteġu l-kummerċ, l-Istituzzjonijiet Komunitarji jgawdu minn marġini wiesgħa ta’ diskrezzjoni minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ġunju 1996, NMB France et vs Il-Kummissjoni, T-162/94, Ġabra p. II-427, punt 72; tad-29 ta’ Jannar 1998, Sinochem vs Il-Kunsill, T-97/95, Ġabra p. II-85, punt 51; Thai Bicycle vs Il-Kunsill, punt 46 iktar 'il fuq, punt 32, u ta’ l-4 ta’ Lulju 2002, Arne Mathisen vs Il-Kunsill, T-340/99, Ġabra p. II-2905, punt 53).

49      Minn dawn jirriżulta li l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja fuq l-evalwazzjonijiet ta’ l-Istituzzjonijiet għandu jkun limitat għall-verifika ta’ l-osservanza tar-regoli tal-proċedura, ta’ l-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, ta' l-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew ta’ l-assenza ta’ abbuż ta’ poter (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1987, Toyo vs Il-Kunsill, 240/84, Ġabra p.1809, punt 19; is-sentenza Thai Bicycle, punt 46 iktar 'il fuq, punt 33 u s-sentenza Arne Mathisen vs Il-Kunsill, punt 48 iktar 'il fuq, punt 54). L-istess japplika għas-sitwazzjonijiet ta’ fatt, ta’ natura ġuridika jew politika, li jimmanifestaw ruħhom fil-pajjiżi kkonċernati u li l-Istituzzjonijiet Komunitarji għandhom jevalwaw sabiex jistabbilixxu jekk esportatur ikunx qiegħed jaġixxi fil-kundizzjonijiet tas-suq mingħajr interferenza sinjifikanti mill-Istat u jista’ għalhekk, jibbenefika mill-għoti ta’ l-istatus denju lill-impriżi li joperaw f'ekonomija tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1996, Climax Paper vs Il-Kunsill, T-155/94, Ġabra p. II-873, punt 98).

50      Jeħtieġ imbagħad li jiġi rrilevat li l-metodu għad-determinazzjoni tal-valur normali ta’ xi prodott kontemplat fl-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament Bażiku huwa eċċezzjoni għall-metodu speċifiku previst għal din il-fini fl-Artikolu 2(7)(a), peress illi dan ta’ l-aħħar huwa, bħala regola ġenerali, applikabbli f’każ ta’ importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi li m’għandhomx ekonomija tas-suq. Issa, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li kull deroga jew eċċezzjoni għal regola ġenerali għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 1995, Oude Luttikhuis et, C-399/93, Ġabra p. I-4515, punt 23; tat-18 ta’ Jannar 2001, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-83/99, Ġabra p. I-445, punt 19, u tat-12 ta’ Diċmebru 2002, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-5/01, Ġabra p. I-11991, punt 56).

51      It-test oriġinali ta’ l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku kien ġie emendat bir-Regolament Nru 905/98, peress illi l-Kunsill kien ikkunsidra li r-riformi mwettqa fir-Russja u fiċ-Ċina kienu biddlu fundamentalment l-ekonomija ta’ dawn il-pajjiżi u wasslu sabiex jinħolqu impriżi suġġetti għall-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. B’hekk, il-ħames premessa tal-preambolu tar-Regolament Numru 905/98 tenfasizza fuq l-importanza li tiġi eżaminata mill-ġdid il-prassi kontra d-dumping ipprattikata fir-rigward ta’ dawn il-pajjiżi, filwaqt li tippreċiża li l-valur normali ta’ prodott ikun jista’ jiġi ffissat skond ir-regoli applikabbli għall-pajjiżi li jħaddmu ekonomija tas-suq, fil-każijiet fejn seta' jiġi muri li l-kundizzjonijiet tas-suq jipprevalu għal wieħed jew aktar mill-produttturi li jkunu qegħdin jiġu investigati fuq il-manifattura u l-bejgħ tal-prodott in kwistjoni. Skond is-sitt premessa ta’ l-istess Regolament, “eżami dwar jekk jipprevalux il-kundizzjonijiet tas-suq jew le fuq il-bażi tal-pretensjonijiet issostanzjati kif xieraq minn produttur jew iktar bla ħsara għal investigazzjoni minn dawk li jixtiequ jibbenefikaw mill-possibbiltà li jkollhom il-valur normali [tal-prodott in kwistjoni] stabbilit fuq il-bażi tar-regoli li japplikaw għall-pajjiżi [li jħaddmu] ekonomija tas-suq.”

52      B’hekk jirriżulta mill-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku kif ukoll mill-premessi ċċitati iktar ’il fuq tar-Regolament 905/98, primarjament, li l-Istituzzjonijiet Komunitarji huma obbligati, f'każ bħal dan f'din il-kawża, jagħmlu eżami każ b’każ, peress li ċ-Ċina ma tistax għalissa titqies bħala pajjiż li jħaddem ekonomija tas-suq. Il-valur normali ta’ prodott provenjenti miċ-Ċina jista' għalhekk jiġi ddeterminat skond ir-regoli applikabbli għall-pajjiżi li jħaddmu ekonomija tas-suq biss “jekk ikun muri [...] illi jipprevalu l-kundizzjonijiet ta' l-ekonomija tas-suq għal dan il-produttur jew dawn il-produtturi”.

53      Fit-tieni lok, mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq jirriżulta li l-oneru tal-prova jaqa' fuq il-produttur esportatur li jixtieq jibbenefika mill-istatus rikonoxxut lill-impriżi li joperaw f'ekonomija tas-suq. Fil-fatt, l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku jipprovdi li l-pretensjoni għandha “jkun fiha biżżejjed evidenza”. B’hekk, mhumiex l-Istituzzjonijiet Komunitarji li għandhom jippruvaw li l-produttur esportatur ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti sabiex wieħed jibbenefika mill-imsemmi status. Għall-kuntrarju, huma l-Istituzzjonijiet Komunitarji li għandhom jevalwaw jekk l-elementi pprovduti mill-produttur esportatur humiex biżżejjed sabiex juru li l-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku huma sodisfatti u hija l-qorti Komunitarja li għandha tivverifika jekk din l-evalwazzjoni hijiex ivvizzjata b'żball manifest.

54      Sabiex tiġi evalwata n-natura suffiċjenti tal-provi fornuti mill-produttur ikkonċernat, jeħtieġ li jiġu applikati l-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku. F’dan ir-rigward, jirriżulta wkoll, kemm mill-użu tal-kelma “u”, bejn ir-raba’ inċiż u l-ħames inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll min-natura nnifisha ta’ dawn il-kundizzjonijiet li dawn huma kumulattivi. Għalhekk, il-produttur ikkonċernat għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-istatus mogħti lill-impriżi li joperaw f'ekonomija tas-suq u, jekk ma jissodisfax waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, it-talba tiegħu għandha tkun miċħuda.

55      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti urietx li hija tissodisfa l-ewwel kundizzjoni imposta mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku, li teħtieġ li d-deċiżjonijiet ta' l-impriżi dwar il-prezzijiet, l-infiq u l-inputs għandhom jittieħdu abbażi ta’ l-indikazzjonijiet tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda, mingħajr interferenza sinjifikanti mill-Istat.

3.     Rigward l-ewwel kundizzjoni imposta mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku

a)     Dwar l-applikazzjoni ta' prezzijiet uniformi

 L-argumenti tal-partijiet

56      Ir-rikorrenti ssostni li l-konstatazzjoni li hija kienet qiegħda tbigħ il-prodotti tagħha fiċ-Ċina bi prezzijiet uniformi hija manifestament żbaljata. Hija ssostni li l-liġi dwar il-prezzijiet ma tapplikax għas-suq ta’ l-imwieżen elettroniċi. F’kull każ, il-kliem stess tal-liġi dwar il-prezzijiet mhuwiex dak deskritt mill-Kummissjoni. Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li l-lista ta' prezzijiet li fuqha bbaża ruħu l-Kunsill ma tirriflettix il-prezzijiet li ġew iffatturati fil-verità, u li jiġu negozjati mill-ġdid mal-vendituri. Ir-rikorrenti żżid li l-fatt li jiġi applikat prezz identiku lill-imsieħba li jkunu fuq l-istess livell kummerċjali juri kemm hija tirrispetta l-prinċipju ta' kompetizzjoni leali, kif applikat fi ħdan il-Komunità Ewropea, permezz tar-ripressjoni ta’ l-abbużi minn pożizzjoni dominanti.

57      Ir-rikorrenti tfakkar li hija spjegat li l-prezzijiet kienu ffissati mill-provvista u d-domanda, u li s-suq Ċiniż kien kompetittiv ħafna. Barra minn hekk, l-Istituzzjonijiet Komunitarji adottaw approċċ nieqes ħafna u impreċiż, b’mod partikolari billi ħadu in kunsiderazzjoni biss tlettax-il fattura li jirrigwardaw il-bejgħ fis-suq intern Ċiniż, liema fatturi telgħu għal 25,701 unitajiet matul il-perijodu ta' investigazzjoni. Issa, il-fatturi kollha relattivi għat-tranżazzjonijiet kollha individwali fis-suq intern Ċiniż, li juru l-eżistenza ta’ negozjar fuq il-prezzijiet li sar bejn ir-rikorrenti u l-klijenti tagħha, kienu tpoġġew għad-dispożizzjoni ta’ l-investigaturi tal-Kummissjoni matul il-verifika li saret fuq il-post. F’dan ir-rigward, l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma tawx każ tal-fatt li, matul dawn in-negozjati, ma saret ebda riferenza għall-eżistenza ta’ kontroll governattiv fuq il-prezzijiet. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jidhrilha li hija uriet, fir-risposta tagħha għall-kwestjonarju relattiv għall-għoti ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f'ekonomija tas-suq, li l-medja mensili tal-prezzijiet ta' bejgħ ipprattikati fis-suq intern Ċiniż kien juri varjazzjoni sinjifikanti, fatt li jikkorrobora l-affermazzjoni tagħha li l-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet individwali konklużi minnha jvarjaw ukoll b’mod sinjifikanti.

58      Il-Kunsill isostni li r-rikorrenti ma ppruvatx l-eżistenza ta’ negozjati reali fuq il-prezzijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

59      Jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti ressqitx biżżejjed provi matul l-investigazzjoni sabiex tistabbilixxi li hija kienet libera tiffissa l-prezzijiet tagħha fis-suq intern Ċiniż “bi tweġiba għas-sinjali tas-suq filwaqt li jirriflettu l-provvista u d-domanda, u mingħajr interferenza sin[j]ifikanti mill-Istat”, kif jeżiġi l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku.

60      Għaldaqstant kienet ir-rikorrenti li kellha, matul l-iżvolġiment ta’ l-investigazzjoni, tforni lill-Kummissjoni l-prova fuq il-varjazzjoni tal-prezzijiet li tirriżulta mit-tranżazzjonijiet individwali konklużi minnha, per eżempju permezz ta' fatturi. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax takkuża lill-Istituzzjonijiet Komunitarji li ma ħadux in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha (jiġifieri iktar minn 25,000) rigwardanti l-bejgħ unitarju magħmul matul il-perijodu ta' investigazzjoni. Fil-fatt, kien jispetta lir-rikorrenti li tidentifika, minn fost dawn il-fatturi, dawk il-fatturi li minnhom kien jirriżulta li hija kienet tapplika effettivament prezzijiet differenti għall-istess mudell mibjugħ lil klijenti differenti. Jeħtieġ li jiġi miżjud li, meta r-rikorrenti saret taf bil-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li hija kienet tbigħ bi prezzijiet uniformi, hija setgħet ukoll, matul il-proċedura amministrattiva, tforni lill-Kummissjoni l-fatturi li hija kien jidhrilha rilevanti.

61      Jeħtieġ li jiġi eżaminat imbagħad jekk ir-rikorrenti ssodisfatx l-eżiġenza rigwardanti l-amministrazzjoni tal-prova, mill-fatt li hija forniet lill-investigaturi tal-Kummissjoni, matul il-verifika li saret fuq il-post, karti ta' negozjati (negotiation sheets) u kuntratti (national contracts), bil-għan li turi li negozjati fuq il-prezzijiet kienu seħħew mal-kumpanniji sussidjarji Ċiniżi lokali ta’ SA Carrefour (iktar ’il quddiem “Carrefour”). Issa, huwa opportun li jiġi rrilevat li dawn id-dokumenti, ippreżentati mir-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-PrimIstanza, iktar milli jistabbilixxu l-eżistenza ta’ skontijiet mogħtija lil dan il-klijent, juru qbil eżatt bejn il-prezz iffatturat u l-prezz li jidher fil-lista tal-prezzijiet stabbilita għas-suq intern Ċiniż. Għaldaqstant, il-prezz bażiku tal-mudell l-iktar mibjugħ minn Carrefour kien identiku għall-prezz li jidher fuq il-lista ta' prezzijiet tar-rikorrenti għas-suq intern Ċiniż. Fil-fatt, il-paragun bejn id-dokumenti miġjuba u l-lista tal-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat għas-suq intern Ċiniż jippermetti li jiġi kkonstatat li l-prezz tal-mudell in kwistjoni (jiġifieri l-imwieżen elettroniċi SM-80SXB, li jaqgħu taħt il-medda l-għolja) ma kien bl-ebda mod differenti minn dak li jidher fl-imsemmija lista, jiġifieri 6,837.61 yuans ren-min-bi (CNY), peress illi huwa ppreċiżat li, jekk il-fatturi maħruġa minn Carrefour u ppreżentati mir-rikorrenti waqt l-investigazzjoni jirreferu għall-prezz ta’ 8,000 CNY, dan l-ammont jinkludi s-17% taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) applikata għall-prezz li jidher fuq il-lista. In kwantu jirrigwarda l-karti ta' negozjati ta’ Carrefour, dawn jagħmlu riferenza għal prezz ta’ 12,000 CNY , jiġifieri l-prezz li jidher fuq il-lista, magħdud ma’ 17% VAT, miżjud b’ammont supplementari għas-servizz ta’ 4,000 CNY. L-stess uniformità tidher mill-prezz prattikat għall-mudell SM-80SXP. Fl-aħħar nett, b’risposta għal domanda bil-miktub, il-Kunsill bagħat lill-Qorti tal-Prim'Istanza fattura li ħarġet mingħand Carrefour, li minnha jirriżulta li l-prezz effettivament iffatturat jaqbel mal-prezz li jidher fil-lista, magħdud miegħu 17% VAT u ammont supplementari ta’ 4,000 CNY, fatt li jixhed l-istess loġika bħal dik li rriżultat mill-eżami tal-karti ta' negozjati. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat barra minn hekk, l-eżistenza tal-prattika li tikkonsisti fil-ħlas globali ta’ 4,000 CNY għas-servizz.

62      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-prezzijiet li jidhru fuq il-fatturi, il-kuntratti, u l-karti ta' negozjati ta’ Carrefour mhumiex differenti mill-prezzijiet li jidhru fuq il-lista tal-prezzijiet. Mill-eżami tal-karti ta' negozjati jidher li l-istess prinċipju japplika wkoll għat-tariffi pprattikati mir-rikorrenti fir-rigward tal-kumpannija Nanjing Supermarket Ltd, waħda oħra mill-klijenti tagħha.

63      B’konsegwenza ta’ dan, la l-karti ta' negozjati, la l-kuntratti, u lanqas il-fatturi miġjuba ma juru li r-rikorrenti applikat, għall-istess prodott, prezzijiet differenti lill-klijenti differenti tagħha.

64      Din il-konstatazzjoni mhijiex ikkontestata mill-fatt, invokat mir-rikorrenti, li l-klijent prinċipali tagħha fis-suq intern Ċiniż, jiġifieri l-kumpannija Shanghai Teraoka Electronic Scales Co. Ltd, kienet innegozjat magħha prezzijiet aħjar minn dawk li kisbu l-klijenti l-oħra tagħha. Fil-fatt, kif ġustament indikat il-Kummissjoni fil-faks tagħha tas-17 ta’ Diċembru 1999, wieħed jista’ jiġuh xi dubji dwar l-indipendenza ta’ dan l-impriża fir-rigward tar-rikorrenti. Għall-bqija, jeħtieġ li jiġi nnutat li r-rikorrenti lanqas ippruvat tikkontesta l-eżistenza tar-rabtiet in kwistjoni fil-korrispondenza tagħha mal-Kummissjoni, u lanqas fir-rikors tagħha jew fir-replika tagħha. Fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Diċembru 1999, meta hija kkontestat ir-riżultati u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni mibgħuta b’faks tas-17 ta’ Diċembru 1999, hija bl-ebda mod ma kkummentat fuq l-argument li l-kumpannija Shanghai Teraoka Electronic Scales Co. Ltd kienet marbuta magħha. L-istess japplika għall-ittra tal-11 ta’ Jannar 2000, li fiha r-rikorrenti kienet ikkontestat ir-risposti tal-Kummissjoni għall-osservazzjonijiet tagħha, b’ittra ta’ l-4 ta’ Jannar 2000, risposti li tennew id-dubju ta’ l-Istituzzjoni Komunitarja dwar ir-rabtiet bejn ir-rikorrenti u l-imsemmija kumpannija. Peress li r-rikorrenti ma kinitx ikkontestat l-eżistenza ta’ dawn ir-rabtiet bejnha u l-kumpannija Shanghai Teraoka Scales Co. Ltd, il-Kummissjoni ġustament setgħet teskludi mill-kamp ta' analiżi tagħha l-prezzijiet iffatturati mir-rikorrenti lil din l-impriża.

65      Jeħtieġ ukoll li jiġi eżaminat jekk, minkejja l-fatt li r-rikorrenti ma pproduċietx il-fatturi rilevanti, hija pprovditx madankollu provi sinjifikanti fir-risposta tagħha li tidher fil-parti D, rigwardanti l-għoti ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f'ekonomija tas-suq. Fir-risposta tagħha, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni l-informazzjoni segwenti fir-rigward tal-bejgħ tagħha: il-kwantitajiet mensili tal-prodott in kwistjoni mibjugħ fis-suq intern Ċiniż u l-medja mensili tal-prezzijiet ta' bejgħ fis-suq intern Ċiniż tal-prodott ikkonċernat matul il-perijodu ta' investigazzjoni, it-total tal-bejgħ, kemm f’volum u kemm f’prodotti, il-prodotti prinċipali mibjugħin mir-rikorrenti fis-suq intern Ċiniż matul il-perijodu ta' investigazzjoni, il-lista tal-prezzijiet ta' bejgħ fis-suq intern Ċiniż tal-prodott ikkonċernat, il-kwantitajiet mensili tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-medja mensili tal-prezzijiet ta' bejgħ għall-esportazzjoni matul il-perijodu ta' investigazzjoni, il-lista tal-prezzijiet għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-lista tal-bejgħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità, magħmula fuq bażi mensili, għat-tliet xhur prinċipali tal-perijodu ta' investigazzjoni, jiġifieri Settembru 1998, Jannar 1999, u Marzu 1999.

66      Abbażi ta’ l-informazzjoni li tidher fit-tabella annessa mar-rikors, li fiha l-medja mensili tal-prezzijiet ta' bejgħ tal-prodott ikkonċernat fis-suq intern Ċiniż matul il-perijodu ta' investigazzjoni, ir-rikorrenti ħejjiet tabella ġdida, ippreżentata fir-replika tagħha, li turi l-perċentwali ta' varjazzjoni bejn il-prezz medju l-iktar baxx u l-prezz medju l-iktar għoli għal kull mudell ta’ miżien elettroniku, bil-għan li turi li hija ma kinitx qed tipprattika prezzijiet identiċi. Jeħtieġ, f’dan ir-rigward, li tiġi ppreżentata, abbażi tad-data misjuba fir-risposta tar-rikorrenti għall-parti D tal-kwestjonarju għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni, li ma ġietx ikkontestata mill-Istituzzjonijiet Komunitarji, tabella li turi, għal kull mudell, il-kwantità u l-perċentwali ta’ bejgħ fis-suq intern Ċiniż, kif ukoll il-perċentwali ta’ varjazzjoni fil-prezz tal-bejgħ matul il-perijodu ta' investigazzjoni. Jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, skond ir-Regolament ikkontestat, is-suq ta’ l-imwieżen elettroniċi huwa komunement maqsum fi tliet segmenti distinti: segment baxx, segment medju, u segment għoli.

 Mudell

Kwantità mibjugħa fis-suq internĊiniż

Perċentwali ta’ bejgħ fis-suq intern Ċiniż

 Perċentwali ta’ varjazzjoni fil-prezzijiet ta' bejgħ fis-suq intern Ċiniż

DS-685B

13 693

53.28

2.21

DS-685FB

2 127

8.27

9.72

DS-685FP

26

0.10

15.86

DS-688B

3 455

13.44

11.88

DS-688P

6

0.02

Mhux disponibbli

DS-688FB

3 471

13.50

9.54

DS-688FP

88

0.34

13.47

DS-650

361

1.40

8.70

DS-681

189

0.74

68.75

SM-80/81B

151

0.59

71.89

SM-80/81P

1 982

7.71

34.55

SM-90H

18

0.07

21.87

RM-30

134

0.52

47.64


67      Din it-tabella turi tmien mudelli (DS-685FP, DS-688P, DS-688FP, DS-650, DS-681, SM-80/81B, SM-90H U RM-30) li fit-total jirrappreżentaw 3.78% tal-bejgħ tar-rikorrenti fis-suq intern Ċiniż. Issa, dawn huma b'mod partikolari, dawn il-mudelli li l-prezz tagħhom ivarja l-iktar. Jeħtieġ għalhekk li jiġi rilevat li, minħabba l-kwantità baxxa tal-bejgħ totali ta’ dawn il-mudelli, il-varjazzjonijiet fil-prezz ta’ l-istess ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jirrappreżentaw tendenza li tikkaratterizza l-komportament globali tar-rikorrenti fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezzijiet li hija tipprattika fir-rigward tal-klijenti differenti tagħha.

68      F’dak li jirrigwarda l-varjazzjonijiet fil-prezz ta’ 71.89 u ta’ 34.55% ikkonstatati fil-bejgħ ta' mwieżen elettroniċi SM-80/81B u SM-80/81P li jaqgħu taħt is-segment l-għoli, dawn jirriżultaw prinċipalment mill-fatt, kif indika l-Kunsill mingħajr kontestazzjoni f'dan ir-rigward mir-rikorrenti, li l-mudelli in kwistjoni għandhom numru ta’ sotto-mudelli. Peress li kull sotto-mudell għandu prezz differenti, dan il-fatt iġib miegħu, anke jekk l-istess sotto-mudell jiġi mibjugħ bi prezz uniformi, varjazzjoni fil-prezz tal-bejgħ medju, li tiġri minħabba l-volum rispettiv tal-bejgħ ta’ kull sotto-mudell matul perijodu partikolari.

69      Minn din it-tabella jirriżulta wkoll illi, għall-mudell mibjugħ l-iktar (jiġifieri l-mudell DS-685B, li jirrappreżenta 53.28% tal-bejgħ fis-suq intern Ċiniż), il-prezzijiet mensili medji jvarjaw bit-2.21%. Jeħtieġ, madankollu, li jiġi rrilevat li din il-varjazzjoni, li wara kollox hija żgħira ħafna, ma tikkorroborax minnha nnifisha l-eżistenza ta’ prezzijiet differenti fir-rigward ta’ klijenti differenti. Fl-aħħar nett, il-varjazzjoni fil-prezzijiet ta’ madwar 10% li tikkonċerna kull wieħed mit-tliet mudelli li għadhom iridu jiġu eżaminati (jiġifieri l-mudelli DS-685FB, DS-688B u DS-688FB) ma tistax, waħidha, tiġi kkunsidrata bħala sinjifikanti.idha ħ

70      Fil-fatt, id-data pprovduta mir-rikorrenti tikkonċerna biss il-medja mensili tal-prezzijiet ta' bejgħ, li l-evoluzzjoni tagħha tista' tirriżulta wkoll minn varjazzjoni fil-prezzijiet matul iż-żmien, u ma teskludix għalhekk li matul l-istess perijodu prezzijiet uniformi setgħu ġew applikati lil klijenti differenti. Huwa opportun li jiġi rrilevat, imbagħad, li d-data li tinstab fl-inkartament, u b’mod partikolari dik miġbura fit-tabella ppreżentata fil-punt 66 hawn fuq, ma tippermettix li jiġi stabbilit li prezzijiet differenti kienu ġew effettivament iffatturati lil klijenti differenti matul il-perijodu ta' investigazzjoni.

71      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li hija kienet qiegħda topera f’kuntest ta’ kompetizzjoni ġġeneralizzata, u kienet qiegħda tistabbilixxi u tadatta l-prezzijiet tagħha skond dawk tal-kompetituri tagħha, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li hija ma ressqet ebda prova li tista’ ssostni dawn l-allegazzjonijiet. Barra minn hekk, hija ma stabbilitx li l-kundizzjonijiet li fihom il-prattika ta' prezzijiet differenti setgħet tiġi meqjusa bħala abbużiva fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni huma sodisfatti f'dan il-każ.

72      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-liġi dwar il-prezzijiet ma kellha ebda impatt fuq il-politika tariffarja tagħha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma bbażax ruħu fuq l-eventwali applikabbiltà ta’ din il-liġi, iżda fuq il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx ipprovdiet provi biżżejjed li hija kienet qiegħda tiffissa l-prezzijiet tagħha skond il-kundizzjonijiet tas-suq.

73      B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni u mbagħad il-Kunsill, setgħu jikkunsidraw, mingħajr ma jikkommettu ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni, li r-rikorrenti, matul l-investigazzjoni, ma kinitx ġabet provi biżżejjed li juru li hija kienet qiegħda titlob prezzijiet differenti lil klijenti differenti għall-istess prodott.

b)     Dwar il-bejgħ b'telf

 L-argumenti tal-partijiet

74      Ir-rikorrenti ssostni li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni, li hija sistematikament biegħet b' telf fis-suq intern Ċiniż, hija kemm prematura kif ukoll irrilevanti. Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni ma stennietx it-trażmissjoni kompleta tad-data meħtieġa sabiex tkun tista’ tiddeċiedi fuq dan il-punt. Min-naħa l-oħra, mill-konklużjonijiet tal-Kunsill jirriżulta li din il-prassi teżisti fil-preżent, fost ċerti operaturi li joperaw f'kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. Ir-rikorrenti tirreferi f’dan ir-rigward għall-premessi 30 u 38 tar-Regolament ikkontestat.

75      F’dak li jikkonċerna l-bilanċ totali ta’ telf u qligħ, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjonijiet ta’ l-Istituzzjonijiet Komunitarji li hija għamlet telf sinjifikanti u sistematiku fis-suq intern Ċiniż u għamlet qligħ tajjeb fis-swieq ta’ esportazzjoni. Ir-rikorrenti tosserva li fis-suq intern Ċiniż hija tbigħ kwantità rilevanti ta’ prodotti għajr l-imwieżen elettroniċi. Id-data kollha dwar il-bejgħ mwettaq fis-suq intern Ċiniż, li tidher fil-kont tat-telf u l-qligħ fir-rigward tal-prodotti kollha, ma tistax, issostni hi, tikkostitwixxi indikazzjoni affidabbli fuq il-vijabbiltà tal-bejgħ ta' mwieżen elettroniċi fis-suq intern Ċiniż. Barra minn hekk, il-bilanċ ma jindikax separatament it-telf u l-qligħ fir-rigward tal-bejgħ għall-esportazzjoni, minn naħa, u l-bejgħ fis-suq intern Ċiniż, min-naħa l-oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skond ir-rikorrenti, mhuwiex eżatt li wieħed jassumi li l-kont tar-riżultati jindika, biċ-ċar, qligħ għoli għall-esportazzjonijiet u telf sinjifikanti għall-bejgħ fis-suq intern Ċiniż.

76      Skond ir-rikorrenti, l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma wrew qatt il-kalkoli li jsostnu din l-allegazzjoni. Ir-rikorrenti tqis li, abbażi ta’ l-ipoteżijiet li hija setgħet tagħmel fuq il-kalkolu magħmul mill-Istituzzjonijiet Komunitarji, ir-riżultati ta’ eżerċizzju bħal dak juru, għal dak li għandu x’jaqsam mal-bejgħ magħmul fis-suq intern Ċiniż, qligħ ta’ 1.96% għas-sena 1997 u telf, meqjus minnha bħala insinjifikanti, ta’ 0.73% għas-sena 1998. Skond l-istess kalkolu, il-qligħ tagħha fuq l-esportazzjoni żdied għal 8.68% fis-sena 1997 u għal 10.50% fl-1998. Skond ir-rikorrenti, il-Kunsill għamel għalhekk żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda li din id-data kienet tindika biċ-ċar telf sinjifikanti fir-rigward tal-bejgħ magħmul fis-suq intern Ċiniż matul diversi snin.,

77      Barra minn hekk, kontra għal dak li jsostni l-Kunsill, ir-rikorrenti tikkontesta li hija sofriet “telf kbir” fir-rigward tal-bejgħ tal-mudell DS-685B fis-suq intern Ċiniż matul il-perijodu ta' investigazzjoni u ssostni li l-Kunsill ma ħariġx fil-pubbliku l-fatti li huwa ħa in kunsiderazzjoni sabiex jasal għal din il-konstatazzjoni. Ir-rikorrenti tinnota li l-korrispondenza tagħha mal-Kummissjoni tiżvela għall-kuntrarju li l-parti l-kbira tal-qligħ tagħha kien ġej mill-bejgħ magħmul fis-suq intern Ċiniż, partikolarment mill-bejgħ tal-mudelli SM-80 u SM-90.

78      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tistieden lill-Kunsill jippreżenta d-data li huwa uża sabiex jasal għall-konklużjoni li r-rikorrenti kienet qiegħda tbigħ kważi l-mudelli kollha tagħha b' telf u bi prezzijiet uniformi fis-suq intern Ċiniż. Safejn il-Kunsill jipproduċi data ġdida, ir-rikorrenti tixtieq tqajjem motiv ta' dritt ġdid ibbażat fuq il-fatt li din id-data ma kinitx ġiet innotifikata skond ir-Regolament Bażiku, li jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 20(4) ta’ l-imsemmi Regolament.

79      Skond il-Kunsill, mir-risposta tar-rikorrenti g, mir-risposta tar-rikorrenti għall-kwestjonarju ta’ l-investigazzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll mid-dokumenti miġbura matul il-verifika fuq il-post, jirriżulta li r-rikorrenti kienet qiegħda tagħmel qligħ kbir fuq l-esportazzjonijiet tagħha filwaqt illi kienet qiegħda tagħmel telf sinjifikanti fis-suq intern Ċiniż.

80      Barra minn hekk, il-Kunsill huwa ta’ l-opinjoni li l-kalkolu magħmul mir-rikorrenti mhuwiex validu, peress li r-rikorrenti naqset li tieħu in kunsiderazzjoni s-sussidji li hija rċeviet kif ukoll, għas-sena 1998, id-dħul provenjenti minn attivitajiet oħrajn. Għaldaqstant, skond il-kalkolu tal-Kunsill, il-bejgħ magħmul mir-rikorrenti fis-suq intern Ċiniż ittraduċa ruħu, fil-verità, fi qligħ, li hija tqis bħala insinjifikanti, ta’ 0.24% għas-sena 1997 u f’telf, li hija tqis sinjifikanti, ta’ 2.59% għas-sena 1998, filwaqt illi l-qligħ mill-esportazzjoni żdied għal 6.96% fl-1997 u għal 8.67% fl-1998. Il-Kunsill ipproduċa f’dan ir-rigward, it-tabella segwenti li tinkludi t-tabella ta' qligħ u telf ippreżentata mir-rikorrenti u li tintegra fiha s-sussidji li din irċeviet u li l-ammonti tagħhom huma indikati b’tipa grassa (din it-tabella kienet ġiet riveduta mill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tkun iktar eżatta):

 

1998

1997

 

 

 

 

 

 

 

 

Total tal-kumpannija

Esportazzjoni

Suq intern

Total tal-kumpannija

Esportazzjoni

Suq intern

Bejgħ

123 463 310.37

76 972 132.82

46 491 177.55

106 828 244.78

64 065 349.63

42 762 895.15

Infiq tal-bejgħ

97 605 947.54

57 656 631.16

39 949 316.38

84 044 953.44

48 673 547.18

35 371 406.26

Spejjeż u Dħul oħra

18 113 541.34

11 230 395.63

6 883 145.71

16 381 137.64

9 828 682.58

6 552 455.06

+ 2 273 246.55

+ 1 409 412.86

+ 863 833.68

+ 1 844 989.62

+ 1 106 993.77

+ 737 995.84

+ 150 000.00

 

 

 

 

 

20 536 787.89

12 639 808.49

7 746 979.39

18 226 127.26

10 935 676.35

7 290 450.90

Qligħ/Telf

7 743 821.49

8 085 106.03

- 341 284.54

6 402 153.70

5 563 119.87

839 033.83

5 320 574.94

6 675 693.17

-1 205 118.22

4 557 164.08

4 456 126.10

101 037.99

Qligħ/Telf% mill-fatturat (bejgħ)

6.27

10.50

- 0.73

5.99

8.68

1.96

4.31

8.67

-2.59

4.27

6.96

0.24


 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

81      Jeħtieġ li jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti ġewx miksura f’dak li jirrigwarda l-fatti li fuqhom l-Istituzzjonijiet Komunitarji bbażaw il-konklużjoni tagħhom fuq il-bejgħ b'telf, u fit-tieni lok, jekk l-Istituzzjonijiet Komunitarji wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidraw li l-bejgħ b'telf kien jikkostitwixxi element li jippermetti li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma kinitx qiegħda topera f'ekonomija tas-suq u, fit-tielet lok, jekk l-Istituzzjonijiet Komunitarji wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstataw, abbażi ta’ dawn l-elementi, l-eżistenza ta’ bejgħ b'telf.

82      Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ l-ilment tar-rikorrenti relattiv għall-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha, huwa suffiċjenti li wieħed jirreferi għall-punt 40 iktar 'il fuq.

83      Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti li ċerti operaturi li joperaw f'kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq ġieli jagħmlu wkoll xi bejgħ b'telf ma jaffettwax, minnu nnifsu, il-fatt li tali prassi tista’ tiġi kkunsidrata bħala waħda mill-indizji li jippermetti li jiġi konkluż, partikolarment fil-preżenza ta’ indizji oħra bħalma huma prezzijiet uniformi u restrizzjonijiiet fuq il-bejgħ, li operatur ekonomiku ma wriex li huwa jissodisfa l-ewwel kundizzjoni imposta mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku.

84      Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Kunsill iġġustifika r-rifjut ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f'ekonomija tas-suq minħabba li “l-elementi ta’ prova disponibbli jindikaw li [l]-prezzijiet [tar-rikorrenti fis-suq intern Ċiniż] ma kinux vijabbli għal diversi snin”. Jeħtieġ ukoll li jiġi enfasizzat li kienet ir-rikorrenti li kellha turi li hija kienet topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. Issa, wara li kienet ġiet infurmata mill-Kummissjoni, b’ittra tas-17 ta’ Diċembru 1999, li l-istess Kummissjoni kienet qiegħda tikkunsidra li r-rikorrenti kienet sistematikament għamlet telf fis-suq intern Ċiniż, ir-rikorrenti, flok ipproduċiet xi elementi ta’ prova li juru l-kuntrarju, limitat ruħha sabiex tafferma, fl-ittri tagħha tas-27 ta’ Diċembru 1999 u tal-11 ta’ Jannar 2000, li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi f’dak is-sens mingħajr ma jkollha data li kienet eżiġibbli biss fil-kuntest tar-risposta għall-parti C tal-kwestjonarju ta’ l-investigazzjoni li tirrigwarda, b’mod partikolari, il-profitabbiltà ta' l-impriża. Jekk ir-rikorrenti kien jidhrilha li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni ma kinux eżatti, xejn ma kien jimpediha milli tippreżenta lill-Kummissjoni dokumenti rilevanti li juru, jekk ikun il-każ, l-eżistenza ta' qligħ fis-suq intern Ċiniż għas-snin in kwistjoni. Ir-rikorrenti madankollu, ma pproduċiet ebda provi bħal dawn.

85      Fir-rigward, imbagħad, ta’ l-elementi ta’ prova li fuqhom ibbażaw l-evalwazzjoni tagħhom l-Istituzzjonijiet Komunitarji, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat mill-bidu, li l-fatt li r-rikorrenti kienet biegħet ukoll prodotti oħra apparti l-imwieżen elettroniċi ma jimplikax, fil-każ preżenti, li l-Kummissjoni kienet ikkommettiet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta hija rrikorriet għad-data li tidher fil-kont tal-qligħ u telf tar-rikorrenti sabiex tevalwa l-qligħ u t-telf tagħha fir-rigward tal-prodott uniku in kwistjoni. Fil-fatt, kien possibbli li jiġi ddeterminat, b’riferenza għad-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti waqt l-investigazzjoni, il-valur monetarju reali ta' ammont tal-bejgħ ta’ l-imwieżen elettroniċi. F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi rrilevat li, meta wieħed jikkalkula l-bejgħ f'valur monetarju reali u mhux f'unitajiet, wieħed jikkonstata li l-bejgħ ta’ l-imwieżen elettroniċi jirrappreżenta madwar tliet kwarti mill-bejgħ tar-rikorrenti fis-suq intern Ċiniż. Fil-fatt, skond il-kont tal-qligħ u telf tas-sena 1998, il-fatturat tar-rikorrenti fis-suq intern Ċiniż kien ta’ madwar CNY 46.5 miljun (jiġifieri l-fatturat globali nieqes il-fatturat ta’ l-esportazzjoni), filwaqt illi, skond it-tabella li fiha l-medja mensili tal-prezzijiet ta' bejgħ u l-kwantitajiet mensili ta’ l-imwieżen elettroniċi mibjugħin fis-suq intern Ċiniż matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, ipprovduta mir-rikorrenti u li ma ġietx ikkontestata mill-Kunsill, l-ammont ta’ bejgħ ta' mwieżen elettroniċi tela' għal CNY 34.1 miljun.

86      Barra minn hekk, jeħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq il-validità tal-kalkolu tar-rikorrenti, skond liema kalkolu l-bejgħ fis-suq intern Ċiniż tagħha rriżulta fi qligħ ta’ 1.96% matul is-sena finanzjarja 1997, u f''telf ta’ 0.73% matul is-sena finanzjarja 1998. F’dan ir-rigward, il-Kunsill ġustament jirrileva li r-rikorrenti żiedet mad-dħul tagħha mill-bejgħ matul il-perijodu 1997-1998 sussidji ta' ammont ogħla minn CNY 4 miljun.

87      Dan il-fatt jippermetti li jiġi ddubitat il-valur tal-kalkolu tar-rikorrenti. Fil-fatt, għalkemm huwa veru li, f’ekonomija tas-suq, jeżistu wkoll sussidji, dan il-fatt huwa dejjem element barrani għas-suq u huwa dejjem intervent ta' l-awtorità pubblika li jista’ jbiddel il-komportament ta' l-impriżi f’direzzjoni differenti minn dik li tirriżulta mill-forzi tas-suq. Huwa opportun li jiġi enfasizzat li, anke jekk l-ammont tas-sussidji in kwistjoni mhuwiex sinjifikanti ħafna meta mqabbel mal-fatturat totali tar-rikorrenti matul dawn is-sentejn, dan isir sinjifikanti meta wieħed iqabblu mal-qligħ daqshekk baxx u okkażjonali magħmul fis-suq Ċiniż.

88      Issa, meta wieħed inaqqas is-sussidji li ngħatat ir-rikorrenti mill-profitti li hija għamlet, kif għamel il-Kunsill (ara l-punt 80 iktar 'il fuq), wieħed jikkonstata fil-fatt, li jidher plawsibbli, li t-telf tar-rikorrenti fis-suq intern Ċiniż għola għal 2.59% fl-1998, filwaqt li fl-1997, is-sitwazzjoni tagħha kienet kważi f’ekwilibriju, bi qligħ ta’ 0.24%. Bl-istess mod, tali kalkolu juri li t-telf tar-rikorrenti fis-suq intern Ċiniż għas-sentejn in kwistjoni seta’ qabeż CNY 1.1 miljun, filwaqt li l-qligħ tagħha fuq l-esportazzjoni għola għal iktar minn CNY 11.1 miljun .

89      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ ċertament li jiġi kkonstatat li l-kliem użat fil-premessi tar-Regolament ikkontestat jeċċedu dak li jirriżulta mill-elementi li fuqhom ibbażaw ruħhom l-Istituzzjonijiet Komunitarji. Jibqa’ xorta waħda l-fatt li, abbażi ta’ dawn l-elementi, l-Istituzzjonijiet Komunitarji setgħu jikkonkludu, mingħajr ma jwettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-bejgħ tar-rikorrenti fiċ-Ċina ma kienx globalment vijabbli matul il-perijodu li għalih data kienet disponibbli.

90      Dak jikkostitwixxi indizju li, meta kkumbinat ma' l-elementi l-oħra in kwistjoni, seta' jiġġustifika l-konklużjoni li r-rikorrenti ma kinitx uriet li hija kienet topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq.

91      Fid-dawl ta' dan l-indizju, kienet ir-rikorrenti li kellha tipprovdi, matul il-proċedura amministrattiv, jew elementi ta’ natura tali li jinvalidaw il-konstatazzjoni ta’ l-Istituzzjonijiet Komunitarji fuqha, jew elementi konkreti li jistgħu juru li, minkejja n-nuqqas globali ta' profitabbiltà il-bejgħ tagħha fiċ-Ċina kien konformi mal-komportament ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet tas-suq.

92      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkonferma sempliċiment li, fis-suq intern Ċiniż, il-parti l-kbira tal-qligħ kien ġie ġġenerat mill-bejgħ ta' mwieżen elettroniċi tal-mudell SM-80 u tal-mudell SM-90. Issa, il-qligħ li sar mill-bejgħ tal-mudelli in kwistjoni, anke jekk għadu kif ġie kkonstatat li għall-imwieżen elettroniċi kollha r-rikorrenti kellha taffronta telf fis-suq intern Ċiniż, jippermetti loġikament li jiġi konkluż li kien hemm telf ikbar għall-mudelli l-oħrajn, partikolarment għall-mudelli l-iktar mibjugħa bħall-mudell DS-685B, li jirrappreżenta s-segement il-baxx, fatt li jinvalida l-kalkolu tar-rikorrenti partikolarment għal dak li jikkonċerna s-sena 1998. Dawn l-istess mudelli tas-segment baxx huma dawk li r-rikorrenti esportat lejn il-Komunità Ewropea.

93      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma wrietx li l-Istituzzjonijiet Komunitarji kienu wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstataw li hija kienet qiegħda tbigħ il-prodotti tagħha fiċ-Ċina b'telf.

c)     Dwar il-proporzjon bejn il-bejgħ fis-suq intern Ċiniż u l-esportazzjonijiet

 L-argumenti tal-partijiet

94      Ir-rikorrenti tiċħad l-affermazzjoni li tidher fir-Regolament ikkontestat, li tgħid li hija ma kinitx kompletament libera li tiddeċiedi fuq il-proporzjon bejn il-bejgħ tagħha fis-suq intern Ċiniż u l-bejgħ tagħha għall-esportazzjoni.

95      Ir-rikorrenti tikkontesta l-allegazzjoni illi permezz ta’ kuntratt bejnha u l-awtorità lokali ta’ l-investiment, kien ġie impost fuqha proporzjoni ta’ esportazzjoni skond id-dispożizzjonijiet statutorji li jirregolawha u skond l-Artikolu 15 tad-dispożizzjonijiet dettaljati għall-implementazzjoni tal-liġi Ċiniża fuq il-kumpanniji li l-kapital tagħhom huwa kompletament miżmum minn investituri barranin (iktar ’il quddiem “id-dispożizzjonijiet dettaljati”). Hija tafferma li l-ineżistenza ta’ tali proporzjon jixhduh, minn banda, iċ-ċertifikat tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Affarijiet Barranin ta’ Jinshan (iċ-Ċina) tat-22 ta’ Diċembru 1999, li hija annettiet mar-rikors tagħha (iktar ’il quddiem “iċ-ċertifikat ta’ Jinshan”) u, mill-banda l-oħra , l-fatt li hija kienet tagħmel il-parti l-kbira tal-bejgħ tagħha fis-suq intern Ċiniż. Ir-rikorrenti tosserva li ċ-ċertifikat ta’ Jinshan jikkonferma espliċitament li ebda proporzjon li jikkonċerna l-bejgħ tagħha għall-esportazzjoni ma kien ġie definit mill-awtoritajiet Ċiniżi. Skond ir-rikorrenti, dan l-element ta' prova huwa l-uniku wieħed rilevanti sabiex jiġi stabbilit li l-Gvern Ċiniż ma kien imponielha ebda proporzjon.

96      Ir-rikorrenti tikkontesta l-asserzjonijiet tal-Kunsill relattivi għall-politika segwita f’dan il-qasam mill-Gvern Ċiniż. Skond ir-rikorrenti, l-eżistenza ta’ impriżi pubbliċi Ċiniżi li jipproduċu mwieżen elettroniċi, li kienu bdew, sa mis-snin 80, ibigħu l-imsemmijin imwieżen fis-suq intern Ċiniż, ma tistax tiġi serjament ikkontestata.

97      Il-Kunsill isostni li l-Istituzzjonijiet Komunitarji kkonstataw, bejn l-1996 u l-perijodu ta' investigazzjoni, l-eżistenza ta’ proporzjon kostanti bejn il-bejgħ għall-esportazzjoni ta’ Shanghai Teraoka u dak magħmul minnha fis-suq intern Ċiniż, u li r-rikorrenti ma spjegatx għaliex hija kienet żammet, minkejja t-telf tagħha fis-suq intern Ċiniż, tali perċentwali jekk ebda proporzjon ma kien ġie impost fuqha fir-rigward tal-bejgħ għall-esportazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

98      Iċ-ċertifikat ta’ Jinshan huwa fformulat kif ġej:

“Bħala l-Kummissjoni Ekonomika ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ Jinshan, aħna l-awtorità għall-istabbiliment fiċ-Ċina tal-kumpannija Shanghai Teraoka Electronic Co. Ltd, miżmuma kompletament mill-kumpannija Teraoka Seiko Co. Ltd, il-Ġappun. B'kunsiderazzjoni għal negozjati mill-ewwel eċċellenti bejna u s-Sur Kazuharu Teraoka, President tal-Bord ta' Amministrazzjoni, aħna ma ffissajna ebda proporzjon fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni għal din il-kumpannija. Barra minn hekk, aħna ma kellniex għalfejn niffirmaw kuntratt peress li Shanghai Teraoka Electronic Co. Ltd. hija kumpannija b’kapital miżmum kompletament minn investituri barranin.”

99      Bil-għan li jiġi stabbilit jekk dan id-dokument jippruvax li r-rikorrenti kienet libera li tiddeċiedi, skond il-kundizzjonijiet tas-suq, il-proporzjon tal-prodotti għall-bejgħ tagħha, rispettivament, fis-suq intern Ċiniż u għall-esportazzjoni, jeħtieġ li jiġi mfakkar, mill-ewwel, il-kontenut tal-leġiżlazzjoni Ċiniża li tirregola t-twaqqif ta’ impriża bħar-rikorrenti.

100    L-Artikolu 15 tad-dispożizzjonijiet dettaljati jiddisponi li t-talba għat-twaqqif ta’ impriża li l-kapital tagħha huwa miżmum kompletament minn investituri barranin għandha tinkludi, b’mod partikolari, il-proporzjon ta’ bejgħ fis-suq intern Ċiniż u fis-suq internazzjonali. Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 45 ta’ l-istess dispożizzjonijiet, “[m]eta hija tbigħ xi prodotti fis-suq [intern] ċiniż, impriża li l-kapital tagħha huwa kompletament miżmum minn investituri barranin hija obbligata tikkonforma ruħha mal-proporzjon ta’ bejgħ approvat” u “[f]il-każ fejn xi impriża li l-kapital tagħha huwa kompletament miżmum minn investituri barranin tippjana li tbigħ kwantità ikbar ta’ prodotti fis-suq [intern] Ċiniż minn dik stabbilita mill-proporzjon ta’ bejgħ approvat, il-kunsens ta’ l-awtorità ta' eżami u approvazzjoni huwa mitlub”.

101    Fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ “kuntratt” konkluż taħt l-Artikolu 15 tad-dispożizzjonijiet dettaljati, huwa opportun li jiġi nnutat li dan jirrigwarda, fir-realtà, “talba għat-twaqqif ta’ impriża li l-kapital tagħha huwa miżmum kompletament minn investituri barranin”, li għandha,b’mod partikolari, issemmi l-proporzjon tal-bejgħ tal-prodotti fis-suq intern Ċiniż u għall-esportazzjoni. Issa, minkejja t-talba tal-Kummissjoni sabiex dan id-dokument jiġi ppreżentat, għandu jiġi kkonstatat li dan id-dokument ma jidhirx fost l-informazzjoni li r-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni.

102    Għal kuntrarju, b’risposta għal domanda bil-miktub, ir-rikorrenti bagħtet lill-Qorti tal-Prim'Istanza dokumenti relattivi għal proċedura segwita għat-twaqqif tagħha. Minn tlieta minn dawn id-dokumenti jirriżulta, jiġifieri mill-istudju ta’ vijabbiltà tal-proġett ta’ produzzjoni u funzjonament ta’ sensors ta’ preċiżjoni għolja u l-applikazzjonijiet tagħhom b’investiment uniku, ippreżentat fit-8 ta’ Awwissu 1992 mir-rikorrenti, mir-risposta uffiċjali għall-proġett, mħejjija mill-kontea ta’ Jinshan fit-3 ta’ Settembru 1992 u mit-talba għall-approvazzjoni tal-proġett ta' twaqqif ta’ impriża li l-kapital tagħha huwa miżmum kompletament minn investituri barranin, irreġistrata mal-Kummissjoni tal-Kummerċ Estern u tal-Kooperazzjoni Ekonomika tal-Kontea ta’ Jinshan fl-4 ta’ Settembru 1992, li 50% tal-prodotti kellhom jinbiegħu barra mill-pajjiż. Id-dokumenti l-oħra, partikolarment il-formola ta’ applikazzjoni għal impriżi ġodda jew dawk li qed jiġu żviluppati, irreġistrata mal-Kummissjoni ta’ l-Iżvilupp u ta’ l-Ippjanar tal-Kontea ta’ Jinshan fil-31 ta’ Awwissu 1992, ir-rapport relattiv għall-istudju ta’ vijabbiltà u għad-dispożizzjonijiet statutorji ta’ impriża li l-kapital tagħha huwa miżmum minn investituri barranin, mħejji mill-Kummissjoni tal-Kummerċ Estern u tal-Kooperazzjoni Ekonomika tal-Kontea ta’ Jinshan fis-17 ta’ Settembru 1992, u r-risposta uffiċjali relattiva għall-istudju ta’ vijabbiltà u għad-disożizzjonijiet statutorji ta’ impriża li l-kapital tagħha huwa miżmum minn investituri barranin, mħejjija mill-Kontea ta’ Jinshan fis-17 ta’ Settembru 1992, kienu juru biss li “parti” mill-produzzjoni kienet ser tiġi esportata. Dawn id-dokumenti jikkonfermaw, minn naħa, li r-rikorrenti kellha ssemmi l-perċentwali tal-bejgħ tagħha li kien maħsub għall-esportazzjoni meta hija kienet qed tippreżenta l-applikazzjoni tagħha intiża sabiex tiġi mwaqqfa kumpannija bil-kapital miżmum minn investituri barranin u, min-naħa l-oħra, li dan il-perċentwali kien is-suġġett ta' approvazzjoni mill-awtoritajiet tal-Kontea ta’ Jinshan fir-risposta uffiċjali tat-3 ta’ Settembru 1992 għat-talba biex tiġi mwaqqfa r-rikorrenti. Dawn id-dokumenti juru illi, waqt it-twaqqif tar-rikorrenti, ma kienx ikkontemplat li din ser ikollha libertà kompleta fir-rigward tat-tqassim tal-bejgħ tagħha. Dawn jikkontradixxu għalhekk il-kontenut taċ-ċertifikat ta’ Jinshan. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan iċ-ċertifikat mhuwiex biżżejjed biex juri li r-rikorrenti kienet libera li tiddeċiedi, mingħajr ma tkun influwenzata f’dan ir-rigward mill-awtoritajiet Ċiniżi, liema proporzjon mill-prodotti tagħha kienu ser jinbiegħu fis-suq intern Ċiniż u kemm kienu ser jiġu esportati.

103    Huwa opportun għalhekk li jiġi vverifikat jekk waqt il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti pprovdietx, barra minn hekk, elementi li jippermetu li jiġi kkonstatat li ma kien ġie impost ebda proporzjon fir-rigward tat-tqassim tal-bejgħ tagħha bejn is-suq intern Ċiniż u l-esportazzjoni, u li d-deċiżjonijiet ekonomiċi tagħha kienu ttieħdu bi tweġiba għas-sinjali tas-suq filwaqt li jirriflettu l-provvista u d-domanda.

104    F’dan ir-rigward, hemm bżonn li tiġi riprodotta tabella, mħejjija mir-rikorrenti u li l-kontenut tagħha ma kienx ġie kkontestat mill-Kunsill, li tagħmel riassunt tad-data li r-rikorrenti kienet issottomettiet lill-Kummissjoni fir-risposta tagħha għall-kwestjonarju ta’ l-investigazzjoni dwar l-istatus ta’ impriża li topera f'ekonomija tas-suq.

 

1995

1996

1997

1998

PE*

Bejgħ fiċ-Ċina

9 020

26 122

23 241

26 183

25 695

Bejgħ fil-KE

2 070

9 045

4 407

7 597

5 552

Total tal-bejgħ fid-dinja

12 452

43 859

40 882

44 740

42 687

Perċentwali tal-bejgħ fiċ-Ċina fir-rigward tat-total tal-bejgħ

72.44

59.56

56.85

58.52

60.19

* Perijodu ta' investigazzjoni

105    It-tabella ta’ hawn fuq turi li, bejn l-1996 u l-aħħar tal-perijodu ta' investigazzjoni, il-bejgħ fis-suq intern Ċiniż dejjem irrappreżenta perċentwali approssimattiv bejn is-57% u s-60% tal-bejgħ kollu, li juri għalhekk varjazzjoni żgħira. Fid-dawl ta’ dan il-perċentwali stabbli, jeħtieġ li jiġi meqjus li kien jeżisti proporzjon bejn il-bejgħ tar-rikorrenti fis-suq intern Ċiniż u l-bejgħ tagħha għall-esportazzjoni u li dan il-proporzjon kien kważi kostanti. Għal dak li jirrigwarda l-fatt li l-perċentwali tal-bejgħ fis-suq intern Ċiniż kien, fl-1995, ta’ madwar 72%, huwa opportun li jiġi nnutat li r-rikorrenti stess indikat, matul il-verifika fuq il-post, li hija kienet bdiet il-produzzjoni ta’ l-imwieżen elettroniċi biss fl-1995 u li hija kienet laħqet il-kapaċità produttiva kollha tagħha biss fl-1996. Għaldaqstant, il-proporzjon ikkonstatat fl-1995, diversament minn dak tas-snin l-oħra, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala rappreżentattiv minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dik is-sena, peress illi l-bejgħ totali fl-1995 kien biss ta' madwar terz tal-bejgħ totali rreġistrat matul is-snin l-oħra. Għaldaqstant, xejn ma jimpedixxi li jittieħdu biss in kunsiderazzjoni s-snin sussegwenti u, għalhekk, li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta' proporzjon kostanti.

106    Il-fatt li l-imsemmi proporzjon ma kienx ta’ 50%, kif kien previst fid-dispożizzjonijiet u speċifikazzjonijiet relattivi għat-twaqqif tar-rikorrenti, imma ta’ madwar 60% ma jurix, waħdu, li dan it-tqassim tal-bejgħ kien ir-riżultat ta’ deċiżjonijiet awtonomi tar-rikorrenti, meħuda bi tweġiba għas-sinjali tas-suq, mingħajr ebda influwenza mill-awtoritajiet Ċiniżi. Jeħtieġ, fil-fatt, li jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet iddettaljati kienu jipprovdu għall-possibbiltà ta’ żieda tal-kwota tal-bejgħ intern ta’ impriża, permezz ta' approvazzjoni mill-awtorità kompetenti.

107    Barra minn hekk, huwa opportun li jiġi rrilevat li, fil-kuntest preżenti, ikkaratterizzat mill-bejgħ b'telf, jew, f’kull każ, mill-bejgħ bi ftit qligħ magħmul mir-rikorrenti fis-suq intern Ċiniż, kif ukoll bis-sussidji li kienu ngħatawlha, il-konlużjoni li l-proporzjon kostanti mhuwiex ir-riżultat tal-forzi tas-suq tidher l-iktar plawżibbli u kienet ir-rikorrenti li kellha turi l-kuntrarju.

108    Waqt is-seduta, b’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim'Istanza dwar il-fatt li Shanghai Teraoka kienet biegħet b’mod kostanti 60% tal-prodotti tagħha fis-suq intern Ċiniż anke jekk dan il-bejgħ kien qiegħed isir b'telf, ir-rikorrenti spjegat li hija kellha sister company fir-Renju Unit, li tipproduċi parti kbira mill-prodotti destinati għas-suq Ewropew u li, għalhekk, hija ma kellhiex bżonn tesporta miċ-Ċina lejn dan is-suq. Madankollu, dak l-argument ma kienx biżżejjed biex jispjega għaliex hija kienet biegħet b'telf fis-suq intern Ċiniż. Fil-fatt, kif isostni l-Kunsill, fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, ir-rikorrenti kienet kieku tipprova jew tgħolli l-prezzijiet tagħha fis-suq intern Ċiniż, jew tieqaf tbigħ fl-imsemmi suq, sabiex tikkonċentra biss fuq l-attivitajiet tagħha ta' esportazzjoni.

109    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma ressqitx biżżejjed provi li jippermettulha turi li hija kienet libera li tiddeċiedi jekk hija kellhiex tbigħ fis-suq intern Ċiniż u b’kemm ammonti.

d)     Il-konklużjoni dwar l-ewwel kundizzjoni imposta mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku

110    Jeħtieġ li jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li kif jirriżulta mill-punti 59 sa 73 iktar 'il fuq, ir-rikorrenti ma ressqitx biżżejjed provi matul l-investigazzjoni, li juru li hija kienet qiegħda titlob prezzijiet differenti lil klijenti differenti u li d-deċiżjonijiet ekonomiċi tagħha kienu ittieħdu bi tweġiba għas-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda.

111    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punti 81 sa 93 iktar 'il fuq, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex turi li hija ma kinitx qed tbigħ il-prodotti tagħha bit-telf fiċ-Ċina jew li kien hemm raġunijiet purament kummerċjali għall-komportament tagħha.

112    Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 98 sa 109 itkar 'il fuq, ir-rikorrenti ma rnexxielhiex turi li hija kienet qiegħda żżomm il-proporzjon ikkonstatat bejn il-bejgħ tagħha fis-suq intern Ċiniż u l-esportazzjonijiet tagħha, għal raġunijiet purament kummerċjali u li dan il-proporzjon ma kienx ġie impost fuqha mid-dispożizzjonijiet tal-liġijiet Ċiniżi in kwistjoni. B’mod partikolari, hija ma rnexxielhiex tipprovdi l-iċken element plawżibbli li jispjega għaliex hija kienet żammet dan il-proporzjon minkejja t-telf tagħha fis-suq intern Ċiniż, meta l-bejgħ tagħha għall-esportazzjoni kien iħalli l-qligħ.

113    Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma kkommettew ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta kkonkludew, abbażi ta’ l-elementi pprovduti mir-rikorrenti waqt l-investigazzjoni, li hija ma kinitx uriet li hija kienet tissodisfa l-ewwel kundizzjoni prevista mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku u li, għalhekk, hija kienet topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq.

114    B’konsegwenza ta’ dan, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

B –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 3(2), (3), (5), u (8) tar-Regolament Bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-ħsara

1.     Osservazzjonijiet preliminari

115    Ir-rikorrenti ssostni li l-Istituzzjonijiet Komunitarji kisru l-Artikolu 3(2), (3), (5) u (8) tar-Regolament Bażiku meta kkonkludew li l-industrija Komunitarja kienet ġarrbet ħsara sinjifikanti. Dan l-motiv jista’ jiġi maqsum f’sitt partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku, it-tieni parti fuq it-teħid in kunsiderazzjoni, għad-determinazzjoni tal-ħsara, ta’ importazzjonijiet li ma kinux is-suġġett ta’ dumping, it-tielet parti fuq il-konklużjoni li l-industrija Komunitarja ġarrbet ħsara sinjifikanti, ir-raba’ fuq żball manifest min-naħa ta’ l-Istituzzjonijiet Komunitarji dwar l-evalwazzjoni tal-kobor tal-marġni ta’ dumping effettiv, il-ħames fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament Bażiku minħabba t-teħid in kunsiderazzjoni ta' figuri li ħarġu mill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Eurostat) u s-sitt parti fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 3(2) u (8) tar-Regolament Bażiku, dwar l-evalwazzjoni ta’ l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fir-rigward tal-produzzjoni Komunitarja ta’ parti waħda tal-prodott simili.

116    Qabel ma jsir eżami ta’ dawn il-partijiet differenti tat-tieni motiv, jeħtieġ li jiġi eżaminat l-allegat ksur ta’ l-artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza li r-rikorrenti tinvoka fir-replika.

117    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser ir-Regola tal-Proċedura, in kwantu huwa ppreżenta fatti jew evalwazzjonijiet ġodda fir-risposta tiegħu, li qatt ma ġew innotifikati lir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva. Dan japplika, b’mod partikolari, għad-dikjarazzjoni misjuba fir-risposta, li skond l-istess dikjarazzjoni l-“evoluzzjoni tat-tqassim tal-bejgħ kienet tirriżulta b'mod partikolari miż-żieda reċenti fil-bejgħ ta’ l-imwieżen elettroniċi tas-segment l-għoli.” Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-riferenza għall-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura mhijiex rilevanti, peress li, fil-każ preżenti, ir-rikorrenti takkuża lill-Kunsill, essenzjalment, li huwa kkompleta l-motivazzjoni għar-Regolament ikkontestat fl-istadju tar-risposta. Huwa biżżejjed f’dan il-każ li jiġi rrilevat li l-ilment tar-rikorrenti huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, kif jirriżulta mid-dokument informattiv tal-21 ta’ Settembru 2000, il-Kummissjoni nnotifikat lir-rikorrenti l-evoluzzjoni fil-volum ta’ bejgħ għal kull segment separatament. Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

118    Fir-rigward tal-mertu tat-tieni motiv, jeħtieġ li jiġi mfakkar, preliminarjament u kif fakkret il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 48 iktar 'il fuq, li, għall-evalwazzjoni ta' kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi, l-istituzzjonijiet jiddisponu minn poter diskrezzjonali wiesa’.

119    Hija r-rikorrenti li għandha tipproduċi l-elementi ta’ prova li jippermettu lill-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tal-ħsara (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1997, EFMA vs Il-Kunsill, T-121/95, Ġabra p. II-2391, punt 106; tat-28 ta’ Ottubru 1999, EFMA vs Il-Kunsill, T-210/95, Ġabra p. II-3291, punt 58, u tad-19 ta’ Settembru 2001, Mukand et vs Il-Kunsill, T-58/99, Ġabra p. II-2521, punt 41)

120    Jeħtieġ li nibdew bl-eżami tas-sitt partiJetieġ Il.

2.     Is-sitt parti: fir-rigward tal-ksur ta’ l-Artikolu 3(2) u (8) tar-Regolament Bażiku, dwar l-evalwazzjoni ta’ l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fir-rigward tal-produzzjoni Komunitarja ta’ parti waħda tal-prodott simili

a)     L-argumenti tal-partijiet

121    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser l-Artikolu 3(3) moqri flimkien ma’ l-Artikolu 3(8) tar-Regolament Bażiku, fl-evalwazzjoni ta’ l-effett ta’ l-importazzjonijiet fir-rigward ta’ parti waħda biss tal-prodott simili. Skond ir-rikorrenti, il-mod ċar li bih huwa fformulat l-imsemmi paragrafu 8 ma jippermettix l-evalwazzjoni ta’ l-importazzjonijiet fir-rigward tal-produzzjoni ta’ parti waħda tal-prodott simili, f'dan il-każ, l-imwieżen elettroniċi li jinsabu fil-parti l-baxxa tal-gamma. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinnota li l-Kunsill ċaħad xi talbiet sabiex il-ħsara tiġi ddeterminata fuq evalwazzjoni li ssir fuq parti waħda biss tal-prodott simili. Hija tirreferi f’dan ir-rigward għar-Regolament tal-Kunsill Nru 3482/92 (KEE) tat-30 ta’ Novembru 1992, li jistabbilixxi dazju definittiv kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ kondensaturi kbar elettrolitiċi ta’ l-aluminju li joriġinaw mill-Ġappun u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju kontra d-dumping (ĠU L 353, p. 1) u b’mod partikolari għall-premessa 12 tiegħu.

122    Il-Kunsill ikkontradixxa lilu nnifsu, meta afferma n-natura skambjabbli tat-tliet segmenti tal-prodott in kwistjoni, sabiex finalment jeskludi l-indizji ekonomiċi relattivi għas-segmenti intermedjarji u għolja mill-ambitu ta’ l-analiżi tiegħu relattiva għad-determinazzjoni tal-ħsara.

123    Skond ir-rikorrenti, iż-żieda fil-bejgħ tal-mudelli li jinsabu fil-parti l-għolja tal-gamma matul il-perijodu ta' investigazzjoni ma kinitx sitwazzjoni ġdida għall-Istituzzjonijiet Komunitarji u, fl-investigazzjonijiet li ingħalqu dan l-aħħar, l-Istituzzjonijiet Komunitarji, ma pproċedewx, skond hi, għal evalwazzjonijiet separati għas-segmenti differenti tal-prodott simili. F'dan ir-rigward hija tibbaża l-argument tagħha fuq il-premessi 37 sa 48 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 468/2001, tas-6 ta’ Marzu 2001, li jistabbilixxi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta' ċerti tipi ta' mwieżen elettroniċi li joriġinaw fil-Ġappun (ĠU L 67, p.24), u fuq il-premessi 47 sa 58 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 469/2001 tas-6 ta’ Marzu 2001, li jimponi obbligu definittiv kontra r-rimi fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu apparat elettroniku użat għall-użin li joriġina f'Singapor (ĠU L 67, p.37).

124    Għal dak li jikkonċerna l-metodu msejjaħ “tal-kalkolu medju”, ir-rikorrenti tqis li l-Artikolu 3(8) tar-Regolament Bażiku jimponi fuq l-Istituzzjonijiet Komunitarji l-obbligu li jevalwaw l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fir-rigward tal-produzzjoni Komunitarja tal-prodott simili, f'dan il-każ l-imwieżen elettroniċi, u tenfasizza l-għan ta’ l-imsemmija dispożizzjoni. Hija titlob li l-evalwazzjoni ta' l-evoluzzjoni tad-diversi sinjali ta’ ħsara elenkati fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku u l-eżami ta’ l-impatt ta’ l-importazzjonijiet, magħmul billi ttieħdet in kunsiderazzjoni parti waħda biss tal-prodott in kwistjoni, jiġu ddikjarati li jmorru kontra l-Artikolu 3(8) tar-Regolament Bażiku.

125    Il-Kunsill isostni li l-metodu ta’ analiżi għal kull segment huwa konformi ma’ l-Artikolu 3(8) tar-Regolament Bażiku. Huwa jindika li l-għażla ta’ dan il-metodu kienet dovuta għaż-żieda sostanzjali fil-volum ta’ importazzjonijiet ta’ mwieżen elettroniċi li jappartjenu għas-segment l-għoli. Dan il-fatt jispjega d-differenza fl-approċċ ta’ l-Istituzzjonijiet Komunitarji bejn l-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat u dawk li tagħmel referenza għalihom ir-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

126    Jeħtieġ li jiġi mfakkar li mill-premessa 10 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li s-suq ta’ l-imwieżen elettroniċi huwa komunement maqsum fi tliet segmenti separati, kif fakkret il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 66 iktar 'il fuq: segment baxx, segment medju u segment għoli.

127    Huwa opportun li jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li mill-Artikolu 3(8) tar-Regolament Bażiku ma jirriżultax li analiżi għal kull segment hija eskluża u li l-metodu tal-kalkolu medju huwa meħtieġ. Għandu jiġi rrilevat, kif ġustament jindika l-Kunsill, li, fl-ambitu tad-determinazzjoni tal-ħsara li ssir taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Bażiku, l-Istituzzjonijiet Komunitarji jistgħu jipproċedu b’analiżi ta' kull segment, sabiex jevalwaw id-diversi sinjali tal-ħsara, partikolarment jekk ir-riżultati miksuba taħt metodu ieħor jirriżultaw inattendibbli għal xi raġuni jew oħra, sakemm il-prodott ikkonċernat fit-totalità tiegħu ikun debitament meħud in kunsiderazzjoni.

128    Skond il-premessa 11 tar-Regolament ikkontestat, il-prodott ikkonċernat huwa kompost minn tliet segmenti magħquda. Il-premessa 12 tar-Regolament ikkontestat jippreċiża li l-imwieżen elettroniċi manifatturati fil-Komunità huma simili minn kull lat, għall-imwieżen manifatturati u esportati miċ-Ċina, mill-Korea ta’ Isfel u mit-Tajwan lejn il-Komunità, u li, għalhekk, dawn il-prodotti jikkostitwixxu prodotti simili.

129    Barra minn hekk, peress li s-segment baxx tal-prodott in kwistjoni jirrappreżenta 97% ta’ l-importazzjonijiet provenjenti mill-pajjiżi kkonċernati matul il-perijodu ta' investigazzjoni (ara l-premessa 63 tar-Regolament ikkontestat), huwa loġiku, jekk mhux indispensabbli, għar-riżultat korrett ta’ l-investigazzjoni, li din l-analiżi jkun fiha separatament l-evalwazzjoni tas-segment baxx tal-prodott imsemmi. Għaldaqstant, ma teżisti ebda kuntradizzjoni bejn id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-evalwazzjoni tal-ħsara.

130    Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna l-ilment tar-rikorrenti li, fl-evalwazzjoni separata tal-fatturi rilevanti, bħalma huma l-prezz tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, etc., dwar is-segment baxx, il-Kunsill ibbaża esklużivament l-evalwazzjoni tiegħu fuq parti waħda tal-prodott simili, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-premessi tar-Regolament ikkontestat fir-rigward tal-ħsara, li l-Kunsill dejjem ħa in kunsiderazzjoni l-imwieżen elettroniċi kollha f’daqqa, u mhux biss l-imwieżen elettroniċi tas-segment baxx (ara l-premessa 81 tar-Regolament ikkontestat). Peress illi l-eżami globali huwa bbażat fuq kunċett tal-prodott simili li jinkludi t-tliet segmenti ta’ l-imwieżen elettroniċi, u mhux biss is-segment baxx, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Kunsill ma kisirx l-Artikolu 3(8) tar-Regolament Bażiku.

131    Konsegwentement, huwa opportun li tiġi miċħuda s-sitt parti tat-tieni motiv.

3.     L-Ewwel parti: fir-rigward tal-ksur ta’ l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku

a)     L-argumenti tal-partijiet

132    Ir-rikorrenti takkuża lill-Kunsill li ma analizzax il-fatturi kollha rilevanti, partikolarment il-fatt li l-industrija tal-Komunità kienet għadha ma rkupratx għal kollox mill-effetti ta' xiri taħt il-prezz jew sussidju fil-passat, kif ukoll il-kobor tal-marġini tax-xiri taħt il-prezz effettiv, sabiex tiġi determinata l-ħsara. Skond ir-rikorrenti, il-Kunsill għandu, skond l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku, jieħu in kunsiderazzjoni, sabiex jiddetermina l-ħsara, kull wieħed mill-fatturi u indiċi ekonomiċi rilevanti, elenkati f’dan l-Artikolu. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għad-deċiżjonijiet tal-Korp li Jiddeċiedi Kwistjonijiet ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ODK) u tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq ir-rapport tal-grupp speċjali ta’ l-ODK dwar id-dazji ta' kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' bjankerija tas-sodda tal-qoton provenjenti mill-Indja (iktar ’il quddiem ir-“rapport fuq il-bjankerija tas-sodda”).

133    Ir-rikorrenti tikkonstata li l-kliem u l-kuntest ta’ l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku, minn naħa, u dawk ta’ l-Artikolu 3.4 tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali fuq it-Tariffi Doganali u l-Kummerċ ta’ l-1994 (ĠU L 336, p. 103, iktar ’il quddiem il-“kodiċi kontra d-dumping”) li jidher fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-ODK, iktar ’il quddiem “il-Ftehim ODK”), approvat bid-deċiżjoni tal-Kunsill Nru. 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x'jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta' negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, p. 1), min-naħa l-oħra, huma kważi identiċi u li l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku jimponi fuq l-Istituzzjonijiet Komunitarji l-obbligu li jevalwaw kull wieħed mis-sittax-il fattur ekonomiku. Din it-teħid ta' pożizzjoni, issostni r-rikorrenti, tmur skond il-konklużjonijiet tar-rapport fuq il-bjankerija tas-sodda. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li, jekk ikun il-każ, in-nuqqas ta’ rilevanza ta’ xi fattur għandu jiġi muri billi jiġu indikati l-motivi li wasslu għal din il-konklużjoni, u għal dan il-għan ikunu imniżżlin b’mod ċar fid-dikjarazzjoni tal-motivi. Hija tenfasizza li n-nuqqas, fl-imsemmija dikjarazzjoni, ta’ informazzjoni li tindika li l-Istituzzjonijiet Komunitarji ssodisfaw l-eżiġenzi li huma kjarament imposti fuqhom jimpedixxi lill-qrati komunitarji milli jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom ta' stħarriġ.

134    Ir-rikorrenti tenfasizza li l-premessa 77 tar-Regolament ikkontestat ma fihiex riferenza għall-analiżi mill-Kunsill tal-fatturi kollha previsti mir-Regolament Bażiku. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma evalwawx il-“ fatt li l-industrija għadha fi proċess ta' rkuprar mill-effetti ta' xiri taħt il-prezz jew sussidju fil-passat", u lanqas "il-kobor tal-marġini attwali tax-xiri taħt il-prezz ”. Fir-rigward ta’ l-ewwel punt, ir-rikorrenti tenfasizza li l-premessa 59 tar-Regolament ikkontestat, invokata mill-Kunsill fid-difiża tiegħu, tikkonċerna l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Bażiku u ma tistax tistabbilixxi li l-Istituzzjonijiet Komunitarji ssodisfaw l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni ta’ l-impatt ta’ l-importazzjonijiet, imsemmija fil-premessi 88 u 94 tar-Regolament ikkontestat u relattiva għall-parti biss tal-prodott in kwistjoni, tikser l-Artikolu 3(8) tar-Regolament Bażiku. Għaldaqstant, dawn l-elementi ma jistgħux, f’għajnejn ir-rikorrenti, jikkostitwixxu provi. Għal dak li għandu x’jaqsam mat-tieni punt, ir-rikorrenti tikkunsidra li, anki fin-nuqqas ta' ksur ta’ l-Artikolu 3(8) tar-Regolament Bażiku, l-indikazzjonijiet in kwistjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jinkludu evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi li għalihom huma jirreferu, peress illi s-sempliċi referenza għal miżuri kontra d-dumping ma tfissirx li l-Istituzzjonijiet Komunitarji pproċedew bl-analiżi in kwistjoni, u, b’mod partikolari, evalwaw il-fatt li l-industrija kienet għadha fi proċess ta' rkuprar mill-effetti ta' xiri taħt il-prezz. Fir-rigward tal-kobor tal-marġni ta’ dumping effettiv, ir-rikorrenti tikkunsidra li d-dikjarazzjoni misjuba fil-premessa 90 tar-Regolament ikkontestat ma tistax tiġi kkwalifikata bħala evalwazzjoni, peress li din tirreferi għall-volum u l-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet ikkonċernati, li jikkostitwixxu fihom infushom sinjali separati li l-Istituzzjonijiet Komunitarji għandhom ukoll l-obbligu li jeżaminaw.

135    Il-Kunsill isostni, fl-ewwel lok, li r-rapport fuq il-bjankerija tas-sodda li bbażat ruħha fuqu r-rikorrenti mhuwiex applikabbli direttament fl-ordni ġuridiku Komunitarju. Barra minn hekk, huwa jafferma li r-rikorrenti tagħti interpretazzjoni żbaljata ta’ dan ir-rapport, li huwa perfettament kompatibbli mal-metodu użat mill-Istituzzjonijiet Komunitarji għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ħsara. Skond il-Kunsill, l-ilment preżenti jikkonċerna insuffiċjenza ta' motivazzjoni skond l-Artikolu 253 KE. Huwa jikkwota s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Diċembru 1999, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill (T-33/98 u T-34/98, Ġabra p. II-3837; annullata fl-appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, C-76/00 P, Ġabra p. I-79) sabiex jafferma li l-uniku obbligu li għandhom l-Istituzzjonijiet Komunitarji huwa li jipproċedu, taħt ir-regolament li jistabbilixxi l-miżuri kontra d-dumping definttivi, għall-analiżi tal-fatturi li ġew meqjusa rilevanti.

136    Barra minn hekk, il-Kunsill isostni, fit-tieni lok, li l-Istituzzjonijiet Komunitarji aġixxew skond l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku. Il-Kunsill jinnota li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li r-Regolament ikkontestat ma fihx l-analiżi tal-fatturi kollha, hija żbaljata u għalhekk mhux rilevanti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

137    Huwa opportun li jiġi rrilevat, mill-ewwel, li l-argument tar-rikorrenti huwa limitat sabiex jakkuża lill-Istituzzjonijiet Komunitarji li ma applikawx l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku fid-dawl ta’ l-Artikolu 3.4 tal-Kodiċi kontra d-dumping ta’ l-1994 u, minħabba dan il-fatt, li ma rrispettawx il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

138    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li t-testi Komunitarji għandhom jiġu interpretati, in kwantu huwa possibbli, fid-dawl tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta t-testi jkunu intiżi preċiżament sabiex jimplementaw xi ftehim internazzjonali konkluż mill-Komunità (ara, b’mod partikolari, s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Lulju 1998, Bettati, C-341/95, Ġabra p. I-4355, punt 20, u tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, punt 135, iktar 'il fuq, punt 57), kif inhu l-każ tar-Regolament Bażiku, li ġie adottat sabiex jissodisfa l-obbligi internazzjonali li jirriżultaw mill-Kodiċi kontra d-dumping ta’ l-1994 (ara s-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, punt 135, iktar 'il fuq, punt 56).

139    Fil-każ preżenti, l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku fih, essenzjalment, l-istess elementi bħall-Artikolu 3.4 tal-Kodiċi kontra d-dumping ta’ l-1994. Huwa jipprovdi li l-eżami ta’ l-impatt ta’ l-importazzjonijiiet li huma s-suġġett ta’ dumping fl-industrija tal-Komunità kkonċernata jinvolvi evalwazzjoni tal-fatturi u indiċi kollha ekonomiċi rilevanti li għandhom impatt fuq is-sitwazzjoni ta’ din l-industrija. L-Artikolu fih lista tal-fatturi differenti li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni u jippreċiża li din il-lista mhijiex eżawrjenti u li wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi mhux bilfors jikkostitwixxu gwida deċiżiva. Il-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni huwa kważi identiku għal dak ta’ l-Artikolu 3.4 tal-Kodiċi kontra d-dumping ta’ l-1994, ħlief għall-fattur li jirrigwarda l-“ fatt li l-industrija għadha fi proċess ta' rkuprar mill-effetti ta' xiri taħt il-prezz jew sussidju fil-passat”, li ma jidhirx fl-Artikolu 3.4 tal-Kodiċi kontra d-dumping ta’ l-1994.

140    Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku, minnu nnnifsu, huwa konformi mal-Ftehim kontra d-dumping ta’ l-1994. Madankollu, skond ir-rikorrenti, l-Istituzzjonijiet Komunitarji kisru l-obbligu tagħhom ta’ evalwazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti, li jirriżulta mill-interpretazzjoni li r-rapport fuq il-bjankerija tas-sodda jagħti lill-Artikolu 3.4 tal- Kodiċi kontra d-dumping ta’ l-1994, billi naqsu li jieħdu in kunsiderazzjoni tnejn mill-fatturi msemmija fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku, jiġifieri l-fatt li l-Industrija tal-Komunita kkonċernata kienet għada ma rkupratx għal kollox mill-effetti ta' xiri taħt il-prezz jew sussidju fil-passat, kif ukoll il-kobor tal-marġini attwali tax-xiri taħt il-prezz.

141    Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-Istituzzjonijiet Komunitarji evalwawx iż-żewġ fatturi in kwistjoni.

142    Fil-premessa 77 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill indika:

“Skond l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku, l-eżami ta' l-impatt ta' l-importazzjonijiet illi huma l-oġġett tad-dumping fuq l-industrija tal-Komunità inkluda evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi kollha u indiċijiet illi għandhom effett fuq l-istat ta' l-industrija. Madankollu, ċerti fatturi mhumiex trattati fid-dettall hawn taħt minħabba illi nstab illi mhumiex relevanti għas-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità fil-kors ta' din l-investigazzjoni. Għandu jiġi finalment innutat illi l-ebda wieħed minn dawn il-fatturi neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.”

143    Għal dak li jirrigwarda l-fattur li li jikkonċerna l-fatt li l-industrija tal-Komunità kienet għadha fi proċess ta’ rkuprar mill-effetti tax-xiri taħt il-prezz jew sussidju fil-passat, għandu jiġi nnutat li, fil-każ preżenti, issir referenza espliċita għall-miżuri kontra d-dumping fis-seħħ taħt il-parti intitolata “D. Danni” tar-Regolament ikkontestat. Qabel kollox, fil-premessa 59 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill jgħid:

“L-istruttura ta' l-Industrija tal-Komunità inbidlet sostanzjalment [matul] il-perijodu ta' analiżi. Mi[x-xahar ta' Ottrubru 1993, (i.e. meta l-miżuri definittivi ta' kontra d-dumping ġew imposti fuq l-importazzjonijiet ta' REWS illi joriġinaw fis-Singapor u l-Korea [ta' Isfel]) programm ta' ristrutturazzjoni u konsolidazzjoni [...] kien ġie attwat mill-industrija.”

144    Sussegwentement, fil-premessa 88 tar-Regolament ikkontestat, ġie kkonstatat li “[...] [i]t-telf f'dan [is-segment baxx] naqqas il-profitabilità globali ta' l-industrija tal-Komunità u tellifha milli pjenement tibbenefika mill-effetti ta' l-euro u l-miżuri ta' kontra d-dumping kontra l-importazzjonijiet illi joriġinaw fil-Ġappun u Singapor [...]”.

145    Finalment, fil-premessa 94 tar-Regolament ikkontestat, huwa konkluż li “[...] is-sitwazzjoni fqira ekonomika tal-grupp tal-medda baxxa tellef lill-industrija tal-Komunità milli tiks[e]b livell globali ta' profitabilità illi hija setgħet tistenna taħt iċ-ċirkostanzi ta' l-effett ta' l-euro u l-miżuri ta' kontra d-dumping illi kienu fis-seħħ, partikolarment in vista ta' l-isforzi ta' ristrutturar illi hija implimentat”.

146    Għandu jiġi rilevat li dawn is-siltiet juru biċ-ċar li l-Istituzzjonijiet Komunitarji fl-eżami tagħhom ta’ l-impatt ta’ l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Komunità kkonċernata, ħadu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-industrija in kwistjoni kienet għadha ma rkurpratx għal kollox mill-effetti tax-xiri taħt il-prezz fil-passat.

147    F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li d-dikjarazzjonijiet misjuba fil-premessi 88 u 94 huma invalidi u ma jistgħux jikkostitwixxu prova li l-Istituzzjonijiet Komunitarji kienu evalwaw dak il-fattur, peress li l-evalwazzjoni saret biss fuq parti waħda tal-prodott konċernat u għaldaqstant kisru l-Artikolu 3(8) tar-Regolament Bażiku, huwa biżżejjed li jingħad li dan l-argument mhuwiex rilevanti. Fil-fatt, kif inhu kkonstatat fil-punt 129 iktar 'il fuq, peress li l-importazzjonijiet ta’ l-imwieżen elettroniċi tas-segment baxx jirrappreżentaw 97% ta’ l-importazzjonijiet ta’ l-imwieżen kollha f’daqqa, is-segment baxx seta' jiġi eżaminat separatament sabiex tiġi determinata l-ħsara.

148    In kwantu jirrigwarda l-fattur dwar “il-kobor tal-marġni attwali tax-xiri taħt il-prezz”, il-Kunsill analizzah fil-premessa 90 tar-Regolament ikkontestat. Huwa kkonstata hemmhekk li, “[f]ir-rigward ta' l-impatt fuq l-industrija tal-Komunità tal-kobor tal-marġni attwali tad-dumping ["of the magnitude of the actual margin of dumping"], fid-dawl tal-volum u l-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet mill-pajjiżi konċernati, dan l-impatt ma jistax jiġi kkunsidrat bħala negliġibbli”.

149    Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill ma naqasx milli jevalwa l-fattur li jikkonċerna l-kobor tal-marġni attwali tad-dumping. Għalkemm il-Kummissjoni ma semmitux fid-dokument informattiv tagħha tal-21 ta’ Settembru 2000, hija, min-naħa l-oħra, għamlet referenza għalih fl-ittri tagħha ta’ l-4 u tat-23 ta’ Ottubru 2000, b’risposta għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tad-29 ta’ Settembru 2000.

150    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

4.     It-tieni parti: fir-rigward tat-teħid in kunsiderazzjoni, fl-analiżi intiża sabiex tiġi determinata l-ħsara, ta’ importazzjonijiet li ma kinux is-suġġett ta' dumping.

a)     L-argumenti tal-partijiet

151    Ir-rikorrenti ssostni li l-Istituzzjonijiet Komunitarji kkommettew ksur manifest ta’ l-Artikolu 3(2), (3) u (5) tar-Regolament Bażiku billi, fl-analiżi tal-ħsara, ħadu in kunsiderazzjoni importazzjonijiet li ma kinux is-suġġett ta' dumping, jiġifieri dawk tal-CAS Corp., waħda mill-kumpanniji Koreani li kienu ġew investigati u li fil-konfront tagħha ma kienet instabet ebda prattika ta’ dumping.

152    Ir-rikorrenti tinterpreta r-riferenza magħmula mill-Artikolu 3 tar-Regolament Bażiku għall-“importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping”, bħala li teskludi t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ importazzjonijiet provenjenti minn produtturi esportaturi li ma jipprattikawx dumping. B’konsegwenza ta’ dan, l-evalwazzjoni kumulattiva ta’ dawn l-importazzjonijiet, prevista mill-Artikolu 3(4) tar-Regolament Bażiku, ma tistax tinkludi l-importazzjonijiet provenjenti minn produttur esportatur li tkun attribwita lilu marġni ta’ dumping null jew minimu. Għaldaqstant, il-fatt li ttieħdu in kunsiderazzjoni l-importazzjonijiet provenjenti mill-CAS Corp renda illegali l-analiżi ta’ l-Istituzzjonijiet Komunitarji u jinvalida d-determinazzjoni tal-ħsara kollha. Ir-rikorrenti tirreferi f’dan ir-rigward għar-Regolament tal-Kunsill Nru 1644/2001 (KE) tas-7 ta’ Awwissu 2001, li jemenda r-Regolament Nru 2398/97 (KE) li jimponi dazji ta’ kontra d-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-lożor u mħaded tal-qoton li joriġinaw mill-Eġittu, mill-Indja, u mill-Pakistan u li jissospendi l-applikazzjoni tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 219, p. 1) li kien ġie adottat mill-Kunsill wara r-rapport fuq il-bjankerija tas-sodda.

153    Ir-rikorrenti tikkonstata li l-Kunsill ma pproduċa ebda ġustifikazzzjoni u ebda element konvinċenti ieħor in sostenn tad-dikjarazzjoni tiegħu li l-fatt li ċerti importazzjonijiet provenjenti minn produttur Korean ma kinux is-suġġett ta' dumping ma kienx ta’ importanza meta mqabbel ma’ l-impatt globali ta’ l-importazzjonijiet Koreani fuq l-industrija tal-Komunità.

154    Il-Kunsill jikkontesta l-interpretazzjoni li r-rikorrenti tagħti lill-Artikolu 3(2), (3) u (5) tar-Regolament Bażiku. Il-Kunsill isostni li bl-“importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping”, wieħed għandu jifhem l-importazzjonijiet provenjenti minn pajjiż li għalih ikun ġie stabbilit marġni ta’ dumping għola mil-livell minimu għall-pajjiż kollu. Skond il-Kunsill, dan l-approċċ jirrifletti prassi Komunitarja applikata sa minn żmien twil u li ma jikkontradixxix il-mod li bih huwa fformulat l-imsemmi Artikolu.

155    Il-Kunsill isostni li huwa adotta l-approċċ imsemmija iktar 'il fuq peress li, primarjament, id-distinzjoni bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u dawk li mhumiex hija possibbli biss f’ċerti ċirkustanzi u skond ċerti approċċi, li huma ta' spiss inapplikabbli. It-tieni nett, huwa jindika li d-dumping ġie stabbilit biss għall-perijodu ta' investigazzjoni, iżda illi l-evoluzzjoni tas-sinjali tal-ħsara hija evalwata fuq perijodu ħafna itwal. Huwa impossibbli għall-Istituzzjonijiet Komunitarji jistabbilixxu jekk l-importazzjonijiet li għamlu l-oġġett tad-dumping matul il-perijodu ta' investigazzjoni kienu s-suġġett ta’ dumping matul il-perijodu ta’ analiżi, u bil-kontra. Barra minn hekk, il-Kunsill jenfasizza li l-approċċ adottat minnu jista’ jkun vantaġġjuż għall-esportaturi, filwaqt illi dak li jiddefendi r-rikorrenti jista’ jkun ta' ħsara għalihom. Fl-aħħar nett, il-Kunsill isostni li huwa aġixxa fil-limiti ta' setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, kif rikonoxxut bis-sentenza Thai Bicycle vs Il-Kunsill, punt 46 iktar 'il fuq. Il-Kunsill jinnota li, kuntrarjament għal dak li tippretendi r-rikorrenti, il-konklużjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1987, Nachi Fujikoshi vs Il-Kunsill (255/84, Ġabra p. 1861) hija ta’ natura ġenerali u li l-Qorti tal-Ġustizzja hemmhekk affermat li ma kienx neċessarju li tiġi identifikata dik il-ħsara li ġarrbet l-industrija tal-Komunità dovuta għall-importazzjonijiet ta' esportatur partikolari.

156    Sussidjarjament, il-Kunsill isostni li, anke jekk l-Istituzzjonijiet Komunitarji kienu żbaljaw meta stabbilixxew il-volum ta’ importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta' dumping minħabba li huma inkludew l-importazzjonijiet ta' CAS Corp., dan l-iżball ma kellux impatt konkret fuq id-determinazzjoni tal-ħsara bħala tali. Fl-aħħar nett, il-Kunsill jinnota li l-marġni ta’ dumping għal CAS Corp. kellu jkun magħruf b’mod ċar mir-rikorrenti, peress li hija kienet fil-pussess tad-dokument informattiv li huwa kien bagħat lilha, u jirrileva li r-rikorrenti ma kienet qajmet ebda oġġezzjoni f’dak l-istadju. Barra minn hekk, huwa jsostni li, anke kieku l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma kinux inkludew l-importazzjonijiet provenjenti mill-Korea ta’ Isfel u dawk provenjenti miċ-Ċina, huma kienu jaslu għall-istess konklużjonijiet fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet Ċiniżi.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

157    L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Bażiku jelenka r-regoli ġenerali li għandhom jiġu segwiti sabiex tiġi determinata l-eżistenza ta' dannu, u d-dispożizzjonijiet sussegwenti għal dan l-Artikolu jagħtu indikazzjonijiet iktar speċifiċi dwar din id-determinazzjoni. L-Artikolu 3(5) u (6) jipprovdu wkoll għall-eżaminazzjoni ta’ l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping.

158    L-eżami tat-tieni parti tat-tieni motiv jissupponi, l-ewwel nett, l-interpretazzjoni ta’ l-espressjoni “importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping”, li tidher fl-Artikolu 3 tar-Regolament Bażiku.

159    Għandu jiġi rilevat, mill-ewwel, li dan il-kunċett ikopro, b'mod ċar ħafna, l-ammont tat-tranżazzjonijiet kollha li huma s-suġġett recouvre ta’ dumping. Issa, minħabba l-impossibbiltà li jiġu eżaminati t-tranżazzjonijiet individwali kollha, jeħtieġ li, għall-finijiet ta' l-analiżi tad-dannu, jittieħdu in kunsiderazzjoni l-importazzjonijiet kollha, irrespettivament mil-liema produttur esportatur ġejjin li fir-rigward tiegħu huwa kkonstatat li huwa jeżerċita dumping. Min-naħa l-oħra, l-importazzjonijiet li jkun oriġinahom produttur esportatur li ngħatalu marġni ta’ dumping null jew minimu, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “li huma l-oġġett ta’ dumping” għall-finijiet ta’ l-analiżi tad-dannu.

160    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Bażiku, meta l-importazzjonijiet ta' prodott li jkun ġej minn iktar minn pajjiż wieħed huma fl-istess ħin suġġetti għal investigazzjonijiet kontra d-dumping, l-effetti ta' importazzjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu s-suġġett ta' evalwazzjoni kumulattiva biss jekk il-marġini ta' dumping stabbilit fir-rigward ta' l-importazzjonijiet minn kull pajjiż ikun iktar mil-livell de minimis kif definit fl-Artikolu 9(3), jekk il-volum ta' l-importazzjonijiet minn kull pajjiż mhuwiex ta' importanza żgħira u jekk evalwazzjoni kumulattiva ta' l-effetti ta' l-importazzjonijiet tkun xierqa fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni.

161    Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li din tippermetti t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiż partikolari biss sakemm dawn joriġinaw minn produttur esportatur li fir-rigward tiegħu huwa kkonstatat li jeżerċita dumping. Konsegwentement, l-importazzjonijiet provenjenti minn pajjiż li fir-rigward tiegħu marġni ta’ dumping għola mil-livell minimu jkun ġie stabbilit jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom biss jekk mat-total ma jkunx ġie magħdud ebda produttur esportatur li ġie mogħti lilu marġini ta' dumping null jew minimu.

162    Għaldaqstant, fil-kuntest preżenti, u fid-dawl ta’ l-għan u l-iskop ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Bażiku, għandu jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping” ma jkoprix l-importazzjonijiet provenjenti minn produttur esportatur li ma jipprattikax dumping, minkejja li huwa jkun jappartjeni lil pajjiż li jkun ġie lilu attribwit marġni ta’ dumping għola mil-livell minimu.

163    Din l-interpretazzjoni bl-ebda mod ma tmur kontra l-ġurisprudenza li tgħid li l-leġiżlatur Komunitarju, bil-għan li jiddetermina l-eżistenza ta' ħsara, jagħżel l-ambitu territorjali ta’ pajjiż partikolari jew ta’ diversi pajjiżi, billi, b’mod globali, jagħmel referenza għall-importazzjonijiet kollha li jkunu ġejjin minn dawn il-pajjiżi li huma s-suġġett ta’ dumping (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Ottubru 1999, Swedish Match Philippines vs Il-Kunsill, T-171/97, Ġabra p. II-3241, punt 65). F’dan ir-rigward, ġie deċiż li l-eżistenza ta’ ħsara kkaġunata lill-industrija tal-Komunità bl-importazzjonijiet imwettqa bi prezzijiet tad-dumping kellha tiġi evalwata b’mod globali, mingħajr m'huwa meħtieġ, u lanqas barra minn hekk possibbli, li tiġi identifikata l-parti minn din il-ħsara imputabbli lil kull waħda mill-kumpanniji responsabbli (sentenza Nachi Fujikoshi vs Il-Kunsill, punt 155 iktar 'il fuq, punt 46; is-sentenza Swedish Match Philippines vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66, u s-sentenza Arne Mathisen vs Il-Kunsill, punt 48 iktar 'il fuq, punt 123).

164    Issa, għandu jiġi rrilevat li, f’dawn il-kawżi, kienu involuti kumpanniji li kienu responsabbli għal importazzjonijiet magħmulin bi prezz tad-dumping. Min-naħa l- oħra, dan il-każ jinvolvi kumpannija li l-importazzjonijiet tagħha ma kinux is-suġġett ta’ dumping, li jfisser li qegħdin jiġu diskussi l-importazzjonijiet ta’ kumpannija li mhijiex responsabbli għad-dumping. Konsegwentement, il-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, bħala tali, mhijiex applikabbli għall-każ preżenti u ma taffettwax l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping”.

165    Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija konformi ma’ dik tal-Ftehim ODK, kif tirriżulta mir-rapport fuq il-bjankerija tas-sodda, li fir-rigward tiegħu għandu jiġi enfasizzat li l-konklużjonijiet tiegħu ġew aċċettati mill-Kunsill. Għaldaqstant, fil-premessa 17 tar-Regolament Nru 1644/2001, huwa kkonstatat li, “[s]kond il-Grupp speċjali, l-importazzjonijiet attribwibbli lil xi produttur esportatur li ma jipprattikax id-dumping ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu, għall-finijiet ta’ l-analiżi tal-ħsara, taħt il-kunċett ta’ 'importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping' ".[traduzzjoni mhux uffiċjali] Sussegwentement, il-Kunsill ipproċeda għal evalwazzjoni ġdida ta’ l-effetti ta’ l-importazzjonijiet li huma s-suġġett tad- dumping filwaqt li eskluda l-esportaturi li ma jipprattikawx id-dumping.

166    Minn dak kollu li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma kellhomx jikkunsidraw l-importazzjonijiet provenjenti mill-kumpannija Koreana CAS Corp., anke jekk kien ġie stabbilit marġni ta’ dumping għall-Korea ta’ Isfel għola mil-livell minimu, peress li din il-kumpannija ma kinitx tipprattika dumping.

167    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-effetti ta’ żball bħal dan, fil-każ preżenti. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi evalwat l-impatt ta’ l-imsemmi żball fir-rigward ta' dan il-kap tat-talbiet, li jikkonċerna l-ħsara li ġiet kkawżata lir-rikorrenti bil-fatt li ttieħdu in kunsiderazzjoni l-importazzjonijiet provenjenti minn CAS Corp fost l-importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ dumping (ara, f’das-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-2 ta’ Mejju 1995, NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill, T-163/94 u T-165/94, Ġabra, p. II-1381, punti 112 sa 115). Fil-fatt, mhuwiex biżżejjed, sabiex ir-Regolament ikkontestat jiġi annullat, li l-Kunsill wettaq żball, jeħtieġ ukoll li dan l-iżball ikun ħalla impatt fuq id-determinazzjoni ta’ l-eżistenza tal-ħsara u għaldaqstant fuq il-kontenut tar-Regolament innifsu.

168    Il-Kunsill isostni li huwa seta’ jiddetermina l-ħsara abbażi biss ta’ l-importazzjonijiet provenjenti miċ-Ċina. Għal dan il-għan huwa ħejja tabella fil-kontroreplika tiegħu, li fiha s-sinjali prinċipali tal-ħsara kif evalwati fl-ipoteżi li fiha jittieħdu in kunsiderazzjoni biss l-importazzjonijiet provenjenti miċ-Ċina u huwa qabbilhom ma’ dawk li kienu wassluh jadotta l-konklużjonijiet li jidhru fir-Regolament ikkontestat. Matul is-seduta kien ġie kkoreġut żball ta’ kalkolu f’din it-tabella.

Informazzjoni modifikata

data inizjali (kull pajjiż ikkonċernat)

Data ġdida (iċ-Ċina biss)

Volum ta’ l-importazzjonijiet ikkonċernati

Żieda: minn 14 853 unità fl-1995 għal 33 063 unità matul il-perijodu ta' investigazzjoni

Żieda: minn 3 456 unità fl-1995 għal 16 827 unità matul il-perijodu ta' investigazzjoni

Żieda fil-volum ta’ l-importazzjonijiet

123%

387%

Il-sehem mis-suq irrappreżentat mill-importazzjonijiet

Żieda: minn 9.2% fl-1995 għal 15.1% matul il-perijodu ta' investigazzjoni

Żieda: minn 2.1% fl-1995 għal 7.7% matul il-perijodu ta' investigazzjoni

Sensiela ta’ tnaqqis eċċessiv fil-prezzijiet f’kull pajjiż

0 għal 52% għaċ-Ċina


60 għal 65% għat-Tajwan


30 għal 50% għall-Korea ta’ Isfel

0 għal 52%

Importazzjonijiet tas-segment baxx (stima)

Żieda minn 14 407 għal 32 071 unità

Żieda minn 3 352 għal 16 322 unità

Żieda fil-volum (segment baxx)

123%

387%


169    Minn din it-tabella, li mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti u li d-data li hemm fiha fir-rigward tal-volum u s-sehem mis-suq ta’ l-importazzjonijiet, jidhru f'l-inkartament, jirriżulta li l-importazzjonijiet Ċiniżi lejn il-Komunità żdiedu bi 387% fejn telgħu minn 3456 unità fl-1995 għal 16 827 unità matul il-perijodu ta' investigazzjoni. Issa, l-importazzjonijiet provenjenti mill-Korea ta’ Isfel żdiedu biss matul il-perijodu ta' investigazzjoni b’32% (5 532 unità fl-1995 u 7 301 fl-1999) u dawk provenjenti mit-Tajwan biss b’52% (5 865 unità fl-1995 u 8 935 fl-1999). Iż-żieda kumulattiva tal-volum ta’ l-importazzjonijiet provenjenti minn dawn it-tliet pajjiżi kienet ta’ 123% (14 853 unità fl-1995 u 33 063 fl-1999). Għaldaqstant, l-importazzjonijiet provenjenti miċ-Ċina raw żieda ħafna ikbar, f’perċentwali, minn dawk provenjenti minn pajjiżi oħra kkonċernati. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, fid-dawl ta’ l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Bażiku, dak li hu importanti hu li jkun magħruf jekk kienx hemm żieda notevoli fl-importazzjonijiet provenjenti minn pajjiż terz partikolari fi kwantitajiet assoluti, u mhux biss f’perċentwali, jew jekk is-sehem mis-suq irrappreżentat mill-importazzjonijiet fil-konsum kkonstatat fil-Komunità żdiedx kunsiderevolment. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi kkunsidrat li l-fatt li kien hemm żieda minn 3456 unità fl-1995 għal 16 827 unità matul il-perijodu ta' investigazzjoni jirrappreżenta żieda notevoli fi kwantitajiet assoluti. Għal dak li għandu x’jaqsam mas-sehem mis-suq irrappreżentat mill-importazzjonijiet, dan żdied minn 2.1% fl-1995 għal 7.7% matul il-perijodu ta' investigazzjoni. Jeħtieġ li jiġi nnutat li, matul l-istess perijodu, is-sehem mis-suq miżmum mill-industrija tal-Komunità għall-imwieżen elettroniċi kollha, naqas minn 26.1 għal 24.9%, fatt dan li jirrappreżenta tnaqqis relattiv ta’ 4.6%. Dawn iċ-ċifri juru li l-importazzjonijiet provenjenti miċ-Ċina waħidhom kienu biżżejjed biex tiġi stabbilita l-ħsara.

170    Barra minn hekk, anke jekk il-ħsara setgħet ġiet ikkonstatata abbażi ta’ l-importazzjonijiet provenjenti miċ-Ċina waħidhom, għandhom jiġu eżaminati l-effetti ta’ l-esklużjoni ta’ l-esportazzjonijiet ta' Cas Corp. fuq il-volum ta’ l-importazzjonijiet kumulattivi provenjenti mit-tliet pajjiżi kkonċernati. Il-Kunsill ħejja wkoll tabella fuq dan is-suġġett fil-kontroreplika tiegħu, billi evalwa l-importazzjonijiet Komunitarji mingħajr riferenza għal dawk provenjenti minn CAS Corp. B’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kunsill ipprovda d-data li tikkonċerna lil CAS Corp. u kkompleta l-imsemmija tabella fl-istess rigward. Huwa kkoreġiha wkoll waqt is-seduta.

Informazzjoni emendata

Data inizjali (il-pajjiżi kollha kkonċernati)

Data ġdida (il-pajjiżi kollha kkonċernati bl-esklużjoni, għal dak li jirrigwarda l-Korea ta’ Isfel, ta' l-esportazzjonijiet ta' CAS Corp.)

Volum ta’ l-importazzjonijiet ikkonċernati

Żieda: minn 14 853 unità fl-1995 għal 33 063 unità matul il-perijodu ta' investigazzjoni

Żieda: minn 11 273 unità fl-1995 għal 29 248 unità matul il-perijodu ta' investigazzjoni

Żieda fil-volum ta’ l-importazzjonijiet

123%

159%

Is-sehem mis-suq irrappreżentat mill-importazzjonijiet

Żieda: minn 9.2% fl-1995 għal 15.1% matul il-perijodu ta' investigazzjoni

Żieda: minn 2.1% fl-1995 għal 7.7% matul il-perijodu ta' investigazzjoni

Sensiela ta’ tnaqqis eċċessiv fil-prezzijiet f’kull pajjiż

0 għal 52% għaċ-Ċina



60 għal 65% għat-Tajwan



30 għal 50% għall-Korea ta’ Isfel

0 għal 52% għaċ-Ċina



60 għal 65% għat-Tajwan



30 għal 32% għall-Korea ta’ Isfel

Importazzjonijiet tas-segment baxx (stima)

Żieda minn 14 407 għal 32 071 unità

Żieda minn 10 935 għal 28 671 unità

Żieda fil-volum (segment baxx)

123%

162%


171    Minn din it-tabella, li d-data tagħha mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti u li tidher fl-inkartament fir-rigward tal-volum u tas-sehem mis-suq ta’ l-importazzjonijiet, jirriżulta li l-volum ta’ esportazzjonijiet lejn il-Komunità tal-pajjiżi kollha kkonċernati, bl-esklużjoni, għal dak li għandu x’jaqsam mal-Korea ta’ Isfel, ta’ l-esportazzjonijiet ta' CAS Corp., żdied b’159%, minflok b'123% fil-każ li jittieħdu in kunsiderazzjoni dawn ta’ l-aħħar, u tela' minn 11 273 unità fl-1995 għal 29 248 unità matul il-perijodu ta' investigazzjoni. Għandha tiġi rrilevata wkoll żieda notevoli, fi kwantitajiet assoluti, ta’ l-esportazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, filwaqt illi l-esportazzjonijiet ta' CAS Corp baqgħu kważi kostanti. Barra minn hekk, is-sehem mis-suq irrappreżentat mill-importazzjonijiet provenjenti mill-pajjiżi kkonċernati lejn il-Komunità, mingħajr l-importazzjonijiet provenjenti minn CAS-Corp., tela' minn 7% għal 13.4%, li jirrappreżenta żieda konsiderevoli. Barra minn hekk, peress li s-sehem mis-suq irrappreżentat mill-esportazzjonijiet ta' CAS. Corp. ġie mnaqqas, iż-żieda tas-sehem mis-suq relattiva għall-produtturi l-oħra kienet iktar sinjifikanti.

172    Barra minn hekk, ma jidhirx li ġie stabbilit li l-konklużjonijiet tal-Kunsill relattivi għall-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet tal-prodotti Komunitarji simili, kif ukoll dawk li jikkonċernaw l-impatt ta' dawn l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Komunità setgħu kienu sostanzjalment differenti kieku l-Kunsill eskluda mill-analiżi tiegħu l-importazzjonijiet provenjenti mill-esportatur li ma pprattikax id-dumping.

173    Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-importazzjonijiet provenjenti mit-tliet pajjiżi kkonċernati, b’eċċezzjoni għall-importazzjonijiet provenjenti minn CAS Corp., kienu suffiċjenti minn kull lat sabiex jippermettu lill-Kunsill jistabbilixxi r-realtà tal-ħsara. Għaldaqstant l-iżball li l-Istituzzjonijiet Komunitarji għamlu meta ħadu in kunsiderazzjoni wkoll l-importazzjonijiet provenjenti minn CAS Corp. ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li kellu xi impatt deċiżiv fuq il-konklużjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza tal-ħsara.

174    Għaldaqstant, il-konstatazzjoni tagħha mhijiex biżżejjed sabiex twassal għall-annullament tar-Regolament ikkontestat.

5.     It-tielet parti: fir-rigward tal-konklużjoni li l-industrija tal-Komunità ġarrbet ħsara sinjifikanti

175    L-argument tar-rikorrenti dwar it-tielet parti tat-tieni motiv jista’ jinqasam f’erba’ partijiet, li ser jiġu eżaminati separatament.

a)     Id-differenza bejn il-data preliminari u dik definittiva

 L-argumenti tal-partijiet

176    Ir-rikorrenti ssostni li hemm kuntradizzjoni bejn id-data dwar il-ħsara li ġew ikkomunikati lilha fl-anness għall-ittra ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000 fil-forma ta’ tabella ppreparata f’April 2000 (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ April 2000”) u dik li tidher fid-dokument informattiv tal-21 ta’ Settembru 2000 u fir-Regolament ikkontestat. Din id-data kienet tikkonċerna, partikolarment, il-volum tal-bejgħ fil-Komunità, is-sehem mis-suq, il-prezz tal-bejgħ fil-Komunità u x-xogħol fl-industrija tal-Komunità, u, minħabba din il-kuntradizzjoni,din ma kinitx ibbażata fuq elementi ta’ prova pożittivi u inkonfutabbli, kif jitlob l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Bażiku.

177    Ir-rikorrenti tqis li hija kellha tkun f’pożizzjoni li tkun tista' tippreżumi li d-data kkomunikata mill-Kummissjoni lill-industrija tal-Komunità kienet eżatta, in kwantu l-konklużjonijiet provviżorji huma normalment suġġetti għal verifika mill--Kummissjoni li, ġeneralment, ma taċċettax modifiki tad-data wara l-verifika tagħha. Skond ir-rikorrenti, id-data in kwistjoni, li kienet ġiet ikkomunikata lilha diversi xhur wara l-ftuħ ta’ l-investigazzjoni, hija kruċjali sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Istituzzjonijiet Komunutarji kinux korrettament stabbilixxew li l-industrija tal-Komunità kienet ġarrbet ħsara sinjifikanti.

178    Il-Kunsill jinvoka, fl-ewwel lok, l-inammissibbiltà ta’ dan l-ilment, peress li dan m'għandu ebda konnessjoni ma’ l-allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti indirettament takkuża lill-Istituzzjonijiet Komunitarji li ma pprovduwhiex b'informazzjoni finali suffiċjenti, billi naqqsu milli jirrispondu għad-domandi tagħha dwar l-eżistenza ta' kuntradizzjoni bejn id-data preliminari u d-data definittiva. Sussidjarjament, dan l-ilment huwa, skond il-Kunsill, infondat peress li l-unika domanda rilevanti hija dik dwar l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni relattiv għall-interpretazzjoni tad-data definittiva, kif tinsab fir-Regolament ikkontestat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

179    Preliminarjament, fir-rigward ta’ l-allegata inammissibbiltà ta’ l-ilment, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, dan huwa marbut ma’ l-allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, jekk jiġi meqjus li l-Istituzzjonijiet Komunitarji bbażaw ruħhom, erronjament, fuq data żbaljata, huma allura interpretaw il-fatti b’mod żbaljat u, għaldaqstant, setgħu wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni. Għaldaqstant, dan l-ilment huwa ammissibbli.

180    Fir-rigward tal-mertu, il-Kummissjoni, fl-ittra tagħha ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000 tat lir-rikorrenti aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tat-tabella li tidher f’dokument li hija kienet ippreparat f’April 2000 u li, skond il-Kunsill, kien fih, il-konklużjonijiet preliminari dwar il-ħsara. Ċerta data kienet differenti fid-dokument ta’ April 2000 minn dik li tinstab fid-dokument informattiv tal-21 ta’ Settembru 2000 u fir-Regolament ikkontestat. Din id-data kienet tikkonċerna, b’mod partikolari, il-volum tal-bejgħ fil-Komunità, is-sehem mis-suq, il-prezz tal-bejgħ fil-Komunità u x-xogħol fl-industrija tal-Komunità.

181    Mill-inkartament jirriżulta li l-produtturi Komunitarji ma kinux jaqblu mad-data relatata ma' ċerti sinjali tal-ħsara msemmija fid-dokument ta’ April 2000. L-Istituzzjonijiet Komunitarji għalhekk qisu l-osservazzjonijiet magħmula mill-industrija tal-Komunità waqt il-laqgħa tas-6 ta’ April 2000 u fl-okkażjoni tal-korrispondenza ulterjuri tagħhom.

182    F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif ġustament jindika l-Kunsill, investigazzjoni kontra d-dumping hija, fil-verità, proċess kontinwu li fih jiġu riveduti kostantement diversi konklużjonijiet. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-konklużjonijiet finali ta’ l-Istituzzjonijiet Komunitarji jkunu differenti mill-konklużjonijiet stabbiliti fi stadju partikolari ta’ l-investigazzjoni. Barra minn hekk, id-data provviżorja tista', strettament, tiġi mmodifikata fil-kors ta’ l-investigazzjoni. Għalhekk ir-rikorrenti mhijiex fondata meta ssostni li l-allegata kuntradizzjoni turi, b’xi mod, in-nuqqas ta’ oġġettività u ta’ affidabbiltà tad-data in kwistjoni. Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-ħsara għandha tkun stabbilita fir-rigward tal-mument ta’ l-adozzjoni ta’ att eventwali li jistabbilixxi miżuri protettivi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Novembru 1989, Epicheiriseon Metalleftikon Viomichanikon Kai Naftiliakon et vs Il-Kunsill, C-121/86, Ġabra p. 3919, punti 34 u 35).

183    Fid-dawl ta' din il-ġurisprudenza, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti dwar id-differenzi bejn il-konklużjonijiet preliminari u dawk definittivi mhuwiex rilevanti.

184    Konsegwentement, l-ewwel ilment ma jistax jiġi milqugħ.

b)     L-evalwazzjoni ta’ ċerti sinjali tal-ħsara.

 L-argumenti tal-partijiet

185    Ir-rikorrenti ssostni li l-Istituzzjonijiet Komunitarji kkommettew żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludew li l-data dwar l-ishma mis-suq, il-prezzijiet ta' bejgħ tal-prodott simili u l-profitabbiltà kienet tindika l-eżistenza ta’ xi ħsara sinjifikanti. Din ta’ l-aħħar turi biċ-ċar żvilupp differenti tas-sinjali ekonomiċi relattivi għas-sitwazzjoni tal-produtturi Komunitarji li kienu qegħdin jipparteċipaw fil-proċedura, bejn l-1995, minn naħa, u l-perijodu ta' investigazzjoni, min-naħa l-oħra.

186    F’dak li jikkonċerna s-sehem mis-suq, ir-rikorrenti ssostni li, minħabba l-kuntradizzjonijiet li jeżistu fid-data, mhuwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li l-konklużjonijiet relatati magħha kienu bbażati fuq elementi eżatti.

187    Fir-rigward tal-prezzijiet ta' bejgħ, ir-rikorrenti ssostni li l-esklużjoni tal-fattur relatat ma' l-iżvilupp tal-prezz tat-tliet segmenti tas-suq ta’ l-imwieżen elettroniċi hija inkompatibbli mad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, kif mogħtija fil-premessi 10 u 11 tar-Regolament ikkontestat u man-natura skambjabbli tat-tliet segmenti. Ir-rikorrenti tenfasizza, f’dan ir-rigward, in-nuqqas ta' analiżi għal kull segment kkonstatat matul il-proċeduri preċedenti ta’ kontra d-dumping. Hija tirreferi għalhekk għall-premessa 73 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 993/93 tas-26 ta’ April 1993 li jimponi dazji ta’ kontra d-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti mwieżen elettroniċi li joriġinaw mill-Ġappun (ĠU L 104, p.4) u għall-premessa 36 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1103/93 tat-30 ta’ April 1993, li jimponi dazji ta’ kontra d-dumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ ċerti mwieżen elettroniċi li joriġinaw minn Singapor u mill-Korea ta’ Isfel (ĠU L 112, p.20). F’kull każ, il-Kunsill kiser l-Artikolu 3(8) tar-Regolament Bażiku meta għamel analiżi għal kull segment, minħabba li l-imsemmi Artikolu ma jawtorizzax li ssir evalwazzjoni separata għas-segementi tal-prodott simili.

188    Barra minn hekk, hija tosserva illi fir-regolamenti reċenti li jimponu dazji ta' kontra d-dumping definittivi fuq l-imwieżen elettroniċi, ġew meqjusa l-prezzijiet medji tal-bejgħ peżati iktar milli l-prezzijiet medji tal-bejgħ stabbiliti għal kull segment. F'dan ir-rigward hija tinvoka l-premessa 42 tar-Regolament Nru 468/2001, u l-premessa 52 tar-Regolament Nru 469/2001.

189    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni tal-Kunsill li l-prezzijiet tal-bejgħ naqsu kif ukoll l-asserzjoni ta’ l-imsemmi Kunsill li d-data li turi żieda fil-prezz tal-bejgħ ta' 17% hija żbaljata. Hija tindika li din l-affermazzjoni ta’ l-aħħar tikkuntradixxi t-termini tal-premessa 83 tar-Regolament ikkontestat u tqis li din il-kuntradizzjoni tikkostitwixxi prova tal-fatt li d-determinazzjoni tal-ħsara mhijiex ibbażata fuq elementi ta’ prova inkontestabbli.

190    Barra minn hekk, skond l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku, il-Kunsill kellu jeżamina l-prezzijiet medji tal-bejgħ flimkien mal-fatturi li jinfluwenzaw dawn il-prezzijiet, bħat-tnaqqis progressiv ta’ l-ispejjeż tal-produzzjoni, li barra minn hekk huwa msemmi fil-premessa 122 tar-Regolament ikkontestat. Barra minn hekk, skond ir-rikorrenti, il-prassi reċenti ta’ l-Istituzzjonijiet Komunitarji turi li fatturi li jinfluwenzaw il-prezzijiet Komunitarji huma analizzati flimkien mal-prezzijiet innifishom, bil-għan li jiġi stabbilit jekk bdil relatat ma' l-ispejjeż ta' produzzjoni jistax ikollu effett fuq il-prezzijiet ta' bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità. Hija għalhekk tibbaża ruħha, partikolarment, fuq il-premessi 80 u 81 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1612/2001 tat-3 ta’ Awwissu 2001 li jimponi dazji ta’ kontra d-dumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ ferro-molibdenu li joriġina miċ-Ċina (ĠU L 214, p.3).

191    Fir-rigward tal-profitabbiltà, ir-rikorrenti tinvoka wkoll l-eżistenza ta’ kuntradizzjoni manifesta, li tivvizzja d-definizzjoni mogħtija mill-Kunsill tal- prezz li ma jagħmilx ħsara. Skond hija, peress li l-marġni tal-qligħ li kellha l-industrija tal-Komunità matul il-perijodu ta' investigazzjoni kien ta’ madwar 10%, il-Kunsill kellu jikkonkludi li l-profitabbiltà globali kienet suffiċjenti. Il-marġni ta' qligħ ta’ 10% huwa dak li, skond l-Istituzzjonijiet Komunitarji, l-industrija tal-Komunità setgħet tistenna li jkollha fuq il-bejgħ ta’ l-imwieżen elettroniċi fil-Komunità Ewropea fin-nuqqas ta’ importazzjonjiet li huma s-suġġett ta’ dumping. Ir-rikorrenti tikkunsidra li ż-żieda fil-qligħ kienet dovuta fil-parti l-kbira tagħha għat-tnaqqis kbir fl-ispejjeż ta' produzzjoni.

192    Il-Kunsill jikkontesta l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tas-sinjali ekonomiċi relattivi għall-ishma mis-suq, għall-prezzijiet ta' bejgħ u għall-profitabbiltà ta’ l-industrija tal-Komunità.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

193    Preliminarjament, għal dak li jikkonċerna l-fatt li r-rikorrenti tibbaża l-argument tagħha fuq id-differenzi bejn id-data preliminari u dik definittiva, għandu jiġi mfakkar li dan l-ilment ġie miċħud waqt l-eżami ta’ l-ilment preċedenti.

–       Il-prezz tal-bejgħ ta’ prodott simili

194    Fil-premessa 83 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill jikkonstata li l-prezzijiet tal-bejgħ ta’ l-imwieżen elettroniċi fis-suq Komunitarju naqsu bi 11% għas-segment għoli, bi 18% għas-segment medju u bi 17% għas-segment baxx. B’risposta għal rimarka magħmula mir-rikorrenti matul il-proċedura ta’ kontra d-dumping, li tgħid li l-prezzijiet medji tal-bejgħ ta' l-imwieżen elettroniċi kollha f’daqqa, kienu żdiedu fil-kors tal-perijodu ta' analiżi, il-Kunsill, fil-premessa 83 tar-Regolament ikkontestat, ikkonstata, kif kienet għamlet ukoll il-Kummissjoni f’termini oħra, fl-ittra tagħha tat-23 ta’ Ottubru 2000, li “din iż-żjieda apparenti [kienet] interament dovuta għall-evoluzzjoni tat-tqassim tal-bejgħ (jiġifieri għall-bidliet sostanzjali fil-volum tal-bejgħ fis-segmenti differenti bejn l-1995 u l-perijodu ta' investigazzjoni)”.

195    B’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kunsill iġgustifika d-differenza bejn il-kalkolu preliminari, li juri, fid-dokument ta’ April 2000, żieda fil-prezz tal-bejgħ ta’ 17% għall-imwieżen elettroniċi kollha, u l-kalkolu finali, li juri biċ-ċar, din id-darba, l-eżistenza ta tnaqqis, għal kull segment separat ikkunsidrat. Mir-risposta tal-Kunsill jirriżulta li l-Kummissjoni għamlet tliet emendi għall-kalkolu preliminari li, flimkien, jispjegaw kif intlaħqu r-riżultati differenti li jikkonċernaw il-varjazzjoni fil-prezzijiet. Primarjament, il-kalkolu espost fid-dokument ta’ April 2000 kellu żball, peress li kellu jidher fih biss il-bejgħ li sar lil klijenti indipendenti, fatt li ma kienx jirrifletti l-kliem użat fit-tabella. Minħabba dan il-fatt, id-dokument ta’ April 2000 kien isemmi żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ, filwaqt illi, peress illi l-kalkolu li jidher fid-dokument juri żieda ta’ 35% tal-kwantitajiet mibjugħa u żieda fil-fatturat ta’ 27%, ir-riżultat miksub kellu juri tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ ta’ 6%, li jikkorrispondi għal indiċi ta’ 94, b'applikazzjoni tal-metodu ġeneralment użat sabiex tiġi kkalkulata l-evoluzzjoni fil-prezzijiet li jikkonsisti fid-diviżjoni, għal kull sena, tal-valur totali tal-bejgħ bil-volum totali tagħhom (127/135), fejn l-indiċi 100 jikkorrispondi għall-bidu tal-perijodu ta' investigazzjoni (1995). It-tieni nett, il-Kummissjoni rreveda wkoll kemm il-kalkolu li jikkonċerna l-evoluzzjoni tal-volum tal-bejgħ. Filwaqt illi l-kalkolu ppreżentat fid-dokument ta’ April 2000 kien juri żieda ta’ 35% fil-kwantitajiet mibjugħa, din iż-żieda kienet biss ta' 29% skond il-kalkolu finali kemm tal-Kummissjoni u kif ukoll tal-Kunsill (ara l-premessa 79 tar-Regolament ikkontestat). Din l-emenda kellha effett ċar fuq il-kalkolu ta' l-evoluzzjoni tal-prezzijiet. Peress li ż-żieda fil-fatturat, għall-imwieżen elettroniċi kollha f’daqqa, kienet ta’ 27% (ara l-premessa 80), ir-rapport bejn din iż-żieda u dik tal-kwantitajiet totali mibjugħa kienet ta’ 98 (127/129), jiġifieri tnaqqis fil-prezz globali ta’ kważi 2%. It-tielet nett, il-Kummissjoni kkalkulat l-evoluzzjoni tal-prezzijiet għal kull kategorija ta’ prodotti u mhux b’mod globali, fatt li jispjega d-differenza li tibqa’ fir-rigward ta' l-evoluzzjoni tal-prezzijiet.

196    Barra minn hekk, mir-risposta tal-Kunsill jirriżulta wkoll li, skond fenomenu magħruf sew fost l-istatistiċi, meta prodott ikollu kategoriji differenti, il-kalkolu ta' evoluzzjoni globali tal-prezzijiet (ibbażat fuq l-evoluzzjoni tal-volumi u l-valuri tal-bejgħ) huwa vvizzjat jekk il-prezzijiet u t-tendenzi fil-volum tal-bejgħ ivarjaw b'mod sostanzjali minn kategorija għal oħra. Peress li dan hu l-każ fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni kkalkulat l-evoluzzjoni tal-prezzijiet għal kull kategorija ta’ prodotti. Issa, kif ġie deċiż fil-punti 127 sa 131 iktar 'il fuq, l-eżami għal kull kategoriji ma jmurx kontra l-Artikolu 3(8) tar-Regolament Bażiku.

197    Għaldaqstant, f'dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex possibbli li l-Istituzzjonijiet Komunitarji jiġu akkużati li wettqu xi żball manifest ta’ evalwazzjoni meta huma ma adottawx bħala metodu ta’ kalkolu dak li huwa intiż sabiex jinkiseb prezz tal-bejgħ medju peżat. F’kull każ, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li ebda element li hemm fl-inkartament ma jinvalida l-kalkolu skond liema l-prezzijiet tal-bejgħ, tal-kategoriji kollha f’daqqa, tbaxxew b’madwar 2% bejn l-1995 u l-perijodu ta' investigazzjoni, flok żdiedu b’17%, kif kien jindika l-kalkolu preliminari.

198    Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li l-evoluzzjoni tal-prezzijiet kellha tiġi analizzata flimkien mal-fatturi li jaffettwaw dawn il-prezzijiet, bħall-evoluzzjoni, fil-Komunità, ta’ l-ispejjeż ta' produzzjoni u tal-produttività għal dak li jikkonċerna l-prodott ikkonċernat, mhuwiex rilevanti. Għalkemm l-Istituzzjonijiet Komunitarji setgħu ġieli eżaminaw ukoll fatturi oħra, flimkien ma’ l-eżami tal-prezzijiet, għandu jiġi rrimarkat li dan l-eżami jsir każ b’każ u li, għaldaqstant, jista' jvarja skond il-każ. F’kull każ, kif jindika l-Kunsill, il-fatturi li r-rikorrenti tinvoka kienu ttieħdu in kunsiderazzjoni meta ġiet evalwata l-profitabbiltà kif ukoll fil-konklużjonijiet finali tal-Kunsill fuq il-ħsara. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Istituzzjonijiet Komunitarji eżaminaw “fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet Komunitarji”, kif jitlob l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku.

–       Il-profitabbiltà u l-effett ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro

199    Fil-premessa 89 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill ikkonstata li, “l-profitabbiltà globali ta' l-industrija tal-Komunità ma kienx f'livell illi fih seta' raġonevolment jiġi mistenni matul il-perijodu ta' investigazzjoni, minħabba l-effetti dipressivi fuq il-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet illi huma l-oġġetti ta' dumping”. Issa, skond ir-rikorrenti, din il-konklużjoni tikkuntradixxi l-premessa 131 tar-Regolament ikkontestat, fejn jirriżulta li marġni ta’ qligħ ta’ 10% huwa meqjus neċessarju sabiex tiġi assigurata l-profitabbiltà ta’ l-industrija tal-Komunità, kif ukoll il-premessa 84 li tgħid “[i]r-ritorn fuq il-valur tal-bejgħ tar-REWS komplessivament żdied mil-livelli baxxi pożittivi fl-1995 sa madwar 10 % [matul il-]perijodu ta' investigazzjoni”, mentri, b' kuntrast, "il-grupp tal-medda l-baxxa sofra waqa' mill-profitabbiltà baxxa posittiva fl-1995 għall-telf sostanzjali fil-perijodu ta' investigazzjoni (madwar 20 %).”

200    Issa, il-Kunsill ġustament isostni li l-marġni ta’ qligħ kien jikkostitwixxi sempliċiment, b'kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha, il-kundizzjoni minima għas-sopravvivenza ta’ l-industrija tal-Komunità, li fil-każ preżenti, kienet insuffiċjenti fid-dawl ta’ l-effett ikkawżat mill-prospettiva ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro. Il-Kummissjoni spjegat, fil-punt 4.4.7 tad-dokument informattiv tal-21 ta’ Settembru 2000, li l-qligħ normali għall-industrija tal-Komunità kien ta’ 10%. Għaldaqstant, din l-industrija ma setgħetx tilħaq dan il-livell matul is-snin li jippreċedu qabel l-effett li nħoloq mill-prospettiva ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro. B’kuntrast, matul il-perijodu ta' investigazzjoni, il-profitabbiltà ta’ l-industrija tal-Komunità kienet f’livell suffiċjenti biex tiġi assigurata l-profitabbiltà tagħha minħabba dan l-effett, li kien qiegħed iżid il-volum tal-bejgħ.

201    Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-premessi 85 sa 88 tar-Regolament ikkontestat, għandu jiġi kkonstatat li l-Istituzzjonijiet Komunitarji nnewtralizzaw l-impatt ta’ l-effett tal-prospettiva ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro fuq il-profitabbiltà, billi kkonkludew li l-profitabbiltà ma tkunx biżżejjed mingħajr l-effett in kwistjoni. Huwa opportun li jiġi mfakkar li l-impożizzjoni ta’ dazju kontra d-dumping hija miżura li tipproduċi l-effetti tagħha fil-futur. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħhom, l-Istituzzjonijiet Komunitarji setgħu jeliminaw l-effetti ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro fl-eżami tagħhom tal-profitabbiltà ta’ l-industrija tal-Komunità, mingħajr ma jwettqu ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni.

202    Konsegwentement, it-tieni lment ma jistax jiġi milqugħ.

c)     L-eżistenza ta’ ħsara sinjifikanti u l-evalwazzjoni tal-fatti.

 L-argumenti tal-partijiet

203    Ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward tal-fatturi relattivi għat-tqassim tas-suq u għall-evoluzzjoni fil-prezzijiet medji għall-imwieżen elettroniċi kollha tat-tliet segmenti, il-Kunsill, safejn huwa kkonkluda li teżisti ħsara sinjifikanti li taffettwa l-industrija tal-Komunità, ma pproċediex għall-evalwazzjoni oġġettiva tal-fatti, li minnhom jirriżulta, minn naħa, li l-ishma mis-suq ta’ l-industrija tal-Komunità kienu żdiedu bejn l-1995 u l-perijodu ta' investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-ispejjeż ta' produzzjoni raw tnaqqis parallel. Barra minn hekk, il-Kunsill kiser l-Artikolu 3(8) tar-Regolament Bażiku, minħabba l-fatt li l-konklużjonijiet tiegħu dwar il-ħsara me kellhomx ikunu bbażati fuq din id-data.

204    Il-Kunsill jinnota li r-rikorrenti tillimita ruħha tirrepeti l-argument imressaq in konnessjoni mat-tieni parti tat-tieni motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

205    Ir-rikorrenti tinvoka hawnhekk l-istess argumenti bħal dawk li diġà ġew trattati u miċħuda fil-punti 127 sa 131, 180 sa 184 u 198 iktar 'il fuq.

206    Konsegwentement, it-tielet ilment ma jistax jiġi milqugħ.

d)     Il-bidu u l-quċċata ta’ l-effett derivanti mill-prospettiva ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro.

 L-argumenti tal-partijiet

207    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta evalwa l-impatt ta’ l-effett ikkaġunat mill-prospettiva ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro fuq is-sitwazzjoni ta’ l-industija tal-Komunità. Skond ir-rikorrenti, minħabba l-kuntradizzjonijiet sinjifikanti bejn id-data li fuqha l-Istituzzjonijiet Komunitarji bbażaw l-eżami ta’ l-impatt ta’ l-effett ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro u l-konklużjonijiet tagħhom, ir-Regolament ikkontestat mhuwiex ibbażat fuq elementi ta’ provi pożittivi u inkonfutabbli u ma jinvolvix eżami oġġettiv. Barra minn hekk, f'dak li jirrigwarda l-allegati konnessjonijiet bejn it-titjib tal-profitabbiltà u l-introduzzjoni ta’ l-Ewro, ir-rikorrenti tinnota li ż-żieda in kwistjoni tirriżulta minn spejjeż iktar baxxi u mhux mill-prospettiva ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro.

208    Il-Kunsill jirrileva, minn naħa, l-irrilevanza ta’ l-argument invokat mir-rikorrenti, peress illi din ma tikkontestax l-eżistenza ta’ l-effett ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro bħala tali, iżda biss iż-żmien li fih inħass l-effett. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tipprovdix il-prova tan-natura żbaljata ta' l-evalwazzjoni magħmula mill-Istituzzjonijiet Komunitarji.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

209    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza ta’ l-effett ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro bħala tali, iżda l-validità tal-provi li fuqhom hija bbażata l-evalwazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni tal-bidu u tal-quċċata ta’ dan l-effett.

210    Fir-rigward tal-bidu ta’ l-effett ikkaġunat mill-prospettiva ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro, dan seħħ, għall-Istituzzjonijiet Komunitarji, fl-1997, fiwlaqt illi r-rikorrenti tirreferi għas-sena 1998, billi tirreferi għas-sunt mhux kunfidenzjali tar-risposta ta’ Bizerba għall-kwestjonarju ta’ l-investigazzjoni, datat 17 ta’ Novembru 1999. Fil-punt I.1 ta’ dan id-dokument hemm indikat li, “[f]ortunatament, l-introduzzjoni ta’ l-Ewro wasslet għal żieda temporanja għad-domanda mill-aħħar tliet xhur tas-sena 1998”. Fl-ittra ta’ Bizerba ta’ l-10 ta’ April 2000, hemm indikat li, “[m]inħabba l-introduzzjoni ta’ l-Ewro, il-fatturat li rriżulta mill-bejgħ fil-Komunità beda jikber ħarira fl-1998 u matul il-perijodu ta' investigazzjoni” u li “is-suq Komunitarju totali ta’ l-[imwieżen elettroniċi kien] madankollu lest għal żieda ħafna ikbar, bejn wieħed u ieħor ta' 50%, bejn l-1997 u l-perijodu ta' investigazzjoni, minħabba l-[mistennija] sostituzzjoni ta’ l-imwieżen [elettroniċi] fl-ambitu ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro”. Fl-aħħar nett, mill-grafika li għamlet Bizerba fl-ittra tagħha ta’ l-10 ta’ April 2000, jirriżulta li l-bejgħ ta’ l-imwieżen elettroniċi kollha żdied mill-1996. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li d-data pprovduta minn Bizerba hija xi drabi kuntradittorja u f’kull każ inċerta.

211    Peress li fl-investigazzjonijiet kontra d-dumping, l-Istituzzjonijiet Komunitarji għandhom jeżaminaw id-data kollha sottomessa lilhom mill-industrija tal-Komunità, huwa possibbli li d-data li hemm fir-Regolament ikkontestat, li tirriproduċi l-data finali, tkun differenti mid-data sottomessa minn impriża f’mument speċifiku, partikolarment meta din id-data jkun fiha kuntradizzjonijiet jew inkoerenzi, b'kundiserazzjoni għas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-Istituzzjonijiet Komunitarji f' dan il-qasam. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet ta’ Bizerba ddatati 10 ta’ April 2000, is-suq komunitarju kollu ta’ l-imwieżen elettroniċi kien is-suġġett ta' tkabbir kbir bejn l-1997 u l-perijodu ta' investigazzjoni. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Kunsill seta’ ġustament jikkunsidra li l-bidu ta’ l-effett ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro kien diġà perċettibbli fl-1997. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ppreżentatx provi li juri li l-Istituzzjonijiet Komunitarji kienu żbaljaw f’dan ir-rigward.

212    Għal dak li jikkonċerna l-quċċata ta’ l-effett ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro, għall-Istituzzjonijiet Komunitarji, dan seħħ fl-1999, filwaqt illi r-rikorrenti tqis li dan seħħ matul is-sena 2001, billi tirreferi għad-data mgħoddija mill-industrija tal-Komunità.

213    Issa, il-fatt li l-konklużjonijiet ta’ l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma jaqblux interament ma’ l-osservazzjonijiet kollha ta’ l-industrija tal-Komunità ma jfissirx li l-Istituzzjonijiet Komunitarji kienu kkommettew żball manifest ta’ evalwazzjoni. Mill-punt 7.4 ta’ l-ittra tal-Kummissjoni ddatata 4 ta’ Otturbu 2000 jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ibbażat il-previżjonijiet tagħha fuq l-informazzjoni ppreżentata mill-industrija tal-Komunità fir-rigward ta’ l-effett ta’ l-introduzzjoni ta’ l-ewro. Il-Kunsill, fir-risposta tiegħu, ifakkar li kien proprju abbażi ta’ din l-analiżi li l-Istituzzjonijiet Komunitarji kienu pprevedew li l-effett ikkawżat mill-prospettiva ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro kien ser jilħaq il-quċċata tiegħu fl-1999. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li mill-ilment tal-produtturi Komunitarji jirriżulta li dawn kienu indikaw li t-tmiem ta’ l-effett ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro kien mistenni fil-perijodu bejn is-snin 2000 u 2003. Fl-aħħar nett, għalkemm ir-Regolament ikkontestat għamel referenza għall-fatt li l-quċċata ta’ l-effett ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro kienet intlaħqet fl-1999, l-istess Regolament kien jindika wkoll li ż-żieda temporanja fil-bejgħ kienet damet sas-sena 2000. Fil-premessa 64, huwa espressament ikkonstatat li l-effett ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro wassal biex ġab ’il quddiem xi bejgħ minn perijodu (bejn is-snin 2001 u l-2004) għal ieħor (bejn is-snin 1997 u l-2000). Għalhekk, skond ir-Regolament ikkontestat, l-effett ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro kien għadu ma spiċċax fl-1999.

214    Huwa opportun li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċietx provi li juru li l-previżjonijiet ta’ l-Istituzzjonijiet Komunitarji kienu manifestament żbaljati u mhux ibbażati fuq elementi ta’ prova pożittivi. Għandu jiġi nnutat ukoll li r-rikorrenti ma wrietx kif kienu jkunu affettwati l-konklużjonijiet tal-Kunsill fuq il-ħsara, kieku l-bidu ta’ l-effett ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro seħħ fi tmiem is-sena 1998 u l-quċċata tagħha fl-2001. F’kull każ, l-introduzzjoni ta’ l-Ewro pproduċiet l-effetti tagħha matul il-perijodu ta' investigazzjoni.

215    Konsegwentement, ir-raba’ lment ma jistax jiġi milqugħ.

216    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

6.     Ir-raba’ parti: fir-rigward ta' l-iżball manifest ta’ l-Istituzzjonijiet Komunitarji f'dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-kobor tal-marġni ta’ dumping effettiv

a)     L-argumenti tal-partijiet

217    Ir-rikorrenti ssostni li l-Istituzzjonijiet Komunitarji kkommettew żball manifest, bi ksur ta’ l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku, f'dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-kobor tal-marġni ta’ dumping effettiv. Fil-fatt, il-marġni tat-tnaqqis eċċessiv fil-prezzijiet ta’ l-imwieżen elettroniċi provenjenti mill-pajjiżi indikati meta mqabbel ma’ l-imwieżen tal-Komunità huwa nettament għola mill-marġni ta’ dumping effettiv. Għaldaqstant, l-eliminazzjoni potenzjali tal-prassi ta' dumping ma twassal għal ebda bidla sostanzjali fil-marġni tat-tnaqqis eċċessiv fil-prezzijiet. Ir-rikorrenti ssostni għalhekk, li l-marġni ta’ dumping u l-marġni tat-tnaqqis eċċessiv fil-prezzijiet għandhom jiġu pparagunati. Hija tqis li tali paragun jista’ juri li l-ħsara tirriżulta minn fatturi oħra għajr mid-dumping.

218    Il-Kunsill jikkontesta li l-Istituzzjonijiet Komunitarji għandhom l-obbligu li jagħmlu paragun bejn il-marġni tat-tnaqqis eċċessiv fil-prezzijiet u l-marġni ta' dumping; żewġ kunċetti li huma diffiċilment paragunabbli. Il-marġni ta’ dumping għandu dejjem jitiqies bħala rilevanti minnu nnifsu għad-determinazzjoni tal-ħsara, jekk ikun għola mil-livell de minimis skond l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Bażiku, irrispettivament mill-marġni tat-tnaqqis eċċessiv effettiv fil-prezzijiet.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

219    Għandu jiġi nnutat li r-Regolament Bażiku ma jipprovdix li l-marġni ta’ dumping għandhom jiġu pparagunati mal-marġni tat-tnaqqis eċċessiv fil-prezzijiet, u li, fil-każijiet fejn il-marġni ta’ dumping ikun inqas mill-marġni tat-tnaqqis eċċessiv fil-prezzijiet, dan il-paragun juri li l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità ma tirriżultax mid-dumping, imma minn fatturi oħra bħall-vantaġġi naturali, f’termini ta’ spejjeż, li kellhom l-esportaturi.

220    Għaldaqstant, l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma jistgħux jiġu akkużati li ma pproċedewx b’dan il-paragun. Fil-fatt, skond l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Bażiku, l-eżami tat-tnaqqis eċċessiv fil-prezzijiet in relazzjoni mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija tal-Komunità jidħol fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet, filwaqt illi, skond l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku, l-evalwazzjoni tal-fatturi differenti, li tinkludi l-kobor tal-marġni ta’ dumping effettiv, tidħol fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-impatt ta’ l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Komunità. Il-Kunsill espona l-eżami tiegħu tat-tnaqqis eċċessiv fil-prezzijiet, fil-premessi 72 sa 74 tar-Regolament ikkontestat u, fil-premessa 90 ta’ l-istess Regolament, huwa eżamina l-kobor tal-marġni ta’ dumping effettiv, kif ikkonstatat iktar 'il fuq. Għalhekk, sabiex jevalwa l-ħsara, huwa ħa in kunsiderazzjoni wieħed mill-fatturi elenkati fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku, mingħajr ma kellu bżonn jipparagunah, f'dan ir-rigward, mal-marġni tat-tnaqqis eċċessiv fil-prezzijiet.

221    Konsegwentement, jeħtieġ li r-raba’ parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda bħala infondat.

7.     Il-ħames parti: fir-rigward tal-ksur ta’ l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament Bażiku relatat mat-teħid in kunsiderazzjoni tal-figuri ta' Eurosta

a)     L-argumenti tal-partijiet

222    Ir-rikorrenti ssostni li l-konklużjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ ħsara sinjifikanti li taffettwa l-industrija tal-Komunità ttieħdet bi ksur ta’ l-Artikolu 3(3), moqri flimkien ma' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Bażiku, safejn, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-volum ta’ importazzjonijiet, il-Kunsill irrefera għal statistiċi ta' l-Eurostat li jinkludu importazzjonijiet ta’ prodotti differenti mill-prodott ikkonċernat.

223    Fil-fatt, il-klassifika li tikkorrispondi għall-Kodiċi NM 8423 8150 tinkludi prodotti li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura, peress li l-kriterju għall-inklużjoni applikat jikkontempla kull tip ta’ miżien li għandu kapaċità li jiżen affarijiet inqas minn 30 kilogramma, maħsub għal użu kummerċjali. Ir-rikorrenti tinnota li l-Kunsill jirrikonoxxi li l-Kodiċi NM 8423 8150 jinkludi mwieżen oħra għajr l-imwieżen elettroniċi.

224    Ir-rikorrenti tinvoka wkoll id-data li ħarġet mill-istudju tas-suq magħmul mill-produtturi Komunitarji fil-bidu ta’ l-ilment, li skond l-istess studju 50% biss ta’ l-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina kklassifikati taħt il-kodiċi ċċitat iktar ’il fuq jikkonċernaw imwieżen elettroniċi li huma s-suġġett tar-Regolament ikkontestat.

225    Ir-rikorrenti tiċħad id-dikjarazzjoni tal-Kunsill li l-elementi kollha ta’ prova miġbura jixhdu li biss imwieżen elettroniċi kienu ġew esportati mill-pajjiżi kkonċernati. Primarjament, skond ir-rikorrenti, matul l-investigazzjoni, diversi partijiet ipproduċew provi li jindikaw li l-Eurostat ma kienx sors affidabbli għad-determinazzjoni tal-volum ta’ l-importazzjonijiet ta’ l-imwieżen elettroniċi. It-tieni nett, fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet effettwati taħt il-kap NM 8423 8150, ir-rikorrenti tinnota li, peress illi l-esportaturi u importaturi li kkooperaw fl-investigazzjoni kienu jesportaw u jimportaw biss imwieżen elettroniċi, dawn ma setgħux iġibu prova li taħt l-imsemmi kap kienu qegħdin isiru importazzjonijiet ta’ prodotti oħra. It-tielet nett, skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet taf bl-eżistenza ta’ produtturi Ċiniżi ta' mwieżen li mhumiex imwieżen elettroniċi. Madankollu, peress li dawn l-imwieżen l-oħra ma kinux is-suġġett ta’ l-investigazzjoni, ma setax jiġi meqjus li l-imsemmija produtturi esportaturi kienu kkooperaw mal-Kummissjoni fl-ambitu ta’ l-investigazzjoni. Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tinnota li l-volum ta’ importazzjonijiet provenjenti miċ-Ċina kellu jkun stabbilit abbażi tad-data vverifikata li tikkonċerna t-tliet esportaturi Ċiniżi. Fil-ħames lok, skond ir-rikorrenti, id-data ta' l-Eurostat, li tidher fl-anness ma’ l-ilment, dwar il-prezzijiet medji ta’ importazzjoni, juru biċ-ċar li l-Eurostat ma kienx sors affidabbli f’dak li għandu x’jaqsam maċ-Ċina. Ir-rikorrenti tinnota li diversi fatturi kienu juru kemm kien inapproprjat l-użu tad-data ta' l-Eurostat.

226    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tosserva li, f’diversi proċeduri ta' kontra d-dumping, il-Kunsill ikkontesta, sabiex jiddetermina l-ħsara, ir-rilevanza ta’ l-istatistiċi ta' l-Eurostat, safejn il-kodiċi NM li taħtu jaqa’ l-prodott ikkonċernat kien jinkludi prodotti li ma kinux koperti mill-proċedura li kienet għaddeja. Hija tibbaża ruħha għalhekk, b’mod partikolari, fuq il-premessa 35 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2313/2000 tas-17 ta’ Ottubru 2000, li jimponi dazju defini[]ttiv għal kontra d-dumping u l-ġabra definittiva tad-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti tubi ta' l-istampa tat-televiżjoni illi jużaw ir-raġġ katodiku illi joriġinaw fl-Indja u r-Repubblika tal-Korea u ttemm il-proċediment ta' kontra d-dumping fir-rigward ta' l-importazzjonijiet illi joriġinaw fil-Lituwanja, l-Malasja u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 267, p.1). Dan l-approċċ kien ġie kkonfermat mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 1991, Gimelec et vs Il-Kummissjoni (C-315/90, Ġabra p. I-5589, punti 13 u 14).

227    Il-Kunsill ma jikkontestax li l-kodiċi NM 8423 8150 japplika wkoll għal imwieżen oħra għajr dawk suġġetti għall-investigazzjoni u li l-Eurostat ma jagħmilx distinzjoni bejn il-mudelli differenti li jaqgħu taħt l-imsemmi kodiċi. Madankollu, il-Kunsill jinnota li l-provi kollha miġjuba, inklużi dawk ipprovduti mill-esportaturi u l-importaturi li kkooperaw fl-investigazzjoni, kienu jindikaw li mwieżen elettroniċi biss kienu ġew esportati mill-pajjiżi konċernati. Barra minn hekk, il-Kunsill jikkonstata li l-Istituzzjonijiet Komunitarji kellhom informazzjoni biss fuq inqas minn 50% tat-total ta’ l-importazzjonijiet, u dan minħabba n-nuqqas serju ta’ kooperazzjoni mill-esportaturi, b’mod partikolari l-esportaturi Ċiniżi. Issa, il-fatt li fuq l-esportazzjonijiet provenjenti miċ-Ċina kien hemm biss informazzjoni limitata ma jippermettix li jiġi konkluż li l-Kunsill eċċeda l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu meta huwa bbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq id-data pprovduta mill-Eurostat.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

228    Ir-rikorrenti ssostni li, fid-determinazzjoni tal-volum ta’ importazzjonijiet abbażi ta’ l-istatistiċi ta' l-Eurostat, l-Istituzzjonijiet Komunitarji, minkejja li kienu jafu bil-fatt li l-kodiċi NM 8423 8150 kien jinkludi merkanzija oħra għajr l-imwieżen elettroniċi, ma bbażawx il-konklużjonijiet tagħhom dwar il-volum ta’ importazzjonijiet, fuq element ta’ prova pożittiva. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza tillimita l-eżami tagħha, dwar l-użu tad-data ta' l-Eurostat għad-determinazzjoni tal-volum ta’ importazzjonijiet, għal dan l-aspett speċifiku.

229    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka s-sentenza Gimelec et vs Il-Kummissjoni, punt 226 iktar 'il fuq (punti 13 u 14). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha bil-mod kif ġej:

“Il-Kummissjoni kellha d-dritt tibbaża ruħha fuq id-data speċifika li tirriżulta mill-investigazzjoni tagħha, anke jekk din id-data ma kinitx taqbel ma’ l-istatistiċi tal-Komunità, li fuqhom ibbażaw ruħhom ir-rikorrenti. Fil-fatt, kif sostniet il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mir-rikorrenti, l-istatistiċi tal-Komunità ma jistgħux iservu bħala elementi ta’ prova peress li dawn jikklassifikaw il-muturi elettriċi taħt kap tariffarju li jinkludi wkoll prodotti oħrajn.

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni stabbiliet il-volum ta’ importazzjonijiet in kwistjoni abbażi ta’ data li hija setgħet b'mod raġonevoli jkollha.”

230    Minn din il-ġurispridenza jirriżulta li l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma jwettqu ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta huma jibbażaw ruħhom fuq id-data li huma jistgħu b'mod raġonevoli jkollhom. Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-Istituzzjonijiet Komunitarji mhumiex marbutin bir-risposti tal-partijiet ikkonċernati meta l-livell ta’ kooperazzjoni fl-investigazzjoni jkun dgħajjef u għalhekk li d-data mibgħuta minn impriża jew żewġ impriżi kkonċernati ma tistax titqies bħala rappreżentattiva (ara, f’das-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 1996, Sinochem Heilongjiang vs Il-Kunsill, T-161/94, Ġabra p. II-695, punt 65).

231    F'dan il-każ, l-Istituzzjonijiet Komunitarji kkunsidraw li, minkejja l-fatt li l-kodiċi NM 8423 8150 seta’ jinkludi wkoll prodotti oħra għajr l-imwieżen elettroniċi, bħall-imwieżen li jgħoddu u l-imwieżen li jivverifikaw, kien jaqbel, għal din l-investigazzjoni, li tiġi użata d-data ta' l-Eurostat sabiex jiġi determinat il-volum ta’ importazzjonijiet provenjenti mill-pajjiżi kkonċernati, peress li matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma rċeviet ebda element li jindika li mwieżen oħra għajr imwieżen elettroniċi kienu ġew importati fil-Komunità mill-pajjiżi kkonċernati.

232    B’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kunsill ppreċizza li l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma kinux użaw id-data ta' l-Eurostat fiha nfisha. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkonstatat, għal dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet provenjenti miċ-Ċina għas-snin 1995 u 1998, u għall-perijodu ta' investigazzjoni kollu, li l-volumi indikati mill-Eurostat kienu għoljin wisq u li l-prezzijiet li rrefera għalihom l-Eurostat kienu baxxi wisq. Per eżempju, għas-sena 1995, il-Eurostat kien indika prezz medju ta’ EUR 7 għal kull unità. Għaldaqstant, kien evidenti li dawn il-prezzijiet ma setgħux jirreferu għal imwieżen elettroniċi kompluti, iżda kienu jikkonċernaw importazzjonijiet ta' partijiet. Konsegwentement, il-Kummissjoni aġġustat id-data ta' l-Eurostat. Skond il-Kunsill, l-aġġustamenti tal-Kummissjoni wasslu biex il-volumi ta’ importazzjoni jkunu f’livelli unitarji iktar realistiċi, li dehru raġjonevoli tenut kont taċ-ċifri msemmija mill-esportaturi Ċiniżi li kkooperaw fl-investigazzjoni, tal-livell ta’ kooperazzjoni minn naħa tas-suq Ċiniż u ta' l-istimi ta’ l-industrija tal-Komunità li kienet għamlet l-ilment. Għalhekk il-Kummissjoni użat għall-investigazzjoni d-data li kienet ntbagħtet lir-rikorrenti fl-ittra informattiva tal-21 ta’ Settembru 2000. Barra minn hekk, skond il-Kunsill, ir-rikorrenti kienet taf bl-aġġustament tad-data oriġinali ta' l-Eurostat, mingħajr ma kkontestatha. Hija sempliċiment allegat li l-Kummissjoni ma kinitx ippruvat li d-data ta' l-Eurostat kienet tinkludi biss imwieżen elettroniċi.

233    Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill bagħat ukoll lill-Qorti tal-Prim'Istanza d-data ta' l-Eurostat, li abbażi tagħha kien sar l-aġġustament. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, li dawn iċ-ċifri huma differenti mid-data ta' l-Eurostat li l-industrija tal-Komunità kienet annettiet ma’ l-ilment tagħha. Sabiex jiġġustifika din id-diskrepanza, il-Kunsill spjega waqt is-seduta li, peress li ċ-ċifri ta' l-Eurostat huma kostantement riveduti, id-data grossa ta' l-Eurostat użata meta l-Kummissjoni kienet fl-istadju finali ta’ l-investigazzjoni tagħha mhijiex identika għad-data li kienet disponibbli fil-mument li fih ġie ppreżentat l-ilment.

234    Mid-data ta' l-Eurostat, ikkomunikata mill-Kunsill, jirriżulta li, għall-perijodu ta' investigazzjoni, il-volum ta’ importazzjonijiet provenjenti miċ-Ċina kien ta’ 47 658 unità. Issa, iċ-ċifra użata mill-Kummissjoni, wara l-aġġustament, kienet ta’ 16 827 unità. Għalhekk, minflok ma użat iċ-ċifra ta’ 63 894 unità, li, skond il-Eurostat, tirrappreżenta l-esportazzjonijiet tat-tliet pajjiżi kkkonċernati, il-Kummissjoni xorta waħda użat ċifra inqas, ta’ 33 063 unità. Bl-istess mod, għal dak li jikkonċerna s-sena 1995, il-data ta' l-Eurostat evalwat l-importazzjonijiet provenjenti miċ-Ċina għal 21 289 unità, filwaqt illi l-Kummissjoni użat iċ-ċifra ta’ 3 456 unità, u filwaqt illi l-Eurostat wasal għal total ta’ 32 686 unità għall-importazzjonijiet provenjenti mit-tliet pajjiżi kkonċernati, il-Kummissjoni evalwat dawn l-importazzjonijiet għal 14 853 unità.

235    Mill-premessi 63, 70 u 71 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li data ta' l-Eurostat kienet ġiet użata għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-konsum fil-Komunità, tal-volum ta’ importazzjonijiet u, imbagħad, ta’ l-ishma mis-suq. Skond l-ispjegazzjonijiet tal-Kunsill, din id-data hija data aġġustata, li turi li l-volum totali ta’ l-importazzjonijiet kien ta’ 33 063 unità matul il-perijodu ta' investigazzjoni.

236    Madankollu, mill-premessa 105 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li, matul il-perijodu ta' investigazzjoni, il-produtturi esportaturi li kienu kkooperaw fl-imsemmija investigazzjoni kienu esportaw lejn il-Komunità kważi 15 000 unità, li minnhom 97% kienu tas-segment baxx tas-suq.

237    Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li hemm diskrepanza kbira bejn id-data tal-produtturi esportaturi li kkooperaw fl-investigazzjoni u d-data aġġustata ta' l-Eurostat. Il-Kunsill jinvoka, f’dan ir-rigward, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ l-esportaturi u, b’mod partikolari, ta’ l-esportaturi Ċiniżi. Waqt is-seduta, huwa ppreċiża li, skond rapport ta’ l-assoċjazzjoni tal-produtturi ta’ l-imwieżen Ċiniżi, li l-Kunsill ma talabx li jiġi inserit fl-inkartament, is-suq kien maqsum bejn ħmistax-il kumpannija. Minn dawn il-ħmistax-il kumpannija, tlieta biss ikkooperaw fl-investigazzjoni. Skond il-Kunsill, numru sostanzjali minn dawn il-kumpanniji ma kinux għalhekk ikkooperaw fil-proċedura ta’ investigazzjoni, u, fid-dawl tad-data ta' l-Eurostat, li turi d-differenza bejn il-bejgħ effettivament magħmul, u dak li kien irreġistrat, l-Istituzzjonijiet Komunitarji kellhom raġunijiet tajba jaħsbu li parti kbira minn dawn il-kumpanniji kienu qed jesportaw u li ma kienx hemm kooperazzjoni min-naħa tagħhom.

238    F-dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku, f’każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-konklużjonijiet jistgħu jittieħdu “fuq il-bażi tal-fatti disponibbli” li għandhom jiġu vverifikati, jekk huwa possibbli, b’referenza għal sorsi oħra indipendenti disponibbli, bħall-istatistiċi uffiċjali li jikkonċernaw l-importazzjonijiet.

239    Huwa opportun ukoll li jiġi mfakkar li, fil-każ preżenti, kif jirriżulta mill-premessa 5 tar-Regolament ikkontestat, bl-eċċezzjoni ta' produttur esportatur mit-Tajwan, il-produtturi esportaturi kollha, fosthom it-tliet kumpanniji Ċiniżi, li l-produtturi ta' l-industrija tal-Komunità kienu semmew fl-ilment tagħhom, kienu, fil-fatt ikkooperaw fl-investigazzjoni. Issa, il-fatt li l-industrija tal-Komunità semmiet biss tliet kumpanniji Ċiniżi fl-ilment tagħha ma jfissirx li fis-suq ma kienx hemm produtturi esportaturi oħra Ċiniżi. Għaldaqstant, l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma jistgħux jiġu akkużati bil-fatt li kkunsidraw li ċerti produtturi esportaturi ma kinux ikkooperaw. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li, waqt is-seduta, ir-rikorrenti affermat li r-rapport ta’ l-assoċjazzoni tal-produtturi ta’ l-imwieżen Ċiniżi kien anness mar-risposti għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni. Issa, fl-inkartament dan ir-rapport kien nieqes. Fir-risposta tar-rikorrenti għall-kwestjonarju dwar l-għoti ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f'ekonomija tas-suq, ir-rikorrenti semmiet sitt produtturi prinċipali ta’ l-imwieżen elettroniċi, fosthom it-tliet kumpanniji li kienu kkooperaw.

240    F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-kodiċi NM in kwistjoni kien japplika wkoll għal prodotti oħra għajr l-imwieżen elettroniċi, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni, ġustament, aġġustat id-data ta' l-Eurostat, peress li hija kienet tqis li prodotti oħra (jiġifieri, fil-każ preżenti, spare parts) kienu ġew importati taħt dan il-kodiċi, u żammet fl-aħħar iċ-ċifra ta’ 33 063 unità. Sussegwentement, l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma rċevewx informazzjoni partikolari li kienet tindika li din iċ-ċifra kienet inkludiet ukoll l-importazzjoni ta’ prodotti oħra għajr l-imwieżen elettroniċi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ppreżentatx l-iċken indizju f’das-sens. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha d-dritt tikkunsidra, anke jekk il-kodiċi in kwistjoni japplika għal prodotti oħra, li ċ-ċifra ta’ 33 063 unità kienet tirrappreżenta biss l-importazzjoni ta’ mwieżen elettroniċi. F’dan ir-rigward, huwa opportun li tiġi mfakkra s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-Istituzzjonijiet Komunitarji kif ukoll il-fatt li, kif indikat fil-punt 119 hawn fuq, hija r-rikorrenti li għandha tipproduċi l-elementi ta’ prova li jippermettu lill-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Issa, ir-rikorrenti ma pprovditx tali provi.

241    Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma kkommettewx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta użaw id-data aġġustata ta' l-Eurostat għall-finijiet ta’ l-analiżi tal-konsum fil-Komunità, tad-determinazzjoni tal-volum totali ta’ l-importazzjonijiet provenjenti mill-pajjiżi kkonċernati kif ukoll ta' l-ishma mis-suq tal-Komunità u ta’ l-importaturi.

242    Konsegwentement, il-ħames parti tat-tieni motiv ma tistax tiġi milqugħa. Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

C –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 3(6) tar-Regolament Bażiku

1.     Introduzzjoni

243    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsil kiser l-Artikolu 3(6) tar-Regolament Bażiku billi wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni matul id-determinazzjoni tar-rabta ta' kawżalità.

244    Ir-Regolament ikkontestat jittratta r-rabta ta' kawżalità fil-premessi 98 sa 116. Fil-premessi 115 u 116 tar-Regolament ikkontestat huwa konkluż kif ġej:

“In vista tal-kombinazzjoni fiż-żmien bejn, fuq naħa waħda, it-tnaqqis eċċessiv fil-prezzijiet, is-sehem sostanzjali mis-suq miksub mill-importazzjonijiet illi huma l-oġġetti ta' dumping mill-pajjiżi konċernati, u min-naħa l-oħra, t-telf korrispondenti tas-sehem mis-suq illi sofriet l-industrija tal-Komunità, kif ukoll it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ, ġie konkluż illi l-importazzjonijiet illi huma l-oġġett tad-dumping illi joriġinaw fil-pajjiżi konċernati kkawżaw dannu materjali għall-industrija tal-Komunità.

Għaldaqstant, ġie konkluż illi l-importazzjonijiet illi huma l-oġġetti tad-dumping illi joriġinaw fil-pajjiżi konċernati kkawżaw danni materjali lill-industrija tal-Komunità. Filwaqt illi l-fatturi l-oħra setgħu ikkontribwixxew, huma mhumiex tali illi jiksru r-rabta ta' kawżalità bejn l-importazzjonijiet illi huma l-oġġetti tad-dumping u d-danni sofferti mill-industrija tal-Komunità.”

245    Ir-rikorrenti tinvoka diversi argumenti in sostenn tat-tielet motiv tagħha. Dawn l-argumenti huma, fil-biċċa l-kbira, l-istess bħala dawk eżaminati f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-ħsara, fl-ambitu tat-tieni motiv. Għaldaqstant, jekk ikun hemm bżonn, issir referenza għall-punti iktar 'il fuq. L-argument tar-rikorrenti jista’ jiġi maqsum f’erba’ partijiet.

2.     L-ewwel parti: fir-rigward tal-profitabbiltà

a)     L-argumenti tal-partijiet

246    Ir-rikorrenti tinvoka l-awment notevoli fil-profitabbiltà ta’ l-industrija tal-Komunità bejn l-1995 u l-perijodu ta' investigazzjoni bħala prova tan-nuqqas ta’ impatt ta’ l-importazzjonijiet tal-prodotti li huma s-suġġett ta’ dumping. L-affermazzjoni tal-Kunsill, li tirreferi għall-“konsegwenzi negattivi fuq il-profitabbiltà ta' l-industrija Komunità”, imsemmija fil-premessa 102 tar-Regolament ikkontestat, hija kontradetta mid-data li tidher fil-premessa 84 tar-Regolament ikkontestat, li tippreċizza li “[i]r-ritorn fuq il-valur tal-bejgħ tar-REWS komplessivament żdied mil-livelli baxxi pożittivi fl-1995 sa madwar 10 % [matul il-]perijodu ta' investigazzjoni”.

247    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

248    Huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tqisx l-impatt ta’ l-effett ta' l-implementazzjoni ta’ l-Ewro. Jeħtieġ li ssir riferenza għall-punti 199 sa 202 iktar 'il fuq, li juru li dan l-argument, li huwa pjuttost marbut mad-dannu milli mar-rabta ta' kawżalità, huwa infondat.

3.     It-tieni parti: fir-rigward ta' l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ

a)     L-argumenti tal-partijiet

249    Ir-rikorrenti tallega li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-mudelli ta’ l-imwieżen elettroniċi tas-segment għoli u medju ma setax jiġi kkawżat mill-importazzjonijiet provenjenti mill-pajjiżi kkonċernati. Issa, skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill innifsu, l-importazzjonijiet lejn il-Komunità ta’ l-imwieżen li jaqgħu taħt is-segment medju u għoli jirrappreżentaw volum żgħir. Il-Kunsill naqas li jeżamina u jispjega l-fatt li l-prezzijiet tas-segment medju kienu saħansitra naqsu iktar minn dawk tas-segment baxx u li, fis-segment għoli, il-prezzijiet kienu wkoll tbaxxew fi proporzjonijiet kważi kumparabbli.

250    Skond ir-rikorrenti, it-tnaqqis fil-prezzijiet huwa fil-verità imputabbli għall-fenomenu klassiku li l-prezz tal-prodotti elettroniċi għandu t-tendenza naturali li jitbaxxa in proporzjon mal-progress teknoloġiku. Għalhekk, l-Istituzzjonijiet Komunitarji naqsu milli jeżaminaw l-evoluzzjoni ta' l-ispejjeż ta' produzzjoni tas-segment medju u għoli, meta evalwaw l-impatt ta’ l-importazzjonijiet fuq il-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta’ l-imwieżen elettroniċi ta’ dawn is-segmenti. Barra minn hekk, skond ir-rikorrenti, ir-referenza għall-effett dirett hija rrilevanti. Ir-rikorrenti ssostni li t-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ l-imwieżen elettroniċi tas-segment medju u għoli ma kkawżax tnaqqis fil-profitabbiltà f’dawn is-segmenti. Min-naħa l-oħra, hija tosserva li l-profitabbiltà żdiedet.

251    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tindika li l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma ħadux debitament in kunsiderazzjoni l-fatt li l-ħolqien ta’ utenti multipli, li wassal għal spostament fil-poter ta’ akkwist, kellu effett fuq it-tnaqqis fil-prezzijiet. Ir-rikorrenti tqis li l-iżball ta’ evalwazzjoni ġej mill-fatt li l-Istituzzjonijiet Komunitarji ħadu in kunsiderazzjoni l-bdil strutturali u/jew il-fużjoni ta' kumpanniji li ma jagħmlux parti mill-industrija tal-Komunità. Billi għamlu hekk, l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma ressqux il-prova li ż-żieda fil-poter ta' akkwist tal-katini ta' supermarkets ma kkawżatx il-ħsara sinjifikanti msemmija fil-premessi 113 u 114 tar-Regolament ikkontestat.

252    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, sabiex jiġi stabbilit li t-tnaqqis fil-prezzijiet allegat f’kull waħda mit-tliet kategoriji ta’ mwieżen elettroniċi jikkostitiwixxi effettivament ħsara sinjifikanti għall-prodott simili, huwa meħtieġ ukoll li jiġi muri l-impatt ta’ dan it-tnaqqis fil-prezzijiet fuq il-profitabbiltà f’kull waħda mit-tliet segmenti. Ir-rikorrenti tinnota li l-industrija tal-Komunità rreġistrat profitti konsiderevoli u li, jekk il-prezzijiet tal-bejgħ jitbaxxew, imma l-profitti jistabbilixxu ruħhom f’livelli suffiċjenti, ma jkunx hemm ħsara sinjifikanti kkawżata mill-importazzjonijiet. Skond ir-rikorrenti, il-profitti ta’ natura oligopolistika li qalgħu l-produtturi tal-Komunità setgħu sofrew tnaqqis minħabba l-eżistenza tal-kompetizzjoni mill-importazzjonijiet.

253    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

254    Fir-rigward ta’ l-argument li l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma ħadux kont ta’ l-effett taż-żieda fil-produttività fuq il-prezzijiet tal-bejgħ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa rrilevanti. Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-allegazzjoni li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-mudelli ta’ mwieżen elettroniċi tas-segment għoli u medju huwa dovut għat-tnaqqis sinjifikanti fl-ispejjeż tal-produzzjoni, din diġà ġiet ittrattata fil-punt 198 iktar 'il fuq. Fir-rigward ta’ l-effett dirett, deskritt fil-premessa 88 tar-Regolament ikkontestat, li jgħid li “l-effetti depressivi fuq il-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet illi huma l-oġġett tad-dumping inħassu wkoll fil-gruppi medji u għoljin minħabba illi l-prezzijiet f'medda waħda inevitabilment għandhom effett dirett fuq il-gruppi l-oħrajn” għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ġabitx provi li jinvalidaw l-analiżi tal-Kunsill. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 114 tar-Regolament ikkontestat, l-Istituzzjonijiet Komunitarji eżaminaw l-effett taż-żieda fil-produttività fuq il-prezzijiet fl-ambitu ta’ l-eżami ta’ fatturi oħra. Ir-rikorrenti ma wrietx b’liema mod l-Istituzzjonijiet Komunitarji kienu kkommettew l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstataw li ż-żidiet fil-produttività ma kinux kisru r-rabta ta’ kawżalità in kwistjoni.

255    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-ilment li jikkonċerna l-ħolqien ta’ utenti multipli, għandu jiġi rrilevat li, kif tammetti r-rikorrenti stess, il-Kunsill eżamina dan il-fattur. Skond il-premessa 113 tar-Regolament ikkontestat:

“Fil-Komunità kollha, is-sehem mis-suq ta' l-utenti multipli (i.e., gruppi ta' supermerkati kbar) żdied konsiderevolment, filwaqt illi n-numru ta' l-utenti ż-żgħar naqas. Din il-bidla fl-istruttura żiedet il-poter ta' l-akkwist ta' l-utent industrijali in ġenerali, u x'aktarx, din il-bidla kellha l-effett illi tbaxxi l-prezzijiet medji.”

256    Fil-premessa 114 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill ikkonstata:

“Kif imsemmi fil-premessa 59, l-istruttura ta' l-industrija tal-Komunità inbidlet ukoll sostanzjalment matul il-perijodu kkunsidrat. It-tnaqqis fin-numru ta' kumpanniji u t-titjib fil-produttività, muri fil-premessa 90 kien desinjat illi jkollu x'jaqsam ma' dawn il-bidliet fis-suq. Ġie konkluż illi l-kompetizzjoni interna fis-suq illi toħroġ mill-bidliet fl-istruttura tas-settur ta' l-imnut tal-Komunità ma kisritx ir-rabta każwali bejn l-importazzjonijiet illi huma l-oġġett tad-dumping u d-danni sofferti mill-industrija tal-Komunità.”

257    Għaldaqstant, fil-każ preżenti, il-Kunsill eżamina l-ħolqien ta’ utenti multipli. Barra minn hekk, billi tallega li l-iżball ta’ evalwazzjoni ġej mill-fatt li l-Istituzzjonijiet Komunitarji kienu kkunsidraw il-bdil fl-istruttura u/jew il-fużjoni ta' kumpanniji li mhumiex parti mill-industrija tal-Komunità, ir-rikorrenti tagħti interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett “industrija tal-Komunità”. Skond ir-rikorrenti, dan il-kunċett ikopri biss il-produtturi Komunitarji li kienu pparteċipaw fl-investigazzjoni. Madankollu, skond l-artikolu 4(1) tar-Regolament Bażiku, il-kunċett ta’ “industrija tal-Komunità” jinkludi l-produtturi kollha fil-Komunità ta’ prodotti simili jew dawk fosthom li l-produzzjoni addizzjonali tagħhom tikkostitwixxi parti kbira tal-produzzjoni tal-Komunità totali ta’ dawn il-prodotti.

258    Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ilment tar-rikorrenti li l-Istituzzjonijiet Komunitarji kellhom juru l-impatt tat-tnaqqis fil-prezz fuq il-profitabbiltà f’kull waħda mit-tliet kategoriji, huwa opportun li wieħed jagħmel referenza għall-punti 127 sa 131 hawn fuq. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif isostni l-Kunsill, ma kien hemm ebda obbligu fuq l-Istituzzjonijiet Komunitarji biex jipproċedu b’analiżi separata tal-ħsara u tar-rabta ta' kawżalità għal kull waħda mis-segmenti tal-prodott. Issa, kif jirriżulta mill-premessa 84 tar-Regolament ikkontestat, il-mudelli tas-segment baxx, li jirrappreżentaw 97% tat-total ta’ l-importazzjonijiet, kellhom effett partikolarment serju minħabba li, fis-segment baxx, l-industrija tal-Komunità sofriet telf sostanzjali matul il-perijodu ta' investigazzjoni.

259    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma ġiex stabbilit li l-Istituzzjonijiet Komunitarji kienu kkommettew żball manifest ta’ evalwazzjoni.

4.     It-tielet parti: fir-rigward tal-kalkolu tat-tnaqqis eċċessiv fil-prezzijiet

a)     L-argumenti tal-partijiet

260    Ir-rikorrenti ssostni li l-Istituzzjonijiet Komunitarji kkalkulaw it-tnaqqis eċċessiv fil-prezzijiet biss fir-rigward tal-mudelli ta’ mwieżen elettroniċi tas-segment baxx u li, minħabba f’hekk, il-kunsiderazzjonijiet ta’ l-Istituzzjonijiet Komunitarji relattivi għar-rabta ta' kawżalità huma inkompatibbli mad-determinazzjoni tal-prodott simili.

261    Il-Kunsill jikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

262    Skond il-premessa 73 tar-Regolament ikkontestat:

“Il-maġġoranza l-kbira tal-mudelli mibjugħin fil-Komunità mill-produtturi esportaturi illi kienu qegħdin jikkoperaw kienu għall-mudelli tal-medda baxxa (aktar minn 97 % bil-volum). Il-kalkolazzjonijiet illi saru ma inkludewx, allura, il-kwantitajiet aktar żgħar ta' mudelli ta' medda medja u ogħlja peress illi huwa kienu kkunsidrati mhux rappreżentattivi.”

263    Il-Kummissjoni, fid-dokument informattiv tal-21 ta’ Settembru 2000 kienet spjegat illi, “sabiex ikun assigurat paragun leali, il-marġini tat-tnaqqis eċċessiv fil-prezzijiet u l-marġini stabbiliti in relazzjoni ma’ l-ispejjeż ta’ produzzjoni miżjuda bi profitt raġjonevoli ġew ikkalkulati bl-użu ta’ mudelli simili tas-segment baxx, manufatturati u mibjugħa mill-industrija tal-Komunità”. Peress li l-mudelli tas-segment baxx kienu jikkostitwixxu 97% ta’ l-importazzjonijiet kollha provenjenti mill-pajjiżi kkonċernati, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Istituzzjonijiet Komunitarji setgħu jikkalkulaw it-tnaqqis eċċessiv fil-prezzijiet biss fir-rigward tas-segment baxx, mingħajr ma jwettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-importazzjonijiet kollha provenjenti mingħand ir-rikorrenti kienu jaqgħu taħt is-segment baxx u li, minħabba f'hekk, it-tnaqqis eċċessiv fil-prezzijiet għas-segmenti l-oħra ma setax ikun kkalkulat fir-rigward tagħha.

264    Għaldaqstant, dan l-argument huwa infondat.

5.     Ir-raba’ parti: fir-rigward tas-sehem mis-suq

a)     L-argumenti tal-partijiet

265    Ir-rikorrenti tikkontesta d-data relattiva għall-evoluzzjoni tas-sehem mis-suq. Skond l-istess rikorrenti, l-evoluzzjoni tas-sehem mis-suq u tal-volum ta’ l-importazzjonijiet kellha tiġi analizzata f’termini assoluti. Hija ssostni, minn naħa, li ż-żieda fil-volum ta’ l-importazzjonijiet provenjenti mill-pajjiżi kkontemplati ma kellha ebda impatt fuq il-volum tal-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità u, min-naħa l-oħra, li l-volum ta’ dawn l-istess importazzjonijiet beda jonqos mill-1997. Ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li l-evoluzzjoni fil-volum tal-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità kienet favorevoli ħafna. Barra minn hekk, l-operaturi l-oħra, li joperaw fil-Komunità, jidhru bħala l-atturi l-iktar importanti fis-suq tal-Komunità. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinnota li l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma kkunsidrawx il-fatt li l-prodotti importati kienu ġew ikkunsmati progressivament u li, għalhekk, id-data relattiva għall-konsum mhijiex preċiża. Ir-rikorrenti tinnota li, hija u tibbaża ruħha fuq id-data prodotta mill-Istituzzjonijiet Komunitarji, hija wriet li l-importazzjonijiet ta’ mwieżen elettroniċi provenjenti mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu b’mod inqas sinjifikanti mill-konsum u li s-sehem tagħhom mis-suq naqas bejn l-1996 u l-perijodu ta' investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, skond ir-rikorrenti, il-volum tal-bejgħ ta' prodotti provenjenti mill-industrija tal-Komunità żdied u s-sehem mis-suq ta’ din l-industrija baqa’ l-istess.

266    Skond il-Kunsill, is-sehem mis-suq huwa, b'definizzjoni, kunċett relattiv li huwa bbażat fuq paragun bejn il-bejgħ u l-konsum. Skond l-istess Kunsill, iż-żieda fil-bejgħ ta' l-industrija tal-Komunità, f’termini assoluti, kienet attribwibbli għall-effett ta' l-introduzzjoni ta’ l-Ewro. Fir-rigward tar-referenza li tagħmel ir-rikorrenti għall-fatt li ż-żieda l-iktar sinjifikanti fl-importazzjonijiet provenjenti mill-pajjiżi kkonċernati seħħet bejn l-1995 u l-1996, il-Kunsill jenfasizza li din iż-żieda kienet ikkawżata minn effett ta' stokkjar, u, li l-importazzjonijiet magħmulin fl-1996 ma kinux ġew ikkunsmati mill-ewwel mad-dħul tagħhom fil-Komunità. Huwa jinnota li, minkejja l-eżistenza ta’ stokkijiet, l-importazzjonijiet ma naqsux u li dan huwa prova tal-kapaċità ta’ l-importazzjonjiet li kienu s-suġġett ta’ dumping li jippenetraw fis-suq Komunitarju.

267    Barra minn hekk, il-Kunsill jikkontesta l-allegazzjoni li l-ħsara hija fil-fatt ikkawżata minn produtturi Komunitarji oħra li ma sostnewx l-ilment. Fil-fatt, huwa josserva li tnejn mill-produtturi l-oħra l-iktar importanti sostnew l-ilment mill-bidu u kumpannija kbira appartenenti lil produttur Ċiniż, Mettler Toledo, ma setgħetx tikkontribwixxi għall-ħsara minħabba fissazzjoni ġusta tal-prezzijiet.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

268    Fil-premessa 81 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill jagħmel referenza għall-elementi segwenti:

“Is-sehem ta' l-industrija tal-komunità fis-suq tal-Komunità naqas għar-REWS kollha minn 26.1 % fl-1995 għal 24.9 % fil-perjodu ta' investigazzjoni; i.e. tnaqqis ta' 4.6 %. B'kuntrast is-sehem ta' l-industrija tal-Komunità tas-suq tal-medda baxxa naqas minn 21.8 % fl-1995 sa 17.1 % fil-perijodu ta' investigazzjoni; i.e. tnaqqis ta' 22 %.”

269    Skond il-premessa 100 tar-Regolament ikkontestat:

“Matul il-perjodu kkunsidrat, il-konsum fis-suq tal-Komunità żdied b' 35 %. Madankollu, l-bejgħ fl-industrija tal-Komunità żdied biss b' 29 % u l-importazzjonijiet mill-pajjiżi konċernati żdied b'123 %.”

270    Fil-premessa 101 tar-Regolament ikkontestat, huwa fl-aħħar ikkonstatat:

“Kif spjega[t] fil-premessa 81, is-suq ta' l-industrija tal-Komunità żdied b' 4.6 % fuq il-perjodu kkunsidrat. B' kuntrast, is-sehem mis-suq ta' l-importazzjonijiet mill-pajjiżi konċernati żdied minn 9,2 % sa 15,1 % fuq l-istess perijodu.”

271    Ir-rikorrenti ħejjiet tliet tabelli fir-rikors taghħa, fuq il-bażi tad-data li tidher fid-dokument informattiv tal-21 ta’ Settembru 2000 u fir-Regolament ikkontestat, relattiva għall-volum ta’ bejgħ, f’termini assoluti, ta’ l-industrija tal-Komunità, kif ukoll għall-ishma mis-suq ta’ l-istess industrija tal-Komunità u tal-pajjiżi kkonċernati. Huwa opportun li tiġi ppreżentata tabella ġdida hawn isfel, li fiha l-informazzjoni ta’ dawn it-tliet tabelli u fejn tidher barra minn hekk l-evoluzzjoni perċentwali għal kull tip ta' data. Din it-tabella għandha titħejja fid-dawl tal-fatt li l-importazzjonijiet provenjenti minn CAS Corp., li ma kinux is-suġġett ta’ dumping, ma kellhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni.


 

1995

1996

1997

1998

PE

Evoluzzjoni perċentwali

Sehem mis-suq ta’ l-industrija tal-Komunità

26.1%

25.1%

26.0%

23.6%

24.9%

-4.6%

Konsum fil-Komunità

161 882

172 314

177 391

201 123

218 655

35

Volum ta’ bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità

42 199

43 251

46 122

47 465

54 445

29

Volum ta’ bejgħ ta’ operaturi oħra fil-Komunità

93 301

87 749

93 897

105 554

120 491

29

Total ta’ l-importazzjonijiet

26 182

41 314

37 372

48 104

43 719

67

Total ta’ l-importazzjonijiet ġejjin miċ-Ċina, mill-Korea ta’ Isfel u mit-Tajwan*

14 853


11 273

32 834


28 753

26 422


20 850

34 464


29 838

33 063


29 248

123


159

Sehem mis-suq taċ-Ċina, tal-Korea ta’ Isfel, u tat-Tajwan*

9.2%


7.0%

19.1%


16.7%

14.9%


11.8%

17.1%


14.8%

15.1%


13.4%

64


91

Importazzjonijiet oħra

11 329

8 480

10 950

13 640

10 656

-6

* It-tieni linja turi s-sitwazzjoni mingħajr l-importazzjonijiet provenjenti minn CAS Corp.

272    Bl-għajnuna ta' din id-data, ir-rikorrenti tipprova turi li l-industrija tal-Komunità rat żieda fil-volum tal-bejgħ tagħha b’mod kostanti u sinjifikanti matul il-perijodu kollu eżaminat u li, safejn l-industrija tal-Komunità tilfet parti mis-suq tagħha f’termini relattivi, dan it-telf ma setax ġie kkawżat mill-importazzjonijiet provenjenti mill-pajjiżi kkonċernati, li anki huma soffrew telf fir-rigward ta' ishma mis-suq.

273    Għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, l-eżami tal-volum ta’ bejgħ in relazzjoni mal-konsum fil-Komunità ma jistax jiġi espress f’termini assoluti, peress illi s-sehem mis-suq huwa kunċett relattiv, espress f’perċentwali. Mid-data ta’ hawn fuq jirriżulta li s-sehem mis-suq ta’ l-industrija tal-Komunità fl-1995 kien ta’ 26.1% u matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kien ta’ 24.9%, li jirrappreżenta tnaqqis relattiv ta’ 4.6%. Is-sehem mis-suq ta’ l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping kien ta' 7.0% fl-1995 u matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kien ta' 13.4%, li jirrappreżenta żieda relattiva ta’ 91%.

274    Għandu jiġi rrilevat li sehem mis-suq ta’ 13.4% jista’ jiġi kkunsidrat bħala suffiċjentement sinjifikanti sabiex jintwera li l-importazzjonijiet provenjenti mill-pajjiżi kkonċernati seta’ kellhom effett dannuż fuq l-industrija tal-Komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Marzu 2000, Miwon vs Il-Kunsill, T-51/96, Ġabra p. II-1841, punt 106). Barra minn hekk, għalkemm il-volum tal-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità żdied b’29% matul il-perijodu ta' analiżi, din iż-żieda ma tikkorrispondix proporzjonalment maż-żieda fil-konsum, li kienet ta’ 35% matul l-istess perijodu. Minn dawn iċ-ċifri jirriżulta b'mod ċar li, kif isostni l-Kunsill, is-sehem mis-suq ta’ l-industrija tal-Komunità naqas. L-importazzjonijiet ta’ mwieżen elettroniċi mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu wkoll, b'madwar 159% matul il-perijodu ta' analiżi. Ir-rikorrenti żbaljatament issostni li l-operaturi l-oħra jidhru bħala l-atturi l-iktar importanti fis-suq tal-Komunità. Il-volum tal-bejgħ tagħhom żdied biss b’29% matul dan l-istess perijodu.

275    Barra minn hekk, dwar l-argument tar-rikorrenti li jekk is-sena 1996 tiġi mqabbla mal-perijodu ta’ investigazzjoni, ir-riżultat ikun differenti, bi tnaqqis, partikolarment, ta’ 4% tas-sehem mis-suq ta’ l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, għandu jiġi rilevat li, anke jekk wieħed kellu jikkunsidra li s-sehem mis-suq ta’ l-importazzjonijiet provenjenti mill-pajjiżi kkonċernati naqas, wieħed jikkonstata, jekk is-sena 1996 tiġi meqjusa bħala l-bidu tal-perijodu, li s-sehem mis-suq ta’ dawn l-importazzjonijiet, jiġifieri 13.4% matul il-perijodu ta' investigazzjoni, baqa’ sostanzjali (ara, f’das-sens, is-sentenza Miwon vs Il-Kunsill, punt 274 iktar 'il fuq punt 106).

276    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-riżultati jvarjaw skond il-perijodi li kienu ntgħażlu sabiex tiġi eżaminata d-data. Issa, fil-każ preżenti, il-kamp temporali ta' l-analiżi kien ġie stabbilit bħala li jkopri l-perijodu bejn is-sena 1995 u t-tmiem ta’ l–investigazzjoni, jiġifieri s-sena 1999. Kif isostni l-Kunsill, l-aħjar data u d-data l-iktar affidabbli sabiex jiġu stabbiliti l-parametri relattivi għall-konsum u, b'estensjoni, l-ishma mis-suq, hija d-data globali li tkopri l-perijodu ta' analiżi kollu. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi kondiviża l-konklużjoni tal-Kunsill li din id-data tikkonferma l-eżistenza ta' konkomitanza evidenti u sinjifikanti f’termini ta’ kawżalità bejn it-telf ta’ l-ishma mis-suq għall-industrija tal-Komunità u l-akkwist ta’ ishma mis-suq għall-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping.

277    F’dan ir-rigward, jeħtieġ ukoll li jiġi mfakkar li, sabiex jiġi stabbilit il-perijodu li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-ħsara fl-ambitu ta’ proċedura kontra d-dumping, l-Istituzzjonijiet Komunitarji jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C-69/89, Ġabra P. I-2069, punt 86). Fil-każ preżenti, ir-rikorrenti ma kkontestatx id-determinazzjoni tal-perijodu ta' analiżi bħala tali, u mhuwiex stabbilit li l-Istituzzjonijiet Komunitarji eċċedew il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom billi ħadu in kunsiderazzjoni l-perijodu mill-1995 sat-tmiem tal-perijodu ta' investigazzjoni sabiex jevalwaw il-ħsara.

278    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ parti tat-tielet motiv ma tistax tiġi milqugħa.

279    Minn dak kollu li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma setgħetx turi li l-Istituzzjonijiet Komunitarji kienu kkommettew żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-ambitu ta’ l-analiżi tar-rabta ta' kawżalità. Għaldaqstant, huma ma kisrux l-Artikolu 3(6) tar-Regolament Bażiku.

280    Konsegwentement, jeħtieġ li t-tielet motiv jiġi miċħud.

D –  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tar-regoli tal-proċedura previsti fir-Regolament Bażiku

281    Ir-raba’ motiv jinkludi, essenzjalment, tliet partijiet li jinvokaw irregolaritajiet proċedurali.

1.     L-ewwel parti: fir-rigward tal-ksur ta’ l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Bażiku

a)     L-argumenti tal-partijiet

282    Ir-rikorrenti ssostni li l-Istituzzjonijiet Komunitarji kisru l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Bażiku peress li l-Kummissjoni ma żvelatilhiex ċerti fatti u kunsiderazzjonijiet relattivi għall-bażi li fuqha hija kienet qiegħda tikkontempla tipproponi lill-Kunsill l-impożizzjoni ta' dazji definittivi.

283    Minkejja t-talba tar-rikorrenti għal informazzjoni supplementari, il-Kummissjoni naqset milli tirrispondi għad-domandi numri 2, 3, 4, 6, 10, 11 u 12 li hija kienet għamlitilha fil-faks tagħha tad-29 ta’ Settembru 2000, b’mod li ma poġġithiex f’pożizzjoni li tiddefendi l-interessi tagħha sewwa. Ir-rikorrenti ssostni li mir-risposti tal-Kummissjoni, relattivi għall kull waħda mid-domandi li jikkonċernaw konstatazzjonijiet ta’ l-investigazzjoni, jirriżulta li l-Istituzzjonijiet Komunitarji, intenzjonalment, irrifjutaw li jipprovduha bl-informazzjoni u ostakolaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

284    Il-Kunsill isostni li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tiżvela l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom hija tkun qiegħda tikkontempla li tirrakkomanda lill-Kunsill l-istabbiliment ta' miżuri ta’ kontra d-dumping definittivi, safejn din l-informazzjoni hija utli għall-partijiet sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom. Il-parti li jidhrilha li din l-informazzjoni hija insuffiċjenti għandha titlob lill-Kummissjoni tikkjarifikaha. Huwa josserva li jekk il-Kummissjoni tirrispondi għal talba għal informazzjoni supplementari u din il-parti jidhrilha li r-risposta hija insuffiċjenti, hija għandha tindika dan b’mod ċar. Barra minn hekk, il-Kunsill jinnota li, anke jekk il-Kummissjoni ma bagħtitx ċerta informazzjoni mitluba minn parti kkonċernata, dan il-fatt waħdu ma jwassalx għall-annullament tal-miżuri finalment adottati, peress li l-parti kkonċernata għandha turi li l-kapaċità li tiddefendi l-interessi tagħha sew ġiet effettivament affettwata.

285    Il-Kunsill isostni li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti mhumiex ġustifikati, peress li hija ma spjegatx għaliex hija ma setgħetx tiddefendi utilment l-interessi tagħha, u, għalhekk, huma inammissibbli. B’mod sussidjarju, il-Kunsill isostni li l-Kummissjoni wieġbet debitament u adegwatament għal dawn id-domandi. Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li l-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti, li ġew ippreżentati fir-replika, huma barra minn lokhom, u l-parti l-kbira tagħhom huma inammissibbli, peress li jinkludu allegazzjonijiet ġodda ta’ fatt li kellhom jiġu sottomessi fir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

286    Preliminarjament, għal dak li jikkonċerna l-allegata inammissibbiltà ta’ din l-ewwel parti tar-raba’ motiv, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-allegazzjonjiet tar-rikorrenti jissodisfaw l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura u huma, għalhekk, ammissibbli.

287    L-obbligu li l-Kummissjoni għandha, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Bażiku, li tinforma lill-impriżi kkonċernati minn proċedura ta’ kontra d-dumping, bil-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom huwa kontemplat li tiġi proposta l-impożizzjoni ta’ dazji ta' kontra d-dumping huwa intiż sabiex jiġi garantit ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta' l-impriżi suġġetti għal din il-proċedura (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Novembru 2002, Kundan u Tata vs Il-Kunsill, T-88/98, Ġabra p. II-4897, punt 131). Din l-ewwel parti, li tittratta l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni, għandha għalhekk tiġi interpretata fis-sens li, essenzjalment, tallega ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti matul il-proċedura amminstrattiva li ntemmet bl-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

288    Għandu jiġi nnutat, mill-ewwel, li l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa prinċipju fundamentali tad-Dritt Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 1991, Al-jubail Fertilizer u Saudi Arabian Fertilizer vs Il-Kunsill, C-49/88, Ġabra p. I-3187, punt 15; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Ajinomoto u NutraSweet vs Il-Kunsill, T-159/94 u T-160/94, Ġabra p. II-2461, punt 81, u tad-19 ta’ Novembru 1998, Champion Stationery et vs Il-Kunsill, T-147/97, Ġabra p. II-4137, punt 55).

289    Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, bis-saħħa tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, l-impriżi kkonċernati minn proċedura ta’ investigazzjoni mibdija qabel l-adozzjoni ta' regolament kontra d-dumping għandhom jitpoġġew f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċirkustanzi allegati u dwar l-elementi ta’ prova meqjusa mill-Kummissjoni b'sostenn ta’ l-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prassi ta’ dumping u tal-ħsara li tirriżulta minnha għall-industrija tal-Komunità (sentenza Al-Jubail Fertilizer u Saudi Arabian Fertilizer vs Il-Kunsill, punt 288 iktar 'il fuq, punt 17; is-sentenza Ajinomoto u NutraSweet vs Il-Kunsill, punt 288 iktar 'il fuq, punt 83; is-sentenza Champion Stationery et vs Il-Kunsill, punt 288 iktar 'il fuq, punt 55, u s-sentenza Kundan u Tata vs Il-Kunsill, punt 287 iktar 'il fuq, punt 132).

290    Dawn ir-rekwiżiti huma mniżżla fl-Artikolu 20 tar-Regolament Bażiku. Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament Bażiku, il-Kummissjoni hija obbligata tiżvela, b'mod partikolari, lill-esportatur tal-prodott li jkun qiegħed jiġi investigat għad-dumping, tagħrif finali fuq il-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom hija tippropni li tirrakkomanda lill-Kunsill l-adozzjoni ta' miżuri definittivi. L-Artikolu 20(4) tar-Regolament Bażiku jippreskrivi li l-informazzjoni finali għandha tingħata bil-miktub. Dan għandu jseħħ kemm jista’ jkun malajr u, normalment, mhux aktar tard minn xahar qabel id-deċiżjoni definittiva jew is-sottomissjoni mill-Kummissjoni ta' proposta għal deċiżjoni finali skond l-Artikolu 9 tar-Regolament Bażiku. Meta l-Kummissjoni ma tkunx fil-pożizzjoni li tiżvela ċerti fatti jew kunsiderazzjonijiet f'dak il-ħin, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista' jkun malajr. L-informazzjoni m'għandhiex tippreġudika kull deċiżjoni sussegwenti li tista’ tittieħed mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill, u, meta din id-deċiżjoni tkun ibbażata fuq fatti u kunsiderazzjonijiet differenti, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista' jkun malajr.

291    Skond ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2423/88 (KEE) tal-11 ta’ Lulju 1988, relattiv għad-difiża kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji da parti tal-pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 209, p. 1, iktar ’il quddiem “ir-Regolament Bażiku qadim”), in-natura suffiċjenti ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-Istituzzjonijiet Komunitarji għandha tiġi analizzata skond il-livell ta’ speċifiċità ta’ l-informazzjoni mitluba (ara f’das-sens, is-sentenza Ajinomoto u NutraSweet vs Il-Kunsill, punt 288 iktar 'il fuq, punt 93).

292    Barra minn hekk, in-natura inkompleta ta' l-informazzjoni finali, li hija intiża sabiex tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jsostnu b'mod utli l-pożizzjoni tagħhom waqt il-proċedura amministrattiva, twassal għall-illegalità ta' Regolament li jimponi dazji ta' kontra d-dumping definittivi biss jekk, minħabba din l-omissjoni, dawn il-partijiet ma kinux f’pożizzjoni li jiddefendu utilment l-interessi tagħhom (sentenza Champion Stationery et vs Il-Kunsill, punt 288 iktar 'il fuq, punti 55, 73 u 81 sa 84).

293    Jeħtieġ għalhekk li jiġi eżaminat, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, jekk id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ġewx miksura matul il-proċedura ta’ investigazzjoni.

294    Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni, fil-21 ta’ Settembru 2000, ikkomunikat lir-rikorrenti d-dokument informattiv relattiv għall-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija kienet qed tipproponi l-impożizzjoni ta’ dazji ta' kontra d-dumping definittivi ta’ 13.1% fuq l-importazzjonijiet ta’ mwieżen elettroniċi manufatturati mir-rikorrenti. It-terminu ta’ żmien mogħti lir-rikorrenti biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha kien stabbilit għall-11 ta’ Ottubru 2000. B’faks tad-29 ta’ Settembru 2000, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tagħtiha informazzjoni supplementari. Il-Kummissjoni rrispondiet b’żewġ ittri separati, iddatati d-29 ta’ Settembru 2000 (dwar id-domandi marbuta mad-dumping) u l-4 ta’ Ottubru 2000 (dwar id-domandi marbuta mal-ħsara u mar-rabta ta' kawżalità). B’faks ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000, però li waslet qabel l-ittra tal-Kummissjoni ta’ l-istess ġurnata, ir-rikorrenti talbet estensjoni tat-terminu li kien ingħatalha sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. B’faks tal-5 ta’ Ottubru 2000, il-Kummissjoni rrifjutat din it-talba. B’ittra ta’ l-10 ta’ Ottubru 2000, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar id-dumping, il-ħsara u r-rabta’ ta' kawżalità. Fil-11 ta’ Ottubru 2000, il-Kummissjoni wieġbet għall-ittra ta’ l-10 ta’ Ottubru 2000 f’dak li jikkonċerna ċerti aspetti tad-dumping. F’din l-okkażjoni, hija aċċettat, b’mod partikolari, li tilqa' l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tas-salarji tal-bejjiegħa u naqqset il-marġni ta’ dumping minn 13.1% għal 12.8%. Fl-aħħar nett, fit-23 ta’ Ottubru 2000, il-Kummissjoni ppreżentat il-kumplament tal-kummenti tagħha fuq l-ittra ta’ l-10 ta’ Ottubru 2000.

295    Sabiex wieħed ikun jista’ jevalwa jekk ir-rikorrenti kinitx f’pożizzjoni li tiddefendi utilment l-interessi tagħha, jeħtieġ li jiġu eżaminati r-risposti tal-Kummissjoni għal kull domanda li għaliha ma rrispondietx b’mod suffiċjenti.

296    Permezz tad-domanda,numru 2 ir-rikorrenti staqsiet:, “sabiex tkun tista' tiġi evalwata l-paragunabbiltà tal-valur normali u tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni, [...] liema korrezzjonijiet kienu ġew applikati għall-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni u tal-bejgħ fis-suq intern tal-produttur Indonesjan.”

297    Fid-dokument infomattiv tal-21 ta’ Settembru 2000 (Anness A, punt 2.c), il-Kummissjoni kienet tat l-ispjegazzjoni segwenti għal dak li għandu x’jaqsam mal-paragun:

“Aħna konna għamilna paragun bejn il-valur nomali u l-prezz għall-esportazzjoni abbażi tal-prezz tal-fabbrika u fl-istess stadju ta’ kummerċ (distributuri/rivendituri). Għal dan il-għan, aħna rreferejna għad-data relattiva għall-kumpannija tagħkom kif kienet ġiet sottomessa lilna fir-risposta tagħkom għall-kwestjonarju. Il-Kummissjoni kkunsidrat id-differenzi taħt forma ta’ aġġustamenti, kif ipproponiethom il-kumpannija tagħkom; ikkoreġejna l-prezz fatturat b’1% għad-differenza bejn l-ispiża tal-kreditu mogħti fuq il-bejgħ ikkunsidrat, skond l-Artikolu 2(10)(g) tar-Regolament Bażiku.”

298    Fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Settembru 2000, il-Kummissjoni tat informazzjoni supplementari fuq il-karatteristiċi tekniċi tal-mudelli Indonesjani użati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat li ebda aġġustament ’il fuq ma kien sar sabiex jitqiesu d-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi; dan kien jgħodd għall-bejgħ intern u għall-bejgħ għall-esportazzjoni tal-mudell ta’ riferiment, jiġifieri l-mudell TEC SL-2200. Hija spjegat ukoll li l-bejgħ kollu tal-mudell TEC SL-2200 kien ġie ffatturat fuq bażi ta' tluq mill-fabbrika. Fl-ittra tagħha tal-11 ta’ Ottubru 2000, il-Kummissjoni spjegat, b’risposta għall-ittra ta’ l-10 ta’ Ottubru 2000, li fiha r-rikorrenti sostniet li l-Kummissjoni kienet naqset li tieħu kont tad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi bejn il-mudell użat sabiex jiġi stabbilit il-valur normali u l-mudelli differenti esportati mir-rikorrenti, li:

“Għandu jiġi nnutat li, kif jirriżulta mil-lista ta’ l-operazzjonijiet singoli [tar-rikorrenti], mhuwiex ċert li teżisti, kif kien qiegħed jiġi pretiż, differenza bejn il-valur fis-suq li possibbilment jirrekjedi aġġustament tal-valur normali bejn [miżien elettroniku] b’viżwal li jixgħel jgħajjat (fluorescent      display) u ieħor b’viżwal diġitali (LCD). Aħna rrimarkajna li ċertu bejgħ ta’ l-istess mudell b’viżwal li jixgħel jgħajjat kien sar bi prezz inqas minn tal-mudelli li ma kellhomx din il-karatteristika. L-ilment tiegħek huwa għalhekk miċħud.”

299    Fil-punt 2 ta’ din l-ittra, hija kompliet billi indikat dan li ġej:

“Barra minn hekk, aħna nfakkruk, kif diġà indikajna fl-ittra tagħna tad-29 ta’ Settembru 2000, li ebda aġġustament ’il fuq tal-valur normali fir-rigward tad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi ma ġie magħmul sa issa għad-dettalji tekniċi bħalma huma l-funzjonament bil-batterija, il-buttuna tal-PLU dirett, il-viżwal "fold up" etc, li għandhom il-mudelli esportati ta[r-rikorrenti], imma li l-mudelli SL-2200 ta’ TEC m'għandhomx. B'kunsiderazzjoni ta’ dawn id-differenzi eżistenti, wieħed jista’ jasal għall-konklużjoni li jeżisti livell iktar għoli ta' dumping.

300    Fl-aħħar nett, fil-punt 3 ta’ l-istess ittra, hija spjegat għal darba oħra li, li kieku hija segwiet l-approċċ issuġġerit mir-rikorrenti għal dak li għandu x’jaqsam mal-kalkolu tal-marġni tad-dumping, hija kienet tasal għal marġni għola minn dak li hija kienet stabbiliet billi segwiet l-approċċ tagħha stess.

301    Fil-każ preżenti, ir-rikorrenti insistiet li jittieħdu in kunsiderazzjoni d-differenzi fl-ispiża tal-kreditu mogħti għall-bejgħ in kwistjoni. Dan il-fattur kien ġie aċċettat, kif jirriżulta mill-punt 2.c ta’ l-Anness A tad-dokument informattiv iddatat il-21 ta’ Settembru 2000. Wara d-dokument informattiv, ir-rikorrenti għamlet xi domandi dwar il-karatteristiċi fiżiċi tal-prodotti. Kif intwera fil-punt preċedenti, il-Kummissjoni spjegat suffiċjentement għaliex hija ma kinitx għamlet aġġustament fir-rigward tad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi.

302    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tkun taf liema kienu l-mudelli li l-Kummissjoni kienet użat sabiex tistabbilixxi l-valur normali. Hija kienet ukoll biżżejjed infurmata bir-raġunijiet l-għaliex ma kien sar ebda aġġustament fir-rigward tad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi. Fil-fatt, il-Kummissjoni volontarjament astjeniet milli tagħmel aġġustament ’il fuq, li kien jittraduċi ruħu f’marġni għola. Ir-rikorrenti kienet taf ukoll li l-prezzijiet kienu ġew ipparagunati fl-istess stadju ta’ kummerċ. Iktar minn hekk, ir-rikorrenti ma talbitx aġġustamenti oħra. Għaldaqstant, hija kienet f’pożizzjoni li tiddefendi l-interessi tagħha utilment għal dak li jikkonċerna d-domanda numru 2 tal-faks tagħha tad-29 ta’ Settembru 2000.

303    Id-domandi 3 u 4 jittrattaw aġġustament li jikkonċerna s-salarji tal-vendituri, li l-Kummissjoni kienet għamlet, inizjalment fuq il-prezz għall-esportazzjoni tar-rikorrenti u li kellu l-effett li jnaqqas il-prezz għall-esportazzjoni u, għalhekk, li jżid il-marġni tad-dumping.

304    Mill-ittri tad-29 ta’ Settembru 2000 u tal-11 ta’ Ottubru 2000 jirriżulta li l-Kummissjoni ma għamlitx l-aġġustament fir-rigward tas-salarju tal-vendituri sabiex isir il-kalkolu finali tal-marġni tad-dumping. Fil-fatt, fl-ittra tagħha tal-11 ta’ Ottubru 2000, hija naqqset il-marġni tad-dumping minn 13.1% għal 12.8%. Għaldaqstant, hija ħadet deċiżjoni iktar favorevoli fir-rigward tar-rikorrenti u aċċettat pjenament l-argumenti tagħha fuq dak is-suġgett. Għalhekk, m’għadx hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni rrispondietx debitament għad-domandi 3 u 4 tar-rikorrenti.

305    Fid-domanda numru 6 tagħha, ir-rikorrenti għamlet referenza għall-kunsiderazzjonijiet segwenti:

“L-istess ittra ta’ l-14 ta’ April 2000 mibgħuta minn JKM Consulting lill-Kummissjoni tiddikjara: ‘Kif ftehemna waqt din il-laqgħa, Bizerba u Avery Berkel ser jikkompletaw ir-risposta speċifika tal-kumpannija tagħhom, b’mod kunfidenzjali u non-kunfidenzjali, u jiena mbagħad ngħaddihielkom fis-sede tal-Kummissjoni’. [Ir-rikorrenti] tixtieq tkun taf liema elementi kellhom jipprovdu Bizerba u Avery Berkel dak iż-żmien fir-risposta speċifika tal-kumpannija tagħhom.”

306    Il-Kummissjoni rrispondiet fl-ittra tagħha ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000 bil-mod segwenti:

“Id-dipartimenti tal-Kummissjoni ddiskutew ma’ l-industrija tal-Komunità s-sinjali ta' ħsara hawn annessi. L-industrija tal-Komunità għamlet imbagħad xi rimarki, li intom ħadtu kopja tagħhom mill-inkartament mhux kunfidenzjali.”

307    Ittra ta’ Bizerba, iddatata 10 ta’ April 2000 u rċevuta fl-14 ta’ April 2000, li fiha l-kummenti tagħha fuq il-ħsara, tidher fost id-dokumenti li r-rikorrenti annettiet mar-rikors tagħha. Għalhekk din l-ittra fiha informazzjoni supplementari ta’ Bizerba, li għaliha hemm referenza fl-itrra ta’ JKM Consulting ta’ l-14 ta’ April 2000. Fir-rigward ta’ l-informazzjoni li tat Avery Berkel, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-ittra ta’ din il-kumpannija ma tidhirx fost id-dokumenti li r-rikorrenti annettiet mar-rikors tagħha, għalkemm mill-inkartament jirriżulta li hija kellha xorta konoxxenza tagħha. Dan id-dokument, li ġie anness mal-kontroreplika tal-Kunsill, kien fil-fatt disponibbli fl-inkartament mhux kunfidenzjali li r-rikorrenti għamlet kopja tiegħu. Il-Kunsill issottometta f’dan ir-rigward, anness mal-kontroreplika tiegħu, iż-żewġ protokolli li jistabbilixxu li r-rappreżentant legali tar-rikorrenti kien ikkonsulta l-inkartament mhux kunfidenzjali fl-14 ta’ Settembru u fl-1 ta’ Diċembru 2000. Mill-punt 12 tal-protokoll ta’ l-14 ta’ Settembru 2000, jirriżulta li r-rappreżentant legali tar-rikorrenti għamel xi kopji ta’ l-ittra ta’ Avery Berkel ddatata 14 ta’ April 2000 u rċevuta fis-17 ta’ April 20000. Għalhekk, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li “[l]-inkartament mhux kunfidenzjali ma [kien] fih ebda osservazzjoni ta’ Bizerba u ta’ Avery Berkel sussegwenti għal din l-ittra ta’ l-14 ta’ April 2000 li [tikkompleta] 'r-risposti tagħhom li jikkonċernaw speċifikament il-kumpanniji rispettivi tagħħom'” u li “kien hemm biss osservazzjoni ppreżentata minn Bizerba ddatata l-10 ta’ April 2000, iżda xejn min-naħa ta’ Avery Berkel” ma tikkorrispondix mar-realtà. Fil-fatt, it-tnejn li huma, Bizerba u Avery Berkel, kienu bagħtu ittri lill-Kummissjoni wara l-laqgħa tal-bidu ta’ April 2000, li jikkompletaw b’hekk ir-risposti tagħhom. Kif ġie muri iktar 'il fuq, ir-rikorrenti kellha konoxxenza ta’ dawn iż-żewġ ittri.

308    Konsegwentement, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti kellha konoxxenza tas-sunti kollha mhux kunfidenzjali ta’ l-osservazzjonijiet kollha mibgħuta mill-industrija tal-Komunità. Għaldaqstant, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tiddefendi l-interessi tagħha utilment f’dak li jikkonċerna d-domanda 6 tal-faks tagħha tad-29 ta’ Settembru 2000.

309    Bid-domanda numru 10, ir-rikorrenti kienet staqsiet lill-Kummissjoni jekk hija kinitx eżaminat safejn ir-rata għolja ta’ skambju tal-Lira Sterlina in relazzjoni ma’ l-Ewro kienet affettwat il-kompetittività ta’ Avery Berkel f’dak li għandu x’jaqsam mal-bejgħ fiż-żona ta’ l-Ewro.

310    Il-Kummissjoni rrispondiet, fl-ittra tagħha ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000 bil-mod kif ġej:

“Ma kienx possibbli li tingħata espożizzjoni ddettaljata tad-data relattiva għall-ħsara li juru ċ-ċifri [għaż]-żona Ewro u [barra minn din] iż-żona [...], għar-raġunijiet mogħtija fir-risposta għall-domanda 9 iktar 'il fuq. [L-evoluzzjoni] tad-data li kienet ġiet mitluba ma [kinitx] disponibbli, peress li t-tabella 4.2.2 kienet ġiet mħejjija fuq il-listi ta’ l-operazzjonijiet singulari, ipprovduti mill-produtturi Komunitarji li kkooperaw. Hija l-prassi korrenti tal-Kummissjoni li titlob il-listi ta’ l-operazzjonijiet singulari biss għall-perijodu ta' investigazzjoni]. Skond l-informazzjoni disponibbli, il-ħsara hija madankollu manifest fir-rigward tal-bejgħ magħmul mill-produtturi Komunitarji li kkooperaw lill-klijenti kemm fiż-żona Ewro kif ukoll barra minnha.”

311    Għalhekk, il-Kummissjoni spjegat li hija ma kellhiex data fuq il-ħsara li hija maqsuma bejn iż-żona Ewro u għaż-żona barra minnha. Iktar minn hekk, hija spjegat li hija kienet ikkonkludiet li kien hemm ħsara għall-produtturi li kienu kkooperaw (jiġifieri għal Avery Berkel ukoll) f’dak li jikkonċerna l-bejgħ lill-klijenti fiż-żona Ewro u lil klijenti li jinsabu barra minn din iż-żona. Għaldaqstant, hija spjegat lir-rikorrenti t-tip ta’ eżami li hija kienet għamlet f’dan ir-rigward.

312    Huwa opportun li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni rrispondiet debitament għad-domanda tar-rikorrenti u tatha l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex hija tkun tista’ tiddefendi l-interessi tagħha sewwa. Min-naħa l-oħra, id-domanda dwar jekk il-Kummissjoni ħaditx debitament in kunsiderazzjoni dan il-fattur ma taffettwax il-fatt tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, kif isostni l-Kunsill.

313    Bil-domanda numru 11, ir-rikorrenti staqsiet “kif il-Kummissjoni setgħet [...] tistabbilixxi distinzjoni netta bejn l-[imwieżen elettroniċi] tas-segment baxx, medju u għoli, kif hija għamlet fl-eżami tagħha tal-ħsara,” peress illi “[d]-dokument informattiv [kien] jgħid, fil-punt 21, li ‘l-investigazzjoni [kienet] uriet li wieħed ma setax jagħmel distinzjoni ċara bejn it-tliet segmenti peress li l-mudelli tas-segmenti viċini kienu spiss skambjabbli’.”

314    Il-Kummissjoni rrispondiet għal dan, fl-ittra tagħha ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000, billi indikat dan li ġej:

“Fl-investigazzjoni preżenti, il-prodott ikkonċernat huwa l-istess bħala dak użat f'investigazzjonijiet preċedenti jew li għadhom għaddejjin. Il-mudelli kollha użati għall-finijiet tal-paragun fl-investigazzjoni preżenti kienu ġew definiti mill-kumpanniji kkonċernati li kienu kkooperaw (kemm jekk huma produtturi esportaturi jew Komunitarji) u dawn l-istess mudelli kienu ġew ivverifikati kull darba li kien hemm bżonn.”

315    Għalhekk il-Kummissjoni spjegat kif hija kienet qasmet il-prodott bejn is-segment baxx, medju, u għoli. Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi kkunsdirat li r-risposta tal-Kummissjoni kienet suffiċjenti biex tippermetti lir-rikorrenti tiddefendi l-interessi tagħha utilment.

316    Iktar minn hekk, kif ġustament isostni l-Kunsill, id-distinzjoni bejn l-imwieżen elettroniċi tas-segment baxx u mwieżen elettroniċi l-oħra saret biss b’mod indikattiv, u l-analiżi tal-ħsara kopriet il-gamma kollha tal-prodott (ara l-punti 127 sa 131 hawn fuq).

317    Bid-domanda numru 12, ir-rikorrenti ppreżentat ossservazzjonijiet dwar l-estent tad-dumping:

“Id-dokument informattiv isemmi, fil-punt 4.4.1, li ‘l-eżami inkluda l-fatturi kollha msemmija speċifikament fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku.’ Madankollu ma jidhirx li saret analiżi tal-kobor tal-marġni attwali tad-dumping imsemmi fl-Artikolu 3(5), [ta’ l-imsemmi Regolament]. Dan il-fattur kien ġie meqjus bħala irrilevanti fil-kors ta’ l-investigazzjoni? Fid-dawl tal-livell sinjifikanti ħafna tal-marġni tat-tnaqqis eċċessiv fil-prezzijiet stabbiliti mill-Kummissjoni, nettament għola mill-marġni tad-dumping stabbiliti għall-produtturi li kkooperaw, il-Kummissjoni kif wasslet għall-konklużjoni li huma l-effetti tad-dumping li kkawżaw l-allegata ħsara? Il-Kummissjoni, ħadet kunsiderazzjoni tal-fatt li l-importazzjonijiet, anke jekk bi prezzijiet mhux suġġetti għal dumping, kienu kkaġunaw l-istess ħsara allegata, peress li, anke wara l-eliminazzjoni tad-dumping allegat, it-tnaqqis eċċessiv fil-prezzijiet jibqa’ xorta waħda sostanzjali u kważi l-istess għall-parti l-kbira tal-produtturi li kkooperaw?”

318    Il-Kummissjoni rrispondiet għal dan fl-ittra tagħha ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000, bil-mod kif ġej:

“Il-domanda tiegħek titratta problema ipotetika ħafna peress li int qiegħda titlob lid-dipartimenti tal-Kummissjoni jimmaġinaw sitwazzjoni li fiha l-bejgħ tal-produtturi esportaturi ma jkunx sar bi prezz suġġett għad-dumping. Ċertament, dan mhuwiex il-każ f’din l-investigazzjoni. Madankollu, is-servizzi tal-Kummissjoni eżaminaw il-fatturi kollha rilevanti li seta’ kellhom impatt fuq id-dannu soffert mill-industrija tal-Komunità. Fil-kapitolu ‘Rabta ta' kawżalità tad-dokument informattiv, ir-rabta ta' kawżalità bejn l-importazzjonijiet suġġetti għad-dumping provenjenti mill-pajjiżi kkonċernati u l-ħsara sofruta mill-industrija tal-Komunità kienet ġiet kkonfermata.”

319    Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni rrispondiet debitament għad-domanda 12 tar-rikorrenti.

320    Għar-raġunijiet mogħtija iktar 'il fuq, jeħtieġ li l-ewwel parti tar-raba’ motiv tiġi miċħuda.

2.     It-tieni parti: fir-rigward tal-ksur ta’ l-Artikolu 20(5) tar-Regolament Bażiku

a)     L-argumenti tal-partijiet

321    Ir-rikorrenti ssostni li l-Istituzzjonijiet Komunitarji kisru l-Artikolu 20(5) tar-Regolament Bażiku in kwantu ma tawhiex it-terminu minimu ta’ għaxart’ijiem sabiex tipprepara osservazzjonijiet fuq id-dokument informattiv. Fil-fatt, peress li r-risposta finali tal-Kummissjoni għat-talba għal informazzjoni supplementari kienet intbagħtet fl-4 ta’ Ottubru 2000 u t-terminu impost fuq ir-rikorrenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha kien ġie ffissat għall-11 ta’ Ottubru 2000, hija ma setgħetx tibbenefika mit-terminu mogħti mid-dispożizzjoni ċċitatat iktar ’il fuq.

322    Ir-rikorrenti tinnota, fl-ewwel lok, li l-Kunsill naqas li jippreċiża r-raġuni li għaliha r-rikorrenti hija żbaljata meta ssostni li t-terminu kellu jiġi kkalkulat mid-data li fiha ġiet irċevuta l-kjarifika. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tiċħad l-interpretazzjoni tal-Kunsill li l-informazzjoni finali addizzjonali għandha tiġi meqjusa bħala kjarifika u li m'hemmx lok li jingħata lill-partijiet terminu minimu sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Skond ir-rikorrenti, din l-interpretazzjoni ftit tagħti każ id-drittijiet tad-difiża fil-proċeduri ta’ kontra d-dumping. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li huwa biżżejjed li jiġi muri li terminu obbligatorju previst fir-Regolament Bażiku ma kienx ġie osservat. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li, peress illi l-informazzjoni finali fuq id-domandi li jikkonċernaw il-ħsara kienet ġie żvelata fl-4 ta’ Ottubru 2000 u minħabba l-ġranet tal-ferjat legali fiċ-Ċina, hija ma setgħetx tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha sas-7 ta’ Ottubru 2000, peress li s-7 u 8 ta’ Ottubru ħabtu fi tmiem il-ġimgħa; skond hi, kien baqgħalha biss jum wieħed biex telabora l-osservazzjonijiet in kwistjoni. Hija xtaqet tivverifika, b’mod partikolari, l-asserzjoni tal-Kummissjoni li m'hemm ebda differenza fil-karatteristiċi fiżiċi bejn il-mudelli mibjugħin fiż-żona Ewro u dawk fiż-żona ta’ barra l-Ewro, li kienu jeżistu mudelli paragunabbli, kif ukoll iċ-ċifri relattivi għall-konsum mibgħuta fl-anness għall-ittra ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000, u l-prova li kien hemm esportazzjonijiet oħra ta’ prodotti differenti mill-imwieżen elettroniċi imma li jaqgħu taħt l-istess kodiċi mogħti mill-Eurostat. Hija ssostni li huwa essenzjali li, fil-proċeduri ta’ kontra d-dumping, jkun garantit numru minimu ta' drittijiet tad-difiża inkluż, b’mod partikolari, perijodu ta' mill-inqas għaxart’ijiem sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jassiguraw id-difiża ta’ l-interessi tagħhom.

323    Il-Kunsill jiċħad l-argument tar-rikorrenti u jinnota, fl-ewwel lok, li l-informazjoni finali kienet intbagħat b’ittra tal-21 ta’ Settembru 2000 u li t-terminu kien ġie ffissat għall-11 ta’ Ottubru 2000. Għalhekk, it-terminu, skond il-Kunsill, kien ta’ iktar minn għaxart’ijiem.

324    Fit-tieni lok, il-Kunsill jinnota li, anke jekk l-interpretazzjoni tar-rikorrenti, f’dak li jikkonċerna l-bidu tat-terminu, kienet eżatta, il-fatt li hija ma kellhiex għaxart’ijiem sabiex tipprepara l-osservazzjonijiet tagħha fih innifsu ma jwassalx għall-annullament tar-Regolament ikkontestat. Il-Kunsill isostni li r-rikorrenti għandha turi li l-fatt li hija ma kellhiex għaxart’ijiem biex tipprepara osservazzjonijiet fuq il-kjarifika impedixxiha milli tiddefendi l-interessi tagħha sewwa. Il-Kunsill isostni li l-ittra tal-21 ta’ Settembru 2000 kien fiha l-informazzjoni kollha li r-rikorrenti kellha bżonn biex tiddefendi l-interessi tagħha sewwa.

325    Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li allegazzjonijiet fattwali ġodda, jiġifieri li r-rikorrenti ma setgħetx tiġbor provi fuq id-differenzi fiżiċi bejn il-mudelli mibjugħin fiż-żona Ewro u barra mill-istess żona, u lanqas fuq iċ­-ċifri tal-konsum, ġew ippreżentati biss fl-istadju tar-replika u li, għalhekk, huma inammissibbli. F’kull każ, dawn huma nieqsa minn kull bażi.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

326    L-Artikolu 20(5) tar-Regolament Bażiku jiddisponi li “[r]appreżentazzjonijiet magħmula wara li jingħata t-tagħrif finali għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk riċevuti fi żmien perijodu li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f'kull każ, li għandu jkun mill-inqas 10 t'ijiem, waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta lill-urġenza tal-kwistjoni.”

327    Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni bagħtet id-dokument informattiv b’ittra tal-21 ta’ Settembru 2000. It-terminu għall-preżentata ta’ osservazzjonijiet kien ġie ffissat għall-11 ta’ Ottubru 2000 u, għalhekk, kien iktar minn għaxart’ijiem. B’faks tad-29 ta’ Settembru 2000, ir-rikorrenti talbet informazzjoni addizzjonali mingħand il-Kummissjoni. Il-Kummissjoni rrispondiet għal din it-talba b’żewġ ittri differenti, ddatati d-29 ta’ Settembru 2000 u l-4 ta’ Ottubru 2000. B’faks ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000, ir-rikorrenti talbet estensjoni biex tagħmel il-kummenti tagħha. B’faks tal-5 ta’ Ottubru 2000, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba. B’ittra ta’ l-10 ta’ Ottubru 2000, ir-rikorrenti ippreżentat il-kummenti tagħha fuq l-informazzjoni li hija kienet irċeviet mingħand il-Kummissjoni.

328    Ir-rikorrenti ssostni prinċipalment li hija kien immissha kellha terminu ta’ għaxart’ijiem mill-ittra tal-Kummissjoni ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000. Issa, il-Kunsill, min-naħa tiegħu, jikkunsidra li t-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha ngħatat l-informazzjoni finali, jiġifieri l-21 ta’ Settembru 2000.

329    Qabel ma jiġi eżaminat jekk il-Kunsill isostnix korrettament li l-ittra tal-21 ta’ Settembru 2000 kienet tikkostitwixxi fiha nnifisha informazzjoni finali, peress illi l-ittri sussegwenti huma biss sempliċi kjarifiċi, jeħtieġ l-ewwel nett li jiġu eżaminati l-konsegwenzi fil-każ preżenti jekk kellu jiġi kkunsidrat li l-ittri tad-29 ta’ Settembru 2000 u ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000 kien fihom ukoll l-informazzjoni finali.

330    Jirriżulta mill-ġurisprudenza li n-nuqqas ta’ referenza, fid-dokument informattiv, għal ċerti elementi ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, jekk huwa stabbilit li hija kellha konoxxenza ta’ dawn l-elementi f’okkażjoni oħra, f’data li tippermettilha xorta li effettivament tagħti l-opinjoni tagħha f'dan ir-rigward qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-proposta tagħha għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat (ara f’das-sens, is-sentenza Champion Stationery et vs Il-Kunsill, punt 288 iktar 'il fuq, punt 83).

331    Anke jekk ir-rikorrenti kellu jkollha terminu minimu ta’ għaxart’ijiem għall-preżentata ta’ osservazzjonijiet eventwali dwar l-elementi li ma jidhrux fid-dokument informattiv li ntbagħtilha fil-21 ta’ Settembru 2000 u anki jekk dan it-terminu ma ġiex osservat, dan il-fatt, fih innifisu, ma jistax iwassal għall-annullament tar-Regolament ikkontestat. Fil-fatt, huwa wkoll neċessarju li jiġi stabbilit jekk il-fatt li l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma tawx lir-rikorrenti t-terminu previst fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament ikkontestat, sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet eventwali tagħha fir-rigward ta’ l-informazzjoni addizzjonali msemmija hawn fuq, kienx tali li jilledi b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża tagħha fl-ambitu tal-proċedura in kwistjoni.

332    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-kummenti tagħha b'risposta għad-dokument informattiv li ntbagħtilha mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Settembru 2000, ir-rikorrenti kkontestat diversi punti, fosthom dawk eżaminati hawn fuq li fir-rigward tagħhom hija kkontestat ir-risposti tal-Kummissjoni. L-ittri tad-29 ta’ Settembru 2000 u ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000 tal-Kummissjoni kienu risposti għad-domandi tar-rikorrenti magħmula fil-faks tagħha tad-29 ta’ Settembru 2000. Issa, kif ġie muri fil-punti 295 sa 320 iktar 'il fuq, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma ġewx miksura f’dak li jikkonċerna dawn id-domandi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, kemm fir-rigward tad-dokument informattiv kif ukoll fuq ir-risposti supplementari tal-Kummissjoni, fl-ittra tagħha ta’ l-10 ta’ Ottubru 2000.

333    Ir-rikorrenti ssostni, b’mod partikolari, li fit-terminu qasir li kien ingħatalha wara li hija kienet irċeviet l-informazzjoni supplementari fuq il-ħsara b'ittra tal-Kummissjoni ta’ l-4 ta’ Otturbu 2000, hija ma setgħetx tiġbor il-provi fuq il-fatt li prodotti oħra diversi mill-imwieżen elettroniċi li kienu jaqgħu taħt il-kategorija NM 8423 8150 kienu qegħdin jiġu esportati miċ-Ċina u mill-pajjiżi kkonċernati l-oħra.

334    Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, mill-qari tad-dokument informattiv tal-21 ta’ Settembru 2000, ir-rikorrenti kienet fehmet li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-esportazzjonijiet kollha rreġistrati taħt il-kodiċi NM kienu ta’ l-imwieżen elettroniċi. Għalhekk, ma kienx hemm “żvelar finali” ġdid.

335    Fir-rigward ta’ l-allegazzjoni li r-rikorrenti ma kellhiex iż-żmien tivverifika l-asserzjoni tal-Kummissjoni, żvelata fl-4 ta’ Ottubru 2000, li tgħid li ma kien hemm ebda differenza fil-karatteristiċi fiżiċi bejn il-mudelli mibjugħin fiż-żona Ewro u dawk mibjugħin barra miż-żona Ewro u li jeżistu mudelli paragunabbli, għandu jiġi rrilevat li, fid-dokument informattiv tal-21 ta’ Settembru 2000, fit-tabella 4.2.2, il-Kummissjoni żvelat il-prezzijiet medji (f’figuri indiċizzati) għal kull segment fiż-żona Ewro u barra minn din iż-żona, sabiex issaħħaħ ir-raġunament tagħha dwar l-effett ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro. Fil-punt 8 tal-faks tagħha tad-29 ta’ Settembru 2000, ir-rikorrenti saqsiet dan li ġej: “Fir-rigward tat-tabella 4.2.2, [ir-rikorrenti] tixtieq tkun taf jekk, bejn il-mudelli mibjugħa mill-industrija tal-Komunità fiż-żona Ewro u barra minn din iż-żona, hemmx xi differenza fil-karatteristiċi fiżiċi li abbażi tagħha sar il-paragun bejn il-prezzijiet.” Il-Kummissjoni rrispondiet fl-ittra tagħha ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000, billi ddikjarat li “fit-tabella 4.2.2 intużaw mudelli paragunabbli u, għalhekk, [li] mhuwiex neċessarju li jsiru aġġustamenti għad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi.” Fl-ittra tagħha ta’ l-10 ta’ Ottubru 2000, ir-rikorrenti tikkonstata sempliċiment li, “[b]arra minn hekk, id-differenza kbira fil-prezz bejn il-bejgħ [fiż]-żona Ewro u [barra minn din iż-żona] mill-kumpanniji ilmentaturi tal-Komunità, kif tirriżulta mid-dokumenti tal-Kummissjoni, turi b’mod ċar komportament anti-kompetittiv min-naħa ta’ l-ilmentaturi u l-fatt li huma ostakolaw l-importazzjonijiet paralleli fis-suq uniku.”

336    Għaldaqstant, ir-rikorrenti lanqas biss ippruvat tenfasizza, wara r-risposta tal-Kummissjoni misjuba fl-ittra ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000, li hija kien kellha xi dubji dwar l-eżistenza ta' differenzi relattivi għall-karatteristiċi fiżiċi bejn il-mudelli mibjugħa fiż-żona Ewro u barra minn din iż-żona, u l-paragunabbiltà ta’ dawn il-mudelli. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li d-drittijiet tad-difiża ma ġewx miksura.

337    Fir-rigward taċ-ċifri relattivi għall-konsum, misjubin fid-dokument ta’ April 2000 u żvelati lir-rikorrenti fl-ittra ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din kienet data preliminari u li d-data misjuba fid-dokument informattiv tal-21 ta’ Settembru 2000 biss kienet importanti. Għaldaqstant, dan l-argument huwa irrilevanti.

338    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni tagħti, fl-ittra ta’ l-10 ta’ Ottubru 2000, l-opinjoni tagħha fuq id-domandi li jittrattaw id-diverġenzi bejnha u l-Kummissjoni u li ssostni l-argumenti kollha tagħha li hija sussegwentement żviluppat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

339    F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikorrenti ma tistax issostni li d-drittijiet tad-difiża tagħha kienu ġew miksura fil-kors tal-proċedura ta’ investigazzjoni.

340    Huwa opportun li jiġi nnutat, ukoll, li r-rikorrenti żbaljatament tinvoka l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Bażiku li jgħid “[f]ejn ma jkunx ġie applikat dazju proviżjonali, il-partijiet għandhom jiġu mogħtija opportunità li jitolbu żvelar finali fi żmien limiti ta' żmien stabbiliti mill-Kummissjoni.” Id-data ta’ skadenza ffissata fl-ittra tal-21 ta’ Settembru 2000 kienet tkopri l-osservazzjonijiet li kellhom jiġu ppreżentati u ma kinitx tikkostitwixxi terminu li fih kellha ssir talba għal informazzjoni finali.

341    Konsegwentement, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

3.     It-tielet parti: fir-rigward tal-ksur ta’ l-Artikolu 6(9) tar-Regolament Bażiku u ta’ l-Artikolu 253 KE

a)     L-argumenti tal-partijiet

342    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser l-Artikolu 6(9) tar-Regolament Bażiku billi ma kkonkludiex l-investigazzjoni fi żmien sena. Iktar minn hekk, in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni għall-qbiż tat-terminu, f’settur li kien is-suġġett ta’ diversi proċeduri preċedenti, jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 253 KE. Ir-rikorrenti tinvoka l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza sentenza NTN Corporation u Koyo Seiko vs Il-Kunsill, punt 167 iktar 'il fuq, punti 119 sa 125, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 1995, Ferchimex vs Il-Kunsill, T-164/94, Ġabra p. II-2681, punt 166).

343    Ir-rikorrenti ssostni li t-terminu ta’ sena jikkostitwixxi regola ġenerali. Jekk ma jkunx possibbli li jiġi osservat it-terminu, l-investigazzjoni għandha tiġi konkluża f’terminu ta’ ħmistax-il xahar. Dan l-obbligu jikkonċerna b’mod partikolari l-każijiet fejn jiġi muri li ma kienx possibbli li jiġi osservat it-terminu ta’ sena.

344    Il-Kunsill jiċħad l-allegazzjoni tar-rikorrenti u jsostni li l-interpretazzjoni tagħha tikkuntradixxi l-kliem ċar ta’ l-Artikolu 6(9) tar-Regolament Bażiku. L-istituzzjonijiet huma marbuta b’obbligu formali li jikkonkludu l-investigazzjonijiet fi żmien ħmistax-il xahar.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

345    Fl-ewwel lok, għal dak li jikkonċerna l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, invokata mir-rikorrenti u li tgħid li l-investigazzjoni ta’ kontra d-dumping m'għandhiex tkun imtawla iktar minn perijodu raġjonevoli, li għandu jiġi evalwat skond iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, (sentenza Ferchimex vs Il-Kunsill, punt 342 iktar 'il fuq, punt 166), għandu jiġi mfakkar li din il-ġurisprudenza tikkonċerna l-Artikolu 7(9)(a) tar-Regolament Bażiku l-qadim.

346    Issa, għandu jiġi nnutat li l-Artikolu 6(9) tar-Regolament Bażiku ma jaqbilx ma’ l-Artikolu 7(9)(a) tar-Regolament Bażiku l-qadim li kien redatt kif ġej:

“Investigazzjoni tiġi konkluża jew bl-għeluq tagħha, jew b'miżura definittiva. Il-konklużjoni għandha sseħħ normalment fi żmien sena minn wara l-ftuħ tal-proċedura.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

347    L-Artikolu 6(9) tar-Regolament Bażiku applikabbli fil-każ preżenti, jiddisponi:

“Għall-proċeduri mibdija skond l-Artikolu 5(9), investigazzjoni għandha, kull fejn possibbli, tiġi konkluża fi żmien sena. Fi kwalunkwe każ, investigazzjonijiet bħal dawn għandhom fil-każijiet kollha jiġu konklużi fi żmien 15-il xahar mill-bidu, skond is-sejbiet magħmula skond l-Artikolu 8 [tar-Regolament Bażiku] għall-attivitajiet jew is-sejbiet magħmula skond l-Artikolu 9 [tar-Regolament Bażiku] għal azzjoni definittiva.”

348    Għaldaqstant, b’kuntrast mad-dispożizzjoni l-qadima, l-Artikolu 6(9) tar-Regolament Bażiku fih terminu indikattiv, jiġifieri sena, kif ukoll terminu obbligatorju, jiġifieri ħmistax-il xahar. Minn dawn iż-żewġ termini jirriżulta li, jekk l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma jkunux kkonkludew l-investigazzjoni fit-terminu indikattiv ta’ sena, jkun biżżejjed għalihom, sabiex josservaw ir-regoli ta’ proċedura tar-Regolament Bażiku, li jikkonkluduha fit-terminu obbligatorju ta’ ħmistax-il xahar, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk dan it-terminu li jeċċedi t-terminu indikattiv, imma li ma jeċċedix it-terminu obbligatorju, huwiex raġjonevoli skond iċ-ċirkustanzi tal-każ. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti mhijiex applikabbli fil-każijiet fejn it-terminu obbligatorju ta’ ħmistax-il xahar ġie osservat.

349    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ preżenti, il-proċedura inbdiet fis-16 ta’ Settembru 1999, bl-avviż tal-ftuħ ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fl-istess ġurnata, u ngħalqet fis-27 ta’ Novembru 2000, bl-adozzjoni mill-Kunsill tar-Regolament ikkontestat. Konsegwentement, l-investigazzjoni ma ġietx konkluża fit-terminu indikattiv ta’ sena. Madankollu, huwa ċar li hija kienet ingħalqet ħafna qabel t-terminu imperattiv ta’ ħmistax-il xahar. Għaldaqstant, l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma jistgħux jiġu akkużati li kisru l-Artikolu 6(9) tar-Regolament Bażiku.

350    Fit-tielet lok, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma kinux obbligati jsemmu r-raġunijiet li għalihom huma kienu qabżu t-terminu indikattiv ta’ sena. Għaldaqstant, huma lanqas kisru l-Artikolu 253 KE.

351    Għaldaqstant, it-tielet parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda wkoll.

352    Minn dak kollu li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li r-rikors kollu kemm hu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

353    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tal-konvenut, skond it-talbiet tiegħu stess.

354    Il-Kummissjoni, li intervjeniet fil-kawża, għandha tbati l-ispejjeż tagħha, in applikazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

Il-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-konvenut.

3)      Il-parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Tiili

Pirrung

Mengozzi

Meij

 

Vilaras

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Ottubru 2004.

H. Jung

 

       V. Tiili

Reġistratur

 

      President

Werrej


Il-kuntest leġiżlattiv

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq il-mertu

A –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku

1.  Introduzzjoni

2.  Rigward il-kliem ta’ l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  Rigward l-ewwel kundizzjoni imposta mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku

a)  Dwar l-applikazzjoni ta' prezzijiet uniformi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

b)  Dwar il-bejgħ b'telf

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

c)  Dwar il-proporzjon bejn il-bejgħ fis-suq intern Ċiniż u l-esportazzjonijiet

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

d)  Il-konklużjoni dwar l-ewwel kundizzjoni imposta mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku

B –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 3(2), (3), (5), u (8) tar-Regolament Bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-ħsara

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Is-sitt parti: fir-rigward tal-ksur ta’ l-Artikolu 3(2) u (8) tar-Regolament Bażiku, dwar l-evalwazzjoni ta’ l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fir-rigward tal-produzzjoni Komunitarja ta’ parti waħda tal-prodott simili

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  L-Ewwel parti: fir-rigward tal-ksur ta’ l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Bażiku

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

4.  It-tieni parti: fir-rigward tat-teħid in kunsiderazzjoni, fl-analiżi intiża sabiex tiġi determinata l-ħsara, ta’ importazzjonijiet li ma kinux is-suġġett ta' dumping.

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

5.  It-tielet parti: fir-rigward tal-konklużjoni li l-industrija tal-Komunitŕ ġarrbet ħsara sinjifikanti

a)  Id-differenza bejn il-data preliminari u dik definittiva

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

b)  L-evalwazzjoni ta’ ċerti sinjali tal-ħsara.

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

–  Il-prezz tal-bejgħ ta’ prodott simili

–  Il-profitabbiltà u l-effett ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro

c)  L-eżistenza ta’ ħsara sinjifikanti u l-evalwazzjoni tal-fatti.

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

d)  Il-bidu u l-quċċata ta’ l-effett derivanti mill-prospettiva ta’ l-introduzzjoni ta’ l-Ewro.

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

6.  Ir-raba’ parti: fir-rigward ta' l-iżball manifest ta’ l-Istituzzjonijiet Komunitarji f'dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-kobor tal-marġni ta’ dumping effettiv

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

7.  Il-ħames parti: fir-rigward tal-ksur ta’ l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament Bażiku relatat mat-teħid in kunsiderazzjoni tal-figuri ta' Eurosta

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

C –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 3(6) tar-Regolament Bażiku

1.  Introduzzjoni

2.  L-ewwel parti: fir-rigward tal-profitabbiltà

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  It-tieni parti: fir-rigward ta' l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

4.  It-tielet parti: fir-rigward tal-kalkolu tat-tnaqqis eċċessiv fil-prezzijiet

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

5.  Ir-raba’ parti: fir-rigward tas-sehem mis-suq

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

D –  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tar-regoli tal-proċedura previsti fir-Regolament Bażiku

1.  L-ewwel parti: fir-rigward tal-ksur ta’ l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Bażiku

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

2.  It-tieni parti: fir-rigward tal-ksur ta’ l-Artikolu 20(5) tar-Regolament Bażiku

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  It-tielet parti: fir-rigward tal-ksur ta’ l-Artikolu 6(9) tar-Regolament Bażiku u ta’ l-Artikolu 253 KE

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.