Language of document : ECLI:EU:T:2012:311





SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

tad-19 ta’ Ġunju 2012

Kawża T‑234/11 P

Oscar Orlando Arango Jaramillo et

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Appell — Servizz pubbliku — Persunal tal-BEI — Pensjonijiet — Kontribuzzjoni għall-iskema ta’ pensjonijiet — Ċaħda tar-rikors fl-ewwel istanza bħala inammissibbli — Terminu għall-preżentata ta’ rikors — Tardività — Terminu raġonevoli”

Suġġett:      Appell mid-Digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Frar 2011, Arango Jaramillo et vs BEI (F-34/10), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Oscar Orlando Arango Jaramillo u l-34 membru l-ieħor tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) li isimhom jidher fl-anness għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-BEI fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Rikors — Termini — Rekwiżit ta’ terminu raġonevoli

(Artikolu 270 TFUE)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Rikors — Termini — Rekwiżit ta’ terminu raġonevoli — Applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal — Preżentata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur — Rekwiżit mhux issodisfatt

(Artikolu 270 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

3.      Proċedura ġudizzjarja — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Dekadenza — Każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri — Kunċett

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 45(2))

1.      La t-Trattat FUE u lanqas ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew għall-Investiment, adottati mill-Bord tad-Diretturi tiegħu, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Intern tal-Bank, ma jinkludu indikazzjonijiet dwar it-terminu għall-preżentata ta’ rikors applikabbli għal kawżi bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu. Il-konċiljazzjoni bejn, minn naħa, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jeħtieġ li l-parti f’kawża jkollha terminu suffiċjenti biex tevalwa l-legalità tal-att li jikkawżalha preġudizzju u tħejji, jekk ikun il-każ, ir-rikors tagħha, u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali, li jeħtieġ li, wara l-iskadenza ta’ ċertu terminu, l-atti meħuda mill-istanzi tal-Unjoni jsiru definittivi, timponi li l-kawżi jitressqu quddiem il-qorti tal-Unjoni f’terminu raġonevoli.

(ara l-punt 22)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 23 ta’ Frar 2001, De Nicola vs BEI, T-7/98, T‑208/98 u T‑109/99, ĠabraSP p. I‑A‑49 u II‑185, punti 97 sa 99; 6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI, T‑192/99, Ġabra p. II‑813, punti 51 sa 53; 6 ta’ Diċembru 2002, D vs BEI, T‑275/02 R, ĠabraSP p. I‑A‑259 u II‑1295, punti 31 u 32

2.      Interpretazzjoni a contrario tal-ġurisprudenza hija aċċettata meta kull interpretazzjoni oħra tagħha la hija adegwata u lanqas kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni applikabbli. Hija biss applikazzjoni stretta tar-regoli ta’ proċedura li jiffissaw it-terminu ta’ dekadenza li tippermetti li jiġu ssodisfatti r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u l-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew kull trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Ġie deċiż, b’analoġija mat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, li terminu ta’ tliet xhur kellu, bħala regola ġenerali, jitqies li huwa raġonevoli għall-preżentata, minn membru tal-persunal tal-Bank Ewropew għall-Investiment, ta’ rikors għall-annullament ta’ att ta’ din tal-aħħar li jippreġudikah. Minn din l-aħħar ġurisprudenza jirriżulta a contrario li kull rikors ippreżentat minn membru tal-persunal tal-Bank wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur, miżjud għal darba b’terminu ta’ tul ta’ għaxart ijiem, għandu, bħala regola ġenerali, jitqies bħala li ġie ppreżentat f’terminu mhux raġonevoli.

(ara l-punt 27)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja, 9/56, Ġabra p. 9, punt 27; 22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross vs UASI, C‑426/10 P, Ġabra p. I‑8849, punti 43, 54 u 55

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Marzu 2000, Méndez Pinedo vs BĊE, T-33/99, ĠabraSP p. I‑A‑63 u II‑273, punti 33 u 34; De Nicola vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 107; D vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 51)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 12 ta’ Lulju 1984, Ferriera Valsabbia vs Il-Kummissjoni, 209/83, Ġabra p. 3089, punt 22; 15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il-Kummissjoni, C‑195/91 P, Ġabra p. I‑5619, punt 31; 18 ta’ Jannar 2005, Zuazaga Meabe vs UASI, C‑325/03 P, Ġabra p. I 403, punt 25; 8 ta’ Novembru 2007, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑242/07 P, Ġabra p. I‑9757, punt 17