Language of document : ECLI:EU:C:2013:533

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Settembru 2013 (*)

“Viżi, ażil, immigrazzjoni u politiki oħra marbuta mal-moviment liberu tal-persuni — Politika ta’ immigrazzjoni — Immigrazzjoni klandestina u residenza irregolari — Ripatrijazzjoni ta’ persuni li jirrisjedu irregolarment — Direttiva 2008/115/KE — Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment — Proċedura ta’ tneħħija — Miżura ta’ detenzjoni — Estensjoni tad-detenzjoni — Artikolu 15(2) u (6) — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal smigħ — Ksur — Konsegwenzi”

Fil-Kawża C‑383/13 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

M. G.,

N. R.

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, G. Arestis, J.‑C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: M.‑A. Gaudissart, Kap ta’ Unità,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tal-5 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, li tissuġġetta r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall‑proċedura b’urġenza, skont l-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2013 tat-Tieni Awla li tilqa’ din it-talba,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Awwissu 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal G., minn N. C. Blomjous u M. Strooij, avukati,

–        għal R., minn L. M. Weber u R. M. Seth Paul, avukati,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn J. Langer u M. Bulterman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn K. Pawłowska u M. Arciszewski, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande kif ukoll minn A. Bouquet u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98), u tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, G. u R., u, min-naħa l-oħra, l-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja) dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet li jestendu miżuri ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija adottati kontra tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Il-premessi 11, 13 u 16 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdu:

“(11) Għandu jiġi stabbilit sett minimu ta’ salvagwardji legali dwar deċiżjonijiet relatati mar-ritorn biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva ta’ l-interessi ta’ l-individwi konċernati. [...]

[…]

(13)      L-użu ta’ miżuri koersivi għandhom ikunu espliċitament soġġetti għall-prinċipji tal-proporzjonalità u ta’ l-effettività fir-rigward tal-mezzi użati u l-objettivi segwiti. [...] L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jattwaw diversi possibilitajiet biex jissorveljaw ir-ritorn furzat.

[…]

(16)      L-użu tad-detenzjoni għall-fini ta’ tneħħija għandu jkun limitat u soġġett għall-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tal-mezzi użati u l-objettivi segwiti. Id-detenzjoni hija ġustifikata biss biex jiġi ppreparat r-ritorn jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija u jekk l-applikazzjoni ta’ miżuri anqas koerżivi ma tkunx suffiċjenti.”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

5        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta' Stat Membru.

[…]”

6        Skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115:

“1.      Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

(a)      jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

(b)      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

2.      Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji.

Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata bil-miktub bir-raġunijiet fil-fatt u fid-dritt.

Meta d-detenzjoni tkun ġiet ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom:

(a) jipprovdu reviżjoni ġudizzjarja rapida tal-legalità tad-detenzjoni li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun mill-bidu tad-detenzjoni,

(b) jagħtu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat id-dritt li jieħu proċedimenti li permezz tagħhom il-legalità tad-detenzjoni għandha tkun soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja rapida li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun wara l-bidu tal-proċedimenti rilevanti. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom minnufih jinfurmaw liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat dwar il-possibbiltà li jieħu tali proċedimenti.

Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jiġi rilaxxat minnufih jekk id-detenzjoni ma tkunx legali.

3.      F’kull każ, id-detenzjoni għandha tiġi riveduta f’intervalli raġonevoli ta’ żmien jew b’applikazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew ex officio. Fil-każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla, ir-reviżjonijiet għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja.

4.      Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l-persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih.

5.      Id-detenzjoni għandha titkompla [sakemm] il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 [ikunu] sodisfatti u [sakemm ikun meħtieġ sabiex tiġi] żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.      L-Istati Membri [ma jistgħux jestendu] il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta’ tneħħija tista’ ddum minħabba:

(a)      nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, jew

(b)      dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi.”

 Il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi

7        Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 2:1 tal-Liġi ġenerali fil-qasam amministrattiv (Algemene wet bestuursrecht), kull persuna tista’ tqabbad mandatarju sabiex jassistiha jew jirrappreżentaha sabiex tiddefendi l-interessi tagħha fir-relazzjonijiet tagħha mal-amministrazzjoni.

8        Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 4:8 tal-istess liġi, qabel ma tieħu deċiżjoni li probabbilment tikkawża preġudizzju lil persuna kkonċernata li ma tkunx talbet din id-deċiżjoni, l-amministrazzjoni għandha tagħti lil din il-persuna l-opportunità li tesprimi l-pożizzjoni tagħha jekk, minn naħa, id-deċiżjoni msemmija tkun ibbażata fuq elementi marbuta ma’ fatti u ma’ interessi li jikkonċernaw lill-persuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, dawn l-elementi ma jkunux ġew ikkomunikati mill-persuna kkonċernata stess.

9        Il-parti introduttorja u l-punt (a) tal-Artikolu 59(1) tal-Liġi tal-2000 dwar il-barranin (Vreemdelingenwet 2000, iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”), jipprovdu li persuna barranija li r-residenza tagħha ma tkunx regolari tista’, jekk dan ikun meħtieġ fl-interess tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali, titqiegħed taħt detenzjoni mill-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie sabiex tiġi akkumpanjata lejn il-fruntiera.

10      Skont l-Artikolu 59(5) tal-Vw 2000, id-detenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma tistax tkun għal iktar minn sitt xhur.

11      Skont l-Artikolu 59(6) tal-istess liġi, il-perijodu msemmi fl-Artikolu 59(5) jista’ jiġi estiż għal perijodu supplimentari ta’ tnax-il xahar jekk, minkejja l-isforzi raġonevoli kollha, ikun probabbli li ser ikun meħtieġ iktar żmien sabiex il-persuna barranija tiġi akkumpanjata lejn il-fruntiera, u dan minħabba li l-persuna barranija ma tkunx qiegħda tikkoopera jew minħabba li d-dokumenti provenjenti minn pajjiżi terzi meħtieġa għal dan il-għan ikunu għadhom ma nkisbux.

12      L-Artikolu 94(4) tal-Vw 2000 jipprovdi li r-Rechtbank għandha tiddikjara fondat ir-rikors kontra miżura ta’ detenzjoni jekk tikkonkludi li l-implementazzjoni tagħha hija kuntrarja għall-Vw 2000 jew jekk, wara li tibbilanċja l-interessi inkwistjoni kollha, tikkonkludi li din il-miżura ma tkunx raġonevolment ġustifikata. F’dan il-każ, ir-Rechtbank għandha tordna r-revoka tal-miżura.

13      L-Artikolu 106(1) tal-Vw 2000 jippermetti lir-Rechtbank tagħti kumpens lill-persuna barranija, bl-ispejjeż għall-Istat, jekk tordna r-revoka ta’ miżura ta’ detenzjoni jew jekk id-detenzjoni tkun diġà twaqfet qabel l-eżami tat-talba għar-revoka ta’ din il-miżura.

14      L-Artikolu 106(2) tal-istess liġi jipprovdi li l-Artikolu 106(1) japplika mutatis mutandis jekk ir-revoka tal-miżura ta’ detenzjoni tkun ordnata mit-taqsima tal-kontenzjuż amministrattiv tar-Raad van State.

15      Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 5.1a tad-Digriet tal-2000 dwar il-barranin (Vreemdelingenbesluit 2000) jipprovdi li persuna barranija li r-residenza tagħha ma tkunx regolari tista’, jekk dan ikun meħtieġ fl-interess tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali, titqiegħed taħt detenzjoni jekk:

“(a)      ikun hemm riskju li l-persuna barranija taħrab,

jew

(b)      il-persuna barranija tevita jew tfixkel it-tħejjija tar-ritorn jew tal-proċedura ta’ akkumpanjament mal-fruntiera.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

16      Fl-24 ta’ Ottubru u fil-11 ta’ Novembru 2012, l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi qiegħdu lil G. u lil R., rispettivament, taħt detenzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija. Permezz ta’ deċiżjonijiet tad-19 ta’ April 2013, fir-rigward ta’ wieħed, u tad-29 ta’ April 2013, fir-rigward tal-ieħor, id-detenzjoni tagħhom ġiet estiża għal perijodu li ma kellux jaqbeż it-tnax-il xahar minħabba, b’mod partikolari, nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-persuni kkonċernati fil-kuntest tal-proċedura ta’ tneħħija.

17      G. u R. ippreżentaw, it-tnejn li huma, rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ta’ estensjoni li tikkonċernahom. Permezz ta’ sentenzi tat-22 u tal-24 ta’ Mejju 2013, ir-Rechtbank Den Haag, qorti tal-ewwel istanza, ikkonstatat ksur tad-drittijiet tad-difiża iżda ċaħdet dawn ir-rikorsi peress li kkunsidrat li din l-irregolarità ma kinitx timplika l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ estensjoni. G. u R. appellaw minn dawn is-sentenzi quddiem ir-Raad van State.

18      Skont dik il-qorti, il-fatti fil-kawżi prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115. Huwa wkoll paċifiku li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba li l-persuni kkonċernati ma nstemgħux b’mod regolari, fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti mil-liġi nazzjonali, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ estensjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

19      Dik il-qorti tippreċiża li, fid-dritt nazzjonali, il-qrati għandhom jiddeterminaw il-konsegwenzi legali ta’ tali ksur billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi ggarantiti permezz tal-estensjoni tad-detenzjoni u li, għalhekk, il-qrati ma humiex obbligati jannulaw deċiżjoni ta’ estensjoni adottata mingħajr ma l-persuna kkonċernata tkun instemgħet qabel jekk l-interess li din il-persuna tinżamm taħt detenzjoni jitqies li għandu prijorità.

20      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-konformità ta’ tali ġurisprudenza mad-dritt tal-Unjoni. Hija tippreċiża wkoll li, fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, jekk qorti nazzjonali tikkonstata li deċiżjoni ta’ detenzjoni għandha tiġi annullata, l-awtoritajiet kompetenti ma jkollhomx il-possibbiltà li jadottaw waħda ġdida u għalhekk il-persuna kkonċernata jkollha tinħeles immedjatament.

21      Huwa f’dan il-kuntest li r-Raad van State iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Ksur, mill-amministrazzjoni nazzjonali, tal-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, stabbilit ukoll fl-Artikolu 41(2) tal-Karta [...], li jseħħ waqt it-tfassil ta’ deċiżjoni ta’ estensjoni fis-sens tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115[...], jimplika awtomatikament u fil-każijiet kollha li d-detenzjoni għandha tiġi revokata?

2)      Dan il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jippermetti li jsir ibbilanċjar tal-interessi li matulu, minbarra l-gravità tal-ksur tal-imsemmi prinċipju u l-interessi leżi tal-barrani li jirriżultaw minn tali ksur, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-Istat Membru protetti bl-estensjoni tad-detenzjoni?”

 Fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari

 Fuq il-proċedura b’urġenza

22      Ir-Raad van State talbet, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE u tal-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

23      Il-qorti tar-rinviju mmotivat din it-talba billi spjegat li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi inkwistjoni fil-kawżi li għandha quddiemha jinsabu taħt detenzjoni u li s-sitwazzjoni tagħhom taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà sigurtà u ġustizzja. Fil-każ li l-ewwel domanda tkun teħtieġ risposta fl-affermattiv, id-detenzjonijiet ikollhom jiġu rrevokati immedjatament. Jekk l-ewwel domanda tkun teħtieġ risposta negattiva, dan ikun ifisser li jkun effettivament possibbli li jitwettaq ibbilanċjar tal-interessi u r-Raad van State jkollha twettaq dan l-ibbilanċjar u jkollha teżamina b’mod diliġenti jekk dan l-ibbilanċjar għandux iwassal jew le għar-revoka tad-detenzjonijiet.

24      F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115, li taqa’ taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat. Għaldaqstant, dan ir-rinviju jista’ jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal‑Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura.

25      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jinsabu attwalment imċaħħda mil-libertà tagħhom u li s-soluzzjoni fil-kawżi prinċipali jista’ jkollha l-konsegwenza li titwaqqaf immedjatament din iċ-ċaħda tal-libertà.

26      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-11 ta’ Lulju 2013, fuq proposta tal-Avukat Ġenerali u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza.

 Fuq id-domandi preliminari

27      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) u (6) tad-Direttiva 2008/115, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, l-estensjoni ta’ miżura ta’ detenzjoni tkun ġiet deċiża mingħajr ma jkun irrispettat id-dritt għal smigħ, id-detenzjoni għandha titwaqqaf immedjatament jew jekk il-qorti nazzjonali li jkollha tevalwa l-legalità ta’ din id-deċiżjoni ta’ estensjoni tistax iżżommha fis-seħħ jekk tqis li din id-deċiżjoni tibqa’ ġġustifikata wara li tkun wettqet ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni.

28      Għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li huwa stabbilit li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi li għandha quddiemha, id-deċiżjonijiet ta’ estensjoni tad-detenzjoni ttieħdu mingħajr ma ġie rrispettat id-dritt għal smigħ. Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ din il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikun hemm ksur tal-obbligu li jiġi żgurat id-dritt għal smigħ fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni iżda għandha tindika biss lill-qorti tar-rinviju liema huma l-konsegwenzi li skont id-dritt tal-Unjoni jirriżultaw minn tali ksur.

29      F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li, taħt il-Kapitolu III tagħha, intitolat “Salvagwardji proċedurali”, id-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet dwar il-forma li fiha għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet ta’ tneħħija, li b’mod partikolari għandhom jinħarġu bil-miktub u għandhom ikunu mmotivati, u tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu rimedji effettivi kontra dawn id-deċiżjonijiet. Fil-kuntest tal-Kapitolu IV tagħha, iddedikat għad-detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija, din id-direttiva tipprevedi b’mod partikolari, fl-Artikolu 15(2) tagħha, li d-detenzjoni għandha tiġi ordnata mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji, permezz ta’ att bil-miktub li jindika l-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni ta’ detenzjoni, u tippreċiża l-kundizzjonijiet dwar l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni meta tkun ordnata mill-awtorità amministrattiva. Barra minn hekk, l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tad‑Direttiva 2008/115 jipprovdi li ċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz għandu jinħeles immedjatament jekk id-detenzjoni ma tkunx legali.

30      Għandu jiġi osservat ukoll li, għalkemm l-Artikolu 15(6) tal-istess direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jestendu, skont id-dritt nazzjonali, il-perijodu ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija għal perijodu ddeterminat ta’ mhux iktar minn tnax-il xahar supplimentari, meta jkunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet sostantivi, din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda regola proċedurali.

31      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-awturi tad-Direttiva 2008/115 għażlu b’hekk li jistabbilixxu b’mod iddettaljat il-garanziji mogħtija liċ-ċittadini kkonċernati ta’ pajjiżi terzi fir-rigward kemm tad-deċiżjoni ta’ tneħħija kif ukoll tad-deċiżjoni ta’ detenzjoni tagħhom, dawn l-awturi, għall-kuntrarju, ma ppreċiżawx jekk, u f’liema kundizzjonijiet, kellux jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal smigħ ta’ dawn iċ-ċittadini, u lanqas ma ppreċiżaw il-konsegwenzi li kellhom jinstiltu min-nuqqas ta’ rispett ta’ dan id-dritt, ħlief għar-rekwiżit, ta’ natura ġenerali, li dawn iċ-ċittadini jinħelsu mid-detenzjoni jekk din ma tkunx legali.

32      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet tad-difiża, li jinkludu d-dritt għal smigħ u d-dritt ta’ aċċess għall-inkartament, huma fost id-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li huma rrikonoxxuti fil-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, punti 98 u 99, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Huwa minnu wkoll li dawn id-drittijiet għandhom jiġu rrispettati anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix espliċitament tali formalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li d-drittijiet fundamentali, bħar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, ma għandhomx in-natura ta’ prerogattivi assoluti iżda jistgħu jinkludu restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-miżura inkwistjoni u bil-kundizzjoni li, fid-dawl tal-għan segwit, dawn ir-restrizzjonijiet ma jikkostitwixxux intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-kontenut essenzjali stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Dokter et, C‑28/05, Ġabra p. I‑5431, punt 75).

34      Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża għandha tkun evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ ineżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑110/10 P, Ġabra p. I‑10439, punt 63), b’mod partikolari fid-dawl tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli legali li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza Il-Kummissjoni et vs Kadi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri huma obbligati, meta jieħdu miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jirrispettaw id-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-interessi tagħhom. F’sitwazzjoni, bħalma huwa l-każ hawnhekk, fejn la l-kundizzjonijiet li fihom għandu jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni irregolari u fejn lanqas il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ rispett ta’ dawn id-drittijiet ma jkunu stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, dawn il-kundizzjonijiet u dawn il-konsegwenzi għandhom jiġu ddeterminati mid-dritt nazzjonali, bil-kundizzjoni li l-miżuri adottati f’dan ir-rigward ikunu tal-istess natura bħal dawk li minnhom jibbenefikaw l-individwi f’sitwazzjonijiet komparabbli rregolati mid-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, Ġabra p. I‑10369, punt 38, kif ukoll tad-19 ta’ Mejju 2011, Iaia et, C‑452/09, Ġabra p. I‑4043, punt 16).

36      Għaldaqstant, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża ta’ dawn iċ-ċittadini skont l-istess modalitajiet bħal dawk magħżula sabiex jiġu rregolati s-sitwazzjonijiet interni, dawn il-modalitajiet għandhom ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ma għandhomx idgħajfu l-effettività tad-Direttiva 2008/115.

37      Huwa għalhekk fil-kuntest kemm tal-ġurisprudenza dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u kemm tas-sistema tad-Direttiva 2008/115 li l-Istati Membri, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom, għandhom, minn naħa, jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom għandu jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal smigħ taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni irregolari u, min-naħa l-oħra, jisiltu l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ rispett ta’ dan id-dritt.

38      Fid-dawl tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi osservat li, skont id-dritt tal-Unjoni, ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, jimplika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura seta’ kellha riżultat differenti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punt 31; tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑288/96, Ġabra p. I‑8237, punt 101; tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, C‑141/08 P, Ġabra p. I‑9147, punt 94, u tas-6 ta’ Settembru 2012, Storck vs UASI, C‑96/11 P, punt 80).

39      Minn dan isegwi li, minn naħa, mhux kull irregolarità fl-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża matul proċedura amministrattiva ta’ estensjoni tad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fid-dawl tat-tneħħija tiegħu tista’ tikkostitwixxi ksur ta’ dawn id-drittijiet. Min-naħa l-oħra, mhux kull ksur, b’mod partikolari, tad-dritt għal smigħ huwa għaldaqstant ta’ natura li jivvizzja sistematikament b’illegalità d-deċiżjoni meħuda, fis-sens tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115, u għalhekk ma jeħtieġx awtomatikament li jinħeles iċ-ċittadin ikkonċernat.

40      Fil-fatt, sabiex tiġi kkonstatata tali illegalità, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika, meta tqis li jkollha quddiemha irregolarità li tolqot id-dritt għal smigħ, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi tal-każ ineżami, il-proċedura amministrattiva inkwistjoni setax ikollha riżultat differenti li kieku ċ-ċittadini kkonċernati ta’ pajjiżi terzi kellhom l-opportunità jressqu elementi ta’ natura li jiġġustifikaw li titwaqqaf id-detenzjoni tagħhom.

41      Ikun hemm ir-riskju li tiġi ppreġudikata l-effettività ta’ din id-direttiva jekk ma jiġix irrikonoxxut li l-qorti nazzjonali għandha tali setgħa diskrezzjonali u jekk jiġi impost li kull ksur tad-dritt għal smigħ jimplika awtomatikament l-annullament tad-deċiżjoni ta’ estensjoni tad-detenzjoni u r-revoka tagħha, u dan anki meta tali irregolarità fil-verità seta’ ma kellha ebda impatt fuq din id-deċiżjoni ta’ estensjoni u meta d-detenzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi stabbiliti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115.

42      Fil-fatt, għandu jitfakkar li, minn naħa, skont il-premessa 2 tad-direttiva msemmija, l-għan tagħha huwa li tiġi implementata politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni bbażata fuq standards komuni, sabiex ir-ripatrijazzjoni tal-persuni kkonċernati ssir b’mod uman u b’rispett tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom. Bl-istess mod, skont il-premessa 13 tal-istess direttiva, l-użu ta’ miżuri koersivi għandu jkun suġġett espliċitament għall-osservanza mhux biss tal-prinċipju ta’ proporzjonalità iżda wkoll tal-prinċipju ta’ effettività fir-rigward tal-mezzi użati u tal-għanijiet segwiti.

43      Min-naħa l-oħra, it-tneħħija ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment hija prijorità għall-Istati Membri, inkonformità mas-sistema tad-Direttiva 2008/115 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, Ġabra p. I‑12695, punt 38).

44      Għaldaqstant, l-istħarriġ mill-qorti nazzjonali fir-rigward ta’ allegat ksur tad-dritt għal smigħ matul proċedura amministrattiva li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ estensjoni ta’ detenzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115 għandu jikkonsisti fil-verifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi għal kull każ ineżmi, ta’ jekk l-irregolaritajiet proċedurali kinux effettivament ċaħħdu lil dawk li jinvokawhom mill-possibbiltà li jiddefendu ruħhom b’mod aħjar sa punt tali li din il-proċedura amministrattiva setgħat twassal għal riżultat differenti.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) u (6) tad-Direttiva 2008/115, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-estensjoni ta’ miżura ta’ detenzjoni tkun ġiet deċiża fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva mingħajr ma jkun ġie rrispettat id-dritt għal smigħ, il-qorti nazzjonali li jkollha tevalwa l-legalità ta’ din id-deċiżjoni tista’ tordna r-revoka tal-miżura ta’ detenzjoni biss jekk tikkunsidra, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt u ta’ liġi ta’ kull każ ineżami, li dan il-ksur kien effettivament ċaħħad lil min invokah mill-possibbiltà li jiddefendi ruħu b’mod aħjar sa punt tali li din il-proċedura amministrattiva setgħat twassal għal riżultat differenti.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) u (6) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-estensjoni ta’ miżura ta’ detenzjoni tkun ġiet deċiża fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva mingħajr ma jkun ġie rrispettat id-dritt għal smigħ, il-qorti nazzjonali li jkollha tevalwa l-legalità ta’ din id-deċiżjoni tista’ tordna r-revoka tal-miżura ta’ detenzjoni biss jekk tikkunsidra, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt u ta’ liġi ta’ kull każ ineżami, li dan il-ksur kien effettivament ċaħħad lil min invokah mill-possibbiltà li jiddefendi ruħu b’mod aħjar sa punt tali li din il-proċedura amministrattiva setgħat twassal għal riżultat differenti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.